EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE2817

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva” — COM(2014) 213 final – 2014/0121 (COD)

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 87–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva”

COM(2014) 213 final – 2014/0121 (COD)

(2014/C 451/14)

Relatur:

is-Sur Smyth

Nhar is-16 ta' April 2014 u nhar is-6 ta' Mejju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva

COM(2014) 213 final – 2014/0121 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'188 vot favur, u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-proposti tal-Kummissjoni li jemendaw id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti għandha titqies bħala parti minn vjaġġ itwal lejn suq aktar stabbli, governanza korporattiva sostenibbli u ambjent ta' investiment fl-Ewropa. Fil-qalba ta' dawn il-proposti hemm il-fehma li jekk l-azzjonisti jistgħu jiġu mħeġġa jieħdu perspettiva aktar fit-tul, allura dan se joħloq ambjent operattiv aħjar għall-kumpaniji elenkati.

1.2

Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti, speċjalment dawk maħsubin għat-tisħiħ tar-rabta bejn il-pagi tal-amministraturi u l-prestazzjoni fuq żmien twil tal-intrapriżi.

1.3

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-proposti tagħha se jwasslu biss għal żieda marġinali fil-piż amministrattiv fuq kumpaniji elenkati. Fil-valutazzjoni ex-post tad-Direttiva, se jkun importanti li jiġi evalwat dan il-bilanċ.

1.4

Il-KESE jaċċetta l-argument li, billi toħloq aktar trasparenza dwar l-impatt tal-politiki ta' investiment, l-investituri se jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u x'aktarx jiddiskutu iktar mad-destinatarji tal-investiment tagħhom. Dan għandu jwassal għal prestazzjoni aħjar fuq terminu twil mill-kumpaniji elenkati.

1.5

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, dawk li jfasslu l-politika laqgħu l-isfida ta' tibdil fil-kultura fis-setturi korporattivi u finanzjarji Ewropej lil hinn minn prestazzjoni fuq perjodu qasir lejn perspettiva ta' investiment fit-tul aktar sostenibbli. Sakemm tista' tintlaħaq bidla fil-kultura bħal din permezz tar-regolamentazzjoni, il-Kummissjoni miexja fid-direzzjoni t-tajba.

2.   Kuntest tad-Direttiva

2.1

Din id-Direttiva mill-Kummissjoni għandha titqies fil-kuntest ta' inizjattivi oħra biex jittejjeb il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea. Fil-qalba tagħha hemm il-konvinzjoni li l-inkoraġġiment ta' prospettiva fuq perjodu ta' żmien aktar fit-tul minn azzjonisti se tiżgura ambjent operattiv aħjar għall-kumpaniji elenkati Dawn il-proposti jirrappreżentaw parti mir-riżultat tal-proċess ta' konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati dwar il-governanza korporattiva. Fl-2010, il-Kummissjoni ħarġet Green Paper dwar “Il-Governanza korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta' rimunerazzjoni” (1). Din ġiet segwita minn Green Paper oħra dwar “Il-qafas ta' governanza korporattiva tal-UE” (2) fl-2011. Dawn il-konsultazzjonijiet imbagħad wasslu għall-pubblikazzjoni fl-2012 ta' “Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli” (3).

2.2

Id-Direttiva tibni fuq valutazzjoni tal-impatt li tindirizza n-nuqqasijiet fir-relazzjoni bejn protagonisti ewlenin tal-governanza korporattiva – l-hekk imsejħa relazzjoni tal-aġent prinċipali. Din tirreferi għar-relazzjoni bejn aġenti (diretturi) u l-prinċipali (azzjonisti bħal investituri istituzzjonali, maniġers tal-assi u konsulenti delegati). Din tidentifika ħames nuqqasijiet minn dawn kif ġej: (i) nuqqas ta' impenn suffiċjenti tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi; (ii) rabtiet inadegwati bejn il-paga u l-prestazzjoni tad-diretturi; (iii) nuqqas ta' sorveljanza min-naħa tal-azzjonisti fuq it-tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati; (iv) trasparenza inadegwata tal-konsulenti delegati; u (v) eżerċizzju ta' drittijiet, li jirriżultaw minn titoli għall-investituri, diffiċli u jiswew ħafna.

