Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4179

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Sistema Bankarja Parallela – Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta’ Riskju fis-Settur Finanzjarju COM(2013) 614 final

    ĠU C 170, 5.6.2014, p. 55–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 170/55


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Sistema Bankarja Parallela – Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta’ Riskju fis-Settur Finanzjarju

    COM(2013) 614 final

    2014/C 170/09

    Relatur: is-Sur POLYZOGOPOULOS

    Nhar it-18 ta’ April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Sistema Bankarja Parallela – Nindirizzaw Sorsi Ġodda ta’ Riskju fis-Settur Finanzjarju

    COM(2013) 614 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Novembru 2013.

    Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Novembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’153 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni bħala kontribut koerenti għar-riforma tas-servizzi finanzjarji bil-għan li jerġa’ jkun hemm armonija u stabbiltà f’dan is-settur ewlieni u sabiex jiġu limitati r-riskji sistemiċi.

    1.2

    Il-KESE jemmen li r-regolamenti l-ġodda tas-suq finanzjarju ser jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal ekonomija soda u jinsab konvint li settur finanzjarju stabbli u s-suċċess tar-riformi huma prekundizzjonijiet għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi u t-twettiq tas-suq intern tal-UE.

    1.3

    Il-KESE jqis li l-pjan direzzjonali li jistabbilixxi l-miżuri li diġà ttieħdu u dawk għall-ġejjieni huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Jirrikonoxxi l-progress li diġà sar iżda madankollu jinnota l-ħtieġa urġenti biex titħaffef il-ħidma f’għadd ta’ oqsma u li jiġu implimentati dawk l-inizjattivi leġislattivi li għadhom pendenti. Fir-rigward tal-ħames oqsma ta’ prijorità (1) għal azzjoni, il-KESE għandu dawn il-kummenti x’jagħmel:

    1.4

    Il-Kumitat iqis li huwa importanti ferm li jiġi indirizzat l-arbitraġġ (2) fir-rigward tar-riformi tas-servizzi finanzjarji, u għaldaqstant jilqa’ l-pakkett dettaljat ta’ miżuri li ġie propost (3) u, b’mod aktar speċifiku, it-tisħiħ tal-qafas bankarju prudenzjali bil-għan li jiġu limitati r-riskji ta’ kontaġju u ta’ arbitraġġ.

    1.5

    Il-Kumitat jilqa’ l-isforzi biex tissaħħaħ it-trasparenza u b’mod partikolari l-miżuri speċifiċi bil-għan li jipprovdu qafas ta’ monitoraġġ tas-sistemi bankarji paralleli fl-UE, l-iżvilupp ta’ repożitorji ċentrali għad-derivattivi fi ħdan ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) (4), ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) (5), l-implimentazzjoni tal-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI) u ż-żieda fit-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli.

    1.6

    Il-Kumitat jirrikonoxxi li sar progress biex jiġi stabbilit qafas regolatorju aktar b’saħħtu għall-fondi ta’ investiment li jiffokaw fuq it-titjib tal-likwidità u l-istabbiltà b’mod partikolari għall-fondi tas-suq monetarju (MMFs) li huma bbażati jew mibjugħa fl-Ewropa.

    1.7

    Il-Kumitat jikkunsidra li, fir-rigward tal-qasam ta’ prijorità intitolat “Jitnaqqsu r-riskji assoċjati ma’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli”, il-Komunikazzjoni hija limitata għal osservazzjonijiet ġenerali li għalkemm jirriflettu r-realtà jinjoraw għadd ta’ ċirkostanzi ewlenin. Il-KESE jirrakkomanda li jitħaffef il-pass u li l-ħidma tiffoka fuq il-leġislazzjoni dwar it-titoli trasferibbli peress li t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli – speċjalment il-ftehimiet ta’ riakkwist u t-tranżazzjonijiet ta’ self tat-titoli – qdew rwol ċentrali fir-rigward tad-dejn eċċessiv fis-settur finanzjarju.

