Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0227

Il-Veneżwela: possibbiltà ta' rtirar mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar possibbli tal-Veneżwela mill-Kummisjsoi Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem (2012/2653(RSP))

ĠU C 264E, 13.9.2013, pp. 88–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 264/88


Il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2012
Il-Veneżwela: possibbiltà ta' rtirar mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

P7_TA(2012)0227

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar possibbli tal-Veneżwela mill-Kummisjsoi Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem (2012/2653(RSP))

2013/C 264 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fuq il-Veneżwela, jiġifieri dik tal-24 ta’ Mejju 2007 dwar il-kanal televiżiv Radio Caracas (1), dik tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi (2), dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales (3), dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Veneżwela (4), u dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' María Lourdes Afiuni (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Amerikana tal-Jeddijiet u d-Dmirijiet tal-Bniedem tal-1948, illi fformalizzat il-bidu tas-Sistema Inter-Amerikana tal-Protezzjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem (IAHRS), u wara li kkunsidra l-ħolqien mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) fl-1959 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem (IACHR), li l-Veneżwela ilha parti għaliha sa mill-1977, u għat-twaqqif statutorja tal-IACHR fl-1979,

wara li kkunsidra t-twaqqif tal-1979 tal-Qorti Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem, li tagħha l-Veneżwela ilha membru sa mill-1981,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar Politiki tal-UE favur id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (6) u tat-18 ta’ April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem (7),

wara li kkunsidra l-preokkupazzjonijiet espressi fl-4 ta’ Mejju 2012 mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Jeddijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, dwar l-irtir possibbli tal-Veneżwela mill-IACHR,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tal-Jeddijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi OAS ħolqot is-sistema reġjonali tagħha proprja tal-jeddijiet tal-bniedem, b’Kummissjoni Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem, li nħolqot fl-1959, u Qorti Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem, li ġiet stabbilita fl-1979 u li d-deċiżjonijiet tagħha huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem magħrufa wkoll bħala l-“Patt ta’ San José”, li daħlet fis-seħħ fl-1978, bħala komplement u korrettiv għas-sistemi nazzjonali dgħajfa tal-ġustizzja;

B.

billi d-Dikjarazzjoni Amerikana tal-Jeddijiet u d-Dmirijiet tal-Bniedem tinkludi fost il-prinċipji tat-twaqqif tal-OAS il-“jeddijiet fundamentali tal-individwu”;

C.

billi 24 mill-34 membru tal-OAS s'issa rratifikaw il-Konvenzjoni Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem;

D.

billi l-Veneżwela hija parti għall-Konvenzjoni Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem u membru kurrenti tal-IACHR, u hi soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem, li hi responsabbli għall-interpretazzjoni u l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni; billi l-Veneżwela tipparteċipa fil-mekkaniżmi tal-Kunsill tan-NU tal-Jeddijiet tal-Bniedem;

E.

billi fit-2 ta’ Mejju 2012, il-President Chávez ħabbar it-twaqqif ta’ kumitat tal-istat għall-valutazzjoni tal-possibilità tal-irtirar mill-IACHR; billi fit-3 ta’ Mejju 2012 il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Veneżwela stieden lill-gvernijiet l-oħrajn fir-reġjun jagħmlu l-istess;

F.

billi mill-1970 sal-2011 erbgħa deċiżjonijiet tal-IACHR kienu dwar il-Veneżwela, u billi l-Qorti ddeċidiet fi 12-il każ mill-2004 sal-2012; billi l-OAS, permezz tal-IACHR, widdbet lill-Veneżwela bosta drabi dwar il-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-espressjoni, tas-sigurtà personali u l-impunità, u l-jeddijiet politiċi;

G.

billi fl-aħħar ftit snin il-Veneżwela f’bosta okkażjonijiet ikkritikat lill-IACHR u lill-Qorti, u bosta drabi tenniet it-theddida tagħha li tirtira, bl-argument li l-IACHR hi parzjali u tapplika wżin doppji; billi din hi l-ewwel darba li l-Veneżwela ħadet passi serji fid-direzzjoni tal-irtirar; billi l-Veneżwela ilha mill-2002 tirrifjuta kull talba mill-IACHR għal żjara fil-pajjiż;

H.

billi l-kontenut tar-riżoluzzjonijiet tal-PE, l-aktar dawk dwar l-iskwalifiki politiċi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-atti ta’ persekuzzjoni politiċi bħalma kien l-għeluq tal-RCTV, kienu approvati minn bosta deċiżjonijiet u rakkamondazzjonijiet tal-IACHR; billi, wara dawk ir-rakkomandazzjoni sfavorevoli kollha u d-dispett jew non-implementazzjoni tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Veneżweljani, il-President Chávez attiva l-mekkaniżmu għall-irtirar ta’ pajjiżu mill-imsemmi korp internazzjonali;

I.

billi l-President tal-Qorti Suprema ta’ Ġustizzja u l-Avukat-Ġenerali tar-Repubblika Bolvarjana tal-Veneżwela t-tnejn approvaw il-proposta tal-President Chávez li l-Veneżwela tirtira mill-IACHR, li ċara juri s-sottomissjoni totali tal-awtoritajiet pubbliċi, u b'mod partikolari l-awtoritajiet ġudizzjarji, għad-deċiżjonijiet politiċi magħmul mill-kap tal-istat;