2.3

Għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni tqis l-alternattivi politiċi rilevanti u tagħżel ħames settijiet ta' miżuri ta' politika kif ġej:

1)

Trasparenza obbligatorja tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi fuq il-votazzjoni u l-involviment tagħhom u ċerti aspetti ta' arranġamenti tal-ġestjoni tal-assi;

2)

L-iżvelar tal-politika ta' remunerazzjoni u r-remunerazzjonijiet individwali, flimkien ma' vot tal-azzjonisti;

3)

Trasparenza addizzjonali u opinjoni indipendenti dwar tranżazzjonijiet aktar importanti u l-preżentazzjoni tat-tranżazzjonijiet l-aktar sostanzjali għall-approvazzjoni mill-azzjonisti;

4)

Rekwiżiti vinkolanti ta' żvelar dwar il-metodoloġija u l-kunflitti ta' interess ta' konsulenti bi prokura;

5)

Il-ħolqien ta' qafas li jippermetti li l-kumpaniji elenkati jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u li jeħtieġ li l-intermedjarji jittrażmettu malajr l-informazzjoni relatata mal-azzjonarji u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

3.   Miżuri tad-Direttiva

3.1

F'termini ta' trasparenza tal-azzjonisti, il-Kummissjoni titlob l-investituri istituzzjonali jiżvelaw kif l-istrateġija ta' ekwità hija konformi mal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif din tikkontribwixxi għal prestazzjoni tal-assi fit-tul. Barra minn hekk, jekk investitur istituzzjonali juża s-servizzi ta' maniġer tal-assi, se jkun hemm rekwiżit ta' żvelar tal-elementi ewlenin ta' dan l-arranġament, bħall-allinjament ta' maniġers tal-assi u investituri istituzzjonali, l-istrateġiji ta' investiment, il-medda ta' żmien tal-istrateġija, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġers, il-fatturat tal-portafoll fil-mira, eċċ. Bl-istess mod, il-maniġers tal-assi se jkollhom jiżvelaw lill-investituri istituzzjonali kull sitt xhur, kif l-istrateġija ta' investiment tagħhom qed topera skont l-approċċ miftiehem.

3.2

Fir-rigward tar-rabta bejn il-ħlas tad-diretturi u l-prestazzjoni, il-Kummissjoni hija mħassba li minħabba n-nuqqas ta' sorveljanza effettiva tar-rimunerazzjoni tad-diretturi jista' jintilef il-fokus fuq il-prestazzjoni fit-tul tan-negozju. Il-Bordijiet jew Bordijiet ta' Superviżjoni jfasslu l-politika ta' rimunerazzjoni. Il-kumpaniji elenkati se jkunu meħtieġa jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar il-politika ta' rimunerazzjoni u r-rimunerazzjoni ta' diretturi individwali. L-azzjonisti se jkollhom id-dritt li japprovaw il-politika ta' rimunerazzjoni kif ukoll it-tħaddim tal-politika fis-sena preċedenti. Id-Direttiva tħalli l-livell u l-kundizzjonijiet ta' rimunerazzjoni f'idejn il-kumpanija u l-azzjonisti tagħha.

3.3

Il-kwistjoni ta' tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati hija msejsa fuq il-fehma li l-azzjonisti normalment ma' jkollhomx aċċess għal biżżejjed informazzjoni dwar tranżazzjonijiet proposti ta' dan it-tip u lanqas mekkaniżmi adegwati biex jopponu tranżazzjonijiet (abbużivi). Għalhekk, il-kumpaniji elenkati se jkunu meħtieġa li jitolbu l-approvazzjoni tal-azzjonisti fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati li jkunu jirrappreżentaw aktar minn 5 % tal-assi tal-kumpanija. Huma se jkollhom ukoll iħabbru tranżazzjonijiet bħal dawn jekk ikunu akbar minn 1 % tal-assi tagħhom u t-tranżazzjonijiet iridu jiġu awditjati minn parti terza indipendenti. Se jkun hemm eżenzjonijiet għal tranżazzjonijiet bejn kumpanija u l-membri tal-grupp tagħha li huma kompletament proprjetà tal-kumpanija.

