EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CA0104

Kawża C-104/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal- 21 ta’ Lulju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Ireland — l-Irlanda) — Patrick Kelly vs National University of Ireland (University College, Dublin) (Direttivi 76/207/KEE, 97/80/KE u 2002/73/KE — Aċċess għal taħriġ professjonali — Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa — Rifjut ta’ kandidatura — Aċċess minn kandidat għal taħriġ professjonali għal informazzjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra)

ĠU C 269, 10.9.2011, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/12


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Lulju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Ireland — l-Irlanda) — Patrick Kelly vs National University of Ireland (University College, Dublin)

(Kawża C-104/10) (1)

(Direttivi 76/207/KEE, 97/80/KE u 2002/73/KE - Aċċess għal taħriġ professjonali - Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa - Rifjut ta’ kandidatura - Aċċess minn kandidat għal taħriġ professjonali għal informazzjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra)

2011/C 269/19

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Patrick Kelly

Konvenuta: National University of Ireland (University College, Dublin)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Ireland — Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264), tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187) u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255) — Kandidat li ma kisibx post sabiex isegwi kors ta’ taħriġ professjonali u li jallega ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali — Talba għal aċċess għal informazzjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra.

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprovdix id-dritt għal kandidat għal taħriġ professjonali, li jqis li l-aċċess għal dan it-taħriġ ġie miċħud lilu minħabba l-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur tat-taħriġ imsemmi rigward il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, sabiex il-kandidat ikun jista’ jistabbilixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta”, skont l-imsemmija dispożizzjoni.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li rifjut għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenuta, fil-kuntest tal-istabbilment ta’ tali fatti, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan tad-Direttiva msemmija, u għalhekk li jċaħħad b’mod partikolari lill-Artikolu 4(1) tagħha mill-effet utli tiegħu. Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

(2)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jagħtux id-dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali li jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, jew minħabba l-fatt li dan il-kandidat iqis li ma kellux aċċess għall-imsemmi taħriġ skont l-istess kriterji bħall-kandidati l-oħra u li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, skont l-imsemmi Artikolu 4, jew minħabba li l-kandidat imsemmi jilmenta li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess skont l-imsemmi Artikolu 1(3) f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-imsemmi taħriġ professjonali.

(3)

Fil-każ fejn kandidat għat-taħriġ professjonali jista’ jinvoka d-Direttiva 97/80 sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għat-taħriġ inkwistjoni, dan id-dritt għall-aċċess jista’ jiġi affettwat mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kunfidenzjalità.

(4)

L-obbligu msemmi fl-Artikolu 267(3) TFUE ma huwiex differenti skont jekk Stat Membru għandux sistema legali kontradittorja jew inkwiżitorja.


(1)  ĠU C 134, 22.05.2010.


Top