This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017AE3128
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions Initiative for the sustainable development of the blue economy in the western Mediterranean’ (COM(2017) 183)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent” [COM(2017) 183]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent” [COM(2017) 183]
ĠU C 129, 11.4.2018, p. 82–89
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 129/82 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent”
[COM(2017) 183]
(2018/C 129/14)
Relatur: |
Dimitris DIMITRIADIS |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni, 31.5.2017 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
REX |
Adottata fis-sezzjoni |
7.11.2017 |
Adottata fil-plenarja |
6.12.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
530 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
159/1/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
L-evoluzzjoni sostenibbli b’mod soċjali u ambjentali tal-baċiri tal-baħar u ż-żoni kostali, li tagħmel tajjeb għad-disparitajiet eżistenti u tiżgura l-konservazzjoni tad-diversità kulturali u l-bijodiversità, hija ta’ importanza enormi. Barra minn hekk, hija waħda mill-oqsma l-aktar privileġġjati għall-istabbiliment ta’ skemi għal kooperazzjoni transnazzjonali, fl-UE u barra mill-UE. F’dak is-sens, il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ l-inizjattiva speċifika għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent u jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkonkludu ċ-ċiklu ta’ konsultazzjoni u jistabbilixxu t-Task Force rilevanti. |
1.2 |
Il-KESE jikkunsidra li s-suċċess ta’ din l-inizjattiva jirrikjedi komunikazzjoni tajba u klima ta’ kooperazzjoni xierqa bejn l-Istati involuti fiha u, it-tieni, l-istituzzjonijiet Ewropej. L-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) hija mistiedna li jkollha rwol importanti fil-konnessjoni b’mod effiċjenti tal-partijiet kollha involuti. |
1.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-inizjattiva tiġi estiża b’dawn it-tliet modi: |
1.3.1 |
Minbarra l-oqsma ta’ azzjoni magħżula fl-inizjattiva speċifika – (1) spazju marittimu aktar sikur, (2) ekonomija blu intelliġenti u reżiljenti u l-fokus fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni, (3) governanza aħjar tal-baħar – il-KESE jissuġġerixxi twessigħ tematiku ulterjuri tal-inizjattiva fil-bijodiversità u l-konservazzjoni u l-komunikazzjoni interkulturali, kif ukoll strateġija aktar konkreta għall-appoġġ ta’ attivitajiet produttivi żgħar u żgħar ħafna (bħala skala). |
1.3.2 |
Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li tkun ta’ importanza kbira li tiġi inkluża l-evoluzzjoni progressiva ta’ sistemi ta’ edukazzjoni vokazzjonali u akkademiċi u l-kooperazzjoni transnazzjonali bejniethom bħala qasam orizzontali ta’ intervent, filwaqt li tissaħħaħ l-effikaċja tal-oqsma l-oħra tal-ekonomija blu. F’dak is-sens, għandu jiġi adottat l-approċċ tal-istrateġija makroreġjonali. |
1.3.3 |
Is-sikurezza marittima (trasport), kwistjonijiet ta’ sigurtà, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-konservazzjoni kulturali u ambjentali mhux se jiġu mmaniġġjati b’mod effiċjenti għal perjodu fit-tul jekk ma nikkunsidrawx il-fatt li l-Mediterran huwa unità storika, ekonomika u ambjentali (1). Għalhekk, għalkemm it-tensjonijiet ġeopolitiċi qawwija u l-iggravar tal-kunflitti fil-parti tal-Lvant tal-baċir tal-baħar jispjegaw għaliex l-inizjattiva qed tinbeda fil-Baħar Mediterran tal-Punent, din għandha tiġi mifhuma bħala applikazzjoni pilota li tista’ tipprovdi esperjenzi utli u l-aħjar prattiki, li għandha tiġi estiża f’approċċ Mediterran olistiku (ara wkoll il-punti 3.3, 3.4 u 3.5). |
1.4 |
Il-KESE jantiċipa li s-suċċess tal-inizjattiva se jirrikjedi grad għoli ta’ koordinazzjoni transnazzjonali u trażversali. Il-politiki u l-programmi għall-Mediterran implimentati tul dawn l-aħħar għoxrin sena kellhom riżultati ħżiena u ħallew ammonti enormi ta’ fondi mingħajr ma ntużaw, minħabba l-attitudnijiet differenti u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE, u minħabba li f’xi każijiet, il-burokrazija, moħbija wara l-iskuża tat-trasparenza, ħolqot ostakoli eċċessivi għall-użu ta’ fondi eżistenti. Dan jimplika l-ħtieġa għal sottoproġett ta’ assistenza teknika li jkopri l-kwistjonijiet li ġejjin: |
1.4.1 |
Analiżi komparattiva bir-reqqa li tidentifika l-oqsma dduplikati fl-għadd kbir ta’ inizjattivi eżistenti b’fokus simili (jekk mhux identiku) (ara l-punti 3.9 u 3.10), sabiex jiġu ffrankati r-riżorsi u msaħħa l-eżiti finali. Il-KESE jenfasizza r-riskju li l-implimentazzjoni tal-inizjattiva ddum biex tibda jew anke kkanċellata, jekk ma jkun hemm l-ebda definizzjoni ċara tal-għanijiet fil-perjodu medju u fit-tul u/jew l-ebda definizzjoni speċifika tal-kompetenzi tal-korpi u l-istituzzjonijiet parteċipatorji. |
1.4.2 |
