Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE3013

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija” (COM(2017) 198 final)

    ĠU C 129, 11.4.2018, p. 90–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/90


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija”

    (COM(2017) 198 final)

    (2018/C 129/15)

    Relatur:

    Lutz RIBBE

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 31.5.2017

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

     

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.4.2017

     

     

    Sezzjoni responsabbli

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    21.11.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    6.12.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    530

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    157/5/6

    1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali r-riżultati tal-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura. Dawn jindikaw li d-Direttivi qed iwettqu l-għan tagħhom bħala l-pedamenti ta’ politika usa’ tal-bijodiversità, iżda l-implimentazzjoni tagħhom għandha tittejjeb b’mod sostanzjali.

    1.2.

    Għalkemm kull waħda mill-15-il miżura proposta tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid hija utli, il-pjan joħloq konfużjoni peress li għadu mhux ċar kif huwa relatat mal-istrateġija attwali għall-bijodiversità, speċjalment peress li ħafna mill-kontenut tiegħu huwa dupplikazzjoni u ftit biss huma l-elementi l-ġodda. Il-Kumitat iqis li kien ikun aktar utli li tiġi evalwata, u fejn meħtieġ, tittejjeb l-istrateġija attwali għall-bijodiversità.

    1.3.

    Il-problema deċiżiva għas-suċċess ta’ politika tal-bijodiversità hija li, għas-sidien u l-utenti tal-artijiet, il-miżuri għall-promozzjoni jew iż-żamma tal-bijodiversità fil-biċċa l-kbira llum il-ġurnata jirrappreżentaw fattur ewlieni tal-ispejjeż pjuttost milli sors ta’ dħul. Il-miżuri tal-bijodiversità – kemm jekk jiġu implimentati fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 jew ’il barra minnhom – għandhom jagħmlu sens ekonomiku għal dawk li għandhom jimplimentawhom. M’għandhomx u ma jistgħux jitwettqu għad-detriment tagħhom. L-ebda programm introdott mill-UE u l-Istati Membri sal-lum il-ġurnata ma kien kapaċi jsolvi b’mod effettiv din id-dilemma fundamentali; u sfortunatament lanqas il-Pjan ta’ Azzjoni, fejn issir referenza qawwija għal sitwazzjonijiet li minnhom igawdi kulħadd, ma joffri approċċi utli.

    1.4.

    In-nuqqas ta’ finanzjament mhuwiex biss problema ewlenija biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma tal-bijodiversità iżda huwa wkoll sintomu tal-falliment tal-politika Ewropea. Jiġu deċiżi liġijiet li jinvolvu spejjeż, però ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar min għadu jħallas u dwar kif għandhom jiġu koperti dawn l-ispejjeż.

    1.5.

    Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE twettaq estrapolazzjoni aġġornata tal-ispejjeż tan-netwerk tan-Natura 2000. Fil-fehma tal-KESE, l-ispejjeż li dejjem jissemmew ta’ EUR 6,1 biljun bħala l-ħtiġijiet finanzjarji tan-netwerk tan-Natura 2000 mhumiex adegwati u l-ħtieġa attwali x’aktarx hija d-doppju jew it-triplu ta’ dan l-ammont.

    1.6.

    Il-KESE għalhekk jemmen li huwa indispensabbli li tiġi stabbilita strateġija fit-tul biex jiġu koperti l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-politika dwar il-bijodiversità (1). Il-kuntest adatt għal dan huwa d-dibattitu dwar il-perspettivi finanzjarji għal wara l-2021, iżda la l-Pjan ta’ Azzjoni u lanqas l-approċċi stabbiliti fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (2) ma jindikaw li s-sitwazzjoni tista’ tittejjeb b’mod sinifikanti.

    1.7.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea trid tkompli tiżviluppa l-istrateġija dwar l-infrastruttura ekoloġika fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni. Anke fid-dawl ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kumitat jirrimarka li l-ebda pjan ta’ azzjoni mingħajr finanzjament ma jista’ jwassal għal tibdil.

    2.   Kuntest tal-Opinjoni

    2.1.

