EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0327(01)

Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50 (2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 88, 27.3.2014, p. 20–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/20


Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50 (2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2014/C 88/17

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (2)

TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“COPPA PIACENTINA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0117-01102-08.04.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta maż-żona ġeografika

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (għandhom jiġu speċifikati)

2.   Tip ta’ emenda

Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sommarju ma ġew ippubblikati

Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma teħtiġx emendi tad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda (emendi)

Deskrizzjoni tal-prodott

Għandha titneħħa s-sentenza li tipprovdi li għandhom jintużaw koxox tal-majjal għall-produzzjoni tal-Coppa Piacentina, li tidher fis-sommarju tal-prodott (punt 4.2. Deskrizzjoni). L-emenda għandha l-għan li tirranġa l-inkonsistenza bejn is-sommarju ppubblikat fuq il-ĠUUE Serje C311/20 tas-16 ta’ Novembru 2010 u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Fil-fatt ir-rekwiżiti dwar il-materja prima li għandha tintuża għall-produzzjoni tal-Coppa Piacentina, deskritti fl-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, minn dejjem kienu jipprovdu għall-użu tal-muskoli tal-parti ta’ fuq tal-għonq tal-majjal tqil Taljan u mhux il-koxox tal-majjal kif wieħed jista’ jifhem mis-sommarju.

Metodu ta’ produzzjoni

L-emenda li permezz tagħha jitneħħa l-obbligu li l-muskolu tal-għonq jiġi iżolat bis-sħana –li jitħalla bħala għażla-, tippermetti li din il-proċedura ssir ukoll f’faċilitajiet ta’ tqattigħ speċjalizzati li jassiguraw l-aħjar riżultati fil-kisba tal-materja prima meħtieġa għall-manifattura.

L-introduzzjoni tal-użu tan-nitriti, dejjem skont il-kwantitajiet stabbiliti mil-liġi, hija meħtieġa peress li l-preżenza tagħhom, flimkien man-nitrati, tipprovdi effikaċja aqwa kontra l-patoġeni u kontra l-ossidazzjoni waqt il-fażijiet ta’ produzzjoni tal-Coppa Piacentina DPO.

Hija mitluba l-introduzzjoni taz-zokkor fit-taħlita għat-tmelliħ li tiżgura stabbilizzazzjoni aqwa tal-prodott waqt li jkun qed isir. Il-kontenut massimu ta’ zokkor permess huwa ta’ 1,5 kg għal kull 100 kg ta’ laħam frisk.

L-emenda li tippermetti l-użu ta’ kisi li ġej mill-majjal u mhux aktar tad-dijaframma addominali tal-majjal biss għall-kisi tippermetti l-użu ta’ kisi adattat għall-finijiet tal-produzzjoni u tissodisfa l-kundizzjonijiet reali mibdula tas-suq li jagħmluha ferm diffiċli (u f’ċerti sitwazzjonijiet tas-suq, saħansitra impossibbli) li jinstabu t-tipi speċifiċi ta’ kisi pprovduti qabel.

Inħasset il-ħtieġa li tiddaħħal il-possibbiltà li tintuża xibka minbarra l-irbit bl-ispag biex il-prodott jinxef b’mod aktar uniformi u b’hekk jinkisbu livelli ogħla tal-kwalità.

L-introduzzjoni ta’ marġni ta’ tolleranza ta’ + 10 % għall-parametri tal-umdità tal-post ta’ maturazzjoni tikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità tal-prodott DPO. Illum qiegħda tikber id-domanda għal prodotti aktar maturi, saħansitra aktar mill-minimu previst mill-ispeċifikazzjoni. F’dawn il-każijiet kien innutat li l-maturazzjoni fit-tul tista’ tikkawża d-dħul tal-arja li twassal għall-ossidazzjoni tal-prodott jekk il-post ma jkunx umdu biżżejjed. Għal dawn ir-raġunijiet huwa xieraq li tingħata aktar flessibbiltà għall-parametri tal-umdità tal-post ta’ maturazzjoni.

Jitqies xieraq li jiġi pprovdut ukoll li l-fażi ta’ maturazzjoni tista’ titkompla anki f’postijiet oħrajn minflok kantini, sakemm il-kundizzjonijiet ambjentali jkunu ideali u tkun assigurata ċirkolazzjoni adegwata tal-arja. Fil-fatt in-nuqqas ta’ tqegħid tal-prodott fil-kantini – għal perjodu li lanqas biss huwa speċifikat – ma jippreġudikax ir-riżultati eċċellenti tal-maturazzjoni tradizzjonali. L-element li jikkaratterizza l-fażi tal-maturazzjoni tal-Coppa Piacentina huwa d-dewmien ta’ din il-fażi, li ddum għal mill-inqas sitt xhur: tul dan il-perjodu ta’ żmien, l-effett tal-umdità taż-żona u l-ħila tal-produtturi li jidentifikaw f’dan il-perjodu l-kundizzjonijiet korretti ta’ umdità u ta’ temperatura f’kull fażi, filwaqt li jivvalutaw l-effett fuq ir-raffinatezza tal-prodott, jippermettu li jintlaħqu r-riżultati ta’ din id-DPO. L-esperjenza tal-produtturi taż-żona tassigura l-aqwa kundizzjonijiet ta’ maturazzjoni irrispettivament mill-fatt li l-prodott ma jinżammx f’kantina u fl-istess waqt tassigura r-rabta kostanti mal-ambjent.

