Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE3593

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża” [COM(2017) 294 final]

    ĠU C 129, 11.4.2018, p. 51–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża”

    [COM(2017) 294 final]

    (2018/C 129/08)

    Relatur:

    Antonello PEZZINI

    Korelatur:

    Éric BRUNE

    Konsultazzjoni

    7.6.2017

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Korp kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-CCMI

    16.11.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    7.12.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    530

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    133/2/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja bis-sħiħ it-tnedija ta’ Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) bil-għan li tinħoloq sistema ta’ difiża komuni integrata u interoperattiva, li hija urġenti ħafna minħabba x-xenarju ġeopolitiku attwali, li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-industrija tad-difiża (1) tal-Ewropa u jiżviluppa bażi komuni industrijali u teknoloġika soda.

    1.2.

    Il-KESE jqis essenzjali li jiġi adottat approċċ ġdid li jikkunsidra l-qafas ta’ Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (KSP\PESCO) bħala l-istrument ewlieni tat-Trattat ta’ Lisbona, u li jista’ jaġixxi bħala inkubatur politiku, fejn tinbena Ewropa tad-difiża, biex jingħataw preferenza d-disponibbiltà u l-impenji tal-Istati Membri, skont l-Artikoli 42(6) u 46 tat-TUE u l-Protokoll 10 tat-Trattat.

    1.3.

    Skont il-Kumitat, KSP\PESCO (2)“inklużiva u ambizzjuża” biss, li tkun kapaċi tistabbilixxi lista ta’ kriterji u impenji vinkolanti, tista’ toħloq proċess li jwassal għal kapaċità awtonoma ta’ ġestjoni billi tingħeleb il-frammentazzjoni tad-domanda u l-provvista u l-ħolqien progressiv ta’ suq Ewropew trasparenti u miftuħ.

    1.4.

    Il-KESE jemmen li r-Regolament EDIDP għandu jkun imfassal skont viżjoni strateġika industrijali komuni, li twassal għal integrazzjoni effettiva tal-produtturi u l-utenti Ewropej, b’mill-anqas 3 Stati Membri, fil-proġetti ffinanzjati u fix-xiri ta’ prodotti u servizzi.

    1.5.

    Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa għal djalogu strutturat fil-livell Ewropew, f’sinerġija u koordinazzjoni man-NATO (3), u Kunsill tal-Ministri tad-Difiża li jista’ jipprovdi gwida politika dejjiema u forum għall-konsultazzjoni u l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tabilħaqq Ewropej.

    1.6.

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tiġi żgurata governanza tal-EDIDP li tista’ tiddefinixxi objettivi komuni u konkreti permezz ta’:

    kumitat konsultattiv ta’ esperti industrijali li għandu jiddefinixxi l-prijoritajiet għall-programm ta’ ħidma tiegħu, u kumitat ta’ tmexxija li jinkludi l-Istati Membri.

    1.7.

    Ir-regolament għandu jiżgura:

    bilanċ ġeografiku adegwat bejn il-pajjiżi Ewropej;

    sehem sinifikanti ta’ kumpaniji żgħar;

    li tingħeleb il-prekarjetà tal-ħaddiema tal-EDTIB sabiex tiġi kkonfermata l-validità tal-finanzjament tal-UE;

    il-konformità mal-istandards soċjali u ambjentali, b’mod partikolari f’termini ta’ ekodisinn u s-sigurtà tal-impjiegi (4), sabiex jiġu żgurati l-kapaċitajiet tal-industrija, u

    opportunitajiet trasparenti, għall-impriżi kollha tal-UE, irrispettivament mill-post tal-attività u d-daqs tagħhom, li jipparteċipaw fil-programm EDIPD.

    1.8.

    Il-KESE jaqbel dwar il-fatt li l-interventi EDIDP għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll ta’ prototipi.

    1.9.

