Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0015

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2016 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi (C(2015)06507 – 2015/2863(DEA))

    ĠU C 11, 12.1.2018, p. 152–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/152


    P8_TA(2016)0015

    Oġġezzjoni għall-att delegat dwar rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2016 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi (C(2015)06507 – 2015/2863(DEA))

    (2018/C 011/23)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2015)06507),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

    wara li kkunsidra l-Kodiċi Internazzjonali tal-Kummerċjalizzazzjoni tas-Sostituti tal-Ħalib tal-Omm adottat mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-1981 (2) u s-16-il riżoluzzjoni rilevanti sussegwenti tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa u, b'mod partikolari, ir-Riżoluzzjoni 63.23 tal-21 ta' Mejju 2010, tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex 'itemmu l-promozzjoni mhux xierqa tal-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar u biex jiġi żgurat li l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma jiġux permessi għal ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, ħlief fejn ikun provdut speċifikament, fi standards rilevanti tal-Codex Alimentarius jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali',

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' pożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku dwar in-Nutrizzjoni (SACN) tal-Gvern tar-Renju Unit tal-24 ta' Settembru 2007 (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 u l-prinċipju ta' prekawzjoni mniżżel fih,

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Kummissjoni naqset milli tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill ir-rapport dwar l-Ikel Maħsub għat-Tfal Żgħar (“formula”), meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 609/2013 (Artikolu 12), li hu kundizzjoni neċessarja sabiex l-istrateġiji nazzjonali jnaqqsu l-obeżità fit-tfal;

    B.

    billi fil-parti 3 tal-Anness I, ir-Regolament delegat jippermetti li l-ikel għat-trabi jipprovdi 30 % tal-enerġija tiegħu miz-zokkor (7,5 g zokkor/100 kcal hija ekwivalenti għal 30 kcal miz-zokkor f'100 kcal ta' enerġija);

    C.

    billi d-dispożizzjonijiet fil-parti 3 tal-Anness I, imorru kontra l-pariri kollha dwar is-saħħa mogħtija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (4) – li tirrakkomanda li l-konsum taz-zokkor ħieles ikun anqas minn 10 % tal-konsum totali tal-enerġija, bi tnaqqis ulterjuri għal anqas minn 5 %tal-konsum totali ta' enerġija għal benefiċċji tas-saħħa addizzjonali – u minn kumitati xjentifiċi fl-Istati Membri, li rrakkomandaw tnaqqis sinifikanti tal-konsum totali taz-zokkor; billi l-introduzzjoni ta' tali ikel, speċjalment f'età daqshekk bikrija, x'aktarx tikkontribwixxi għal-livelli dejjem jiżdiedu ta' obeżità fit-tfal u tista' taffettwa l-iżvilupp ta' preferenzi fit-togħma fit-tfal; billi, b'mod partikolari fil-każ tat-trabi u t-tfal żgħar, il-livelli ta' zokkor miżjud għandhom jinżammu baxxi kemm jista' jkun;

    D.

    billi dieta ħażina hi, attwalment, bil-wisq l-ikbar kawża sottostanti ta' mard u mewt fid-dinja – ikbar mit-tabakk, l-alkoħol u n-nuqqas ta' attività fiżika kollha flimkien (5);

    E.

    billi d-WHO tirrakkomanda li mis-6 xahar 'il quddiem, il-ħalib tas-sider għandu jiġi kkumplimentat b'varjetà ta' ikel adekwat u sikur b'ħafna nutrijenti, filwaqt li l-melħ u z-zokkor m'għandhomx jiġu miżjuda mal-ikel kumplimentari (6);

    F.

    billi l-Istati Membri kollha approvaw il-Kodiċi Internazzjonali tal-Kummerċjalizzazzjoni tas-Sostituti tal-Ħalib tas-Sider adottat mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-1981 (“il-Kodiċi Internazzjonali”) u s-16-il riżoluzzjoni rilevanti sussegwenti tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa;

    G.