    L-UE adottat l-ewwel strateġija dwar il-bijodiversità (3) fl-1998 biex jitwaqqaf it-telf ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti selvaġġi u l-ħabitats tagħhom. L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli (l-Istrateġija ta’ Göteborg), li ġiet adottata fl-2001, stabbilixxiet objettivi ċari fir-rigward tal-bijodiversità, jiġifieri li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010 u li jiġu restawrati l-ħabitats u l-ekosistemi naturali.

    2.2.

    Dan kien segwit b’aktar miżuri inkluż Pjan ta’ Azzjoni tal-Bijodiversità (4) fl-2001, u Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijodiversità ieħor f’Mejju 2006 (5), li l-kontenut tiegħu kien prattikament l-istess.

    2.3.

    Meta ħareġ fid-dieher li l-objettiv deċiż u mwiegħed ma setax jinkiseb, ġiet adottata “Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” ġdida (6), abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010” (7). Din essenzjalment reġgħet saħqet fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-istrumenti tal-pjani ta’ azzjoni preċedenti u ressqet sas-sena 2020 il-mira li oriġinarjament kienet għas-sena 2010.

    2.4.

    L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija għall-bijodiversità, li tinkludi 6 objettivi individwali definiti b’mod ċar b’total ta’ 20 miżura, tat riżultati diżappuntanti ħafna u kkonkludiet li l-isforzi għall-protezzjoni tal-ambjent naturali għandhom jiżdiedu b’mod drammatiku sabiex jinkiseb l-objettiv il-ġdid li jitwaqqaf għalkollox it-telf tal-bijodiversità sal-2020 u jiġi żgurat ir-restawr tal-ħabitats mitlufa.

    2.5.

    Il-KESE esprima l-opinjoni tiegħu dwar dawn it-testi kollha, u essenzjalment kellu l-istess pożizzjoni kritika li:

    fl-UE, “rigward il-preservazzjoni tal-bijodiversità, m’hemmx nuqqas ta’ liġijiet, direttivi, programmi, proġetti mudell, dikjarazzjonijiet politiċi jew dokumenti gwida, iżda aħna neqsin mill-implimentazzjoni u l-azzjonijiet konġunti fil-livelli kollha tal-azzjoni politika”;

    “[i]l-qasam politiku għadu ma sabx is-saħħa u r-rieda biex iwettaq il-miżuri li ilhom magħrufa bħala miżuri neċessarji snin sħaħ, għalkemm il-Komunikazzjoni tagħmilha ċara għal darb’oħra li kemm is-soċjetà kif ukoll l-ekonomija jistgħu jibbenefikaw minn politika tal-bijodiversità stretta” (8);

    il-Politika tal-UE dwar il-bijodiversità hija eżempju klassiku ta’ politika ta’ wegħdiet miksura fil-livell Ewropew u nazzjonali; u dan, minkejja li l-politika identifikat jew stabbilixxiet sew kemm il-problemi kif ukoll l-istrumenti meħtieġa. Il-KESE ma qiesx li kien hemm bżonn ebda bidla tal-bażi legali attwali.

    2.6.

    Madankollu, il-Kummissjoni Juncker iddeċidiet tirrevedi d-Direttivi dwar in-Natura bħala parti mill-programm REFIT tagħha. Ir-riżultat ikkonferma l-opinjoni tal-KESE, u anke l-Kunsill Ambjent iddikjara li “bħala pilastru ta’ politika usa’ tal-UE dwar il-bijodiversità, id-Direttivi dwar in-Natura huma adatti għal dan il-għan iżda l-kisba tal-objettivi tagħhom u l-potenzjal sħiħ tagħhom ikunu jistgħu jintlaħqu biss billi titjieb l-implimentazzjoni tagħhom b’mod sostanzjali” (9).

    2.7.

    B’reazzjoni għar-riżultati tal-programm REFIT, il-Kummissjoni ppreżentat “Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija” (10), li huwa s-suġġett ta’ din l-opinjoni.