    Il-KESE jemmen li biex jinħoloq qafas ta’ difiża Ewropea komuni, għandha tiġi żviluppata kultura Ewropea mifruxa ta’ difiża u ta’ sigurtà li tagħti liċ-ċittadinanza Ewropea sens komplut.

    2.   Introduzzjoni

    Storikament, it-tentattivi biex tinħoloq difiża Ewropea komuni kienu tema konsistenti – anke jekk estremament delikata – matul l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea.

    2.1.

    L-ewwel tentattiv kien it-tnedija tal-Komunità Ewropea tad-Difiża (EDC) fl-1954, li falla fit-30 ta’ Awwissu 1954. It-tieni kien it-tnedija tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni fl-2000, segwit mill-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA) fl-2004. Wara dan kien hemm it-tfassil tal-Istrateġija Globali tal-UE (EUGS) (5), u t-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża (EDAP) sad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO (6) tal-2016.

    2.2.

    L-iżvilupp tas-settur industrijali tad-difiża, minbarra li jkollu vantaġġi sinifikanti għall-ekonomija Ewropea, jista’, jekk jiġi ġestit b’viżjoni fit-tul, ikun il-bażi għal viżjoni usa’ u aktar xierqa mmirata lejn il-ħolqien ta’ difiża verament Ewropea.

    2.3.

    It-tegħlib bil-mod iżda meħtieġ tal-viżjoni tad-difiża nazzjonali, li, fost affarijiet oħrajn, tikkuntrasta mal-preżenza ta’ aggregazzjonijiet politiċi militari qawwija fid-dinja, u li wriet il-fraġilità u d-dgħufija politika Ewropea fl-avvenimenti dinjija ewlenin, jista’ jiġi ispirat mill-inizjattiva tal-Parlament u tal-Kunsill. Permezz tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni, din l-inizjattiva tista’ tippromovi l-industrija u s-suq tad-difiża Ewropew

    2.3.1.

    Is-settur Ewropew tal-industriji tad-difiża – mifhum bħala l-industrija kollha li tiżviluppa, tipproduċi u tipprovdi oġġetti u servizzi lill-forzi armati, lill-pulizija u lis-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE – għandu karatteristiċi distintivi f’diversi aspetti: il-bidliet teknoloġiċi qed ibiddlu b’mod radikali n-natura u l-fiżjonomija tad-difiża u tas-sigurtà b’impatt qawwi fuq l-industrija Ewropea, l-ewwelnett bl-użu tal-“big data” bħalma huma l-vetturi u t-tagħmir bla ekwipaġġ, u l-intelliġenza artifiċjali.

    2.3.2.

    Mill-perspettiva tal-ekonomija Ewropea: b’fatturat ta’ EUR 100 biljun fis-sena u b’1,4 miljun impjegat b’ħiliet ta’ livell għoli (7), hija industrija Ewropea ewlenija, b’impatti qawwija fuq setturi oħrajn bħall-elettronika, l-avjazzjoni, it-tarzni, l-ispazju jew it-tessuti tekniċi.

    2.3.3.

    Mill-perspettiva teknoloġika: b’ħidma kontinwa fl-avangwardja tal-innovazzjoni teknoloġika, l-Ewropa ssaħħaħ il-kompetittività tagħha għaliex jinħolqu spin-offs ta’ livell eċċellenti li jridu jiġu appoġġjati sabiex jiġu integrati teknoloġiji ċivili f’sistemi kumplessi li jadattaw għal speċifiċitajiet difensivi individwali.

    2.3.4.

    Mill-perspettiva tas-suq intern: is-suq tad-difiża huwa tradizzjonalment eskluż mill-proċess tat-twaqqif tas-suq uniku Ewropew u ż-żamma ta’ 27 suq, mifrudin minn programmi nazzjonali, ippreveniet l-isfruttament ta’ ekonomiji ta’ skala fil-produzzjoni (8).

    2.3.5.