    billi r-Regolament (UE) Nru 609/2013 kien adottat qabel ma ġiet ippubblikata l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar il-kompożizzjoni essenzjali ta' formuli għat-trabi u ta' formuli follow-on fil-5 ta' Awwissu 2014 (7);

    H.

    billi l-Unjoni għandha l-obbligu li tippromwovi kwalità għolja fil-prinċipji, fl-istandards u fil-leġislazzjoni tas-saħħa pubblika fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika u għandha d-dmir li tistabbilixxi qafas effettiv għall-protezzjoni tas-saħħa;

    I.

    billi t-trabi u t-tfal żgħar huma popolazzjoni partikolarment vulnerabbli fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jfixxklu s-sistema endokrinali u fir-rigward ta' kontaminanti oħra;

    J.

    billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija tad-WHO speċjalizzata fil-kanċer, ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015 (8);

    1.

    Joġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni;

    L-obeżità

    2.

    Iqis li r-Regolament delegat ma fihx miżuri suffiċjenti biex jiġu protetti t-trabi u t-tfal żgħar kontra l-obeżità u li l-livell massimu ta' zokkor permess għandu jitnaqqas b'mod sostanzjali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO;

    Teknoloġiji Emerġenti

    3.

    Iqis li, b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni, teknoloġiji emerġenti bħalma huma l-OĠM u n-nanoteknoloġija, li l-effetti tagħhom għadhom mhux magħrufa, għandhom jiġu pprojbiti f'ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali u fl-ikel tat-trabi;

    It-tikkettar

    4.

    Huwa tal-fehma li, b'kunsiderazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika globali, fosthom ir-Riżoluzzjoni 63.23 tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, l-Istrateġija Globali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa dwar it-Tmigħ tat-Trabi u t-Tfal iż-Żgħar u l-impatt globali ta' esportazzjonijiet mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi, it-tikkettar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel għat-trabi pproċessat għandhom jagħmluha ċara li dawn il-prodotti mhumiex xierqa għat-trabi ta' inqas minn 6 xhur u li m'għandhomx jimminaw ir-rakkomandazzjoni li t-trabi jingħataw esklussivament ħalib tas-sider sal-età ta' 6 xhur; iqis, għalhekk, li t-tikkettar u l-kummerċjalizzazzjoni għandhom jiġu riveduti skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa dwar it-tmigħ tat-trabi u t-tfal żgħar;

    It-trasparenza

    5.

    Iqis li, għal raġunijiet ta' trasparenza u biex tinbena l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, il-lista tal-“laqgħat bilaterali” (inklużi d-dati tagħhom u l-parteċipanti) li l-Kummissjoni kellha mal-partijiet interessati fil-proċess ta' abbozzar tar-Regolament delegat għandha tiġi ppubblikata;

    o

    o o

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq att delegat ġdid li jqis is-sejbiet tar-rieżami tal-EFSA dwar il-rekwiżiti kompożizzjonali tal-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u tal-ikel tat-trabi, u evidenza xjentifika dwar l-effetti taz-zokkor miżjud u l-introduzzjoni bikrija ta' ikel ipproċessat fir-rakkomandazzjonijiet ottimali tal-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar;

    8.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

    (2)  http://www.who.int/nutrition/publications/code_english.pdf

    (3)  http://webarchive.nationalarchives.gov.uk/20140507013106/http://www.sacn.gov.uk/pdfs/position_statement_2007_09_24.pdf

    (4)  http://www.who.int/mediacentre/factsheets/fs394/en/

    (5)  Changes in health in England, with analysis by English regions and areas of deprivation, 1990–2013: a systematic analysis for the Global Burden of Disease Study 2013 Lancet 2015; 386: 74 Ippublikat onlajn – 15 ta' Settembru 2015.

    http://thelancet.com/pdfs/journals/lancet/PIIS0140-6736(15)00195-6.pdf

    (6)  http://www.who.int/mediacentre/factsheets/fs394/en/

    (7)  http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/scientific_output/files/main_documents/3760.pdf

    (8)  http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf


    Top