Pjan regolatorju operazzjonali, li jiddefinixxi l-kompetenzi tat-Task Force għall-ekonomija blu, l-istrumenti organizzazzjonali/amministrattivi speċifiċi, rwoli distinti għall-istituzzjonijiet reġjonali, nazzjonali u internazzjonali involuti, flimkien ma’ skeda ta’ żmien speċifikata sew (ara wkoll il-punti 4.5 u 4.6). Minħabba li l-istituzzjonijiet ta’ riċerka jkollhom rwol sinifikanti, l-awtur(i) ta’ dan il-pjan regolatorju għandu jikkunsidra wkoll l-eteroġeneità reġjonali fir-rigward tal-eżistenza ta’ settur tar-R&Ż esperjenzat sew u kompetenti, kif ukoll kwalunkwe eżempju eżistenti ta’ kollaborazzjoni R&Ż b’suċċess miż-żewġt ixtut tal-Mediterran. |
1.4.3 |
L-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni estensiva biżżejjed li tippubbliċizza l-kontenut tal-Inizjattiva għall-ekonomija blu u l-opportunitajiet u l-prospetti riżultanti, sabiex (i) jiġu rreġistrati l-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha li jistgħu jiġu inklużi u/jew affettwati, b’mod speċjali fil-livell reġjonali u lokali, u (ii) tiġi ċċirkolata fosthom l-informazzjoni rilevanti. |
1.5 |
Bħala segwitu mir-rakkomandazzjonijiet ġenerali msemmija hawn fuq, il-konklużjonijiet dettaljati u l-proposti rilevanti huma kif ġej: |
1.5.1 |
Il-KESE jaqbel li, sabiex jirnexxi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, jinħtieġ netwerking aktar effettiv tal-awtoritajiet tal-fruntiera tal-art u tal-baħar fuq iż-żewġt ixtut, kif ukoll l-iskambju sistematiku u l-analiżi tad-data, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Frontex u istituzzjonijiet globali, transnazzjonali oħra bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). |
1.5.2 |
Madankollu, minħabba n-netwerking tal-awtoritajiet tal-fruntieri fuq l-art u tal-baħar, il-KESE jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari għar-regoli ta’ “governanza tajba”, u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati bir-reqqa d-drittijiet tal-bniedem, kemm dawk individwali kif ukoll dawk kollettivi (ara wkoll il-punt 4.1). |
1.5.3 |
Sabiex ikunu effiċjenti l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni tal-kosta, għandu jiġi adottat l-approċċ tal-ispiral kwadruplu, fil-livell transnazzjonali u b’mod speċjali dak reġjonali/lokali. L-involviment imsaħħaħ tal-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet u reġjuni), kif ukoll l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-oqsma tal-attività rispettivi tagħhom, huwa meħtieġ. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistieden partijiet ikkonċernati lokali mis-settur pubbliku u privat għall-konsultazzjoni dwar il-Komunikazzjoni u dwar l-oqsma ta’ azzjoni speċifiċi – is-sigurtà tat-trasport, is-sajd, it-turiżmu u l-enerġija, il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali (ara wkoll il-punti 4.2.1 u 4.3). |
1.5.4 |
“Tkabbir Blu” (2) huwa waħda mill-istrateġiji ewlenin fit-tul għall-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, is-sajd, u l-akkwakultura, it-turiżmu (eko) kostali, loġistika marittima (ta’ sinifikat miżjud għall-Mediterran minħabba żviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi attwali), il-bijoteknoloġija marina, l-enerġija tal-oċean u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar jipprovdu opportunitajiet intraprenditorjali multidimensjonali. |
1.5.5 |
Intrapriżi żgħar u żgħar ħafna, negozji mid-dar u negozji tal-familja bi strutturi organizzazzjonali tradizzjonali, skemi u attivitajiet operattivi huma s-sinsla ta’ ekonomiji lokali fuq iż-żewġt ixtut tal-baċir tal-Mediterran. F’dak is-sens, l-iskemi ta’ netwerking u kooperattivi għal produtturi żgħar u mikroprodutturi jistgħu jtejbu wkoll ir-reżiljenza u l-kompetittività fl-ispiża billi fl-istess ħin jippreservaw id-differenzjazzjoni meħtieġa ferm tal-oġġetti u s-servizzi li jipprovdu. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li, minbarra intraprenditorija innovattiva u teknoloġikament avvanzata, huwa tal-inqas ugwalment importanti li jiġu promossi programmi speċifiċi u aġġustati sew għal attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali wkoll, filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet lokali (ara l-punti 3.6, 3.7, 4.2.2, 4.2.3 u 4.2.4), |
1.5.6 |
Minħabba li l-faqar u l-qgħad fost iż-żgħażagħ jistgħu jiddeterjoraw fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, l-iżgurar ta’ tqabbil aħjar fis-suq tax-xogħol jista’ jkun sinifikanti iżda dan ċertament mhux ser ikun suffiċjenti fl-indirizzar tal-qgħad, il-koerenza u s-sostenibbiltà soċjali. F’dak is-sens, l-azzjonijiet ta’ żvilupp li jinsabu miġburin fil-qosor fil-punt 1.5.5 huma essenzjali biex jinħolqu postijiet ġodda u sostenibbli u għat-titjib tal-istandards tal-għajxien f’oqsma speċifiċi. Dawn l-azzjonijiet ta’ żvilupp iridu jiġu ppjanati bir-reqqa f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet lokali u l-awtoritajiet. Barra minn hekk, dawn il-politiki lokalizzati huma l-aktar mod effiċjenti kif jitreġġgħu lura l-fatturi ta’ spinta tal-migrazzjoni – għalhekk għandhom jiġu mifhuma bħala strumenti ewlieni għall-indirizzar tal-flussi migratorji li qed jiżdiedu u l-problemi soċjoekonomiċi li jirriżultaw fuq iż-żewġt ixtut, kif ukoll il-kwistjonijiet tas-sigurtà relatati u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu (punt 1.5.1). |