    Mill-perspettiva tad-domanda: is-settur tal-industrija tad-difiża jiddependi prinċipalment fuq id-domanda ta’ stati individwali u fuq il-baġits nazzjonali tagħhom. Fl-aħħar għaxar snin, il-baġits tad-difiża fl-UE naqsu b’madwar EUR 2 biljun fis-sena u l-Istati Membri tal-UE27 jinvestu medja ta’ 1,32 % tal-PDG fuq id-difiża.

    2.3.6.

    Minn perspettiva strateġika: jekk l-Ewropa għandha tiżgura livelli adegwati ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u l-kumpaniji tagħha, tissalvagwardja l-integrità territorjali tal-fruntieri tagħha u tassumi r-responsabbiltà fid-dinja, għandha tiżgura kapaċitajiet ta’ difiża kredibbli, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta’ awtonomija strateġika u żvilupp teknoloġiku u industrijali, b’bażi Ewropea komuni.

    2.4.

    Is-sitwazzjoni attwali tissogra wkoll li tfixkel il-kapaċità tal-Ewropa li tħabbat wiċċha mal-isfidi ġodda ta’ sigurtà, minħabba li l-apparat qed isir dejjem aktar skadut u minħabba l-ispejjeż tat-tagħmir li dejjem qed jiżdiedu (9).

    2.4.1.

    Illum, l-investiment fid-difiża taż-żona Ewropea kollha kemm hi jirrappreżenta anqas minn nofs dak li jonfqu l-Istati Uniti.

    2.5.

    Filwaqt li l-industrija tad-difiża Ewropea setgħet tpatti, għall-anqas parzjalment, għat-tnaqqis fl-ordnijiet interni minħabba l-esportazzjoni u billi qed jiġu gglobalizzati l-produzzjoni u l-bejgħ, il-frammentazzjoni tal-politika tad-difiża wasslet għal ineffiċjenzi u dgħufijiet li huma dejjem aktar viżibbli f’termini ta’:

    telf fl-ekonomiji ta’ skala,

    żidiet konsistenti fl-ispejjeż għal kull unità ta’ prodott,

    nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn kumpaniji fil-pajjiżi ta’ produzzjoni,

    standards tekniċi regolatorji differenti,

    rati ta’ innovazzjoni aktar baxxi,

    diskrepanzi li dejjem jikbru fil-konfront ta’ kumpaniji ewlenin li mhumiex fl-UE,

    livelli għoljin ta’ dipendenza fuq fornituri barranin.

    2.6.

    Din is-sitwazzjoni tissogra wkoll li tfixkel il-kapaċità tal-Ewropa li tlaħħaq mal-isfidi l-ġodda minħabba l-impenji ta’ nfiq li huma relattivament baxxi kif ukoll minħabba l-livelli baxxi ta’ koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali.

    2.6.1.

    Barra minn hekk, 80 % tal-kuntratti tad-difiża jibqgħu purament nazzjonali, bi spejjeż doppji ovvji.

    2.7.

    Il-forzi armati tal-pajjiżi Ewropej kisbu grad għoli ta’ integrazzjoni minn perspettiva operattiva u għandhom esperjenza twila ta’ kooperazzjoni, iżda jibqgħu kompletament separati f’27 struttura b’sistemi ta’ appoġġ strettament nazzjonali, għalkemm qegħdin jirrikorru aktar ta’ spiss għal inizjattivi ta’ diversi tipi, li jaqgħu taħt l-umbrella tal-akkomunament u kondiviżjoni (10).

    2.8.

