EUR-Lex Πρόσβαση στο δίκαιο της Ευρωπαϊκής Ένωσης

Επιστροφή στην αρχική σελίδα του EUR-Lex

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52013IE7057

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ikkompletar tal-UEM Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss” — (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 451, 16.12.2014, σ. 10 έως 19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ikkompletar tal-UEM Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġiżlatura Ewropea li jmiss”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2014/C 451/02)

Relaturi:

is-Sur van IERSELs-Sur CEDRONE

Nhar id-19 ta' Settembru 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Mejju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'195 vot favur, 8 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Pjan direzzjonali għal-leġislatura Ewropea li jmiss

Billi jqis l-isfidi enormi li qed tiffaċċja l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) tal-UE, il-KESE jemmen li:

l-għan tal-UEM, bħala l-qofol fi kwalunkwe żvilupp ulterjuri tal-UE, huwa l-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja, il-prosperità u l-istabbiltà taċ-ċittadin Ewropew. L-iżvilupp tal-fiduċja u l-kundizzjonijiet favorevoli għall-ekonomija reali huma prerekwiżiti għat-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività u l-investiment. Dawn l-aspetti jenfasizzaw it-tifsira tal-UEM kemm għall-membri taż-żona tal-euro kif ukoll għal dawk li mhumiex;

il-fatt li ma jistgħux jiġu mbassra żviluppi eventwali jġiegħel liż-żona tal-euro biex b'mod urġenti tistabbilixxi l-kundizzjonijiet it-tajbin, għax fil-kuntest globalizzat tal-lum, m'hemm l-ebda pajjiż Ewropew li jista' jiggarantixxi l-libertà tal-azzjoni tiegħu stess. Dan għandu konsegwenzi kbar għall-governanza tal-UEM kif ukoll għall-politiki tagħha;

l-UEM mhijiex iżolata waħedha. Oriġinarjament hija tfasslet bħala l-kisba ta' żona Ewropea interna miftuħa u tas-Suq Uniku. Minbarra d-dixxiplina fiskali, hemm bżonn li l-UE u l-Istati Membri jfasslu flimkien politiki ekonomiċi u soċjali ta' appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi bħala fatturi ewlenin li jservu ta' bażi għal konsolidazzjoni li tirnexxi (1);

ser ikun hemm bżonn ta' aġġustamenti profondi fil-politiki ekonomiċi u strutturali, li sa ftit ilu kienu tista' tgħid oqsma esklussivament nazzjonali, sabiex jiġi żgurat proċess ta' konverġenza bejn l-Istati Membri f'għadd ta' oqsma. Il-bini tal-fiduċja komuni għandu jieħu post in-nuqqas ta' fiduċja u t-tensjonijiet. Unjoni aktar magħquda taffettwa lis-soċjetà kollha. Għandhom jiġu żgurati djalogi soċjali u ċivili fil-livelli kollha.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, il-KESE jappella biex il-leġislatura li jmiss tistabbilixxi b'mod urġenti pjan direzzjonali biex jindirizza l-problemi li qed jagħfsu.

Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi:

I.

L-ikkompletar tal-UEM, żgurat permezz ta' struttura ta' governanza u ġestjoni soda taż-żona tal-euro u msejjes fuq:

i.

pilastru monetarju u finanzjarju, inkluża l-implimentazzjoni ta' Unjoni Bankarja sħiħa mmexxija mill-UE biex twassal għal suq kapitali pan-Ewropew, filwaqt li jiġu protetti l-kontributuri minn riskji eċċessivi u l-fatt li ma jitħallsux id-djun;

ii.

pilastru ekonomiku, adatt għall-interdipendenza li qed tikber tal-Istati Membri, kemm fil-livell makro kif ukoll mikro, biex jissaħħaħ il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politika ekonomika, biex b'hekk jitħeġġu t-tkabbir, l-impjieg, il-kompetittività, il-konverġenza u s-solidarjetà Ewropea;

iii.

pilastru soċjali li jikkunsidra korrettament l-effetti soċjali tal-aġġustamenti ekonomiċi;

iv.

pilastru politiku, inklużi responsabbiltà u leġittimità demokratika akbar, biex jitrawmu l-kredibbiltà u l-fiduċja.

II.

It-tnedija b'urġenza ta' pjan Ewropew ġenwin għat-tkabbir u l-impjiegi bbażat fuq programm ta' investiment sostanzjali xprunat minn investiment pubbliku u privat, li jwassal għal impuls fiskali. L-ibbilanċjar mill-ġdid u l-implimentazzjoni adatta ta' strumenti eżistenti, b'mod partikolari s-“six-pack” (pakkett ta' sitt proposti leġislattivi), it-“two-pack” (it-tieni pakkett ta' proposti għall-governanza ekonomika) u s-Semestru Ewropew għandhom jiġu żgurati;

III.

It-twaqqif ta' kalendarju u arranġamenti għat-tnedija ta' Ewropa politika b'mod globali, inkluż proċess ta' riflessjoni dwar l-istruttura istituzzjonali tagħha fil-kuntest ta' konvenzjoni Ewropea ġdida;

IV.

It-tnedija ta' strateġija ta' komunikazzjoni u semplifikazzjoni dwar l-UEM, bħala sforz konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

2.   UEM, il-pedament

2.1

Il-KESE jisħaq li l-impatt ta' UEM kompleta u li tirnexxi jmur lil hinn mill-arranġamenti baġitarji, monetarji, u bankarji. Tmexxija ffukata għandha tnebbaħ liċ-ċittadini u lill-aġenti ekonomiċi jemmnu fil-missjoni komuni u fis-sens ta' appartenenza għall-Ewropa.

2.2

Il-ħames snin li ġejjin huma kruċjali sabiex l-arkitettura tal-UEM, li għadha fraġli, tiżviluppa sal-maturità tagħha. Fuq kollox, dan jitlob għal sjieda, ftuħ u trasparenza; għalhekk għandna bżonn ta' politiki effettivi, kif ukoll diskors sempliċi u ċar – mingħajr logħob bil-kliem! – mill-gvernijiet tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, mill-Kunsill u mill-korpi l-oħra kollha tal-UE.

