EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE2476

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea” — COM(2014) 168 final

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 91–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea”

COM(2014) 168 final

(2014/C 451/15)

Relatur:

is-Sur Smyth

Korelatur:

is-Sur Farrugia

Nhar l-14 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill –il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea

COM(2014) 168 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-7 u l-10 ta' Lulju. (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 139 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja b'mod wiesa' din il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li ssegwi l-Green Paper dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea (1). Din tirrappreżenta żvilupp pożittiv fid-dibattitu ta' politika dwar kif l-aħjar nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-investiment fit-tul fl-Ewropa.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni trid topera fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tagħha filwaqt li fl-istess ħin tinkoraġġixxi bidliet istituzzjonali u ta' politika adegwati fil-livelli globali u tal-Istati Membri. Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-oqfsa regolatorji nazzjonali u internazzjonali li jinfluwenzaw l-orizzonti aktar fit-tul tad-deċiżjonijiet ta' investiment. Pereżempju, f'ħafna Stati Membri hemm tendenza fis-sistemi fiskali li jiffavorixxu l-finanzjament tad-dejn tan-negozji li jinċentiva l-kumpaniji biex jużaw id-dejn aktar mill-ekwità bħala sors ta' finanzjament. Għal finanzjament aktar diversifikat u stabbli fit-tul, l-Istati Membri għandhom bżonn jitħeġġu biex jippromovu użu akbar ta' investiment tal-ekwità. Il-Kummissjoni għandha tkompli tinsisti fuq dan.

1.3

Ħafna mill-proposti tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni huma b'saħħithom u konsistenti mal-promozzjoni ta' orizzont tal-investiment aktar fit-tul iżda dawn ser jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati. Strumenti ġodda għall-investiment fit-tul (bħall-Bonds tal-Proġetti tal-UE 2020) huma meħtieġa issa u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħaddi malajr għall-implimentazzjoni.

1.4

Fil-kuntest tal-promozzjoni ta' aktar finanzjament fit-tul tal-ekonomija, l-ikkompletar tal-unjoni bankarja huwa essenzjali. Il-politika monetarja għandha takkomoda l-investiment fit-tul f'termini ta' rati tal-interess adegwati kemm għall-investituri kif ukoll għal dawk li jfaddlu. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tinvestiga l-flussi frammentati bejn il-fruntieri ta' tfaddil kif ukoll li tivvaluta l-possibbiltà li tiżviluppa prodott ta' tfaddil miftuħ għall-UE kollha.

1.5

Il-KESE jemmen li issa hemm opportunità unika biex jiġi formulat, żviluppat u implimentat qafas tal-UE għall-investiment fit-tul ibbażat fuq korp robust ta' ħidma analitika mwettaq fost l-oħrajn mill-Kummissjoni, l-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi u l-Grupp tat-Tletin. L-ostakoli għall-finanzi fit-tul sostenibbli huma magħrufin tajjeb u hemm bżonn li jingħelbu. Dawn jiċċentraw fuq ħames sfidi ewlenin:

inċentivi għall-investituri biex jadottaw perspettiva aktar fit-tul fid-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom;

ħolqien ta' intermedjarji ġodda u strumenti ġodda mmirati lejn l-investiment fit-tul;

żvilupp ta' swieq tad-dejn u tal-ekwità biex iwessgħu l-firxa tal-istrumenti finanzjarji;

assigurazzjoni li l-fluss tal-kapital bejn il-fruntieri jsir b'mod ordnat u jappoġġja investimenti aktar fit-tul; u

żvilupp ta' analiżi sistematika aħjar meta tiġi mfassla politika regolatorja fil-ġejjieni.

Il-KESE jara progress lejn dawn l-għanijiet f'din il-Komunikazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li żżomm u taċċellera r-ritmu ta' dan il-progress fil-proposti tagħha li ġejjin dwar finanzjament fit-tul.

2.   Segwitu għall-Green Paper dwar il-Finanzjament fit-Tul

2.1

Din il-Komunikazzjoni tirrappreżenta risposta meqjusa tal-Kummissjoni għall-proċess ta' konsultazzjoni li kellu suċċess u li tnieda bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea f'Marzu 2013 (2). Din tistabbilixxi għadd ta' proposti u azzjonijiet imfassla biex jindirizzaw l-ostakli li qed iżommu lura aktar mobilizzazzjoni ta' sorsi privati u pubbliċi ta' finanzjament fit-tul. Hija l-fehma tal-Kummissjoni li filwaqt li l-banek ser ikomplu jaqdu rwol importanti fil-provvista ta' finanzjament aktar fit-tul, hemm bżonn li sorsi alternattivi għall-banek, bħal fondi pubbliċi, investituri istituzzjonali (kumpaniji tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjonijiet), fondi tradizzjonali jew alternattivi tal-investiment, fondi ta' ġid sovran, eċċ jiġu inkuraġġuti joffru dat-tip ta' finanzjament.