    B’għadd ta’ dokumenti tal-Istrateġija Globali EUGS ġew stabbiliti ħames objettivi speċifiċi li huma partikolarment importanti għad-difiża Ewropea:

    1.

    li jkun hemm kapaċitajiet militari ta’ spettru sħiħ fuq l-art, fl-arja, fl-ispazju u fuq il-baħar;

    2.

    li jiġu żgurati l-mezzi teknoloġiċi u industrijali biex jiġu akkwistati u miżmuma l-kapaċitajiet militari meħtieġa għal aġir b’mod awtonomu;

    3.

    li jsir investiment f’inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS);

    4.

    li jsiru investimenti fil-komunikazzjonijiet bis-satellita, fl-aċċess awtonomu għall-ispazju, fl-osservazzjoni permanenti tad-Dinja;

    5.

    li l-Istati Membri jingħataw u jiġu assistiti bil-kapaċità li jiddefendu lilhom infushom kontra t-theddid ċibernetiku.

    2.9.

    Il-Pakkett ta’ inizjattivi li jinkludi l-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża u l-proposta għall-ħolqien ta’ Fond Ewropew għad-Difiża biex jappoġġja l-investimenti konġunti fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-materjali jimmira li jibda proċess immirat lejn ir-riforma tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà fis-sens li:

    tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jinħolqu programmi ta’ kooperazzjoni ġodda;

    jitnaqqsu l-ostakli bejn is-swieq nazzjonali;

    tingħata għajnuna lill-industrija tad-difiża Ewropea biex issir aktar kompetittiva;

    jiġu promossi s-sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u dik militari;

    jiġu identifikati oqsma bħall-enerġija, l-ispazju u t-teknoloġiji b’użu doppju sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa.

    2.9.1.

    Biex jiġu indirizzati sfidi globali fis-settur, jeħtieġ li jiġi żviluppat il-potenzjal tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, sabiex jiġu identifikati oqsma ta’ azzjoni komuni li għandhom jitressqu lill-Istati Membri għal deċiżjoni.

    2.10.

    Il-Kunsill Ewropew fil-15 ta’ Diċembru 2016 ħareġ stedina biex jiġu ppreżentati “proposti fl-ewwel semestru tal-2017 għall-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża inkluż opportunità ta’ żvilupp konġunt ta’ kapaċitajiet komunement miftiehma mill-Istati Membri” (11). Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2017, f’Kunsill konġunt għall-Affarijiet Barranin u d-Difiża, talab li tiġi stabbilita Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) u struttura ġdida li ttejjeb il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi aktar malajr, u b’mod effettiv u omoġenju.

    2.11.

    Il-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2017 qabel “dwar il-ħtieġa li titnieda kooperazzjoni strutturata permanenti KPS/PESCO inklużiva u ambizzjuża” b’lista komuni ta’ kriterji u impenji vinkolanti f’konformità sħiħa mal-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46 tat-TUE u l-Protokoll 10 tat-Trattat, konsistenti mal-ippjanar tad-difiża nazzjonali u l-impenji tiegħu miftiehma man-NATO u n-NU mill-Istati Membri kkonċernati (12).

    2.12.

    Min-naħa tiegħu, il-Parlament kompla jfittex kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri tal-UE fid-difiża kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat ta’ Lisbona dwar is-sigurtà u d-difiża. F’Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (13), il-Parlament Ewropew ħeġġeġ “lill-Kunsill Ewropew imexxi t-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni tal-Unjoni” u biex jingħataw riżorsi finanzjarji addizzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha.

    2.12.1.

    Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej ikollhom kapaċitajiet militari kredibbli u ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom waqt li jiffokaw fuq il-kollaborazzjoni u tenna t-talba tiegħu biex ir-rekwiżiti militari jiġu kkoordinati sistematikament fi proċess armonizzat ta’ ppjanar, ikkoordinat mal-proċess ta’ ppjanar tad-difiża tan-NATO (14).

    2.13.

    Min-naħa tiegħu, u f’diversi okkażjonijiet, il-Kumitat ikkummenta dwar il-politika tad-difiża (15) fejn talab “li jsir pass kwalitattiv importanti fil-kooperazzjoni tad-difiża Ewropea”, fir-rigward ta’ “frammentazzjoni eċċessiva tas-suq u tal-industrija tad-difiża” (16).

