EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0027

Il-programm Daphne Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta' Frar 2012 dwar il-programm Daphne: kisbiet u prospetti futuri (2011/2273(INI))

ĠU C 239E, 20.8.2013, p. 69–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/69


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Il-programm Daphne

P7_TA(2012)0027

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-programm Daphne: kisbiet u prospetti futuri (2011/2273(INI))

2013/C 239 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta’ Marzu 2010 dwar il-vjolenza,

wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tal-Kummissjoni li ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Settembru 2010 (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi stabbiliti fil-programm ta’ Stokkolma fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà għall-perjodu 2010-2014, li ġie ppreżentat fl-20 ta’ April 2010 (COM(2010)0171),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja” (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja (2004 sa l-2008) li jimpedixxi u jikkumbatti l-vjolenza kontra tfal, żgħażagħ u nisa u li jipproteġi vittmi u gruppi f’riskju (il-programm Daphne II) (3).

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Jannar 2000 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja (Programm Daphne) (2000-2003) dwar miżuri preventivi għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, l-adolexxenti u n-nisa (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tal-programm Daphne III (2007-2013) (COM(2011)0254),

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali għall-programm Daphne III,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza (COM(2011)0758),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0006/2012),

A.

billi l-programm Daphne, mit-tnedija tiegħu fl-1997, kellu suċċess bis-sħiħ, kemm f’termini tal-popolarità tiegħu mal-persuni kkonċernati (benefiċjarji, l-awtoritajiet pubbliċi u akkademiċi, l-NGOs) kif ukoll f’termini ta’ effikaċja tal-proġetti ffinanzjati mill-programm;

B.

billi Daphne huwa l-uniku programm ta’ dan it-tip intiż għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ fil-livell tal-Unjoni Ewropea kollha; billi, għaldaqstant, il-kontinwità tal-finanzjament għall-programm Daphne hi vitali biex jinżammu l-miżuri attwalment fis-seħħ u jiġu introdotti miżuri ġodda li jkunu effikaċi fil-ġlieda kontra t-tipi kollha ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

C.

billi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ għadhom kwistjonijiet ta' tħassib llum daqs kemm kienu fl-1997, is-sena meta ġiet adottata l-inizjattiva Daphne; billi minn meta twaqqaf, il-programm tefa’ dawl fuq forom ġodda ta’ vjolenza, inklużi l-vjolenza fin-nurseries, it-trattament ħażin tal-anzjani, u l-attakki sesswali fost l-adolexxenti;

D.

billi l-Parlament indika f’diversi riżoluzzjonijiet li l-programm Daphne s’issa ma ngħatax biżżejjed finanzjament, u stqarr l-intenzjoni tiegħu li jiżgura li l-programm ikollu biżżejjed fondi biex ikun jista’ jitratta l-ħtiġijiet reali involuti fil-ġlieda kontra kull tip ta’ vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ;

E.

billi l-programm Daphne hu strument estremament importanti biex tiżdied il-viżibilità tal-kwistjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u jipprovdi l-possibilità għall-organizzazzjonijiet tan-nisa u partijiet oħra involuti li jiżviluppaw ix-xogħol u l-azzjonijiet konkreti tagħhom f’dan il-qasam;

F.

billi riċentement tfaċċaw forom ġodda ta’ vjolenza minħabba l-użu, li kulma jmur dejjem jikber, ta’ netwerks soċjali online;

G.

billi fil-kundizzjonijiet attwali tal-kriżi ekonomika u l-awsterità baġitara, in-nisa għandhom inqas riżorsi biex jipproteġu lilhom infushom u lill-uliedhom mill-vjolenza u billi huwa ħafna aktar importanti li jiġu evitati l-konsegwenzi finanzjarji diretti li l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal għandha fuq is-sistema ġudizzjarja u s-servizzi soċjali u tas-saħħa; billi, barra minn dan, il-finanzjament għall-programmi nazzjonali u l-NGOs li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza għandu mnejn jitnaqqas;

H.

billi l-Kummissjoni tenfasizza fl-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2010-2015 li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hi waħda mill-problemi ewlenin li għandha tiġi indirizzata biex tinkiseb ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi;

I.

billi huwa importanti li l-livell tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi kandidati jinġieb eqreb lejn l-istandards tal-UE, biex jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-programm Daphne III;

J.