2.3

L-istess kif talbu xi wħud mill-politiċi Ewropej importanti, il-KESE jqis li l-unjoni politika hija punt ta' referiment għall-futur (2). Bi qbil mal-argumenti tagħhom, il-KESE ma jqisx li l-unjoni politika tirrappreżenta biss it-twettiq finali tal-UEM fiha nnifisha, iżda wkoll fil-kuntest internazzjonali usa' tad-dinja globalizzata tal-lum, li huwa ta' sfida fundamentali għas-sovranità tal-istati individwali u l-kapaċitajiet regolatorji tagħhom.

2.4

Fid-dinja globalizzata tal-lum, m'hemm l-ebda stat Ewropew individwali li jista' jissopravvivi waħdu. Għaldaqstant, is-sovranità tal-istati hija garantita aħjar f'qafas politiku u ekonomiku komuni.

2.5

Ir-rapport tal-President Van Rompuy “Lejn UEM ġenwina” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkorrispondi għalih ta' Novembru u Diċembru 2012 ippreżentaw abbozz ta' pjan direzzjonali b'miżuri konkreti fuq l-istess linji. Il-KESE laqa' l-pjan b’sodisfazzjon (3). Il-kwistjoni ewlenija hija li, minkejja l-progress sostanzjali li sar, is-separazzjoni bejn it-tmexxija ta' munita komuni u l-governanza ekonomika intergovernattiva toħloq tensjonijiet enormi. Il-KESE jinsisti li r-rapport ta' Van Rompuy jibqa' l-bażi għall-politika għall-inizjattivi leġislattivi fiż-żmien li ġej.

2.6

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja affettwat liż-żona tal-euro b'mod partikolari, u kixfet il-limitazzjonijiet tal-UEM bħalissa. Aktar minn tqegħid ta' ġebla fil-bini tal-integrazzjoni Ewropea, l-euro ġie perċeput minn ħafna bħala xatba li tifred lill-pajjiżi u lis-soċjetà ċivili, u li jipperikola l-ġejjieni nnifsu tal-Unjoni. Din il-perċezzjoni żbaljata ma tirrikonoxxix li l-kriżi, bl-oriġini tagħha primarjament barra miż-żona tal-euro, kienet tkun iktar profonda mingħajr il-munita unika.

2.7

Bħalissa d-differenzi ekonomiċi u l-iżbilanċi eżistenti bejn gruppi ta' pajjiżi, li ilhom mill-1991 u li qatt ma ġew indirizzati, qed iwaqqfu l-progress fil-proċess ta' integrazzjoni. Saħansitra qed jinbtu xejriet perikolużi ta' qsim u ta' rinazzjonalizzazzjoni.

2.8

B'dan il-mod il-ġejjieni jsir imprevedibbli. Is-sinjali ta' rkupru qed isostnu l-ottimiżmu u jeliminaw l-istat ta' kriżi. Madankollu, parzjalment minħabba li l-UEM mhix kompluta, u minħabba l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju Ewropew, huwa mistenni li r-rati ta' tkabbir baxxi/moderati se jippersistu għal tul ta' żmien konsiderevoli. Minħabba l-volatilità tal-ekonomija u r-riperkussjonijiet li jista' jkun hemm fis-snin li ġejjin, il-KESE jwissi kontra l-kompjaċenza dwar dawn il-kwistjonijiet.

2.9

F'dan il-kuntest, id-deċiżjonijiet reċenti, inklużi s-“six-pack”, it-“two-pack” u l-Unjoni Bankarja, minkejja li limitati, kienu meħtieġa ħafna u urġenti. Madanakollu, dawn il-mekkaniżmi ta' governanza ġodda huma bbażati l-aktar, wieħed jista' jgħid, fuq tħassib dwar il-baġit u l-istabbiltà milli fuq tħassib dwar in-nies, li huwa għaliex it-tkabbir u l-miżuri soċjali tħallew barra. Barra minn hekk, il-proċess twil tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kumplessità tas-sistema jwasslu għal reżistenza, fil-beraħ jew le, fl-Istati Membri u fil-Kunsill b'konsegwenza tan-nuqqas ta' fiduċja politika u l-enfasi fuq s-sovranità nazzjonali. Din is-sitwazzjoni diġà wasslet għal spejjeż ekonomiċi u soċjali għall-Unjoni u naqqset il-pożizzjoni internazzjonali tagħha, u b'hekk it-trawwim tal-fiduċja isir importantissimu biex jingħelbu l-ostakli.

2.10

Għaldaqstant, il-KESE jinsisti fuq pjan direzzjonali konvinċenti għal-leġislatura Ewropea li ġejja li jfassal, bi skadenzi preċiżi, il-passi li jmiss li għandhom jiffukaw fuq l-ikkompletar tal-UEM f'rabta mill-qrib mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-inizjattivi ewlenin tagħha. Din l-Opinjoni tipproponi wħud mill-elementi essenzjali għal pjan direzzjonali bħal dan.

2.11

L-integrazzjoni differenzjata fi ħdan l-UE, li diġà ġiet applikata b'suċċess għal għadd ta' oqsma ta' politika, għandha tkompli tkun prinċipju ċentrali. Ħafna mid-deċiżjonijiet neċessarji biex tiġi kkompletata l-UEM jistgħu jittieħdu taħt il-liġi eżistenti u/jew permezz ta' kooperazzjoni mtejba, filwaqt li oħrajn ser jeħtieġu trattat ġdid u/jew bidliet għat-trattati eżistenti. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jagħmluha possibbli li jitpatta għad-dewmien fl-ikkompletar tal-UEM u biex jittieħdu sensiela ta' miżuri malajr, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-perspettivi għat-tul, peress li anke ż-żona tal-euro teħtieġ riformi strutturali ġenwini fil-livell istituzzjonali maġenb dawk li jridu jitwettqu fil-pajjiżi individwali.