    3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea

    3.1.

    Il-KE tipproponi li twaqqaf programm Ewropew għall-iżvilupp tal-industrija tad-difiża b’allokazzjoni ta’ EUR 500 miljun għal perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-għanijiet tiegħu huma:

    it-tisħiħ tal-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-UE bl-appoġġ ta’ azzjonijiet fil-fażi tal-iżvilupp tagħhom u l-promozzjoni ta’ kull forma ta’ innovazzjoni;

    l-ottimizzazzjoni tal-kooperazzjoni fin-negozju fir-rigward tal-iżvilupp tal-prodotti u t-teknoloġiji;

    l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) speċjalment fl-iżvilupp tar-riżultati tar-riċerka; u

    it-titjib fil-kollaborazzjoni bejn in-negozji biex jitnaqqsu id-duplikazzjoni u t-tixrid u jiġu ġġenerati ekonomiji ta’ skala.

    3.2.

    Il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni jieħu l-forma ta’ sussidji, strumenti finanzjarji jew kuntratti pubbliċi biex isostnu d-disinn, id-definizzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, il-prototipi u l-ittestjar, il-kwalifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti u komponenti u tat-teknoloġiji.

    3.3.

    Il-kriterji ta’ eliġibbiltà proposti huma: proposti għall-kooperazzjoni ta’ mill-anqas 3 kumpaniji minn 2 Stati Membri differenti; ir-rati ta’ finanzjament huma limitati għal 20 % tal-ispiża totali tal-azzjoni, fil-każ ta’ prototipi, filwaqt li fil-każijiet l-oħrajn kollha jistgħu jiġu ffinanzjati l-ispejjeż totali.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi immirati biex jindirizzaw l-isfidi ta’ għada u biex tiġi protetta s-sigurtà – inkluża ċ-ċibersigurtà – taċ-ċittadini, u b’hekk tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa, permezz tal-iżvilupp ta’ bażi industrijali u teknoloġika komuni solida.

    4.2.

    Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ it-tnedija ta’ Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża b’abbozz ta’ regolament bħala l-ewwel pass, li għandu jiġi perfezzjonat u msaħħaħ, fir-rigward tal-fondi allokati issa, bil-għan li tinħoloq, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, sistema ta’ difiża komuni, li hija ferm urġenti, minħabba x-xenarju ġeopolitiku attwali.

    4.3.

    Skont il-KESE, wasal iż-żmien għall-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew għad-difiża tal-UE-27 li jkun effettiv, sħiħ, effikaċi u kompetittiv, u li jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

    aktar miftuħ u mingħajr segmentazzjonijiet anke f’termini ta’ standards, speċifikazzjonijiet tekniċi u ċertifikazzjonijiet tal-KE;

    aċċess aħjar għall-materja prima;

    appoġġ speċifiku għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

    aċċess aktar faċli għall-finanzi, għall-informazzjoni u għas-swieq l-oħra;

    speċjalizzazzjoni b’saħħitha tar-rwoli;

    użu effiċjenti tal-infrastrutturi tal-enerġija u tal-ispazju;

    protezzjoni aħjar tal-fruntieri u sigurtà marittima indispensabbli;

    previżjoni, għal viżjoni komuni kondiviża madwar l-UE kollha;

    żvilupp sostenibbli u soċjalment aċċettabbli kontra l-impjieg prekarju; u

    kummerċ aktar faċli bejn is-setturi ta’ prodott fi ħdan l-UE permezz tas-semplifikazzjoni ta’ importazzjonijiet temporanji bejn l-impriżi għal operaturi OEA (17).

    4.3.1.

    Il-KESE huwa konvint li hija biss il-ġlieda kontra l-prekarjetà tal-ħaddiema ta’ bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea li tista’ tassigura l-akkwist ta’ ħiliet min-naħa tal-kumpaniji u li tippermetti li jintlaħqu l-objettivi li huma l-għan tal-programm EDIDP.