    1.8

    Bl-istess mod, jinnota d-dewmien u jirrakkomanda li tiġi intensifikata u aċċellerata l-azzjoni biex tiġi ċċarata l-kwistjoni kruċjali tat-tisħiħ tas-superviżjoni tas-settur tas-sistema bankarja parallela. F’dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni ssir referenza biss għal għadd ta’ problemi u tissemma miżura futura waħda biss, li hija r-reviżjoni tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) li għandha titwettaq mill-Kummissjoni fl-2013.

    1.9

    Peress li l-vittmi involontarji ewlenin tal-kriżi finanzjarja u ekonomika huma ċ-ċittadini bħala kontribwenti, ħaddiema, depożitaturi u konsumaturi, il-KESE jirrakkomanda li l-inizjattivi regolatorji jissaħħu b’dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni taċ-ċittadini permezz tat-trasparenza, l-informazzjoni korretta, ir-responsabbiltà soċjali tas-settur finanzjarju u l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-investituri żgħar. Ifakkar ukoll fil-kummenti rilevanti tiegħu dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji (6).

    1.10

    Fil-fehma tal-Kumitat, hija importanti l-osservazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar il-fatt li s-settur bankarju parallel ma għandux jitqies biss mil-lat tar-riskji li jġib miegħu. Huwa wkoll mezz alternattiv ta’ finanzjament addizzjonali li jista’ jkun utli għall-ekonomija reali.

    2.   Definizzjonijiet, kamp ta’ applikazzjoni u sfond

    2.1

    Is-sistema bankarja parallela hija definita bħala sistema ta’ “intermedjazzjoni tal-kreditu li tinvolvi l-entitajiet u l-attivitajiet barra mis-sistema bankarja regolari” (7) magħmula minn żewġ gruppi interrelatati. L-ewwel grupp jinkludi entitajiet li huma prinċipalment involuti f’attivitajiet bħal ġbir ta’ fondi b’karatteristiċi simili għal depożitu, it-trasformazzjoni tal-maturità u likwidità, it-trasferiment tar-riskju ta’ kreditu u l-użu ta’ ingranaġġ finanzjarju dirett jew indirett. It-tieni grupp jinkludi attivitajiet li jistgħu jkunu sors importanti ta’ finanzjament għall-entitajiet finanzjarji nonbankarji, bħat-titolizzazzjoni, is-self ta’ titoli u t-tranżazzjonijiet ta’ riakkwist (repo) .

    2.2

    L-entitajiet ad hoc huma vetturi ta’ titolizzazzjoni bħall-pereżempju l-vejikoli ta’ karti kummerċjali garantiti b’assi (ABCP), Strumenti Speċjali ta’ Investiment (Special Investment Vehicles – SIV) u Strumenti bi Skop Speċjali (Special Purpose Vehicles -SPV) oħrajn, il-fondi tas-suq monetarju (MFF) u tipi oħra ta’ fondi jew prodotti ta’ investiment b’karatteristiċi simili għal depożitu li huma suxxettibbli għal tifdija massiva (“assalti bankarji”), fondi ta’ investiment, inklużi l-fondi negozjati fil-Borża, li jipprovdu l-kreditu jew għandhom ingranaġġ, kumpaniji ta’ finanzjament u entitajiet speċjalizzati tat-titoli li jipprovdu kreditu jew garanziji ta’ kreditu mhux regolati, jew li jwettqu t-trasformazzjoni tal-likwidità jew il-maturità bħall-banek, kif ukoll l-intrapriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joħorġu jew jiggarantixxu prodotti ta’ kreditu.

    2.3

    L-oriġini tal-attivitajiet bankarji paralleli jinsabu fid-deregolazzjoni tas-sistema finanzjarja matul it-tmeninijiet fir-Renju Unit, li ssoktat fl-Istati Uniti u bnadi oħra fid-disgħinijiet (8). Ir-rwol tal-Ftehimiet ta’ Basel tal-bidu kien importanti f’dan il-proċess peress li l-attivitajiet spekulattivi kienu kkunsidrati bħala entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali filwaqt li l-karti tal-bilanċ kienu soġġetti għal regolamenti stretti (9).

    2.4

    It-tħassir jew il-laxkar tar-regoli u d-dispożizzjonijiet (10) ppermettew li l-korpi finanzjarji jestendu l-attivitajiet tagħhom f’oqsma ġodda u f’mudelli kumplessi filwaqt li l-wiegħda ta’ ritorn għoli kellha riperkussjonijiet għal miljuni ta’ persuni madwar id-dinja li ftit li xejn kellhom għarfien dwar il-prodotti u dwar is-sistema bankarja parallela u kif taħdem.