1.5.7 |
Fir-rigward tas-sajd, il-KESE jikkunsidra li: (i) il-flessibbiltà tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (EMFF) għandha tissaħħaħ sabiex jitneħħew l-ostakoli bejn il-livelli tal-amministrazzjoni pubblika u (ii) għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), sabiex titreġġa’ lura s-sitwazzjoni li għadha mhux favorevoli tal-istokkijiet tal-ħut ta’ bosta speċijiet, f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE (ara wkoll il-punti 4.3.4 u 4.3.5). |
2. Sfond għall-Komunikazzjoni
2.1 |
F’Novembru 2015, il-“Konferenza Ministerjali dwar l-Ekonomija Blu” (3) tal-UgħM adottat Dikjarazzjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-Ekonomija Blu (4) permezz tat-tisħiħ tal-investiment fit-teknoloġija rilevanti, l-innovazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet, kif ukoll il-governanza marittima. |
2.2 |
F’Ottubru 2016, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-“Djalogu 5+5” – l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija flimkien ma’ Franza, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja – ħeġġew aktar ħidma fuq inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu, fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran (5). |
2.3 |
Din il-Komunikazzjoni (6) u l-Qafas għal Azzjoni li jakkumpanjaha [SWD(2017) 130] (7) jirriżultaw minn dik it-talba. Huma għandhom l-għan li jutilizzaw l-opportunitajiet u jiffaċċjaw l-isfidi f’reġjun li jitlob koordinazzjoni multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali li trid tiġi estiża lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea (UE). |
2.4 |
Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-KE li fuqha hija bbażata din il-Komunikazzjoni tibni fuq l-esperjenza twila fir-rigward ta’ strateġiji tal-baċir tal-baħar u makroreġjonali – ara pereżempju l-Istrateġija għall-Atlantiku, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (8). Din tibbenefika wkoll mid-djalogu reġjonali li qed iseħħ dwar l-ekonomija blu fil-qafas tal-UgħM (imsemmi hawn fuq), il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (9), il-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (10), kif ukoll l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (11) u l-isforzi li saru biex tiġi implimentata l-Istrateġija tal-Mediterran għall-Iżvilupp Sostenibbli (12). |
2.5 |
Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni hija f’konformità mad-diskussjoni xjentifika u soċjopolitika li qed tevolvi madwar id-dinja. L-ekonomija blu diġà hija waħda mill-kwistjonijiet kontemporanji l-aktar importanti; l-ewwel nett minħabba l-importanza tal-assi tal-baħar u l-oċean u l-potenzjal rispettiv għall-baħar – u t-tkabbir ekonomiku relatat mal-oċean u, t-tieni, minħabba l-fatt li s-sostenibbiltà tal-baħar u l-oċean hija l-parametru ewlieni għall-preservazzjoni ambjentali globali (13). |
2.6 |
Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar sigurtà, għal tkabbir ekonomiku u impjiegi sostenibbli, kif ukoll għall-preservazzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità fil-Baħar Mediterran tal-Punent. Fi kliem ieħor tixtieq tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli b’mod soċjali u ambjentali fil-baċir tal-baħar, iż-żoni kostali tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, il-portijiet u l-bliet li jikkostitwixxu sistema integrata għall-mobilità tal-persuni u l-komoditajiet, li tmur lil hinn mid-diskontinwitajiet amministrattivi u politiċi eżistenti. Għal dak il-għan, tiddeskrivi tliet oqsma ta’ sfidi: |
2.6.1 |
Is-sikurezza u s-sigurtà tal-attivitajiet marittimi: skont il-Komunikazzjoni, il-Baħar Mediterran tal-Punent għandu żoni ta’ konġestjoni tat-traffiku li ser jaffaċċjaw riskji li ser jibqgħu jiżdiedu (f’termini ta’ aċċidenti tat-traffiku) minħabba l-iżviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi futuri bħall-irduppjar tal-Kanal ta’ Suez. Min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet tas-sigurtà huma diġà sinifikanti – il-migrazzjoni illegali hija indikazzjoni ta’ dan – filwaqt li x-xejriet soċjoekonomiċi u demografiċi attwali flimkien mal-effetti tat-tibdil fil-klima huma mistennija jamplifikaw il-kompetizzjoni għal riżorsi u instabbiltà ġeopolitika. |
2.6.2 |
Rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kontra forza tax-xogħol marittima li qed tixjieħ: il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi “paradoss ta’ impjieg” magħruf sew, b’mod partikolari forza tax-xogħol mhux sfruttata min-naħa waħda u postijiet tax-xogħol vakanti min-naħa l-oħra, ikkonċentrat b’mod speċjali fis-setturi u l-industriji tal-ekonomija blu. Il-Kummissjoni temmen li s-sitwazzjoni attwali hija prinċipalment (jekk mhux biss) ir-riżultat ta’ diskrepanza. Għahekk, tiffoka fuq in-nuqqas ta’ djalogu u kooperazzjoni bejn l-industrija u s-sistema edukattiva. |
