Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0078

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-isfruttament sostenibbli tal-ispnott (2015/2596(RSP))

    ĠU C 316, 30.8.2016, p. 176–177 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 316/176


    P8_TA(2015)0078

    L-isfruttament sostenibbli tal-ispnott

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-isfruttament sostenibbli tal-ispnott (2015/2596(RSP))

    (2016/C 316/20)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-informazzjoni xjentifika dwar l-istatus tal-istokk tal-ispnott hija insuffiċjenti, b'mod partikolari d-data disponibbli dwar il-limiti preċiżi, il-perkorsi tal-passa tal-istokk u l-postijiet ta' riproduzzjoni tal-ispnott;

    B.

    billi l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jidentifika erba' tipi ta' stokkijiet tal-ispnott: il-Baħar Ċeltiku/il-Kanal Ingliż/il-Baħar tat-Tramuntana, il-Golf tal-Biskalja, l-ilmijiet fil-Punent tal-Peniżola Iberika, u l-ilmijiet fil-Punent tal-Iskozja/Irlanda;

    C.

    billi diversi studji juru li l-istat tal-istokk tal-ispnott huwa inkwetanti, minkejja li fil-passat il-Kummissjoni ħadet miżuri ta' emerġenza;

    D.

    billi, minħabba l-fatt li l-mortalità għadha għolja ħafna u li l-ispnott huwa speċi li jikber bil-mod u jimmatura tard, l-ispnott jeħtieġ perjodu ta' żmien twil biex jirkupra d-daqs tal-popolazzjoni;

    E.

    billi l-ispnott huwa speċi nobbli, mitlub ħafna mill-industrija tas-sajd għal valur ekonomiku sinifikanti tiegħu;

    F.

    billi għadd konsiderevoli ta' dgħajjes huma involuti fis-sajd tal-ispnott, u huwa sajd eteroġenju f'termini ta' daqs ta' laneċ tas-sajd, l-istaġuni tas-sajd u l-irkaptu użat;

    G.

    billi l-qbid mis-sajd rikreattiv huwa sinifikanti u jikkontribwixxi għal mill-inqas kwart tal-qbid ta' din l-ispeċi;

    H.

    billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (1) jipprevedi li l-istokkijiet għandhom jiġu ripristinati jew jinżammu f'livelli ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli;

    I.

    billi l-ispnott huwa speċi li mhuwiex soġġett għall-qabdiet totali permissibbli (TAC);

    J.

    billi l-Kummissjoni ħadet miżuri ta' emerġenza li jipprojbixxu sajd tal-ispnott bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir pelaġiċi fil-Baħar Ċeltiku, fil-Kanal Ingliż, fil-Baħar Irlandiż u fin-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana sat-30 ta' April 2015;

    K.

    billi miżuri ta' ġestjoni nazzjonali meħuda s'issa huma insuffiċjenti biex tinżamm l-ispeċi u ma jsolvux il-problemi tal-kondiviżjoni u tal-aċċess għar-riżorsi;

    L.

    billi l-isfruttament tal-ispnott matul il-perjodi ta' riproduzzjoni għandu jkun partikolarment limitat peress li dan inaqqas b'mod viżibbli it-tiġdid tal-istokk u jipprevjeni l-irkupru tiegħu;

    M.

    billi fl-Irlanda s-sajd tal-ispnott huwa riservat għas-sajd rikreattiv;

    N.

    billi l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) jirrakkomanda tnaqqis fil-mortalità mis-sajd tal-ispnott ta' madwar 60 %;

    O.

    billi x-xogħol tal-Group ta' Ħidma Inter-AC dwar l-ispnott jirrakkomanda miżuri ta' ġestjoni Ewropej;

    P.

    billi l-isfruttament sostenibbli tal-ispnott jinvolvi għażliet politiċi, li għandhom jsiru bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha;

    1.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-istat tal-istokk tal-ispnott u d-delimitazzjoni tiegħu, il-passa tal-ispeċi u l-postijiet eżatti ta' riproduzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, li jipprovdi finanzjament sostanzjali għall-ġbir ta' data xjentifika;

    2.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu evalwati b'mod preċiż is-segment ta' diversi attivitajiet tas-sajd tal-ispnott u s-segment tal-perċentwali ta' qabdiet fis-sajd rikreattiv;

    3.

    Iqis li jinħtieġu miżuri għall-immaniġġjar tat-tħaddim tas-sajd tal-ispnott fil-livell Ewropew sabiex titħares din l-ispeċi; iqis, barra minn hekk, li dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont b'mod suffiċjenti tal-għarfien xjentifiku u jiffavorixxu l-ġestjoni tal-prossimità u l-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta' ġestjoni pluriennali dwar l-ispnott bil-għan li l-istokk jiġi ripristinat f'livell ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti sajjieda professjonisti u dilettanti u kunsilli konsultattivi fit-tħejjija ta' dan il-pjan ta' ġestjoni;

    5.

    Ifakkar li l-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali għandhom jitħejjew skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

    6.

    Iqis li, sabiex jiġi żviluppat pjan ta' ġestjoni pluriennali għall-ispnott, huwa importanti li jiġu evalwati miżuri differenti ta' ġestjoni għas-sajd kummerċjali, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' qabdiet totali permissibli (TAC) u l-ħtieġa ta' deċiżjoni xjentifikament soda dwar id-daqs minimu ta' żbark u l-għeluq spazjotemporali għas-sajd bil-għan li titħares ir-riproduzzjoni u miżuri tekniċi oħra;

    7.

    Jirrikonoxxi l-problemi li l-introduzzjoni ta' TAC taf tiġġenera, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-qabdiet storiċi, id-distribuzzjoni tal-kwoti fil-livell nazzjonali bejn l-attivitajiet differenti u d-diffikultà li jiġi kopert is-sajd rikreattiv, iżda, fid-dawl tan-neċessità assoluta li jiġi indirizzat l-istat tal-istokkijiet tal-ispnott, jenfasizza li tali miżura għandha tiġi kkunsidrata;

    8.

    Jemmen li l-miżuri tal-UE huma neċessarji għas-sajd rikreattiv f'forma ta' limiti kwantitattivi, li l-forma tagħhom għad trid tiġi definita;

    9.

    Iqis li l-miżuri għas-sajd kummerċjali u għas-sajd rikreattiv għandhom ikunu koerenti ma' xulxin sabiex l-istokk jinżamm ogħla mir-rendiment massimu sostenibbli, f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

    10.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.


    Top