    2.5

    Fl-2007, il-G20 iddeċieda jadotta pakkett ta’ miżuri regolatorji biex jippromovi s-sigurtà u l-vijabbiltà tas-sistema finanzjarja, filwaqt li l-impatt ekonomiku u soċjali serju tal-kriżi tal-2008 żvela r-riskji assoċjati mal-attivitajiet bankarji paralleli kif ukoll nuqqasijiet fil-qasam, li huma lakuni regolatorji, superviżjoni inadegwata, nuqqas ta’ trasparenza fis-swieq u prodotti eċċessivament kumplessi, u dan kollu enfasizza r-rwol tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB).

    2.6

    L-Unjoni Ewropea qed taqdi rwol ewlieni fl-isforz internazzjonali fi ħdan il-G20 u l-FSB, u l-Kumitat jenfasizza l-progress kbir li wettqet fl-implimentazzjoni tal-impenji stabbiliti fil-pjan direzzjonali għar-riforma tas-settur finanzjarju u fl-istabbiliment ta’ strutturi ġodda ta’ superviżjoni. Għadd ta’ riformi diġà ġew tradotti f’leġislazzjonijiet, pereżempju fir-rigward tad-derivattivi OCT, fost l-oħrajn.

    2.7

    Ir-rapport tal-FSB ta’ Ottubru 2011, li jirrappreżenta l-ewwel inizjattiva internazzjonali biex tinkiseb is-sistema bankarja parallela fuq pjan globali, jiffoka fuq: i) id-definizzjoni tal-prinċipji għall-monitoraġġ u r-regolamentazzjoni ta’ din is-sistema; ii) it-tnedija ta’ proċess ta’ qari u ta’ valutazzjoni tar-riskji sistemiċi; iii) l-identifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri regolatorji fi ħdan 5 direzzjonijiet ta’ ħidma (11). Sadattant il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-Green Paper tagħha dwar il-perikli potenzjali tas-sistema bankarja parallela fl-UE u modi kif dawn jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ dispożizzjonijiet regolatorji.

    3.   Preżentazzjoni fil-qosor tal-Komunikazzjoni

    3.1

    Il-Komunikazzjoni tibda billi teżamina l-miżuri li diġà ttieħdu f’żewġ oqsma: minn naħa dawk il-miżuri li jikkonċernaw l-entitajiet finanzjarji jiffokaw fuq it-tisħiħ tar-rekwiżiti imposti fuq il-banek u fuq il-kumpaniji tal-assigurazzjoni fin-negozjati tagħhom mas-sistema bankarja parallela u fuq it-tħejjija ta’ qafas armonizzat għall-ġestjonarji ta’ fondi ta’ investiment alternattivi; min-naħa l-oħra, dawk il-miżuri relatati mal-integrità tas-swieq jiffokaw fuq l-istrumenti għat-trasferiment tar-riskju, it-tisħiħ tal-qafas fil-qasam tat-titolizzazzjoni, u qafas aktar b’saħħtu għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni.

    3.2

    Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi ħames oqsma ta’ prijorità fejn il-Kummissjoni beħsiebha tieħu miżuri addizzjonali:

    1)

    tiżdied it-trasparenza fis-sistema bankarja parallela,

    2)

    jiġi provdut qafas imsaħħaħ għall-fondi ta’ investiment, partikolarment fondi tas-suq monetarju (MFF),

    3)

    tiġi żviluppata liġi tat-titoli trasferibbli biex jiġu limitati r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli,

    4)

    jissaħħu r-regolamenti prudenzjali fis-settur bankarju, u

    5)

    tittejjeb is-superviżjoni tas-sistema bankarja parallela.

    B’mod aktar speċifiku:

    3.2.1

    Fir-rigward tat-trasparenza tas-sistema bankarja parallela, l-isforzi għall-ġbir u l-qsim ta’ data affidabbli u kompluta ser jiġu kkomplementati minn inizjattivi biex jiġi żviluppat qafas ta’ monitoraġġ tar-riskji tas-sistema bankarja parallela fl-UE, u r-repożitorji ċentrali għad-derivattivi fi ħdan ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) (12), biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) (13), biex jiġi implimentat l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI) u biex tittejjeb it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli.