2.6.3 |
Interessi diverġenti u konfliġġenti fuq il-baħar: skont id-data ppreżentata fil-Komunikazzjoni, il-Baħar Mediterran tal-Punent għandu l-akbar bijodiversità fil-baċir kollu. Fl-istess ħin jikkonċentra bejn wieħed u ieħor nofs il-PDG tal-Mediterran prinċipalment minn attivitajiet marittimi – it-turiżmu, l-akkwakultura, is-sajd u t-trasport – li jwassal għal urbanizzazzjoni kostali dejjem tikber, sfruttament żejjed tal-istokkijiet tal-ħut, tniġġis tal-baħar u kwistjonijiet ta’ konservazzjoni usa’. Minħabba n-natura transnazzjonali tal-interessi involuti u d-disparitajiet soċjoekonomiċi serji, dawn il-fatturi jiġġustifikaw għalkollox l-opinjoni tal-Komunikazzjoni li ż-żona hija “hotspot ta’ pressjonijiet ekonomiċi, demografiċi u ambjentali”. |
2.7 |
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-qafas eżistenti ta’ skemi ta’ kooperazzjoni fuq iż-żewġt ixtut tal-baċir tal-baħar ma wrewx li huma effiċjenti biżżejjed. F’dak is-sens, l-inizjattiva tindirizza ħtieġa eżistenti. Madankollu, is-suċċess fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni jiddependi fuq ħafna emendi u aġġustamenti ġenerali u speċifiċi, li se nippruvaw nippreżentaw fil-paragrafi li ġejjin. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonsolida u tiżviluppa katina ta’ produzzjoni u konsum ambjentalment sostenibbli, eż. permezz tal-użu ta’ forom nodfa tal-enerġija għad-desalinazzjoni, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u enerġija nadifa b’mod aktar ġenerali, u l-promozzjoni u t-tisħiħ tal-merkanzija u t-tbaħħir ekoloġiċi. Dan huwa ta’ importanza partikolari minħabba l-potenzjal enormi għal attivitajiet intraprenditorjali fil-qasam ta’ interess. |
3.2 |
It-terminu “ekonomija blu” jirreferi għall-evoluzzjoni soċjalment u ambjentalment sostenibbli tal-baċiri tal-baħar u ż-żoni kostali, li tagħmel tajjeb għad-disparitajiet eżistenti u tiżgura l-konservazzjoni tad-diversità kulturali u tal-bijodiversità, li hija partikolarment kruċjali fid-dawl tal-istorja, u bil-ħsieb tal-futur tal-Mediterran. F’dak is-sens, l-oqsma ta’ azzjoni magħżula fil-Komunikazzjoni – (1) is-sigurtà marittima, (2) ekonomija intelliġenti u reżiljenti, (3) il-governanza aħjar tal-baħar – għalkemm importanti, jistgħu jkunu restrittivi b’mod ineffettiv fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-baċir. Il-KESE jissuġġerixxi twessigħ ulterjuri tal-inizjattivi fl-oqsma tal-bijodiversità u l-konservazzjoni, il-komunikazzjoni interkulturali, kif ukoll strateġija aktar konkreta għall-appoġġ ta’ attivitajiet produttivi żgħar u żgħar ħafna (bħala skala), pereżempju fis-sajd eċċ. |
3.3 |
Is-sigurtà marittima (trasport) iżda b’mod speċjali kwistjonijiet ta’ sikurezza, għalkemm importanti ħafna, ma jistgħux jiġu limitati għall-Baħar Mediterran tal-Punent. Għall-kuntrarju, l-istorja ġeopolitika u d-deterjorament attwali, flimkien mal-kriżi tar-refuġati li qed teskala b’mod rapidu ħafna fil-parti tal-Lvant tal-baċir tal-baħar, jindikaw il-ħtieġa għal approċċ Mediterran olistiku biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. |
3.4 |
Dan japplika wkoll għall-bqija tal-oqsma ta’ interess definiti – tkabbir ekonomiku sostenibbli, kwistjonijiet ta’ konservazzjoni kulturali u ambjentali eċċ. Il-Mediterran ma għandux jinqasam fil-Punent u l-Lvant. Anke jekk dan irid ikun il-każ għal raġunijiet amministrattivi u għal tattika fuq terminu qasir, għal perjodu fit-tul, l-ippjanar strateġiku jrid jindirizza l-baċir kollu kemm hu. |
3.5 |
Il-KESE jifhem b’mod sħiħ li, minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi qawwija u l-iggravar tal-kunflitti fil-Baħar Mediterran tal-Lvant, li jibda bl-inizjattiva għall-Baħar Mediterran tal-Punent jista’ jkun approċċ aktar faċli, aktar realistiku u li jista’ jinkiseb aktar malajr. Iżda, jekk dan ma jiġix segwit minn inizjattiva analoga għal-Lvant tal-Mediterran, hemm riskju sinifikanti li l-għanijiet stabbiliti ma jkunux jistgħu jitwettqu. L-istess problemi, iżda b’ħafna aktar tensjoni minħabba kundizzjonijiet ġeopolitiċi, huma ffaċjati mil-Lvant tal-Mediterran, li għalih għandhom jiġu skedati u applikati regoli u politiki analogi. |
3.6 |
Għalkemm in-nuqqas ta’ “djalogu” bejn l-industrija min-naħa waħda, u l-akkademja u s-settur tar-R&Ż min-naħa l-oħra, jista’ jkun kunsiderazzjoni importanti fl-indirizzar tal-qgħad (b’mod speċjali għal perjodu fit-tul u fi żminijiet ta’ tkabbir ekonomiku), ikun ineffiċjenti jekk wieħed jiffoka biss fuq din il-kwistjoni b’mod unilaterali. Għall-kuntrarju, l-iżbilanċi ekonomiċi eżistenti (bin-nuqqas ta’ postijiet tax-xogħol ġodda u rata għolja ta’ qgħad bħala aspett ewlieni) u d-disparitajiet soċjoekonomiċi li qed jitwessgħu fil-baċir tal-Punent tal-Baħar Mediterran għandhom jiġu indirizzati fid-dawl tal-kriżi sistemika persistenti fin-naħa ta’ fuq tar-reġjun u n-nuqqas ta’ rieda ġenerali biex isiru investimenti produttivi. |