3.   L-ewwel stadji: pjan ġenwin għat-tkabbir u l-impjiegi skont il-leġislazzjoni eżistenti

3.1

Pass inizjali u immedjat fil-pjan direzzjonali għat-terminu leġislattiv Ewropew li jmiss ikun l-iffirmar u t-twettiq ta' patt ġenwin għat-tkabbir, l-impjiegi u l-istabbiltà biex tingħata spinta lill-irkupru u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex id-dejn jitħallas lura (Patt Ġdid Ewropew jew New Deal). Dan il-pjan ikollu jikkonsisti f'mill-inqas il-punti li ġejjin:

Eurobonds maħruġa mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) (diġà implimentati parzjalment permezz ta' bonds tal-proġetti), mingħajr ma jiżdied id-dejn tal-pajjiżi, biex jiġu ffinanzjati l-SMEs u l-proġetti fl-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni, ir-riġenerazzjoni urbana, l-ambjent u n-netwerks trans-Ewropej. Azzjonijiet immirati bħal dawn mill-BEI u l-FEI jagħtu sinjal ta' impenn Ewropew attiv sabiex jittejjeb l-ambjent finanzjarju għall-investimenti privati (4);

investiment pubbliku, inkluż fis-settur soċjali (5), mill-Istati Membri biex jiżdied mal-investiment pubbliku tal-UE permezz ta' sistema ta' parametri maqbula b'mod komuni li, flimkien mar-riformi strutturali t-tajbin, irawwmu wkoll l-investiment privat (regola tad-deheb);

id-dilwizzjoni, jew is-sospensjoni temporanja matul il-kriżi, tal-politiki tal-awsterità, li huma fost il-kawżi ewlenin tar-riċessjoni, it-tnaqqis fid-domanda u ż-żieda fil-qgħad, u dewmu l-bidu tal-irkupru. Fi kliem ieħor għandha tiġi żgurata bidla minn awsterità biss għal riformi maqbulin b'mod komuni li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda fil-produttività (6).

fl-implimentazzjoni tas-Six-pack, tat-Two-pack u tal-Patt Fiskali, għandhom jiġu inklużi miżuri ta' akkumpanjament maqbula dwar it-tkabbir, l-impjieg u aspetti soċjali;

applikazzjoni aħjar tas-Semestru Ewropew: fit-triq lejn unjoni ekonomika, is-Semestru, li għandu erba' snin, għandu rwol indispensabbli fil-proċess ta' konverġenza u aġġustament tal-ekonomiji. Minkejja li huwa r-riżultat tal-metodu nonregolatorju ta' koordinazzjoni, jista' jħalli riżultati tajbin. Madanakollu, għandu jiġi implimentat korrettament u jkun aktar trasparenti u kkomunikat kif suppost. L-involviment u l-impenn tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, irid jiġi żgurat;

konformità adegwata mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma: il-governanza hija kruċjali. Il-mod kif jaħdmu l-amministrazzjonijiet nazzjonali huwa deċiżiv għal dan, u t-titjib neċessarju, fejn xieraq, għandu jiġi enfasizzat b'mod ċar. L-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, inklużi dawk dwar il-kwalità tal-amministrazzjoni nazzjonali, għandhom jiġu valutati mill-partijiet interessati kollha u mmonitorjati mill-qrib mill-Kummissjoni;

sjieda sħiħa mill-Istati Membri: il-proċess tas-Semestru, kif inhu bħalissa, għadu teknokratiku ħafna, u dan qed ixekkel l-implimentazzjoni tiegħu. Il-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu integrati fil-proċess permezz ta' diskussjoni adatta tas-semestru, flimkien mal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili (7).

4.   L-approfondiment u l-ikkompletar tal-UEM fit-terminu leġislattiv li jmiss

4.1   Il-pilastru monetarju u finanzjarju

4.1.1

Rigward il-politika monetarja, f'konformità ma' governanza makroekonomika msaħħa fiż-żona tal-euro, il-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jiġi kompletat biex jiġi daqs banek ċentrali oħra barra l-Ewropa u dawk ta' pajjiżi Ewropej barra l-UE u ż-żona tal-euro, biex ikun jista', fost affarijiet oħra, jaġixxi ta' mutwanti tal-aħħar istanza u bħala msieħeb ugwali fil-fora internazzjonali, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija sħiħa tiegħu. Il-BĊE għandu jkollu s-setgħa sħiħa biex jevita kriżijiet ta' likwidità b'mod li jiffavorixxi l-investiment (SMEs).

4.1.2

Madanakollu, il-BĊE ma jistax jinżamm responsabbli waħdu. Fit-triq lejn unjoni fiskali u ekonomika, hemm bżonn essenzjali ta' Unjoni Bankarja  (8). Minħabba relazzjoni persistenti bejn il-gvernijiet u l-banek, l-Istati Membri għadhom isibuha bi tqila biex joħolqu l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi neċessarji, li jwassal biex jiġu postposti d-deċiżjonijiet l-aktar adattati u effettivi (9). Dan ifixkel ukoll is-superviżjoni effettiva mill-BĊE fuq il-banek kollha, li għandha tibbilanċja l-frammentazzjoni finanzjarja, taqta' r-rabtiet mhux mixtieqa bejn il-politiki nazzjonali u l-banek, u toħloq kundizzjonijiet favorevoli għal fużjoni transkonfinali ta' banek.

4.1.3

Waqt in-negozjati mal-Kunsill dwar l-Unjoni Bankarja, il-Parlament Ewropew irnexxielu jilħaq qbil dwar il-progress lejn Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tal-Banek (10). Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (PE). Fil-futur qarib id-deċiżjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal suq tal-kapital Ewropew unifikat, komparabbli għal dak tal-Istati Uniti.

4.1.4

Unjoni Bankarja kompleta teħtieġ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni li jkun strutturat tajjeb, Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti armonizzati fl-Istati Membri, u Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà li jippermetti rikapitalizzazzjoni diretta tal-banek (11). Is-sistema relatata tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun effiċjenti u tiżgura azzjoni rapida. Il-proċess tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' dawn l-elementi għandu jitgħaġġel.