    3.2.2

    Għal ċerti fondi ta’ investiment u prinċipalment għall-fondi tas-suq monetarju (MMF) li huma bbażati jew mibjugħa fl-Ewropa ġew proposti regoli ġodda biex jittejbu l-likwidità u l-istabbiltà filwaqt li jiġu riformati r-regoli għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).

    3.2.3

    Fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli fil-Komunikazzjoni ssir referenza għall-ħidma ddettaljata li saret sabiex jittejjeb il-fehim tal-problemi u jinsiltu tagħlimiet minnhom u għall-fatt li l-Kummissjoni qed tikkunsidra proposta leġislattiva dwar il-liġi tat-titoli trasferibbli bil-għan li jiġu riżolti dawn il-kwistjonijiet.

    3.2.4

    Is-superviżjoni prudenzjali fis-settur bankarju ser tissaħħaħ bil-għan li jitnaqqsu r-riskji ta’ kontaġju u ta’ arbitraġġ billi jiġu stabbiliti regoli aktar stretti li jimponu fuq il-banek rekwiżiti kapitali addizzjonali huma u jinnegozjaw ma’ entitajiet finanzjarji mhux regolati, u jiġu introdotti dispożizzjonijiet aktar stretti dwar is-solvenza u regoli ġodda dwar il-likwidità prinċipalment permezz tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) (14) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (DRK) (15) fl-1 ta’ Jannar 2014. Huwa previst ukoll li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli prudenzjali rigward it-tnaqqis tar-riskji ta’ arbitraġġ.

    3.2.5

    Fir-rigward tal-ħtieġa għal aktar superviżjoni, qed issir enfasi fuq in-natura diffuża, multidimensjonali u dinamika tas-settur bankarju parallel u l-isfidi inerenti fis-superviżjoni prudenzjali (pereżempju l-evitar transkonfinali tar-regolamenti). Fil-livell Ewropew, qed issir ħidma preliminari b’rabta mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-awtoritajiet Ewropej ta’ superviżjoni. Dawn l-aspetti, il-ħtieġa li jiġi indirizzat l-arbitraġġ u l-possibbiltà li jkun hemm bżonn li jiġi ċċarat ir-rwol istituzzjonali ta’ kull awtorità ser jiġu indirizzati fir-reviżjoni tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) li l-Kummissjoni ser twettaw fl-2013.

    4.   Kummenti

    4.1

    Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, il-KESE, f’sensiela ta’ opinjonijiet (16), esprima l-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-funzjonament tas-sistema finanzjarja u għamel kummenti u rakkomandazzjonijiet importanti, kemm ta’ natura ġenerali kif ukoll b’mod aktar speċifiku, dwar l-irkupru u r-riforma tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (17).

    4.1.1

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-Green Paper (18) dwar is-sistema bankarja parallela hija pass importanti fid-direzzjoni t-tajba fl-indirizzar tal-problemi eżistenti u tenfasizza, fost affarijiet oħra, li l-attivitajiet “paralleli” għandhom jiġu eliminati u li dawn għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti regolatorji u prudenzjali bħas-sistema finanzjarja kollha.

    4.2

    Il-KESE japprova li s-sorveljanza prudenzjali titqiegħed f’qafas dinji bil-għan li r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza jiġu estiżi għall-istituzzjonijiet, l-istrumenti u s-swieq finanzjarji sistematikament importanti kollha (19). Jilqa’ l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-FSB fil-laqgħa reċenti tal-G20 (20) li huma kompletament konformi ma’ din il-Komunikazzjoni.

    4.3

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika u tistabbilixxi limitu ta’ żmien għal sorveljanza msaħħa tas-sistema bankarja parallela billi jiġi implimentat mekkaniżmu koerenti ta’ superviżjoni, jiġi ċċarat mill-aktar fis ir-rwol istituzzjonali tal-awtoritajiet superviżorji bħala parti mir-reviżjoni tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF).

