Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0239

    Kawża T-239/11: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Mejju 2011 — Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 204, 9.7.2011, p. 26–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 204/26


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2011 — Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-239/11)

    2011/C 204/47

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Sigma Alimentos Exterior, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentant: M. Ferre Navarrete, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jiddikkjara li l-Artikolu 12(5) tat-test ikkodifikat dwar il-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (TRLIS) jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jiddikjara li l-Artikolu 12(5) tat-TRLIS jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat meta japplika għal akkwisti ta’ holding li jimplikaw teħid ta’ kontroll;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn japplika l-ordni ta’ rkupru għal tranżazzjonijiet imwettqa qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni finali msemmija f’dan ir-rikors;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti f’din il-kawża akkwistat holding f’kumpanniji stabbiliti fl-Istati Uniti u fil-Perù matul il-perijodu bejn l-2008 u l-2010, billi applikat l-amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju li jirriżulta mill-akkwist ta’ holding ta’ maġġoranza f’dawn il-kumpanniji, skont l-Artikolu 12(5) TRLIS.

    Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata C(2010) 9566 finali, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa ta’ avvjament finanzjarju għall-akkwist ta’ holding barrani Nru 45/07 (ex NN 51/2007, ex CP 9/2007). B’konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola bdiet proċeduri ta’ verifika sabiex tikkoreġi l-amortizzazzjoni li kienet saret mir-rikorrenti.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex il-miżura tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat:

    Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li r-raġuni prinċipali għalfejn is-sistema fiskali inkwistjoni f’dan il-każ ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat hija n-nuqqas ta’ natura selettiva tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni twettaq żball meta tikkunsidra li hemm selettività ta’ fatt abbażi ta’ sistema li tiffavorixxi l-akkwisti nazzjonali u l-ħtieġa ta’ holding tal-inqas ta’ 5 %. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tasal għal din il-konklużjoni għaliex ma tieħux inkunsiderazzjoni analiżi tat-tipoloġija u tal-istrutturi ta’ attività fejn joperaw l-impriżi li applikaw din is-sistema.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni

    Ir-rikorrenti tqis li l-motivazzjoni li tispjega għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma jeżistux ostakoli legali espliċiti għall-akkwist ta’ kumpanniji fl-Istati Uniti u fil-Perù hija f’kull rigward insuffiċjenti.


    Top