4.1.5

L-Unjoni Bankarja waħidha mhijiex biżżejjed biex tistimula l-ekonomija u l-investimenti. Biex is-settur finanzjarju Ewropew isir aktar reżistenti, l-aġenda għas-snin li ġejjin għandha tiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Basel III, fuq il-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja u fuq is-sejbien ta' soluzzjoni għal banek li huma “kbar wisq biex ifallu” f'konformità ma' ftehimiet internazzjonali (G-20).

4.1.6

Il-Kummissarju Barnier dan l-aħħar ippubblika pakkett leġislattiv voluminuż dwar il-banek u s-swieq finanzjarji li jista' jagħti kontribut importanti għat-tħaddim tajjeb tas-swieq finanzjarji fl-Ewropa, kif ukoll biex jinħoloq settur bankarju stabbli u ta' min jafda fuqu. Dan huwa ta' importanza fundamentali għall-ekonomija reali. L-aktar deċiżjonijiet tal-Kunsill riċenti f'dan il-qasam ma jersqux ħlief parzjalment lejn din id-direzzjoni mixtieqa.

4.1.7

Waħda mill-ogħla prijoritajiet għall-irkupru u t-tkabbir tal-ekonomija u għall-iżvilupp hija kreditu suffiċjenti. Dan ifisser li l-leġislazzjoni tal-UE għandha ssib bilanċ bejn l-iżgurar ta' kundizzjonijiet qafas stretti għall-banek u l-promozzjoni ta' biżżejjed opportunitajiet għal attivitajiet bankarji operattivi, speċjalment biex jiġu faċilitati l-investimenti, li huma indispensabbli għal kull politika ta' tkabbir. M'hemmx għalfejn ngħidu li huwa kruċjali t-twaqqif ta' arranġamenti sodisfaċenti favur negozji li għadhom jibdew u l-SMEs (12).

4.2   Il-pilastru makroekonomiku u baġitarju

4.2.1

F'dan il-qasam, id-diskussjoni intensiva fil-Kunsill Ewropew dwar kuntratti vinkolanti għar-riforma ekonomika hija sinifikanti u diżappuntanti (13). Għalhekk, il-KESE jinsisti li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-proposta tagħha dwar arranġamenti kuntrattwali bħal dawn, minħabba li hemm bżonn aktar diskussjoni dwar il-forma, l-iffinanzjar u l-leġittimità demokratika tagħhom (14).

4.2.2

Is-sħubijiet ibbażati fuq sistema ta' arranġamenti maqbula b'mod reċiproku u l-mekkaniżmi ta' solidarjetà assoċjati jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu faċilitati u appoġġjati politiki ta' aġġustament sodi. Dawn l-arranġamenti jikkontribwixxu kemm għas-sjieda tal-Istati Membri fi ħdan qafas komuni, kif ukoll għal riformi fl-oqsma kollha relatati mat-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u l-impjieg – it-tlieta li huma ser isaħħu l-UE kollha kemm hi (15). Qafas ta' dan it-tip jista' jgħin biex jipprovdi rispons mill-UE għall-iskossi asimmetriċi skont il-pajjiż, li tkun forma ta' solidarjetà tal-UE.

4.2.3

Sħubijiet ta' dan it-tip jistgħu jippromovu l-koeżjoni u l-fiduċja fost il-popolazzjoni li hija kruċjali biex jingħeleb it-tħassib marbut mas-sovranità nazzjonali. Dan, min-naħa tiegħu, ser jikkontribwixxi għall-komunalità Ewropea li se tkun bażi indispensabbli għall-iżvilupp ta' strumenti tal-UE, bħal baġit għaż-żona tal-euro, fond ta' solidarjetà Ewropew u l-Eurobonds.

4.2.4

Il-konverġenza ta' sistemi ekonomiċi inklużi sistemi tat-taxxa (16), flimkien ma' strument ta' solidarjetà, tirrappreżenta fattur ewlieni biex bil-mod jingħelbu d-differenzi makro u mikroekonomiċi bejn il-pajjiżi. Fuq żmien medju, anke jekk dan ikun jitlob tibdil fit-trattati, dan l-istrument x'aktarx isir mekkaniżmu ta' kumpens ekonomiku biex l-ekonomiji tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jerġgħu jiġu bbilanċjati u integrati. Eventwalment jista' jsir parti minn baġit komuni taż-żona tal-euro. Il-fondi strutturali u ta' koeżjoni jistgħu wkoll jintużaw f'din il-perspettiva.

4.2.5

Il-Kummissjoni l-ġdida, bħala attur ewlieni fil-proċess, għandha tieħu r-responsabbiltà li tagħmel proposti leġislattivi, f'konformità mal-metodu segwit mill-Kummissarju Barnier għar-regolazzjoni tas-sistema finanzjarja, f'oqsma fejn id-dibattitu s'issa kien iddominat mill-Istati Membri, biex b'hekk jitħeġġu diskussjonijiet produttivi fil-Kunsill abbażi ta' proposti konkreti.

4.2.6

S'issa l-Kummissjoni m'użatx dan il-metodu biżżejjed. Eżempji ta' każijiet fejn jista' jintuża jinkludu l-koordinazzjoni ex-ante ta' pjani għal riformi ewlenin tal-politika ekonomika, kuntratti għal riforma ekonomika akkumpanjati minn mekkaniżmu ta' solidarjetà, it-twaqqif ta' fond Ewropew ta' tifdija u l-Eurobills. Meta dawn it-tibdiliet ikunu jeħtieġu bidliet fit-Trattati, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan ċar mal-membri taż-żona tal-euro.

4.2.7

Approċċ bħal dan se jġiegħel lill-Kunsill biex jieħu pożizzjoni dwar dawn il-proposti. Huwa ser jenfasizza t-trasparenza u ċ-ċarezza dwar il-pożizzjonijiet politiċi differenti, u ser ikun l-uniku metodu biex jingħeleb l-istaġnar intergovernattiv fl-arranġament attwali. Dan għandu wkoll jiġu kkomunikat b'mod adatt mill-Kummissjoni lill-partijiet interessati differenti, inkluż lill-pubbliku ġenerali.