    4.4

    Fid-dawl tal-fatt li, skont il-pajjiż, ċertu attivitajiet u entitajiet paralleli jistgħu jkunu soġġetti għal reġim regolatorju jew le, huwa partikolarment importanti li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi u bejn is-settur bankarju u l-entitajiet tas-sistema bankarja parallela sabiex, permezz ta’ mekkaniżmi xierqa, jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju li jista’ jwassal għal distorsjoni fl-inċentivi regolatorji.

    4.5

    Il-KESE jinnota b’mod partikolari li hemm bżonn li l-awtoritajiet regolatorji janalizzaw id-data biex jadottaw approċċ globali komuni f’oqfsa ta’ referenza komuni u standards industrijali miftuħa sabiex ikunu jistgħu jippermettu skambju rapidu tad-data u azzjoni effettiva fil-ħin sabiex jiġu evitati riskji sistemiċi u tiġi preservata l-istabbiltà finanzjarja.

    4.6

    Il-KESE jemmen li l-iskala u r-rata tat-tkabbir tas-sistema bankarja parallela huma fatturi sinifikanti ieħor għar-riskju sistemiku u jfakkar li skont dokument tal-FSB tal-2012 (21), fl-2011 dan kien jammonta għal USD 67 triljun (żieda minn USD 26 triljun fl-2002) u li huwa ekwivalenti għal 111 % tal-PDG kumulattiv għall-pajjiżi studjati mill-FSB.

    4.7

    Barra minn hekk, il-KESE jqis li jkun utli li l-kwistjoni tiġi indirizzata mill-perspettiva tal-attivitajiet tas-settur parallel pjuttost milli minn dik tal-entitajiet tiegħu peress li s-superviżjoni u l-kontroll ta’ dawn l-attivitajiet jirrappreżentaw sfida essenzjali għas-suċċess tal-miżuri adottati.

    4.8

    Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-iskala u tal-prattiki ta’ distorsjoni ma tikkonċernaw biss is-sistema bankarja parallela. Il-mudell bankarju kbir wisq, flimkien man-nuqqas ta’ trasparenza b’mod ċar joħolqu riskju ta’ instabbiltà ekonomika, u b’riżultat ta’ dan l-ispejjeż tas-salvataġġ ta’ istituzzjonijiet li huma interkonnessi jew kbar wisq biex ifallu jingħaddu lis-soċjetà.

    4.9

    Il-KESE jqis li sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju Ewropew filwaqt li tiġi riformata s-sistema finanzjarja Ewropea jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod ġenwin il-kwistjoni tal-banek li ma jistgħux ifallu minħabba d-daqs tagħhom, billi tiżdied it-trasparenza, tiġi razzjonalizzata l-iskala tal-attività tal-gruppi kbar ħafna u titnaqqas l-interdipendenza fi ħdan il-gruppi.

    4.10

    Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-miżuri ta’ superviżjoni għandhom imorru id f’id mal-ġlieda effikaċi kontra kull distorsjoni tas-settur finanzjarju kif ukoll mar-riformi strutturali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri biex jiġi introdott mekkaniżmu uniku ta’ riforma fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport Liikanen u r-rapport reċenti tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar ir-riforma tas-settur bankarju tal-UE (22).

    4.11

    Peress li n-natura diffuża, multidimesjonali u adattabbli tas-sistema bankarja parallela tagħmel is-superviżjoni effettiva kumplessa u diffiċli, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi malajr biex tikkjarifika l-mistoqsijiet dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ superviżjoni nazzjonali u Ewropej, inkluż il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), humiex mgħammra b’biżżejjed riżorsi, għodda ta’ superviżjoni u setgħat.

    4.12

    Il-KESE jemmen li superviżjoni ta’ suċċess għandha tkun akkumpanjata minn dispożizzjonijiet ta’ infurzar tas-sanzjonijiet li jkunu effettivi, disważivi u proporzjonali u l-promozzjoni tal-livell ta’ sanzjonijiet u l-informazzjoni dwar dawk kollha li jiksru r-regoli u jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Ewropej min-naħa tal-persuni legali u fiżiċi ta’ pajjiżi terzi.