    3.   Kummenti ġenerali dwar il-Pakkett ta’ Azzjoni

    3.1.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni jibda b’deskrizzjoni aġġornata tal-istat ħażin ferm ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats, li fir-realtà misshom ilhom protetti għal ħafna snin fil-qafas tad-Direttivi dwar in-Natura tal-1979 jew tal-1992. “Fost il-fatturi ewlenin li qed jikkawżaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni hemm il-limitazzjonijiet fir-riżorsi, id-dgħjufijiet fl-infurzar, in-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-għanijiet tan-natura f’oqsma oħra tal-politika, in-nuqqas ta’ għarfien biżżejjed u n-nuqqas ta’ aċċess għad-dejta, id-dgħjufijiet fil-komunikazzjoni, u n-nuqqas ta’ involviment tal-partijiet konċernati. Minbarra dan, dawk li jimplimentaw id-Direttivi, l-aktar fil-livell reġjonali u lokali, xi minn daqqiet ma jkollhomx għarfien biżżejjed dwar ir-rekwiżiti tad-Direttivi jew dwar il-flessibbiltà u l-opportunitajiet li dawn joffru. Dan iwassal għal tensjonijiet bejn il-protezzjoni tan-natura u l-attività ekonomika.”

    3.2.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li “titjieb l-implimentazzjoni tad-Direttivi, tiżdied il-koerenza tagħhom mal-għanijiet soċjoekonomiċi, u jissaħħaħ l-impenn mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-partijiet konċernati u ċ-ċittadini”.

    3.3.

    Peress li d-Direttivi għandhom dimensjoni territorjali b’saħħitha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzoni ta’ dawn id-Direttivi, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ġie involut mill-qrib fit-tħejjija ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni u se jkollu wkoll rwol essenzjali fil-ħidma mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-sensibilizzazzjoni tagħhom.

    3.4.

    Il-pjan ta’ azzjoni għandu skeda ta’ żmien qasira. Il-Kummissjoni ser toħroġ rapport dwar “ir-riżultati” qabel tmiem il-mandat attwali tagħha fl-2019. Fil-fehma tal-Kumitat dan huwa ambizzjuż ħafna biss biss għaliex il-Kummissjoni ma tipprovdix għal riżorsi umani addizzjonali biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni.

    3.5.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni jidentifika 4 oqsma prijoritarji b’total ta’ 15-il azzjoni konkreta:

    Il-prijorità A: Intejbu l-gwida u l-għarfien u niżguraw aktar koerenza ma’ għanijiet soċjoekonomiċi usa’;

    Il-prijorità B: Nagħtu r-responsabbiltà politika u nsaħħu l-konformità;

    Il-prijorità C: Inqawwu l-investiment f’Natura 2020 u nkattru s-sinerġiji mal-istrumenti ta’ finanzjamet tal-UE;

    Il-prijorità D: Komunikazzjoni u kuntatt aħjar, u aktar involviment taċ-ċittadini, tal-partijiet konċernati u tal-komunitajiet.

    4.   Kummenti speċifiċi tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ r-riżultat tal-kontroll tal-idoneità li jikkonferma l-opinjoni attwali tiegħu. Għadd kbir ta’ partijiet interessati kienu involuti fil-kontroll tal-idoneità. Dan juri li l-politika tal-UE dwar il-bijodiversità hija kwistjoni li tiġbed l-interess ta’ sezzjoni kbira tal-popolazzjoni u li għandha impatt dirett fuq xi partijiet interessati u qed tiġi diskussa b’mod intensiv.

    4.2.

    Għalkemm kull waħda mill-15-il miżura individwali tal-Pjan ta’ Azzjoni fiha nnifisha tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni attwali dwar il-protezzjoni tan-natura, il-KESE huwa xi ftit konfuż dwar il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat pjan ġdid. Fil-fehma tal-KESE kien ikun aktar utli li tiġi evalwata l-istrateġija tal-bijodiversità eżistenti bis-6 miri individwali u l-20 azzjoni konkreta tagħha, titwettaq u tiġi ppubblikata analiżi dettaljata tal-punti dgħajfa tagħha u, abbażi ta’ din l-analiżi, eventwalment jiżdiedu miżuri addizzjonali fl-istrateġija attwali. Il-preżentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġdid issa toħloq konfużjoni peress li għadu mhux ċar għalkollox kif inhu relatat mal-istrateġija attwali għall-bijodiversità, peress li xi miżuri individwali tal-Pjan ta’ Azzjoni (eż. il-prijoritajiet B u C) ilhom is-snin fil-programmi tal-UE dwar il-bijodiversità u fuq l-aġenda politika u għad iridu jiġu implimentati.

    4.3.