4.2.8

Għaldaqstant, li hu meħtieġ fuq żmien medju (kif kien meħtieġ sa mit-Trattat ta' Maastricht) hija governanza ekonomika għaż-żona tal-euro rigward il-politiki mikro u makroekonomiċi, billi ngħaddu mill-metodu ta' koordinazzjoni attwali, li s'issa kiseb riżultati batuti, għal teħid tad-deċiżjonijiet konġunt dwar il-“prinċipji fundamentali” ta' dawk il-politiki. Iż-żona tal-euro ma taffordjax tkompli tuża l-istess munita filwaqt li tħaddan politiki ekonomiċi separati, li għalhekk hemm bżonn jiġu integrati sabiex, fost affarijiet oħra, jiġi faċilitat ix-xogħol tal-BĊE.

4.2.9

Mekkaniżmu ta' distribuzzjoni mill-ġdid li għandu jintuża f'każ ta' xokkijiet asimmetriċi: il-prinċipju tar-responsabbiltà (mhux biss tal-istati iżda anke ta' ċittadini) m'għandux ikun separat minn dak tas-solidarjetà. Għaldaqstant għandhom jittieħdu miżuri konkreti għal perjodu limitat għall-aktar gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Hija responsabbiltà li għandu kull ċittadin u kull pajjiż.

4.2.10

Fuq l-istess linji, għandna bżonn nimxu lejn baġit proprju suffiċjenti għaż-żona tal-euro, b'regoli maqbula b'mod konġunt; dan hu l-uniku mod biex jittieħdu passi lejn politika fiskali komuni u jiġu assorbiti kwalunkwe xokkijiet li jistgħu jseħħu fil-ġejjieni. Dan jista' jiġi ffinanzjat, pereżempju, permezz ta' taxxa mmirata, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (bil-kundizzjoni li din tkun estiża għaż-żona tal-euro kollha), taxxa fuq il-karbonju, jew imposta temporanja fuq il-bilanċ tal-eċċess tal-pagamenti ogħla minn 6 % u, fl-aħħar, billi jinħarġu bonds konġunti.

4.2.11

Dejn sovran: għandu jinħoloq mekkaniżmu li, mingħajr ma jneħħi r-responsabbiltà tal-pajjiżi għad-dejn tagħhom, ineħħi dan minn idejn l-ispekulaturi. Id-dejn nazzjonali, gradwalment ikkonvertit sa mhux aktar minn 60 % (kif propost mill-KESE (17)) jew, għall-parti li tiżboq is-60 % (skont il-proposta għal Fond ta' Tifdija tad-Dejn imressqa mill-Kummissjoni (18)), jista' jinżamm f'kont tad-dejn ikkonsolidat u mantnut pro-rata mill-Istati Membri differenti. Minflok dan, jista' jitwaqqaf Fond Temporanju tal-Eurobill permezz ta' trattat intergovernattiv li jkun jippermetti il-ħruġ ta' strumenti ta' dejn fiż-żona tal-euro għal perjodu ta' żmien qasir, u b'hekk ineħħi r-riskju ta' kriżi ta' likwidità tal-gvern fiż-żona tal-euro. B'segwitu għall-konklużjonijiet tal-grupp ta' esperti tagħha, li twaqqaf bil-mandat speċifiku li janalizza l-merti u r-riskji tal-alternattivi differenti ta' ħruġ ta' dejn konġunt, il-Kummissjoni issa għandha tfassal proposta konkreta dwar liema strumenti għandhom jintużaw u f'liema perjodu ta' żmien.

4.3   Il-pilastru mikroekonomiku

4.3.1

Il-politiki mikroekonomiċi wkoll jeħtieġu ħafna attenzjoni, speċjalment il-politiki industrijali u settorjali, li huma vitali għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea, fejn l-approċċ frammentat m'għadux jaħdem. Għalhekk jeħtieġ li jingħaqdu flimkien xi politiki (u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet korrispondenti) li għandhom impatt indirett fuq il-baġits nazzjonali, sabiex naslu għal viżjoni komuni u azzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'mod partikolari rigward:

l-ikkompletar tas-Suq Uniku;

il-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli biex in-negozji jibqgħu fl-Ewropa jew jiġu fl-Ewropa, l-aktar billi titneħħa l-frammentazzjoni tas-suq;

politika industrijali komuni (19) li ssaħħaħ il-bażi għal prestazzjonijiet ekonomiċi sostenibbli li huma eżistenti u innovattivi madwar il-kontinent;

politika komuni tal-enerġija, li għadha nieqsa u li tinħtieġ ħafna għax hija ta' importanza kbira għal kundizzjonijiet ekonomiċi ugwali u stabbli fl-UE;

proġetti infrastrutturali komuni fuq skala kbira u politiki tat-trasport sabiex tittejjeb il-konnettività;

il-konverġenza tat-tassazzjoni korporattiva;

servizzi, inklużi s-servizzi għan-negozji;

is-suq tax-xogħol u l-mobbiltà tal-ħaddiema;

politika tar-riċerka.

4.4   Il-pilastru soċjali

4.4.1

Il-KESE jisħaq dwar miżuri konkreti dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM (20). Ir-rata tal-impjieg fost iż-żgħażagħ għadha f'livell baxx u perikoluż. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni l-ġdida għandha terfa' r-responsabilità biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol:

billi tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi u n-negozji li għadhom qed jibdew;

billi tipproponi aġġustamenti għall-politiki tal-edukazzjoni fil-livelli kollha madwar l-Ewropa, kif ukoll politiki dwar il-kura tas-saħħa fejn adatt;

billi tintroduċi l-kundizzjonijiet adattati għall-mobbiltà tax-xogħol bejn il-fruntieri;

permezz ta' proposti ta' taxxa bil-għan li jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi;

permezz ta' proposti bil-għan li jaqbżu għad-drittijiet tal-konsumaturi;

billi tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi;

billi twettaq investimenti soċjali (21).