    4.4.

    Il-Kumitat jemmen li l-allokazzjoni finanzjarja tal-programm EDIDP hija limitata ħafna, u għandha tkun tista’ tirċievi wkoll appoġġ mill-FEIS “sabiex isir l-aħjar impatt possibbli fuq l-impjiegi, inklużi teknoloġiji b’użu doppju relatati mal-industriji tas-sigurtà u d-difiża li jappoġġjaw il-varar ta’ bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) unika b’saħħitha u definita b’mod aktar ċar” (18).

    4.5.

    Il-KESE jikkunsidra wkoll li mhumiex biżżejjed il-kriterji ta’ eliġibbiltà biex tiġi żgurata dimensjoni Ewropea effettiva tal-bażi teknoloġika u industrijali tal-azzjonijiet: għandhom jiġu pprovduti mill-anqas tliet kumpaniji indipendenti minn tal-anqas tliet Stati Membri differenti, minbarra gruppi ta’ utenti, iffurmati minn intrapriżi żgħar.

    4.5.1.

    Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn il-pajjiżi differenti Ewropej, kif ukoll sehem sinifikanti ta’ parteċipazzjoni minn intrapriżi żgħar.

    4.6.

    Il-KESE jittama li l-finanzjament Ewropew jiżgura li l-attivitajiet ta’ żvilupp jibbenefikaw b’mod prijoritarju lin-negozji Ewropej.

    4.7.

    Il-KESE jittama wkoll li r-regoli dwar l-esportazzjoni ta’ armi ta’ difiża jiġu armonizzati f’livell Ewropew, pereżempju abbażi tar-regoli tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) iffirmat u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, bil-għan li tiġi eliminata l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji Ewropej li tista’ tikkomplika l-aċċess għas-suq tal-esportazzjoni.

    4.8.

    F’dak li għandu x’jaqsam mat-tipi ta’ azzjoni, il-KESE jidhirlu li huwa essenzjali li wieħed jiġġieled kontra l-prekarjetà tal-impjiegi tal-ħaddiema tal-industrija Ewropea tad-difiża. L-għan tal-finanzjament tal-UE huwa li tittejjeb il-kompetenza tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża. Il-kompetenza tal-industrija, filwaqt li hija dipendenti fuq il-ħaddiema, jeħtieġ li tkun kollaborazzjoni sostenibbli u sikura bejn il-ħaddiema u l-kumpaniji li jimpjegawhom.

    4.9.

    Bl-istess mod, skont il-KESE, fir-rigward tal-kriterji tal-għażla tal-proġetti, għandhom jiġu inklużi bħala kwalifikanti dawn li ġejjin:

    l-impatt mistenni f’termini ta’ żieda fil-kwantità u l-kwalità tal-ħiliet tal-ħaddiema;

    il-preżenza kwalifikanti addizzjonali tal-SMEs; u

    il-konformità mal-istandards soċjali u ambjentali (19).

    4.9.1.

    Skont il-KESE trid tkun prevista kwota (per eżempju 10 %) tas-sejħiet iddedikati għal proġetti żgħar, li huma miftuħin il-ħin kollu u mmirati lejn kumpaniji żgħar, li jippermetti parteċipazzjoni fil-programm iktar bilanċjata tal-partijiet kollha attivi fl-iżvilupp teknoloġiku u innovattiv ta’ prodotti u servizzi fis-settur tad-difiża.

    4.10.

    Il-KESE jħoss li huwa essenzjali li s-setgħat implimentattivi tal-Kummissjoni jiġu appoġġjati minn governanza tal-EDIDP li tista’ tiddefinixxi objettivi komuni u konkreti permezz ta’:

    kumitat konsultattiv ta’ esperti industrijali tal-Istati Membri sabiex jipproponu temi ta’ prijorità,

    kumitat ta’ ġestjoni tal-programm, b’rappreżentanti tal-Istati Membri, biex ikun hemm bilanċ ġeopolitiku fl-Unjoni kollha kemm hi.