2.2

L-azzjonijiet proposti f'din il-Komunikazzjoni jiffukaw fuq

i)

il-mobilizzazzjoni ta' sorsi privati ta' finanzjament fit-tul,

ii)

użu aħjar mill-finanzi pubbliċi,

iii)

l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital,

iv)

it-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament,

v)

attirar ta' finanzjament privat għall-infrastrutturi, u

vi)

it-titjib tal-ambjent globali għall-finanzi sostenibbli.

Il-Kummissjoni ppublikat ukoll proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORP) (3) sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri tal-pensjonijiet tax-xogħol, tip importanti ta' investitur istituzzjonali fit-tul fl-UE, kif ukoll Komunikazzjoni dwar il-finanzjament kollettiv (crowdfunding) (4), sors li qed jikber ta' finanzjament għall-SMEs.

3.   Azzjonijiet proposti

3.1   Mobilizzazzjoni tas-sorsi privati ta' finanzjament fit-tul

3.1.1

Hemm tensjoni inevitabbli bejn, fuq naħa, il-ħtieġa ta' rekwiżiti msaħħa ta' kapital u likwidità fuq il-banek biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom u, fuq in-naħa l-oħra, ix-xewqa li ma jitpoġġewx restrizzjonijiet eċċessivi fuq il-banek li jistgħu jiskuraġġuhom milli jipprovdu finanzjament fit-tul lill-ekonomija reali. Mhux ser tkun ħaġa faċli li jinstab il-bilanċ ġust bejn dawn iż-żewġ għanijiet ta' politika pubblika importanti. Il-Kummissjoni ser tinvestiga l-adegwatezza tar-regolament dwar ir-rekwiżiti tal-kapital b'rabta mal-finanzjamenti fit-tul u ser tirrevedi kemm il-proporzjoni tal-kopertura tal-likwidità u l-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett jistgħu jfixxklu l-finanzjament fit-tul mis-settur bankarju.

3.1.2

Il-fehma tal-Kummissjoni hija li ladarba r-riformi bankarji u l-unjoni bankarja jitkomplew, il-kunfidenza fis-settur finanzjarju terġa tinbena u l-frammentazzjoni finanzjarja tonqos ħafna. B'mod partikolari is-sett ta' proposti reċenti dwar ir-riformi strutturali tal-banek, li jisseparaw l-attivitajiet ewlenin ta' finanzjament tal-ekonomija reali mill-attivitajiet aktar riskjużi tal-ispekulazzjoni, għandhom iwasslu biex il-banek jerġgħu jassumu r-rwol tradizzjonali tagħhom (5). Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-pakkett tar-ristrutturar, il-KESE qed jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni.

3.1.3

Forsi l-aktar elementi interessanti tal-komunikazzjoni jirrigwardaw ir-regoli tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-penzjonijiet fl-investiment fit-tul. Solvenza II riformata tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2016 u għandha tagħmilha possibbli biex il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jinvestu fi kwalunkwe tip ta' assi bil kundizzjoni tal-“prinċipju tal-persuna prudenti”. Dan għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' swieq sostenibbli fi strumenti titolizzati. F'termini ta' fondi tal-pensjonijiet, hemm proposti biex jiġi żviluppat qafas, fi sħubija mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), li jwassal għall-ħolqien ta' suq uniku għall-pensjonijiet personali fl-Ewropa, u b'hekk potenzjalment jimmobilizza aktar tfaddil fit-tul.

3.1.4

F'termini ta' mobilizzazzjoni ta' aktar finanzjar privat għall-investiment fit-tul, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq ukoll studju ta' fattibilità dwar l-użu tal-fondi sovrani flimkien ma sorsi oħra fit-tul aktar popolari bħall-fondi tal-pensjonijiet u assiguraturi kbar.