4.4.2

Fil-livelli kollha hemm bżonn djalogu soċjali adatt. Dan ifisser li jridu jingħelbu l-ostakli għal konsultazzjonijiet effettivi fl-Istati Membri u bejniethom. L-UE għandha tkun ta' għajnuna kbira biex jinġabru flimkien il-partijiet interessati minn pajjiżi differenti biex jiddiskutu prattiki li rnexxew u biex ifasslu pjani għat-titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi.

4.4.3

Jekk l-Unjoni Monetarja, u b'mod partikolari ż-żona tal-euro, trid tiġi kkompletata, ma tistax tinjora l-konsegwenzi soċjali tal-politiki ekonomiċi attwali billi tħallihom kompletament f'idejn pajjiżi individwali. Kemm il-miżuri ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali għandhom iqisu mhux biss il-parametri tal-patt ta' stabbiltà, iżda firxa usa' ta' parametri makroekonomiċi (pereżempju r-rata tal-qgħad, ir-rata tat-tkabbir, il-bilanċ tal-pagamenti, ir-rata tal-impjieg, ir-rata tal-faqar, it-tqassim tad-dħul u l-ġid, eċċ.). Huwa impossibbli li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-UEM mingħajr l-ebda mekkaniżmu soċjali għaż-żona tal-euro li jista' jindirizza l-konsegwenzi ta' riċessjonijiet ekonomiċi ħarxin u/jew żbilanċi. Xi wħud minn dawn jistgħu jeħtieġu tibdil fit-Trattati. Fuq żmien medju, jistgħu jinkludu:

il-ħolqien ta' sistema komuni ta' assigurazzjoni għall-qgħad, flimkien ma' sistemi nazzjonali, possibbilment marbutin mal-ħolqien ta' regoli komuni għas-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro u mal-mobbiltà tax-xogħol;

il-provvediment ta' dħul minimu adegwat għal xi gruppi ta' persuni taħt il-linja tal-faqar u l-ħolqien ta' regoli komuni għall-għajnuna soċjali u l-assistenza.

4.4.4

Politiki oħra li jtejbu s-sens ta' sjieda tal-pubbliku u jiffaċilitaw il-moviment liberu tan-nies ukoll għandhom jingħaqdu flimkien għall-interess pubbliku. Dawn jinkludu:

rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki u diplomi;

il-kwalità u t-twassil ta' merkanzija u servizzi pubbliċi fiż-żona tal-euro biex tiġi żgurata l-kontinwità, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, eċċ.

4.5   Il-pilastru politiku

4.5.1

Programm wiesa' bħal dan jista' jitwettaq biss permezz tal-leġittimità demokratika meħtieġa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Filwaqt li jirrikonoxxi bis-sħiħ il-progress konsiderevoli matul l-aħħar ftit snin, il-KESE huwa tal-fehma li qabża oħra 'l quddiem matul it-terminu li jmiss, tista' ssir biss billi tingħata attenzjoni speċjali għar-responsabbiltà, il-leġittimità, id-demokrazija, it-trasparenza u l-komunikazzjoni.

4.5.2

Id-dibattitu politiku madwar l-Ewropa dwar il-proċess ta' integrazzjoni qed isir dejjem aktar profond. Fil-livell tal-UE, il-partiti politiċi għandhom jiddefinixxu b'mod ċar l-alternattivi tagħhom, u dawn l-alternattivi għandhom iħaddnu l-fehmiet tad-diversi raggruppamenti politiċi tal-PE u jikkontribwixxu għaż-żieda fil-viżibbiltà tal-partiti politiċi Ewropej. Elezzjonijet Ewropej transnazzjonali li jkunu jinvolvu formazzjonijiet politiċi transkonfinali jservu biex isaħħu u jiffaċilitaw ħafna d-dibattitu Ewropew.

4.5.3

Is-sjieda konġunta u l-ħtieġa ta' appoġġ pubbliku jeħtieġu ħafna aktar impenn mill-parlamenti nazzjonali għad-dibattitu Ewropew. Il-proposti leġislattivi tal-UE u l-programmi nazzjonali ta' riforma għandhom jiġu diskussi kif dovut fil-parlamenti. Għandhom jiġu ppjanati konsultazzjonijiet interattivi dwar kwistjonijiet strateġiċi bejn il-PE u l-parlamenti nazzjonali, u b'hekk tiżdied ukoll id-dinamika bejn il-parlamenti nazzjonali.

4.5.4

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-metodu Komunitarju b'mod effettiv kemm jista' jkun meta tippreżenta l-proposti leġislattivi u l-miżuri, anke f'każijiet ta' kompetenzi konġunti mal-Istati Membri. Bħal fil-passat, attitudni proattiva u kuraġġuża tħalli l-frott.

4.5.5

Fuq talba tal-parlamenti u/jew tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna fid-dibattiti nazzjonali dwar kwistjonijiet Ewropej.

4.5.6

Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsilli, notevolment il-Kunsill ECOFIN, huma ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u essenzjali għar-responsabbiltà u l-leġittimità. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' aktar trasparenza għax din twieġeb għar-rekwiżiti demokratiċi.

4.5.7

Il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-interessi nazzjonali, minbarra li huma koleġislaturi fil-livell Ewropew, ta' spiss jitkellmu b'lingwi differenti f'pajjiżhom u fi Brussell, u dan normalment joħloq konfużjoni kbira u jfixkel il-ftehim. Id-diskors ambigwu mhuwiex aċċettabbli. L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar messaġġi politiċi komuni fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.5.8

L-Istati Membri huma soġġetti għall-arkitettura tal-UEM, u fl-istess ħin jagħmlu wkoll parti minnha. Il-konverġenza lejn metodoloġija Ewropea, b'mod li jinżammu l-proċeduri u t-tradizzjonijiet amministrattivi nazzjonali hija possibbli, iżda dan ikun jeħtieġ aġġustamenti konsiderevoli f'għadd ta' pajjiżi. Prattiki politiċi u amministrattivi li jkunu affidabbli se jkunu indispensabbli għall-bini tal-fiduċja.