    Il-KESE diġà nnota li l-għadd kbir ta’ programmi u strateġiji joħloq biss konfużjoni u tista’ tingħata l-impressjoni li ż-żieda ta’ aktar programmi, pjani jew strateġiji ġodda huwa mod kif nagħmlu tabirruħna li qed nieħdu azzjoni filwaqt li fir-realtà ftit li xejn isir titjib.

    4.4.

    Fil-fatt, fit-titolu tal-istqarrija għall-istampa tagħha dwar il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni Ewropea diġà tistqarr li ser tgħin lir-reġjuni “jiddefendu l-bijodiversità u jgawdu l-benefiċċji ekonomiċi tal-ħarsien tan-natura”. Il-KESE japprezza li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jindirizzax “biss” in-natura/il-bijodiversità, iżda jittratta wkoll l-interazzjoni bejn il-bniedem, in-natura u l-attivitajiet ekonomiċi. Dan juri li l-politika tal-bijodiversità tmur lil hinn mill-obbligu etiku u morali biex jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats u huwa wkoll konsistenti mal-kummenti tal-KESE tul dawn l-aħħar snin.

    4.5.

    F’ħafna reġjuni tal-Ewropa ilu żmien li ġew żviluppati ideat dwar kif in-nies jistgħu jibbenefikaw mill-kapital naturali. Pereżempju, hemm konnessjoni ovvja bejn it-turiżmu u l-pajsaġġi varjati, multipli u rikki fil-bijodiversità. Hemm ukoll rikonoxximent dejjem akbar li s-servizzi tal-ekosistema, li mhumiex biss provduti fis-siti tan-Natura 2000, jippromovu l-benesseri komuni.

    4.6.

    Il-problema deċiżiva madankollu hija li l-miżuri għall-promozzjoni jew iż-żamma tal-bijodiversità fil-biċċa l-kbira illum il-ġurnata jirrappreżentaw fattur ewlieni tal-ispejjeż pjuttost milli sors ta’ dħul għas-sidien u l-utenti tal-artijiet. Filwaqt li d-diversità naturali kienet tkun kważi prodott sekondarju tal-agrikoltura estensiva, issa nħoloq kunflitt klassiku fl-użu tal-art li faqqa’ fost affarijiet oħra mill-ambjent ekonomiku diffiċli li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u l-forestiera.

    4.7.

    Il-miżuri tal-bijodiversità — kemm jekk jiġu implimentati fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 jew ’il barra minnhom — għandhom jagħmlu sens ekonomiku għal dawk li għandhom jimplimentawhom. M’għandhomx u ma jistgħux jitwettqu għad-detriment tagħhom. L-ebda programm introdott mill-UE u l-Istati Membri sal-lum il-ġurnata ma kien kapaċi jsolvi b’mod effettiv din id-dilemma fundamentali; u sfortunatament lanqas il-pjan ta’ azzjoni, fejn issir referenza qawwija għal sitwazzjonijiet li minnhom igawdi kulħadd, ma joffri approċċi utli.

    4.8.

    Anke dawk il-miżuri li kienu neqsin mill-istrateġiji preċedenti dwar il-bijodiversità u ġew introdotti fil-Pjan ta’ Azzjoni mhux ser ibiddlu dan il-fatt: l-ebda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni, tajba kemm tkun, l-ebda impenn pubbliku, elaborat kemm ikun, l-ebda gwida mtejba u saħansitra lanqas id-dikjarazzjoni tal-21 ta’ Mejju bħala l-Ġurnata Ewropea tan-Natura 2000 — ilkoll miżuri ġodda introdotti fil-Pjan – mhux ser ikunu effettivi sakemm il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma jkunux tajbin. Il-KESE jemmen li jinħtieġ aktar titjib f’dan ir-rigward u għandu jiġi allokat finanzjament adegwat għan-netwerk tan-Natura 2000 fil-qafas tal-programm finanzjarju l-ġdid fil-perjodu medju sa mill-2021; għandu jiġi provdut biżżejjed persunal għall-awtoritajiet li jamministrawh, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak tal-Istati Membri.

    5.   Id-dilemma tan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji

    5.1.