    4.13

    Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu protetti l-konsumaturi ta’ prodotti finanzjarji minn prattiki mhux ġusti, prodotti jew servizzi li jqarqu u ma jagħtux garanziji ta’ solvenza jew saħansitra kontra kwalunkwe klawżola abbużiva li tista’ tidher fil-kuntratti. Barra minn hekk, itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment ta’ aġenzija Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tagħhom u jiġu garantiti t-trasparenza u r-riżoluzzjoni aktar effettiv tat-tilwim.

    4.14

    Is-siti elettroniċi li jkunu faċli biex jintużaw u għodda oħra ta’ informazzjoni aġġornata jistgħu jippermettu lill-konsumaturi biex jikkumparaw u jagħżlu prodotti u servizzi filwaqt li jsaħħu l-kompetizzjoni u l-awtoregolamentazzjoni fis-suq finanzjarju.

    4.15

    Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tħaffef it-tlestija tal-istudji tal-impatt sabiex ir-regoli l-ġodda dwar il-likwidità jkunu jistgħu jiġu finalizzati u titwettaq analiżi tal-kostijiet-benefiċċji fir-rigward tal-effikaċja u l-proporzjonalità tad-diversi prattiki leġislattivi adottati mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, bil-għan li ssir valutazzjoni kumulattiva tal-impatt tal-leġislazzjoni fuq is-suq finanzjarju tal-UE.

    4.16

    Il-KESE jinnota wkoll li hemm bżonn li dan l-isforz regolatorju jiġi appoġġjat minn aktar għarfien espert u riċerka xjentifika avvanzati li jqisu l-kwistjonijiet tal-ġbir u l-iskambju tad-data, u, b’mod aktar ġenerali, li dawn ikunu impenjati jsegwu b’mod aktar komprensiv l-iżvilupp kontinwu tal-entitajiet paralleli u jidentifikaw dawk l-aspetti ta’ benefiċċju għall-ekonomija reali kif ukoll dawk li jistgħu jiġġeneraw sorsi ġodda ta’ vulnerabbiltà u riskju sistemiku.

    Brussell, 10 ta’ Diċembru 2013

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Ara l-punt 3.2 ta’ din l-opinjoni.

    (2)  ĠU 11, 15.1.2013, p. 39.

    (3)  COM(2013) 614 final, punt 3.4.

    (4)  Derivattivi OCT, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

    (5)  Ara http://ec.europa.eu/internal_market/securities/isd/mifid/index_en.htm.

    (6)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 3.

    (7)  COM(2013) 614 final, p. 3.

    (8)  Nicholas Gregory Mankiw u Mark Taylor, Economics: Special Edition with Global Economic Watch (UK: Cengage Learning EMEA, 2010).

    (9)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 39 – Green Paper: L-ibbankjar parallel.

    (10)  Fl-Istati Uniti, il-liġi Gramm-Leach-Blilay (1999) eliminat id-differenzi bejn il-banek kummerċjali u l-banek ipotekarji, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tas-senserija.

    (11)  L-interazzjoni bejn il-banek u l-entitatijiet bankarji paralleli (Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja – BCBS); ir-riskji sistemiċi tal-fondi tas-suq monetarju (Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli – IOSCO); ir-rekwiżiti ta’ titolizzazzjoni (IOSCO u BCBS); entitajiet bankarji paralleli oħra (FSB); self u repo ta’ titoli (FSB).

    (12)  Derivattivi OCT, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

    (13)  Ara http://ec.europa.eu/internal_market/securities/isd/mifid/index_en.htm.

    (14)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, .ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

    (15)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE.(ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (16)  Dawn jinkludu: ĠU C 11, 15.1.2013, p. 59; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 76; ĠU C 191, 29.6.2012, p. 80; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 64; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 68. Dawn l-opinjonijiet huma disponibbli mis-sit tal-KESE fl-indirizz li ġej: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.financial-markets-opinions).

    (17)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.

    (18)  ĠU 11, 15.1.2013, p. 39.

    (19)  Ara d-dikjarazzjoni tas-summit tal-G20, 2 ta’ April 2009, Londra.

    (20)  5 u 6 ta’ Settembru 2013, San Pietruburgu.

    (21)  Bord għall-Istabilità Finanzjarja, Global Shadow Banking Monitoring Report 2012 (FSB, 2012).

    (22)  2013/2021(INI).


    Top