3.7 |
Kull meta l-attività ekonomika tinteraġixxi b’mod qawwi ma’ kwistjonijiet ta’ konservazzjoni, fejn ikun hemm esternalitajiet (makro) ekonomiċi (immexxija jew mid-domanda jew mill-provvista), u fejn is-somma tal-għażliet individwali ħielsa tiġġenera kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà soċjoekonomika u ambjentali, hemm il-ħtieġa għal intervent politiku effettiv, li, fi żminijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni intensifikata, trid tiġi aġġustata b’mod transnazzjonali. F’każijiet ta’ sfruttament żejjed tal-istokkijiet ta’ ħut, tniġġis marittimu, urbanizzazzjoni żejda u agglomerazzjonijiet li qed jikbru b’mod mhux effiċjenti, kriżijiet ekonomiċi/finanzarji persistenti u disparitajiet transreġjonali u soċjali dejjem jikbru fl-UE u barra mill-UE, id-duttrina ta’ “forzi tas-suq ħielsa” mhijiex biżżejjed. |
3.8 |
F’dak is-sens, in-nuqqasijiet rikonoxxuti fil-qafas tat-tfassil tal-politika eżistenti fiż-żona, li huma prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi differenti – il-Kummissjoni tirreferi għal dawn meta tiddiskuti t-tielet grupp ta’ sfidi u l-lakuni għall-interessi diverġenti u konfliġġenti – huma fattur importanti ħafna meta jiġi indirizzat it-tilwim ambjentali kif ukoll soċjoekonomiku fir-reġjun. Il-ftehimiet bilaterali eżistenti u futuri bejn pajjiżi ġirien tal-UE u tan-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom jiġu rrispettati b’mod effettiv. In-nuqqas ta’ vuċi tal-UE magħquda u għalhekk qawwija dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija jista’ ma jgħinx f’dan ir-rigward, iżda, min-naħa l-oħra, il-pajjiżi fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-baċir għandhom jistennew li l-UE tkun is-sieħba prinċipali (jew l-unika sieħba) tagħhom, b’interess qawwi u sinċier fil-promozzjoni tal-prospetti komuni għall-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità fil-qasam. |
3.9 |
Minbarra n-nuqqas eżistenti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, ħtieġa għall-koordinazzjoni ta’ politika oħra tirriżulta mill-għadd kbir u li ta’ spiss joħloq konfużjoni ta’ inizjattivi u pjattaformi ta’ fokus simili (jekk mhux identiku). Il-Komunikazzjoni li qed nikkummentaw dwarha tirreferi pereżempju għall-Istrateġija tal-UE għal Tkabbir Blu u l-Politika Marittima (14), l-Istrateġija tal-UE għal aktar tkabbir u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali (15), l-inizjattiva BLUEMED (16) u t-Tkabbir Blu tal-FAO (17). Barra minn hekk, hemm attivitajiet oħra li jinkludu ż-żewġt ixtut tal-baċir, bħall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Trasport Reġjonali għar-Reġjun tal-Mediterran (18). |
3.10 |
Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi eżistenti b’orjentazzjoni simili, il-KESE jitlob analiżi komparattiva bir-reqqa li tidentifika ż-żoni ta’ dupplikazzjoni, u tagħmilha possibbli biex l-inizjattivi jintużaw b’mod li jiffranka r-riżorsi u jsaħħaħ ir-riżultati finali. L-aħjar prattiki applikati fi strateġiji (anke fil-Baħar Baltiku) u inizjattivi (bħall-Inizjattiva tal-Gżejjer Intelliġenti) makroreġjonali oħra (19), għandhom jiġu studjati u kkunsidrati aktar mill-qrib. |
3.11 |
Rekwiżiti mhux realistiċi li jirrestrinġu l-effikaċja tal-programmi Ewropej fil-Mediterran, min-naħa waħda, u min-naħa l-oħra l-burokrazija li tirriżulta minn fobija ta’ nfiq ħażin ta’ fondi tal-UE, kif ukoll il-korruzzjoni u l-ineffiċjenza f’partijiet tal-amministrazzjoni pubblika jew każijiet li jinvolvuha fuq iż-żewġt ixtut tal-baċir wasslu għal nuqqasijiet serji fl-użu ta’ fondi Ewropej eżistenti għall-Mediterran. |
3.12 |
Min-naħa l-oħra, l-UgħM sa issa ma rnexxietx fir-rwol tagħha, minkejja l-proġetti differenti li ġew imħabbra. Għalhekk, l-intervent tagħha fir-reġjun jeħtieġ li jkompli jiġi msaħħaħ. L-inizjattivi tal-ekonomija blu jistgħu jkunu ta’ importanza kbira għall-prosperità ġenerali, iżda jeħtieġ li jkunu effettivament marbuta mal-istrutturi u l-oqfsa eżistenti. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Spazju marittimu aktar sikur
4.1.1 |
Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq żewġ oqsma speċifiċi ta’ intervent: (1) il-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-kosta u (2) il-kondiviżjoni tad-data u l-kollaborazzjoni amministrattiva għat-tisħiħ tal-kapaċità għar-reazzjoni għal u l-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar minn aċċidenti. |
4.1.2 |
Il-KESE jikkunsidra t-tisħiħ ta’ netwerking u għaldaqstant il-kooperazzjoni bejn il-gwardja tal-fruntiera tal-art u tal-baħar u l-awtoritajiet ta’ kontroll fuq iż-żewġt ixtut, bl-assistenza ta’ Frontex, bħala essenzjali. L-iskambju sistematiku u l-analiżi tal-informazzjoni minn ċentru tal-analiżi tad-data sovranazzjonali huma meħtieġa wkoll, sabiex tintrebaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Madankollu, ir-regoli ta’ “governanza tajba”, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem, kemm individwali kif ukoll kollettivi, iridu jitqiesu b’attenzjoni, b’mod speċjali meta titqies l-esperjenza negattiva ta’ reġimi speċifiċi. |