Fl-aħħar nett, it-tnaqqis tal-minimu tal-irmied minn 4 % għal 1 % qed isir b’konformità mal-livell minimu ta’ melħ permess u li minnu jiddependi ħafna l-irmied u barra minn hekk dan huwa konsistenti mat-tendenza kostanti tat-tnaqqis tal-melħ fl-ikel.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“COPPA PIACENTINA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0117-01102-08.04.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Coppa Piacentina”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Kategorija 1.2 –

Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

Il-“Coppa Piacentina” hija prodott tal-laħam tal-majjal, immellaħ u mmaturat b'mod naturali, ippreżervat nej. Tiġi prodotta mill-muskoli tan-naħa ta' fuq tal-għonq. Il-prodott finali għandu forma ċilindrika ftit irqaq fit-trufijiet, b'konsistenza kompatta mhux elastika; meta tinqata’, il-biċċiet huma omoġenji, b’kulur aħmar bi strixxi bojod fir-roża qishom irħam.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-Coppa Piacentina ġejja mill-majjali mwielda, imrobbija u maqtula fl-Emilia Romagna u fil-Lombardia. Id-denominazzjoni Coppa Piacentina tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Għandhom jiġu segwiti regoli dettaljati dwar l-użu u l-kompożizzjoni tar-razzjon tal-għalf. It-tmigħ tal-majjali huwa maqsum f’żewġ stadji u huwa bbażat prinċipalment fuq il-produzzjoni taċ-ċereali li ġejjin mill-makrożona definita fil-punt 3.3. Ir-razzjon medju tal-ikel tal-majjali huwa magħmul l-iktar minn maxx tal-qamħ u mbagħad xgħir, nuħħala, sojja, u supplimenti ta’ minerali. Il-prodotti sekondarji tal-ħalib (ix-xorrox, il-baqta u x-xorrox tal-butir) jiġu pprovduti fil-parti l-kbira mill-imħaleb li jinsabu fiż-żona ġeografika definita.

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika indikata

L-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ikkurar, tal-irbit, tat-tnixxif u ta’ maturazzjoni tal-Coppa Piacentina jseħħu fiż-żona indikata fil-punt 4 li ġej.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

L-attivitajiet ta’ ppakkjar, tiflil u tqattigħ f’porzjonijiet għandhom isiru taħt is-superviżjoni tal-awtorità ta’ kontroll maħtura, u esklussivament fiż-żona tal-ipproċessar indikata fil-punt 4. Biex jinżammu l-karatteristiċi oriġinali u partikolari tal-prodott jeħtieġ li l-attivitajiet ta’ ppakkjar, tiflil u tqattigħ f’porzjonijiet isiru fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni minn ħaddiema li għandhom għarfien speċifiku tal-prodott. Il-kuntatt mal-arja u l-espożizzjoni tal-prodott imfellel jew imqatta’ f’porzjonijiet mingħajr il-kisi tiegħu f’kundizzjonijiet ambjentali mhux magħrufa aktarx li jwassal għall-ossidazzjoni u għalhekk il-flieli jew il-wiċċ li jitqatta’ jiswiedu, b’riżultat li jintilef il-kulur aħmar jgħajjat karatteristiku tad-dgħif, ix-xaħam jitranġat u tinbidel it-togħma.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

Il-prodott li jitqiegħed għall-bejgħ għandu jkollu l-kliem “Coppa Piacentina”.

Id-denominazzjoni “Coppa Piacentina” għandha tkun miktuba fuq it-tikketta b'ittri ċari u li ma jitħassrux, li jintgħarfu sew minn kull kitba oħra li hemm fuq it-tikketta u għandhom ikunu segwiti mill-ewwel mill-kitba “Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini”.

Kull deskrizzjoni mhux permessa espliċitament hija pprojbita.