3.4

Konsulenti ddelegati jipprovdu lill-investituri b'rakkomandazzjonijiet dwar kif jivvutaw f'laqgħat ġenerali ta' kumpaniji kkwotati. L-użu ta' konsulenti ddelegati feġġ l-aktar minħabba kwistjonijiet kumplessi fil-parteċipazzjoni azzjonarja ta' investituri, partikolarment fuq bażi transkonfinali. Konsulenti ddelegati jipprovdu rakkomandazzjonijiet lil investituri li għandhom portafolli diversifikati u globalizzati ferm, u jeżerċitaw influwenza importanti fuq l-imġiba fil-votazzjoni u għaldaqstant fuq il-governanza korporattiva. Fir-riċerka tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha l-Kummissjoni sabet evidenza li titfa' dubji fuq il-kwalità u l-preċiżjoni tal-pariri pprovduti minn konsulenti delegati u dwar kif jittrattaw kwistjonijiet li jirrigwardaw kunflitti ta' interess. Fil-livell tal-UE, ma hemm l-ebda regolamenti dwar dawn il-konsulenti delegati għalkemm xi Stati Membri għandhom kodiċijiet ta' kondotta mhux vinkolanti. Il-konsulenti delegati se jintalbu jimplimentaw miżuri biex jiggarantixxu li r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom ikunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha rilevanti, u li mhumiex affettwati minn kunflitt ta' interess eżistenti jew potenzjali. Huwa mifhum li attwalment konsulenti ddelegati qed jitolbu l-EMSA biex tapprova kodiċi ta' kondotta voluntarju; dan għandu jintlaqa' tajjeb.

3.5

L-investituri, b'mod partikolari dawk ta' ishma azzjonarji transkonfinali, jiffaċċjaw diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tagħhom. Dawn id-diffikultajiet jirriżultaw prinċipalment mill-kapaċità tal-kumpaniji biex jidentifikaw l-investituri b'mod korrett, in-nuqqas tat-trażmissjoni ta' informazzjoni f'waqtha mill-kumpaniji lill-azzjonisti u mġiba ta' diskriminazzjoni abbażi tal-prezz f'ishma transkonfinali. L-Istati Membri se jintalbu jiżguraw li l-intermedjarji joffru lill-kumpaniji elenkati l-kapaċità li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom. Il-kumpaniji elenkati se jkunu meħtieġa, jekk huma jagħżlu li ma jikkomunikawx direttament mal-azzjonisti, li jipprovdu u jippreżentaw informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma lil intermedjarju f'mod standardizzat u mingħajr dewmien. L-intermedjarji, min-naħa l-oħra, huma mitluba jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti, inkluż drittijiet ta' votazzjoni, minn jew f'isem l-azzjonisti, kif ukoll jgħarrfu lill-azzjonisti dwar dan.

4.   Kummenti dwar id-Direttiva

4.1

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva proposta x'aktarx li jwasslu biss għal żieda marġinali fil-piż amministrattiv għall-kumpaniji elenkati. Sakemm dawn idaħħlu l-obbligu biex il-kumpaniji jipprovdu informazzjoni fil-ħin u rilevanti lill-azzjonisti, dawn jirrappreżentaw prattika tajba u, għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati f'dak il-kuntest. Fil-każ ta' kumpaniji elenkati pjuttost żgħar, il-KESE għandu tħassib dwar il-fatt li jista' jkun hemm piż amministrattiv addizzjonali. Minkejja li l-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva wara ħames snin tal-operat tagħha, il-KESE jemmen li minħabba li x'aktarx li l-proposti mhux se jidħlu fis-seħħ mill-inqas qabel jgħaddu 18-il xahar ieħor, evalwazzjoni bħal din għandha ssir qabel.