3.1.5

Fir-risposta tiegħu għall-Green Paper (6), il-KESE rrakkomanda li l-Kummissjoni tinvestiga l-introduzzjoni ta' kont ta' tfaddil għall-UE kollha biex juża t-tfaddil fit-tul. Issa l-Kummissjoni ser twettaq studju dwar x'ihuma d-diffikultajiet għall-ħolqien ta' dawn il-vetturi tat-tfaddil li jaqsmu l-fruntieri tal-UE.

3.2   Użu aħjar mill-finanzi pubbliċi

3.2.1

Dwar il-kwistjoni ta' użu aktar effettiv tal-fondi pubbliċi għall-investiment fit-tul, il-Kummissjoni ħadet impenn għal miżuri li għandhom iħeġġu kooperazzjoni akbar bejn il-banek nazzjonali u reġjonali, il-BEI/l-FEI u banek ta' żvilupp multilaterali oħra, bħall-BERŻ. Il-ħolqien reċenti tas-Strategic Banking Corporation of Ireland li hija negozju bi sħab bejn il-Gvern Irlandiż, il-BEI u l-Bank KfW (7) u li ser ikollu madwar EUR 800 miljun xi jsellef lill-SMEs Irlandiżi huwa eżempju tajjeb ta' dan l-approċċ. Hemm ukoll proposta simili rigward koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar fost l-aġenziji tal-esportazzjoni tal-kreditu nazzjonali. Dawn il-propost għandhom jintlaqgħu tajjeb.

3.3   Niżviluppaw is-swieq tal-kapital

3.3.1

Ħafna mill-proposti tal-Kummissjoni jindirizzaw il-kwistjoni ta' swieq tal-kapital fl-Ewropa li m'humiex żviluppati biżżejjed. Il-Komunikazzjoni tinnota li għalkemm is-suq tal-bonds korporattivi qed jikber f'dawn l-aħħar snin, għadu (flimkien mas-swieq tal-ekwità Ewropej) frammentat u ma jħajjarx lill-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja bħala sors ta' finanzjament fit-tul. B'risposta għal din il-frammentazzjoni, hemm impenn għal studju dwar jekk hemmx bżonn ta' miżuri ulterjuri, minbarra l-MiFID2 (8), biex jiġi stabbilit suq sekondarju b'saħħtu u likwidu tal-bonds korporattivi Hemm ukoll impenn biex jiġi investigat jekk l-UCITS (9) għandhiex tiġi estiża biex tkopri titoli elenkati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs.

3.3.2

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, it-terminu titolizzazzjoni ġie assoċjat, b'mod awtomatiku, mas-self ipotekarju “sub prime” fl-Istati Uniti u l-obbligi ta' dejn kollateralizzati u swaps ta’ inadempjenzi tal-kreditu derivati minnhom. Il-falliment katastrofiku tas-suq tad-derivattivi ma ġiex ikkawżat mit-titolizzazzjoni tal-assi nsfushom iżda minn regolamentazzjoni inadegwata, in-nuqqas ta' komprensjoni u r-regħba kemm tal-bejjiegħa kif ukoll tax-xerrejja. L-użu tat-titolizzazzjoni issa jerġa' jinstab b'mod sod fuq l-aġenda tat-tfassil tal-politika. Ir-rekwiżiti tar-ritensjoni tar-riskju ilhom stabbiliti mill-2011 madwar l-UE u ssaħħu l-obbligi ta' divulgazzjoni li jippermettu lill-investituri jifhmu aħjar l-istrumenti finanzjarji li jinvestu fihom. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni issa hemm lok biex jitwaqqfu swieq ta' titolizzazzjoni sostenibbli għan-negozju ta' titoli differenti ggarantiti b’assi, b'differenzazzjoni prudenzjali adatta. Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-użu gradwali tat-titolizzazzjoni fil-prinċipju, huwa favur il-kawtela biex jiġi assigurat li l-użu tagħha jiġi implimentat b'mod regolat tajjeb.

3.3.3

Il-Kummissjoni twiegħed li tikkoopera mal-Kumitat ta' Basel u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) biex tiżviluppa u timplimenta standards globali dwar ir-ritensjoni tar-riskji, it-trasparenza u l-konsistenza fis-swieq titolatizzati. Hemm ukoll impenn biex jiġi rivedut it-trattament ta' bonds koperti fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) sal-aħħar ta' din is-sena kif huwa meħtieġ għat-twaqqif ta' suq integrat tal-bonds koperti; b'segwitu għal dan, ir-reviżjoni għandha taċċellera studju dwar qafas tal-UE għal bonds koperti.

