Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XP0230

Sostenn kontinwu u ikbar għall-vaċċinazzjonijiet f'pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Mejju 2012 dwar sostenn kontinwu u ikbar għall-vaċċinazzjonijiet f'pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw

ĠU C 264E, 13.9.2013, pp. 96–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 264/96


Il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2012
Sostenn kontinwu u ikbar għall-vaċċinazzjonijiet f'pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw

P7_TA(2012)0230

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar sostenn kontinwu u ikbar għall-vaċċinazzjonijiet f'pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw

2013/C 264 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-mard li jista' jiġi prevenut permezz ta' vaċċini, inklużi l-epatite, il-ħosba, il-mard tal-pnewmokokku, id-dijarrea tar-rotavirus, il-poljo u d-deni tas-suffejra, jikkostitwixxu kawża ewlenija ta' mwiet infantili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

B.

billi l-prevalenza tal-mard hija ostakolu għall-kisba ta' żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli;

C.

billi l-mard li jista' jiġi prevenut permezz ta' vaċċini huwa magħruf li jaffetwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti;

D.

billi n-nisa jiffurmaw nofs il-popolazzjoni globali, u billi l-iżvilupp u s-saħħa ma jistgħux jintlaħqu jekk il-vuċi tagħhom tiġi injorata;

E.

billi l-kura tas-saħħa bażika – l-isptarijiet, it-tobba, l-infermiera, it-tagħmir mediku eċċ. - hija ta' importanza vitali u m'għandhiex tiġi traskurata;

F.

billi l-Alleanza Globali għall-Vaċċinazzjonijiet u l-Immunizzazzjoni (GAVI) ġiet rikonoxxuta bħala mezz effiċjenti ħafna li bih jistgħu jintlaħqu għanijiet umanitarji u ta' żvilupp;

G.

billi, fl-aħħar għaxar snin, GAVI għamlet progress kbir biex jiġu salvati l-ħajjiet u tiġi mkabbra l-kopertura tal-immunizzazzjoni fl-ifqar pajjiżi fid-dinja, u billi, bħala riżultat, 288 miljun tifel u tifla addizzjonali ġew immunizzati u 'l fuq minn ħames miljun mewta futura ġiet evitata;

H.

billi, minkejja dawn l-avvanzi, 1.7 miljun tifel u tifla jmutu kull sena minn mard li jista' jiġi prevenut permezz ta' vaċċini;

1.

Jifraħ lill-Kummissjoni għall-appoġġ li tat lill-GAVI permezz tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp bejn l-2003 u l-2012;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex turi impenn kontinwu fl-azzjonijiet esterni futuri tagħha biex jitnaqqas in-numru ta' mwiet minn mard li jista' jiġi prevenut permezz ta' vaċċini;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji (1), lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tal-24 ta' Mejju 2012 (P7_PV(2012)05-24(ANN1)).


Top