Madankollu, tista' ssir kwalunkwe referenza għal ismijiet jew ditti jew marki privati sakemm dawn ma jkollhomx l-għan ta’ tifħir jew ikunu maħsuba biex iqarrqu bil-konsumatur, kif ukoll l-isem tal-impriżi tat-trobbija tal-ħnieżer minn fejn ikun ġej il-prodott.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta' produzzjoni tal-Coppa Piacentina tinkludi t-territorju kollu tal-provinċja ta’ Piacenza, iżda biss dawk il-partijiet b’altitudni taħt id-900 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni tal-Coppa Piacentina tmur lura għal żmien ir-Rumani u baqgħet tintiret maż-żmien filwaqt li kkonċentrat fiż-żona ġeografika tal-provinċja ta’ Piacenza.

L-importanza taż-żona ta’ produzzjoni tal-Coppa Piacentina hija assoċjata mal-iżvilupp ta’ kultura rurali tipika tal-Padania kollha, li mit-territorju tagħha toħroġ il-materja prima (l-Emilia Romagna u l-Lombardia). Fiż-żona tal-provvista tal-materja prima, l-iżvilupp tat-trobbija tal-annimali huwa marbut mal-kultivazzjoni estensiva ta’ ċereali u mas-sistemi tal-ipproċessar tal-prodotti tal-ħalib, partikolarment speċjalizzata, li ddeterminaw il-ħajra lokali għat-trobbija tal-majjali.

Fil-provinċja ta’ Piacenza ġiet żviluppata u baqgħet tintiret il-kapaċità speċifika tal-produtturi lokali fl-għażla u l-ipproċessar tal-qatgħat tal-laħam. L-operaturi huma meħtieġa li jkollhom kompetenzi partikolari biex inaddfu u jorqmu kif suppost il-qatgħat tal-laħam biex ineħħu x-xaħam żejjed u l-biċċiet irqaq tad-dgħif. Din l-operazzjoni tipprepara l-qatgħat tal-muskoli kif xieraq għall-operazzjonijiet sussegwenti ta’ maturazzjoni u ta’ rbit.

Il-preżenza ta’ widien friski u mogħnija bl-ilma, u l-għoljiet miksija bil-boskijiet huma riflessi b’mod pożittiv fil-kundizzjonijiet tal-postijiet ta’ maturazzjoni.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-Coppa Piacentina hija kkaratterizzata mill-forma ċilindrika li tirqaq ftit fit-trufijiet. Għandha konsistenza kompatta u mhux elastika. It-togħma ħelwa u delikata titjieb aktar ma ddum timmatura. Il-parti ta’ barra hija miksija minn saff irqiq ta’ moffa li tiżviluppa tul il-perjodu ta’ maturazzjoni. Meta jinqata’ l-felli jkollu kulur aħmar bi strixxi bojod fir-roża qishom irħam.

Il-qatgħa tal-muskolu użat għall-produzzjoni tal-Coppa Piacentina ġejja mill-majjal tqil Taljan.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Ir-rekwiżiti tal-“Coppa Piacentina” jiddependu mill-kundizzjonijiet ambjentali u mill-fatturi naturali u umani. B'mod partikolari, il-karatterizzazzjoni tal-materja prima hija marbuta strettament maż-żona ġeografika ta’ provvista definita, li fiha żviluppaw tekniki tat-trobbija tal-majjal tqil Taljan iddeterminati mill-kwalità tal-qatgħat tal-laħam użat għall-produzzjoni tal-“Coppa Piacentina”.

Barra minn hekk, l-ipproċessar tal-Coppa Piacentina fiż-żona tal-provinċja ta’ Piacenza huwa marbut mal-operaturi lokali li maż-żmien żviluppaw għarfien speċifiku fl-operazzjonijiet ta’ tirqim tal-qatgħa tal-laħam li jħejju l-prodott biex ikollu l-forma karatteristika aktar irqiqa fit-truf.

Il-ħiliet tekniċi tal-produtturi fl-operazzjonijiet ta’ tmelliħ flimkien mal-għarfien ta’ ġestjoni tal-fażijiet ta’ maturazzjoni jkomplu juru r-rabta tal-“Coppa Piacentina” mat-territorju ta’ produzzjoni tiegħu.

Il-fatturi ambjentali huma marbuta sew mal-karatteristiċi taż-żona ta’ produzzjoni u b’mod partikolari l-klima, li taffettwa b’mod determinanti l-karatteristiċi tal-prodott lest, billi tikkontribwixxi għar-riżultat tajjeb tal-istadji ta’ maturazzjoni tal-prodott.

B’hekk “il-materja prima – il-prodott – id-denominazzjoni” flimkien huma marbutin ukoll mal-iżvilupp soċjoekonomiku speċifiku taż-żona konċernata, b’karatteristiċi li ma jinsabu mkien ieħor.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fuq il-websajt:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew

billi tidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Agrikultura, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), u tikklikkja fuq “Qualità e sicurezza (Kwalità u Sigurtà) (fuq in-naħa tal-lemin tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE” (Regolamenti ta’ Produzzjoni għall-evalwazzjoni tal-UE).


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.


Top