J.

billi l-IACHR, korp rispettat ħafna li għandu impatt pożittiv fir-reġjun, kien kruċjali fl-otteniment tal-ġustizzja għal għadd kbir ta' vittmi ta' vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem, u li wkoll kellu rwol fundamentali fit-tranżizzjoni għad-demokrazija mid-dittaturi li qabel ħakmu bosta pajjiżi fir-reġjun;

K.

billi l-IACHR, bħala bord awtonomu konsistenti f’seba’ membri indipendenti li jaġixxu f’kapaċità personali mingħajr ma jirrappreżentaw ebda pajjiż, jippreżenta l-każijiet lill-Qorti Inter-Amerikana, jitlob lill-istati membri tal-OAS jadottaw “miżuri ta’ prekawzjoni” għall-prevenzjoni ta’ dannu irreparabbli għall-jeddijiet tal-bniedem f'każijiet gravi u urġenti, u jirċievi, janalizza u jinvestiga petizzjonijiet individwali li jallegaw il-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem;

L.

billi l-korpi reġjonali tal-jeddijiet tal-bniedem għandhom rwol importanti ħafna fil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-mekkaniżmi tal-jeddijiet tal-bniedem u jsaħħu l-istandards u t-trattati tal-jeddijiet tal-bniedem universali, bħalma ġie rikonoxxut bosta drabi mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tagħha tal-Jeddijiet tal-Bniedem, kif ukoll mill-NGOs u d-difensuri tal-jeddijiet tal-bniedem;

M.

billi skont l-Artikolu 1 tal-Istatut tagħha, il-Qorti Inter-Amerikana hija istituzzjoni ġudizzjarja awtonoma li l-objettiv tagħha huwa li tapplika u tinterpreta l-Konvenzjoni Amerikana; billi d-deċiżjonijiet tagħhom jivvinkolaw lill-firmatarji tal-Konvenzjoni;

1.

Huwa mħasseb bid-dikjarazzjoni tal-Venezwela li qed tistabbilixxi Kummissjoni tal-Istat biex tivvaluta l-possibbiltà li l-pajjiż jirtira mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem, u jistieden lill-awtoritajiet Veneżweljani jirrikonsidraw din il-pożizzjoni;

2.

Jibża’ li l-irtirar mis-Sistema Inter-Amerikana jista' jwassal għall-iżolament tal-Veneżwela u deterjorament akbar tar-rekora tagħha fil-qasam tal-jeddijiet tal-bniedem;

3.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela u lill-membri l-oħra kollha tal-OAS biex jirrikonoxxu u jimplementaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-IACHR u li jikkooperaw mal-mekkaniżmi reġjonali u internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem, u jħeġġiġhom biex ma jieħdu l-ebda miżura li ddgħajjef il-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem;

4.

Jilqa’ l-ħidma kollha magħmula mill-IACHR, l-aktar fuq il-kwestjonijiet marbutin mal-libertà tal-espressjoni, il-jeddijiet tal-popli indiġeni, il-prevenzjoni tat-tortura, il-jeddijiet soċjali u l-jeddijiet tan-nisa, kif ukoll it-trawwim tas-sensibilità pubblika dwar il-jeddijiet tal-bniedem fir-reġjun, u jħeġġiġha tissokta b'din il-ħidma bl-iskop li tikseb rispett sħiħ għall-jeddijiet tal-bniedem;

5.

Jappoġġja l-korpi reġjonali tal-jeddijiet tal-bniedem bħala parti mis-sistema internazzjonali tal-jeddijiet tal-bniedem, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jintensifikaw l-appoġġ globali għall-Qorti Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem il-IAHCR u l-Konvenzjoni;

6.

Jistieden lil dawk il-pajjiż li għadhom ma aċċedewx għas-Sistema Inter-Amerikana tal-Jeddijiet tal-Bniedem li jagħmel dan malajr u jipparteċipaw bis-sħiħ fiha, ħalli b’hekk isaħħu l-awtorità istituzzjonali ta’ din is-sistema;

7.

Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Veneżwela li jottempera ruħu mal-konvenzjonijiet u mal-karti internazzjonali u reġjonali li tagħhom il-Veneżwela hija firmatarja; ifakkar li skont il-Kostituzzjoni Veneżweljana l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha ffirmati huma vinkolati fuqha;

8.

Jiddeplora d-deċiżjonijiet tal-leġiżlatura u l-ġudikatura Veneżweljani li jappoġġjaw it-tentattiv tal-President li jirtira mill-IACHR, li jaċċenta n-non-ottemperanza tal-pajjiż mal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u s-sottomissjoni assoluta tal-leġiżlatura u l-ġudikatur għad-deċiżjonijiet politiċi tal-President;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), l-Assemblea Parlamentari EuroLat, u l-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Veneżwela.


(1)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 484.

(2)  ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 85.

(3)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 113.

(4)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 69

(5)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 130.

(6)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 69.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0126.


Top