4.1.3 |
Il-KESE jikkunsidra li dawn iż-żewġ approċċi definiti sew huma mod effettiv kif tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ spazju marittimu aktar sikur. Jeħtieġ madankollu li tittejjeb l-analiżi tal-miri kwantitattivi sottostanti, għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni kontinwi ta’ din il-prijorità, u għandhom isiru sforzi għal koordinazzjoni u kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet globali u transnazzjonali bħall-OMI (20). |
4.2 Ekonomija blu intelliġenti u reżiljenti
4.2.1 |
Il-KESE jinsab diżappuntat li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma sottorappreżentati (jekk mhux nieqsa għalkollox) fil-Komunikazzjoni, għalkemm dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu utli ħafna fl-ippjanar, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi speċifiċi, minħabba l-esperjenza tagħhom fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet kritiċi u l-abbiltà ppruvata tagħhom li jintervjenu direttament fi problemi soċjoekonomiċi u jsolvuhom. |
4.2.2 |
Il-faqar u l-qgħad fost iż-żgħażagħ jistgħu jiggravaw fis-snin li ġejjin minħabba t-tibdil fil-klima, li se jaffettwa partikolarment il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-imsieħba soċjali, għandha twettaq azzjonijiet għall-iżvilupp fil-livell lokali – eż. l-inkoraġġiment tal-SMEs, l-appoġġ għal negozji mid-dar, azzjonijiet speċjali biex jiġi appoġġjat is-settur primarju u l-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd lokali fis-swieq Ewropej eċċ – flimkien ma’ titjib xieraq fit-taħriġ edukattiv u vokazzjonali lokali, biex jittejbu l-istandards tal-għajxien tar-residenti u tiġi evitata l-migrazzjoni. L-ekonomija blu tista’ tipprovdi introjtu diċenti lil eluf ta’ familji permezz ta’ approċċi moderni, fuq skala żgħira u ta’ kwalità għolja għas-sajd, il-konservazzjoni u l-provvista ta’ prodotti tas-sajd. |
4.2.3 |
In-negozji tal-familja, l-intrapriżi żgħar u żgħar ħafna bi strutturi organizzazzjonali tradizzjonali, l-iskemi u l-attivitajiet operattivi huma s-sinsla tal-ekonomiji lokali fuq iż-żewġ naħat tal-baċir tal-Mediterran, b’mod speċjali fis-setturi u l-industriji li jikkostitwixxu l-ekonomija blu. Għal din ir-raġuni, il-KESE jikkunsidra li, flimkien mal-inizjattivi biex tiġi appoġġjata intraprenditorija innovattiva u teknoloġikament avvanzata, huwa tal-inqas ugwalment importanti li jiġu promossi wkoll programmi għal attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali. |
4.2.4 |
F’dak is-sens, il-KESE jargumenta li t-tieni grupp ta’ azzjonijiet f’din il-prijorità, li jindirizza r-raggruppamenti marittimi, irid jissaħħaħ. Skemi ta’ netwerking u kooperattivi għal produtturi żgħar u mikroprodutturi jistgħu jtejbu wkoll ir-reżiljenza u l-kompetittività fl-ispiża billi fl-istess ħin jippreservaw id-differenzjazzjoni meħtieġa ferm tal-oġġetti u s-servizzi li jipprovdu. Min-naħa l-oħra, ir-raggruppament jista’ jkun effettiv f’setturi speċifiċi fejn hija essenzjali l-konċentrazzjoni tal-kapital – bħal dak tal-enerġija rinnovabbli u l-merkanzija. Madankollu, il-KESE jikkunsidra l-ideat ta’ raggruppament, il-ħolqien ta’ inkubaturi u l-promozzjoni ta’ pjani ta’ negozju permezz ta’ servizzi ta’ investituri informali bħala pjuttost prematuri anke għall-aktar ekonomiji avvanzati fl-UE, li jindika l-ħtieġa li jiġu ppjanati servizzi ta’ appoġġ speċifikati sew, b’mod speċjali għall-produtturi ż-żgħar, il-ħaddiema tas-sengħa u negozjanti fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-baċir. |
4.2.5 |
Barra minn hekk, skont ir-raba’ prijorità strateġika tar-rapport tad-WWF ippubblikat reċentement u msemmi hawn fuq dwar l-Irkupru tal-Ekonomija tal-Baħar Mediterran, id-direzzjoni mill-ġdid tal-finanzjament pubbliku u privat lejn ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-assi naturali fiż-żona hija kemm possibbli u kif ukoll neċessarja. Dan jista’ jiġġenera dħul, filwaqt li titqies is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-karbonju bħall-Ħlas għas-Servizz ta’ Ekosistemi (PES) (21). Pereżempju, il-qigħan tal-algi tal-Mediterran huma fost l-aktar sistemi effiċjenti għas-sekwestru tal-karbonju, li jfisser li l-investiment pubbliku u privat f’din id-direzzjoni jista’ jikkombina t-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku lokali mal-kontribut għall-istrateġija globali dwar il-klima. |
4.3 Governanza aħjar tal-baħar
4.3.1 |
Sabiex jirnexxi l-ewwel grupp ta’ azzjonijiet – l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni kostali – għandu jiġi adottat l-approċċ tal-ispiral kwadruplu (22). Jinħtieġ l-involviment imsaħħaħ tal-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet u reġjuni), l-akkademja u r-R&Ż, l-imsieħba soċjali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-oqsma rispettivi ta’ attività tagħhom, minħabba l-għarfien aħjar tagħhom tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali lokali u anke minħabba l-flessibbiltà amministrattiva tagħhom. |