4.2

Dwar il-kwistjoni ta' politika ta' rimunerazzjoni u r-rabta bejn is-salarju u l-prestazzjoni tad-diretturi, il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex tittejjeb is-sorveljanza tar-rimunerazzjoni tad-diretturi (4). Filwaqt li l-livell ta' rimunerazzjoni li jrid jitħallas se jibqa' f'idejn il-Bord, ir-rekwiżit ta' vot tal-azzjonisti għandu jżid il-livell ta' diskussjoni bejn il-Bord u l-azzjonisti tiegħu.

4.3

L-argument li, permezz tal-ħolqien ta' aktar trasparenza dwar l-impatt tal-politiki ta' investiment, l-investituri se jagħmlu deċiżjonijiet aktar infurmati u x'aktarx li jikkomunikaw aktar mad-destinatarji ta' investiment tagħhom huwa loġiku. Jekk jirnexxilhom irawmu l-impenn tal-azzjonist aktar fit-tul, għandhom jgħinu biex ittejjeb l-effiċjenza u l-prestazzjoni tal-kumpaniji.

4.4

Dawn il-proposti huma konsistenti ma' dawk l-elementi tad-Direttiva (5) u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u r-Regolament (CRD IV) (6) li jittrattaw ir-rimunerazzjoni u jikkomplementaw ukoll ir-regoli eżistenti li jiggvernaw l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi taħt id-Direttiva tal-UCITS, il-MiFID u l-AIFM. Din id-Direttiva għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta' dan l-ambjent regolatorju riformat aktar wiesa'.

4.5

Barra minn hekk, dawn il-proposti ġenerali jaqblu sew mal-qafas ġenerali ta' governanza korporattiva tal-UE li jippermetti li l-Istati Membri joperaw qafas li huwa allinjat aktar mill-qrib mad-drawwiet u l-prattiki individwali tagħhom. L-attenzjoni ffukata espliċita fuq aspetti transkonfinali ta' ċerti proposti tad-Direttiva tenfasizza l-ħtieġa għal sett ta' regoli tal-UE dwar it-trasparenza u l-involviment.

4.6

Filwaqt li jaċċetta li, fil-parti l-kbira, ir-reviżjonijiet proposti għad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti huma mmirati biex iħeġġu involviment fit-tul aħjar min-naħa tal-azzjonisti, il-KESE jemmen li impenn fit-tul bħal dan għandu jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-impjegati u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tirrifletti dwar kif l-aħjar jiġu involuti l-impjegati biex jinħoloq valur fit-tul (7).

4.7

Fil-proposti tagħha l-Kummissjoni tgħid li, “l-għan ġenerali tal-proposta attwali biex id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti tiġi riveduta huwa li jingħata kontribut għas-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpaniji tal-UE, biex jinħoloq ambjent attraenti għall-azzjonisti u biex titjieb il-votazzjoni transkonfinali billi titjieb l-effiċjenza tal-katina ta' investiment fl-ekwità sabiex jingħata kontribut għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività tal-UE”, flimkien mar-riforma tas-settur finanzjarju li għaddejja bħalissa. Hemm bidla radikali li qed isseħħ b'enfasi fuq it-tibdil tal-kultura fis-setturi korporattivi u finanzjarji Ewropej, lil hinn minn prestazzjoni fuq perjodu qasir lejn perspettiva ta' investiment fit-tul aktar sostenibbli. Dan mhux se jkun kompitu faċli. Sakemm tista' tintlaħaq bidla fil-kultura bħal din permezz tar-regolamentazzjoni, il-Kummissjoni miexja fid-direzzjoni t-tajba.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2010) 284 final.

(2)  COM(2011) 164 final.

(3)  COM(2012) 740 final.

(4)  ĠU C 271, 19.9.2013, p.70.

(5)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(6)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(7)  – ĠU C 161, 6.6.2013, p.35.


Top