3.3.4

Il-kwistjoni tal-allokazzjonijiet privati tiġi riveduta fil-Komunikazzjoni u peress li l-allokazzjonijiet privati qed jitqiesu bħala alternattiva realistika għas-self mill-banek u l-ħruġ ta' bonds korporattivi pubbliċi hemm impenn għal analiżi ta' prattika tajba fis-swieq tal-allokazzjonijiet privati fl-Ewropa u bnadi oħra u biex jiġu żviluppati proposti għall-użu aktar mifrux ta' dawn l-allokazzjonijiet fl-UE.

3.4   Titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-iffinanzjar

3.4.1

Il-Komunikazzjoni tmiss ukoll il-kwistjoni taħraq tat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għal finanzjament aktar fit-tul. Dan is-suġġett kien parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar il-finanzjament tal-SMEs ippubblikat fl-2011 u sar xi progress limitat minn dak iż-żmien 'il hawn. In-nuqqas ta' informazzjoni adegwata, paragunabbli, affidabbli u disponibbli minnufih dwar il-kreditu tal-SMEs ġie identifikat bħala l-akbar diffikultà għal aċċess akbar għas-swieq kapitali. Waħda mill-kawżi ta' dawn l-inadegwatezzi hija n-natura frammentata tas-sorsi nazzjonali ta' din l-informazzjoni.

3.4.2

Fi studju influwenti u reċenti (10), l-Istitut Internazzjonali tal-Finanzi (IIF) kwota dawn l-asimmetriji fl-informazzjoni bħala diffikultà ewlenija għall-iffinanzjar tal-SMEs kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul. L-IIF jipproponi għadd ta' miżuri li jnaqqsu dawn id-diffikultajiet. Dawn jinkludu użu akbar tar-repożitorji diġitali b'sottomissjonijiet standard għar-reġistri tan-negozji, uffiċċji tal-istatistika, valutazzjonijiet tal-kreditu tal-bank u selliefa oħra. Dawn ir-repożitorji nazzjonali ta' data tar-riskju tal-kreditu għandhom jiġu konsolidati mal-European Data Warehouse, li eventwalment iwasslu għal reġistru ċentrali tal-kreditu Ewropew. L-IIF jappella għat-twaqqif ta' standards mifruxa mal-Ewropa kollha għall-ġbir u r-rappurtaġġ tal-informazzjoni sabiex ikun possibbli li ssir analiżi bejn il-kumpaniji u n-nazzjonijiet. Informazzjoni aħjar u aktar aġġornata dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-SMEs għandha tippermetti lis-selliefa jivvalutaw aħjar ir-riskju u jsir ipprezzar aktar adatt tar-riskju. Il-proposti tal-IIF imorru ħafna aktar lil hinn minn dawk tal-Kummissjoni, u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni titratta b'urġenza dawn il-kwistjonijiet nazzjonali ta' informazzjoni u kunfidenzjalità.

3.4.3

Il-KESE jara l-mertu li jingħata rwol lill-Aġenziji tal-Iżvilupp Reġjonali (RDA) fil-valutazzjoni ta' kemm tkun riskjuża l-SME. Ħafna mir-reġjuni tal-UE għandhom aġenziji bħal dawn, u xi wħud minnhom diġà jipprovdu finanzjament għall-ekwità u d-dejn lil SMEs klijenti. Dawn l-aġenziji spiss jafu lill-SMEs u s-sidien operaturi u l-amministraturi tagħhom aħjar mill-banek, u l-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinvestiga r-rwol potenzjali tagħhom bħala l-eżaminaturi lokali tar-riskju .

3.4.4

Hemm ukoll impenn min-naħa tal-Kummissjoni li terġa' tibda d-djalogu bejn il-banek u l-SMEs bil-għan li jittejjeb il-literiżmu finanzjarju ta' dawn tal-aħħar, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummenti li jingħataw mill-banek dwar l-applikazzjonijiet tas-self. L-istudju tal-IIF imur aktar lil hinn u jirrakkomanda l-edukazzjoni tal-SMEs dwar għażliet ta' fondi alternattivi disponibbli u l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fi programmi ta' fondi alternattivi. Il-KESE jaqbel ma din il-fehma.