4.5.9

Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili għandha taqdi wkoll ir-rwol tagħha, ta' spiss sottovalutat, fl-arkitettura futura tal-UE u f'żona tal-euro aktar integrata. Hemm ħafna oqsma fejn il-progress jiddependi parzjalment jew kompletament mill-atturi mhux governattivi. Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta b'mod sħiħ. F'numru kbir wisq ta' pajjiżi, is-soċjetà ċivili għadha marġinalizzata, filwaqt li għandha tingħata l-istrumenti neċessarji biex tiddjaloga ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet. Is-soċjetà ċivili trid terfa' r-responsabbiltà tagħha u tieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE sabiex twessa' l-bażi demokratika tagħha. Mingħajr l-impenn attiv tagħha, l-UEM qatt mhu se tkun tista' issir realtà.

4.5.10

Għall-imsieħba soċjali b'mod partikolari jkun pjuttost utli li jiġu studjati r-riżultati ta' mudell kunsenswali fl-Istati Membri, li l-KESE jappoġġja bil-qawwi. Għandu jiġi rrakkomandat l-iskambju ta’ prattiki.

4.5.11

Il-KESE jemmen li sar ovvju li r-regoli attwali mhumiex adegwati u ma ħadmux kif mistenni, u li l-azzjoni intergovernattiva mhijiex lesta biex tilqa' l-isfidi li qed tiffaċċja l-UEM. Lanqas m'għandna nimlew rasna li hekk kif tonqos il-kriżi, il-mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni li twaqqfu ta' malajr hekk kif bdiet il-maltempata ser ikunu biżżejjed biex nimxu 'l quddiem u jiġu evitati kriżijiet ġodda.

4.5.12

L-uniku mod kif jiġi evitat li jerġgħu jseħħu sitwazzjonijiet bħal dawn huwa li jinbidlu r-regoli u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jiggvernaw iż-żona tal-euro sabiex din issir aktar trasparenti u demokratika:

xi ħadd jinħatar bħala responsabbli għall-euro biex jitkellem b'vuċi waħda, billi jiġi istituzzjonalizzat il-grupp tal-euro. Biex il-gvernanza tal-euro tittejjeb, il-grupp tal-euro għandu jkun jista' jieħu deċiżjonijiet malajr u jintervjeni f'każ ta' kriżi. Dan jagħmel il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar demokratiku u trasparenti, billi nibdew bit-tneħħija tad-dritt tal-veto;

billi jkun hemm mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni u/jew baġit ġenwin għaż-żona tal-euro, kif issuġġerit fil-punti 4.2.9 u 4.2.10 permezz ta' proċess pass pass li jiżgura l-provvediment ta' beni pubbliċi, distribuzzjoni aktar ġusta ta' riżorsi għall-appoġġ tal-proċessi ta' riforma, it-tnaqqis tad-differenzi bejn il-pajjiżi, bil-possibbiltà ta' politika komuni għat-tassazzjoni, eċċ.;

permezz ta' preżenza unika fl-organizzazzjonijiet internazzjonali;

l-azzjonijiet ta' din l-awtorità li tiggverna għandhom ikunu appoġġjati minn membri tal-PE miż-żona tal-euro li jivvutaw ukoll dwarhom (Euro-parliament). Membri oħra jistgħu jattendu wkoll iżda mingħajr id-dritt tal-vot.

5.   Fuq perjodu ta' żmien twil: tnedija ta' Ewropa ta' politika b'mod globali

5.1

Minbarra l-ikkompletar tal-UEM kif imsemmi hawn fuq, ikun ta' għajnuna wkoll li matul il-leġislatura li jmiss jinbeda proċess ta' riflessjoni serju dwar l-approfondiment tal-UE kollha kemm hi u dwar il-mod kif jaħdmu l-korpi istituzzjonali tagħha kif ukoll l-għażla ta' politiki li għandhom jinqasmu. Fil-fehma tal-KESE, ir-riflessjoni għandha tikkonċerna l-aspetti deskritti hawn taħt.

5.2

L-attività tal-Kummissjoni tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-PE, li jista' jkollu wkoll id-dritt tal-inizjattiva. Il-PE jista' jiġi elett fuq il-bażi ta' listi Ewropej magħmulin minn partiti Ewropej.

5.3

Sabiex jiġu promossi l-viżibbiltà, il-leġittimità demokratika u d-diviżjoni tas-setgħat, għandha titneħħa d-dijarkija tal-president tal-Kunsill Ewropew u tal-president tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu eletti mill-PE jew direttament mill-poplu, sakemm ir-rwol tiegħu jinbidel ukoll. Il-Kunsill attwali għandu jsir is-“Senat tal-Istati” b'regoli ta' proċedura ġodda.

5.4

Rigward il-politiki li għandhom jitmexxew mill-UE kompletament jew parzjalment, u li dwarhom għandu jkollha s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn jistgħu jinkludu l-politika barranija u r-rwol internazzjonali tal-Unjoni, inkluża preżenza unika fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-politika tad-difiża – għal dawk li jaqblu magħha – , il-politika tal-enerġija, il-politika tar-riċerka, il-politika tal-immigrazzjoni u l-ażil, u l-konformità mal-istandards u d-drittijiet, bis-setgħa li tittieħed azzjoni meta l-istati ma jobdux dawn, kif inhu diġà l-każ għal kwistjonijiet ekonomiċi u r-regoli baġitarji.

5.5

L-istruttura istituzzjonali l-ġdida, li ma tistax tinkiseb permezz ta' kooperazzjoni mtejba biss, u r-rwol tal-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-KESE u l-KtR, jistgħu jiġu determinati minn Konvenzjoni ġdida, li għandha tispiċċa xogħolha qabel l-2019, meta għandhom isiru l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss wara dawk tal-2014.

6.   Komunikazzjoni u semplifikazzjoni

6.1

Fil-proċess tal-kisba mill-ġdid tal-fiduċja, hija indispensabbli komunikazzjoni tajba. Il-KESE jinsab konvint li l-aħjar komunikazzjoni hija żgurata b'politiki u prattiki tajbin li jippreżentaw perspettiva fit-tul għas-soċjetà Ewropea kollha.