4.3.2 |
F’dak is-sens, l-interessi ekonomiċi u soċjali organizzati jistgħu u għandu jkollhom rwol deċiżiv fl-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Mediterran. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-UgħM, għandha tistieden lill-partijiet ikkonċernati tas-settur privat għall-konsultazzjoni dwar il-Komunikazzjoni, filwaqt li tiggarantixxi l-kontribuzzjoni sostantiva tagħhom għall-ippjanar u għaldaqstant involviment aktar effiċjenti fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet rilevanti. Fir-rigward tas-sajd, għandhom jiġu adottati miżuri biex jissaħħu l-iskemi ta’ ġestjoni konġunta billi jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati huma involuti b’mod effiċjenti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
4.3.3 |
Għandha ssir enfasi fuq in-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u mhux Ewropej fil-Baħar Mediterran tal-Punent, b’mod speċjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u ta’ immigrazzjoni li jaffettwaw l-iżvilupp ekonomiku. |
4.3.4 |
Is-sajd huwa fattur ewlieni fl-attività ekonomika tal-Mediterran u t-tieni l-aktar sors importanti ta’ ġid, wara t-turiżmu. Il-KESE jaqbel li hemm il-ħtieġa li jiġu ppjanati azzjonijiet speċifiċi f’din l-industrija – tat-tip stabbilit fir-raba’ grupp ta’ azzjonijiet f’din il-prijorità. Il-programmi għandhom jimmiraw li jnaqqsu s-sajd żejjed u jiżviluppaw servizzi ta’ appoġġ u finanzjament biex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-industriji tas-sajd fuq skala żgħira u l-iżvilupp parallel tal-komunitajiet kostali. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-FEMS (23) sabiex jitneħħew l-ostakoli bejn il-livelli ta’ amministrazzjoni pubblika fid-definizzjoni ta’ inizjattivi effettivi. |
4.3.5 |
Il-KESE jikkunsidra li għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), sabiex ikun żgurat li jiġu adottati miżuri amministrattivi neċessarji, konsistenti u kompatibbli, immirati lejn it-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni mhux favorevoli tal-istokkijiet tal-ħut, f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE. |
4.4 |
Il-KESE indika ripetutament li l-politiki u l-programmi għall-Mediterran implimentati tul dawn l-aħħar għoxrin sena kellhom riżultati ħżiena u ħallew ammonti enormi ta’ fondi li ma ntużawx, minħabba attitudnijiet differenti u nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji responsabbli u l-gvernijiet nazzjonali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE. F’dan ir-rigward huma meħtieġa b’mod urġenti appoġġ qawwi u assistenza teknika biex jittejjeb il-livell ta’ rispons tal-istituzzjonijiet mhux tal-UE għar-rekwiżiti tal-finanzjament Ewropew, kif inhu meħtieġ ukoll adattament akbar min-naħa tal-Kummissjoni. |
4.5 |
L-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni hija partikolarment mhedda minn burokrazija ineffiċjenti, kif jidher ċar mill-kapitlu dwar “Governanza u l-Implimentazzjoni”, iżda wkoll mill-involviment ta’ istituzzjonijiet differenti għalkollox bi strutturi u attitudnijiet differenti, bħalma huma l-laqgħat ministerjali, il-Kummissjoni, l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) eċċ. Huwa meħtieġ pjan operattiv bi strumenti amministrattivi/organizzattivi speċifiċi u rwoli differenti. |
4.6 |
Il-KESE jikkunsidra li t-Task Force għall-ekonomija blu, flimkien ma’ azzjoni definita b’mod ċar u pjan ta’ kompetenza, għandha tiġi stabbilita immedjatament, b’rabta mal-gruppi ta’ ħidma tal-UgħM. It-Task Force għandu jkollha l-flessibbiltà meħtieġa biex tirreaġixxi malajr għal emerġenzi – diżastri naturali u ambjentali, eċċ – iżda anke biex twettaq kompiti u responsabbiltajiet speċifiċi. Il-KESE huwa prudenti fil-valutazzjoni tiegħu tal-effikaċja tat-Task Force, li se tiddependi fuq is-sħubija tiegħu u fuq l-involviment dirett tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali mhux tal-UE. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li t-Task Force għandha tkun iddisinjata b’attenzjoni mill-bidu nett, b’ċart organizzazzjonali definita sew u sistema effiċjenti ta’ proċessi u proċeduri, kif ukoll pjan ta’ negozju speċifiku u ddisinjat b’mod kompetenti. |
Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Fir-rapport tad-WWF, ippubblikat reċentement, – “Reviving the Economy of the Mediterranean Sea – Actions for a sustainable future” (Nagħtu l-ħajja mill-ġdid lill-Ekonomija tal-Baħar Mediterran – Azzjonijiet għal futur sostenibbli) – l-awturi jargumentaw kemm, għall-ewwel il-ħtieġa ta’ approċċ olistiku u t-tieni l-fatt li “l-Baħar Mediterran huwa kontributur ewlieni għall-PDG reġjonali u li r-riżorsi naturali tiegħu jirrappreżentaw valur kbir għall-Ekonomija Blu mhux biss għar-reġjun iżda wkoll globalment”.