    Sa mill-bidu tal-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000, is-sidien u l-utenti tal-art diġà ġew imwiegħda li pereżempju jirċievu tal-anqas kumpens finanzjarjau adatt jekk jintlaqtu finanzjarjament ħażin b’riżultat tal-miżuri jew l-obbligi relatati mas-siti tan-Natura 2000. Fil-Valutazzjoni tal-2010 tal-Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Bijodiversità tagħha (11), il-Kummissjoni tirreferi għall-iżgurar ta’ biżżejjed riżorsi ta’ finanzjament bħala wieħed minn erba’ miżuri ta’ appoġġ ewlenin. Tinnota, madankollu, li “[h]uma biss 20 % tal-ħtiġijiet tal-finanzjament totali għall-ġestjoni taż-żoni protetti, inkluż in-netwerk ta’ Natura 2000 fl-Ewropa, li qegħdin jiġu ssodisfati. Fl-2004, kien stmat li l-ġestjoni ta’ Natura 2000 kienet teħtieġ investiment ta’ € 6,1 biljun fis-sena għall-UE-25”. Dan ifisser li hemm lakuna finanzjarja annwali ta’ aktar minn EUR 5 biljun.

    5.2.

    Il-kalkoli aktar reċenti tal-ispiża tal-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000 jissuġġerixxu li jinħtieġu konsiderevolment ħafna aktar riżorsi. Il-Länder tal-Ġermanja jistmaw li annwalment jinħtieġu madwar EUR 1 417 biljun għan-netwerk terrestri tan-Natura 2000 fil-Ġermanja, li jfisser medja ta’ EUR 175 għal kull ettaru. L-estrapolazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għal kull ettaru għan-netwerk terrestri tan-Natura 2000 madwar l-UE tirriżulta fi ħtieġa annwali ta’ finanzjament għall-UE-28 ta’ madwar EUR 21 biljun. Dan ma jinkludix l-ispejjeż tas-siti marini tan-Natura 2000. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE twettaq estrapolazzjoni aġġornata tal-ispejjeż tan-netwerk kollu tan-Natura 2000.

    5.3.

    In-nuqqas ta’ fondi għall-ġestjoni tan-netwerk tan-Natura 2000 mhuwiex biss problema ewlenija biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità miftiehma, imma huwa iktar sintomu ta’ funzjonament ħażin tal-politika Ewropea. Jiġu deċiżi liġijiet li jinvolvu spejjeż, però fl-istess ħin ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar min għadu jħallas u dwar kif għandhom jiġu koperti dawn l-ispejjeż. In-nuqqas ta’ koerenza bejn il-liġijiet tal-UE u l-baġit tal-UE huwa s-sors ewlieni tal-problemi fil-qasam tal-protezzjoni tal-bijodiversità fl-Ewropa.

    5.4.

    Anke l-Pjan ta’ Azzjoni ma jinkludi l-ebda bidla fil-baġit tal-UE. Dan jinftiehem għalkollox peress li ninsabu f’nofs il-perjodu finanzjarju 2014-2020; iżda jfisser li l-problemi tal-protezzjoni tal-bijodiversità ma jistgħux jiġu solvuti b’dan il-mod mill-Pjan ta’ Azzjoni.

    5.5.

    L-unika miżura finanzjarja mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid hija żieda ta’ 10 % fil-baġit tal-programm LIFE għall-proġetti li jippromovu l-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità. Dan għandu jkollu impatt newtrali fuq il-baġit, jiġifieri l-baġit totali tal-LIFE għandu jibqa’ fl-istess livell, u b’hekk se jkollu jiġi kkumpensat permezz ta’ tnaqqis fil-finanzjament għal miżuri oħra tal-LIFE. Bejn l-2014 u l-2017, madwar EUR 610 miljun kienu disponibbli fil-qafas tal-baġit tal-LIFE għall-qasam prijoritarju “Natura u Bijodiversità”. Għaldaqstant, żieda ta’ 10 % tammonta għal EUR 15-il miljun fis-sena.

    5.6.