3.5   Nattiraw finanzijament privat għall-infrastruttura

3.5.1

F'termini ta' investiment tal-infrastruttura, il-Kummissjoni tidentifika n-nuqqas ta' konsistenza ta' data disponibbli dwar il-prestazzjoni ta' self fuq l-infrastruttura madwar l-Ewropa bħala ostaklu għal parteċipazzjoni akbar mis-settur privat fl-investiment għall-infrastruttura. Is-sensittività u l-kunfidenzjalità kummerċjali min-naħa tal-banek u l-investituri tal-ekwità spiss jipprojbixxu ċirkulazzjoni aktar mifruxa ta' informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni ħadet impenn għal valutazzjoni tal-potenzjal ta' portal uniku li permezz tiegħu l-awtoritajiet muniċipali, reġjonali u nazzjonali jkunu jisgħu jagħmlu disponibbli l-informazzjoni attwali dwar il-pjanijiet u proġetti ta' investiment fl-infrastruttura, fuq bażi volontarja, Qed jiġi propost ukoll approċċ simili ta' portal sabiex l-istatistiċi ta' kreditu komprensivi u standardizzati dwar id-dejn tal-infrastruttura jsiru disponibbli. Il-KESE jappoġġja dawn l-azzjonijiet.

3.6   Titjib fl-ambjent ġenerali għal finanzi sostenibbli

3.6.1

Minbarra l-kwistjoni tal-azzjonijiet speċifiċi diskussi hawn fuq, il-Kummissjoni teżamina wkoll il-qafas aktar wiesa' għal finanzi sostenibbli f'termini ta' governanza korporattiva, standards tal-kontabbiltà, tassazzjoni u l-ambjent legali. Hija ser tikkunsidra proposta għar-reviżjoni tad-direttiva dwar il-drittijiet tal-azzjonisti biex l-interessi fit-tul tal-investituri istituzzjonali, l-amministraturi tal-assi u l-kumpaniji jiġu alinjati aħjar. Il-KESE jappoġġja din ir-reviżjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti biex jiġi inkuraġġut impenn aktar fit-tul min-naħa tagħhom.

3.6.2

Ser ikun hemm ukoll valutazzjoni tal-iskemi ta' sjieda ta' ishma għall-impjegati (ESO) u tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (EFP) madwar l-UE, bil-għan li jiġu identifikati diffikultajiet li jfixklu l-implimentazzjoni transkonfinali ta' dawn l-iskemi u sabiex jitfasslu azzjonijiet biex jindirizzawhom. Hemm ukoll impenn biex jiġi kkunsidrat jekk l-użu tal-valur ġust fl-IFRS 9 rivedut huwiex adegwat fir-rigward tal-mudelli tan-negozju b'investiment fit-tul. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tniedi konsultazzjoni aktar tard din is-sena biex teżamina l-ħtieġa għal standard ta' kontabbiltà simplifikat għar-rendikonti finanzjarji ta' SMEs elenkati u s-siwi ta' standard tal-kontabbiltà awtonomu għall-SMEs li m'humiex elenkati.

3.6.3

Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li hemm tendenza fiskali favur l-iffinanzjar tad-dejn fin-negozji madwar ħafna mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-effett ta' dan huwa li jinċentiva lill-kumpaniji biex jagħmlu aktar dejn flok ma jużaw l-ekwità. Il-Kummissjoni m'għandha l-ebda kompetenza f'dan il-qasam, u l-Komunikazzjoni sempliċement torbotha li tippromovi investiment akbar tal-ekwità, permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-proċess tas-semestru Ewropew. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ser twettaq reviżjonijiet tar-rakkomandazzjoni reċenti dwar ir-ristrutturar minn kmieni ta' intrapriżi vijabbli u l-prinċipju tat-tieni opportunità fir-rigward tal-intraprendituri falluti, kif ukoll il-liġi applikabbli għall-aspetti tal-partijiet terzi fl-assenjazzjoni tar-reklamazzjonijiet. Ftit hemm xi tmaqdar f'dawn il-proposti.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 150 final/1 u COM(2013) 150 final/2

(2)  COM(2013) 150 final/1 u COM(2013) 150 final/2

(3)  COM(2014) 167 final.

(4)  COM(2014) 172 final.

(5)  Dawn il-proposti qed jitqiesu mill-grupp ta' studju tal-KESE “Ir-riforma strutturali tal-banek tal-UE” (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  OJ C 327 of 12.11.2013, p. 11.

(7)  Bank għall-iżvilupp li huwa tal-Gvern Ġermaniż

(8)  Id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji

(9)  Direttiva dwar Impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli 2001/107/EC u 2001/108/EC

(10)  Restoring Financing and Growth to Europe's SMEs (2013)


Top