6.2

Hemm bżonn li l-komunikazzjoni mal-pubbliku titrawwem u tittejjeb. Il-komunikazzjoni tnibbet l-interess, li jġib miegħu l-fehim. Din it-tagħlima ma ttiħditx biżżejjed inkunsiderazzjoni, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli għal dan in-nuqqas. Għandu jintuża l-ispettru kollu tal-midja soċjali.

6.3

L-UEM u oqsma relatati ta' sikwit ġew ippreżentati bħala kwistjoni teknika. Dawn mhuwiex minnu, għax huma fundamentalment politiċi u jinfluwenzaw ħafna l-ħajja ta' kull ċittadin. Madankollu, huwa rari li tiġi diskussa, aħseb u ara kkomunikata f'din il-perspettiva, u dan jispjega wkoll id-distakk enormi bejn l-UE u ċ-ċittadini ordinarji.

6.4

It-tradizzjonijiet u s-sitwazzjonijiet differenti kuljum juru n-nuqqas ta' “lingwa komuni tal-UEM” u kultant dan joħloq konfużjoni u ħsara għall-appoġġ pubbliku. Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni hija l-unika awtorità li tista' tippreżenta soluzzjoni minħabba d-dritt tagħha ta' inizjattiva fil-proċess leġislattiv tal-UE. Dan għandu jitqies mill-perspettiva ta' Kummissjoni u PE li huma aktar politiċi minn qabel.

6.5

Kif atturi koresponsabbli, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom jaqdu r-rwol proprju tagħhom fil-komunikazzjoni, li s'issa ta' spiss mhix żviluppata biżżejjed. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom iwasslu t-tħassib taċ-ċittadini u l-intrapriżi lill-awtoritajiet u għandhom jikkooperaw biex dawn jiġu indirizzati. L-iskambju ta' fehmiet għandu jmur fiż-żewġ direzzjonijiet.

6.6

L-Ewropa m'għandhiex tibqa' tagħti l-impressjoni li hija torri tal-avorju, kif taħseb il-biċċa l-kbira tal-opinjoni pubblika. Il-merti ta' integrazzjoni Ewropea, il-passi ta' żvilupp konkreti u l-benefiċċji li jirriżultaw direttament għall-investimenti, l-impjiegi, u l-konsumaturi għandhom jiġu spjegati b'mod ċar liċ-ċittadin. L-hekk imsejħa narrattiva ġdida għall-Ewropa għandha tibda bi strateġija tal-komunikazzjoni u s-semplifikazzjoni konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li huma atturi ewlenin maġenb il-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/336 dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, relatur: is-Sur Delapina, punt 1.6 (ĠU C 133 tad-9 ta' Mejju 2013).

(2)  Ara Dr. Wolfgang Schäuble, partikolarment id-diskors tiegħu f'Paulskirche, 3 ta' Ottubru 2011, u d-diskors ta' Karlspreis, Mejju 2012, kif ukoll id-diskors ta' Giorgio Napolitano fil-Parlament Ewropew, 3 ta' Frar 2014.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/340 dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”, relatur: is-Sur Cedrone (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013).

(4)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE ECO/307 dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi” (ĠU C 143 tat-22 ta' Mejju 2012), ECO/334 dwar “Wara 10 snin x’direzzjoni għall-euro? Il- futur ekonomiku u politiku tal-UE u t-trattat il-ġdid” (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013) u ECO/340 dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew” (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013), relatur, is-Sur Cedrone.

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/496 dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali”, relatur: is-Sur Greif (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/336, dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, relatur, is-Sur Delapina (ĠU C 133 tad-9 ta' Mejju 2013).

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE EUR/006 dwar “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014”, relatur: is-Sinjura Pichenot (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/339 dwar “Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja”, relatur: is-Sur Trias Pintó (ĠU C 11 tal-15 ta' Jannar 2013).

(9)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19-20 ta' Diċembru 2013.

(10)  Ara l-ftehim dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni li ntlaħaq bejn il-Kunsill u l-PE fl-20 ta' Marzu 2014.

(11)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE ECO/333 dwar “Irkupru u riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu”, relatur: is-Sinjura Roussenova (ĠU C 44 tal-15 ta' Frar 2013) u ECO/350 dwar “Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni”, relatur: is-Sur Mareels (ĠU C 67 tas-6 ta' Marzu 2014).

(12)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE ECO/347 dwar “Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea”, relatur: is-Sur Smyth (ĠU C 327 tat-12 ta' Novembru 2013) u ECO/365 dwar “Il-finanzjament fuq terminu twil – segwitu”, relatur: is-Sur Smyth, korelatur: is-Sur Farrugia (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(13)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19-20 ta' Diċembru 2013.

(14)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/348 dwar “Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività/Riformi maġġuri ta' politika ekonomika”, relatur: is-Sur Croughan (ĠU C 271 tad-19 ta' Settembru 2013).

(15)  Ara wkoll id-diskors tal-President tal-Eurogroup is-Sur Dijsselbloem, fl-istess spirtu: 17 ta' Frar 2014 fis-seminar tal-OECD fi Brussell “The Euro Area at the crossroads”.

(16)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/336 dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro”, relatur: is-Sur Delapina (ĠU C 133 tad-9 ta' Mejju 2013). Għandhom jitqiesu wkoll progressivament aspetti rilevanti oħra dwar it-taxxa.

(17)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/307 dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi”, relatur, is-Sur Cedrone (ĠU C 143 tat-22 ta' Mejju 2012).

(18)  Ara COM(2012) 777 final/2.

(19)  Ara l-Opinjoni tal-KESE CCMI/108 dwar “Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku – Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali”, relatur: is-Sur van Iersel, korelatur: is-Sur Gibellieri, (ĠU C 327 tat-12 ta' Novembru 2013).

(20)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE SOC/494, dwar “It-Tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, relatur ġenerali, is-Sur Dassis (ĠU C 67, 6 ta' Marzu 2014).

(21)  Dan jinkludi wkoll il-ħruġ tal-persuni mill-faqar. F'dan ir-rigward, ara l-Opinjoni tal-KESE SOC/496 dwar “L-impatt tal-investimenti soċjali”, relatur: is-Sur Greif (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).


Επάνω