    Għaldaqstant, il-Kummssjoni għandha raġun issemmi wkoll “[i]s-sinerġiji mal-PAK” b’rabta mal-prijorità C tal-Pjan ta’ Azzjoni (Inqawwu l-investiment f’Natura 2020 u nkattru s-sinerġiji mal-istrumenti ta’ finanzjamet tal-UE), kif ukoll iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u l-politika komuni tas-sajd, u l-istabbiliment ta’ linji gwida għall-promozzjoni tal-“infrastruttura ekoloġika”. Madankollu l-ebda waħda minn dawn mhuma miżuri jew proposti ġodda, iżda punti li ilhom ħafna fuq l-aġenda politika u ilhom meħtieġa għal żmien twil. Jissemmew fil-programmi u l-pjani ta’ azzjoni preċedenti iżda ma sar l-ebda progress fir-rigward tagħhom tul dawn l-aħħar snin.

    5.7.

    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija fit-tul għall-finanzjament tal-politika dwar il-bijodiversità (12). Il-KESE jqis li d-diskussjoni li se titnieda issa dwar il-perspettiva finanzjarja hija l-qafas li fi ħdanu għadhom jitqajmu l-kwistjonijiet rilevanti. L-esperjenza turi li l-proġetti ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tan-natura kif ukoll il-bdiewa u l-forestiera biex jiġu implimentati l-miżuri tan-Natura 2000 jistgħu jaħdmu estremament tajjeb jekk ikunu biżżejjed attraenti mil-lat finanzjarju. Madankollu, la l-pjan ta’ azzjoni u lanqas l-approċċi stabbiliti fid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (13) ma jindikaw li s-sitwazzjoni tista’ tittejjeb b’mod sinifikanti.

    5.8.

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea trid tkompli tiżviluppa l-istrateġija dwar l-infrastruttura ekoloġika fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni. Anke fid-dawl ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kumitat jirrimarka li l-ebda pjan ta’ azzjoni mingħajr finanzjament ma jista’ jwassal għal tibdil. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tad-19 ta’ Ġunju 2017, fejn il-Kummissjoni Ewropea tħeġġet tkompli tiżviluppa l-proposta għal netwerk trans-Ewropew għal infrastruttura ekoloġika (TEN-G).

    5.9.

    Il-Kumitat għalhekk jirreferi għall-opinjoni tiegħu li ġiet adottata dan l-aħħar dwar “L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE” (14) fejn irrakkomanda li “l-programm LIFE għandu jsir strument ewlieni għall-finanzjament tan-netwerk Natura 2000. L-approċċ li ntgħażel, li jagħti prijorità lill-iffinanzjar tan-netwerk Natura 2000 primarjament mill-Fondi tal-UE għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll fuq it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, għandu jiġi kkunsidrat bħala inadegwat. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu (15) u jitlob li jkun hemm żieda korrispondenti allokata għall-programm LIFE. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-koerenza tal-miżuri kollha ta’ appoġġ, għaldaqstant għandu jiġi evitat finanzjament kuntrarju jew doppju minn fondi oħra tal-UE.

    5.10.

    Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi komunikazzjoni aħjar, is-sensibilizzazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Sabiex jinkiseb dan l-għan fost affarijiet oħra se tiġi stabbilita “pjattaforma” mal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-KESE jilqa’ dan bi pjaċir u jemmen bis-sħiħ li integrazzjoni aktar b’saħħitha tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tista’ tkun biss ħaġa pożittiva għall-implimentazzjoni.

    5.11.

    Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Kummissjoni żviluppat u beħsiebha timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-KtR. Min-naħa tiegħu, huwa joffri l-appoġġ tiegħu għax jikkunsidra li anke l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom suċċess limitat biss mingħajr l-impenn u l-aċċettazzjoni tas-soċjetà ċivili.

    Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14u dwar l-“Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7).

    (2)  COM(2017) 358 tat-28 ta’ Ġunju 2017.

    (3)  COM(1998) 42 final (Mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  COM(2001) 162 final.

    (5)  COM(2006) 216 final (Mhux disponibbli bil-Malti).

    (6)  COM(2011) 244 final.

    (7)  COM(2010) 4 final.

    (8)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 111.

    (9)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tad-19 ta’ Ġunju 2017.

    (10)  COM(2017) 198 final tas-27 ta’ April 2017.

    (11)  COM(2010) 548, p. 13.

    (12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14 u dwar l-“Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7).

    (13)  COM(2017) 358 tat-28 ta’ Ġunju 2017

    (14)  Opinjoni tal-KESE, “Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE”, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 7.

    (15)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità”, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14.


    Top