    5.   Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

    5.1.

    jiġi enfasizzat ir-rwol fundamentali tad-difiża Ewropea fil-ħarsien tal-interessi Ewropej f’termini ta’ sigurtà, u tal-impenji internazzjonali li ttieħdu, għad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

    5.2.

    jiġu enfasizzati l-kapaċitajiet u l-professjonaliżmu tal-armati tad-difiża, tradizzjonalment meqjusa bħala promoturi tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll għall-irkupru intraprenditorjali u ekonomiku tas-sistema ta’ produzzjoni Ewropea;

    5.3.

    jiġi kkonsolidat is-sens ta’ identità u appartenenza fl-Unjoni Ewropea permezz tal-kondiviżjoni tal-istess qafas ta’ valuri fost iċ-ċittadini ta’ pajjiżi differenti;

    5.4.

    jissaħħu l-għarfien, il-kuxjenza u l-appoġġ taċ-ċittadini Ewropej fl-organizzazzjoni militari u fl-attivitajiet istituzzjonali tad-difiża;

    5.5.

    jissaħħu l-għarfien, il-kuxjenza u l-appoġġ taċ-ċittadini fl-attivitajiet tal-iżvilupp teknoloġiku tal-istrumenti ta’ difiża, li għandhom impatt dirett fuq is-soċjetà ċivili u fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;

    5.6.

    tiġi żviluppata d-dimensjoni tal-komunikazzjoni tal-approċċ il-ġdid, sabiex ikun hemm persunal aktar preparat u kwalifikat fil-qasam tal-komunikazzjoni Ewropea. L-attivitajiet se jkunu bbażati fuq il-prinċipju gwida ta’ “kwalifikazzjoni u koordinazzjoni”, żviluppat skont l-approċċ ta’ koordinazzjoni Ewropea, b’konformità man-NATO.

    5.7.

    Iċ-ċibersigurtà u d-difiża ċibernetika, oqsma li fihom id-Difiża hija attur ta’ referenza Ewropea, marbut mal-ħolqien tal-ispazju ċibernetiku bħala dominju ġdid ħdejn dawk tradizzjonali militari.

    Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 62.

    (2)  Ara Kunsill Ewropew 22-23 ta’ Ġunju 2017.

    (3)  Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta’ Lulju 2016.

    (4)  ISO 14000 u ISO 18000, ISO 14006 u ISO 45001, ISO 14006.

    (5)  L-Unjoni Ewropea, “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni”, Ġunju 2016 –

    https://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/eugs_review_web.pdf.

    (6)  Dikjarazzjoni konġunta, Varsavja, 8 ta’ Lulju 2016, http://www.nato.int/cps/en/natohq/official_texts_133163.htm.

    (7)  Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industriji Ajruspazjali u tad-Difiża, 2017.

    (8)  SWD(2017) 228 final, punt 2.2.

    (9)  Ara punt 9.

    (10)  Ara, pereżempju, il-programmi Eurofighter Typhoon u l-A400M.

    (11)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, 15 ta’ Novembru 2016.

    (12)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

    (13)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2016-0435+0+DOC+XML+V0//MT

    (14)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0456+0+DOC+XML+V0//MT

    (15)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 62; ĠU C 67, 6.3.2014, p. 125; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 17; ĠU C 100, 30.4.2009, p. 114; ĠU C 100, 30.4.2009, p. 109.

    (16)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 62.

    (17)  OEA – Operatur Ekonomiku Awtorizzat bi standards li jiżguraw is-sigurtà tal-katina tal-provvista internazzjonali.

    (18)  FEIS: Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – ara l-Opinjoni ĠU C 75, 10.3.2017, p. 57.

    (19)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.


    Top