(Ara paġna 7 tar-rapport, http://www.wwf.gr/images/pdfs/Reviving_Mediterranean_Sea_Economy_Full%20rep_Lowres.pdf).
(2) https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/blue_growth_mt
(3) Għall-aġenda tal-“Konferenza Ministerjali dwar l-Ekonomija Blu” tal-UgħM li saret fis-17 ta’ Novembru 2015 ara http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2015/10/Agenda_UfM_Ministerial-on-Blue-Economy_MARE-D1.pdf.
(4) Ara http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2015/11/2015-11-17-declaration-on-blue-economy_en.pdf.
(5) Għal ħarsa ġenerali qasira lejn id-deċiżjonijiet adottati mil-Laqgħa tal-Affarijiet Barranin fit-28 ta’ Ottubru 2016, ara http://ufmsecretariat.org/foreign-affairs-ministers-of-the-55-dialogue-discuss-pressing-regional-challenges-and-highlight-the-positive-contribution-of-ufm-activities-to-the-enhancement-of-regional-cooperation/. Għall-istorja tad-“Djalogu 5+5” mill-2003 ’l hawn ara http://westmediterraneanforum.org/wp-content/uploads/2013/09/131017_chronology5+51.pdf.
(6) https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/com-2017-183_en.pdf.
(7) https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/swd-2017-130_en.pdf.
(8) Għat-tliet strateġiji reġjonali tal-UE ara s-siti web li ġejjin: http://www.atlanticstrategy.eu/ għall-Istrateġija għall-Atlantiku, https://www.balticsea-region-strategy.eu/ għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku http://www.adriatic-ionian.eu/ għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR).
(9) http://www.fao.org/gfcm/en/.
(10) Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) ġiet adottata fis-16 ta’ Frar 1976 mill-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati Kostali tar-Reġjun Mediterran għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran, li saret f’Barċellona. Il-Konvenzjoni oriġinali ġiet modifikata minn emendi adottati fl-10 ta’ Ġunju 1995 (UNEP(OCA)/MED IG.6/7). Din daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju 2004.
(11) https://www.un.org/pga/wp-content/uploads/sites/3/2015/08/120815_outcome-document-of-Summit-for-adoption-of-the-post-2015-development-agenda.pdf.
(12) https://planbleu.org/sites/default/files/upload/files/smdd_uk.pdf.
(13) Ara “Reviving the Economy of the Mediterranean Sea – Actions for a sustainable future”, rapport tad-WWF bl-appoġġ ta’ Boston Consulting Group, 2017, http://www.wwf.gr/images/pdfs/Reviving_Mediterranean_Sea_Economy_Full%20rep_Lowres.pdf.
(14) Ara pereżempju l-aħħar rapport dwar l-Istrateġija tal-Ekonomija Blu – SWD(2017) 128 finali – fuq https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/swd-2017-128_en.pdf.
(15) COM(2014) 086 finali.
(16) https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/content/bluemed-initiative-blue-growth-and-jobs-mediterranean_mt.
(17) Għal aktar dettalji dwar l-Inizjattiva tat-Tkabbir Blu tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti http://www.fao.org/3/a-mk541e/mk541e02.pdf.
(18) Ara http://www.unep.org/ourplanet/june-2017/unep-publications/regional-action-plan-sustainable-consumption-and-production u https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/international/european_neighbourhood_policy/mediterranean_partnership/docs/rtap2014_2020_en.pdf rispettivament.
(19) http://wwlw.smartislandsinitiative.eu/en/index.php.
(20) http://www.imo.org/en/Pages/Default.aspx.
(21) Il-PES iseħħ meta l-benefiċjarju jew l-utent ta’ servizz ta’ ekosistema jagħmel pagament dirett jew indirett lil min jipprovdi dak is-servizz. Fil-każ tal-baċir tal-Mediterran, il-PES jista’ jiġi previst ukoll bħala ġustifikazzjoni ambjentali għat-trasferiment ta’ fondi mix-xatt tat-Tramuntana għal dak tan-Nofsinhar.
(22) Ara fuq http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/quadruple-helix.pdf.
(23) Ara https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/emff_mt għal aktar informazzjoni.