billi l-vjolenza bbażata fuq is-sess tirriżulta mill-inugwaljanzi persistenti bbażati fuq is-sess u hija fenominu strutturali marbut mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna; billi, madankollu, huwa possibbli li din titnaqqas b’mod sinifikanti billi jiġu amalgamati azzjonijiet immirati kontra l-isterjotipar tal-ġeneri fil-qasam tal-edukazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneri u fil-midja, u li din il-vjolenza tiġi miġġielda permezz tat-tkattir tal-għarfien fil-qasam tas-saħħa, u fost il-pulizija u l-ġudikatura;

K.

billi l-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ tinkludi fiha kull tip ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem, bħall-abbuż sesswali, l-istupru, il-vjolenza domestika, l-attakk u l-fastidju sesswali, il-prostituzzjoni, it-traffikar tal-persuni, il-ksur tad-drittijiet sesswali u ta’ riproduzzjoni, il-vjolenza kontra n-nisa u ż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, il-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, il-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħabsijiet u istituzzjonijiet ta’ kura, u diversi prattiki tradizzjonali ta' ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali; billi kull wieħed minn dawn l-abbużi jħalli feriti psikoloġiċi profondi, jagħmel ħsara lill-integrità fiżika jew mentali tan-nisa, tfal jew żgħażagħ u f’xi każijiet, jista' jwassal ukoll għall-mewt tagħhom;

L.

billi l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa ma tissemmiex fl-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm “Id-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza” tal-perjodu finanzjarju 2014-2020, li jgħaqqad il-programm Daphne III, it-taqsimiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u non-diskriminazzjoni tal-Programm Progress, u l-Programm tad-Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza; billi dan jista’ jdgħajjef il-viżibilità u l-konsistenza tal-programm Daphne u jipperikola s-suċċess tiegħu; billi l-baġit propost għall-programm il-ġdid huwa iżgħar minn dawk tal-programmi attwali; billi l-proposta ma tiżgurax il-prevedibilità ta’ finanzjament għall-objettivi tagħha;

M.

billi ma tinżammx b'mod regolari data komparabbli dwar it-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa fl-Unjoni Ewropea, u b'hekk huwa diffiċli li jiġi aċċertat kemm hi realment mifruxa l-problema u li jinstabu soluzzjonijiet xierqa. billi huwa partikolarment diffiċli li tinġabar data affidabbli peress li n-nisa u l-irġiel isibuha bi tqila jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom minħabba l-biża’ jew il-mistħija,

N.

billi l-ispiża għas-soċjetà tal-vjolenza domestika hija għolja ħafna, kif muri minn proġett Daphne fejn ġie stmat li l-vjolenza konjugali biss tammonta għal EUR 16-il biljun fis-sena fl-Unjoni Ewropa u dan l-ammont jinkludi l-ispejjeż diretti għall-kura medika kollha (l-emerġenza, l-isptarijiet, is-servizzi ta’ kura u assitenza għall-pazjenti barra mill-istabbilimenti ta’ kura, il-mediċina), l-ispejjeż tal-qorti u tal-pulizija, l-ispejjeż soċjali (l-akkomodazzjoni u d-diversi forom ta' għajnuna) u l-ispejjeż ekonomiċi (telf fil-produzzjoni) (5);

O.

billi d-diversi studji li saru dwar il-vjolenza abbażi ta’ sess jistmaw li bejn 20% u 25% tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta’ vjolenza fiżika mill-inqas darba tul il-ħajja adulta tagħhom, u aktar minn 10% ġarrbu vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza; billi r-riċerka turi wkoll li 26% tat-tfal u ż-żgħażagħ irrapportaw li ġarrbu vjolenza fiżika fi tfulithom;

P.

billi minħabba l-esklużjoni u l-marġinalizzazzjoni soċjali n-nisa u t-tfal Roma huma estremament vulnerabbli għall-vjolenza, filwaqt li tul is-snin li għaddew il-Programm Daphne appoġġa b’suċċess ħafna inizjattivi intiżi sabiex jintefa’ dawl fuq ir-rabta bejn l-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-vjolenza;

Q.

billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hi problema strutturali u mifruxa fl-Ewropa u fid-dinja kollha, u hi fenomenu li jinvolvi vittmi u atturi ta’ kull età, livelli ta' edukazzjoni, dħul finanzjarju u pożizzjoni soċjali u hi marbuta mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna;

R.

billi n-nisa fl-Unjoni Ewropea mhumiex protetti b’mod indaqs kontra l-vjolenza maskili, minħabba l-politiki u l-leġiżlazzjoni differenti fl-Istati Membri;

S.

billi l-bażi legali tal-programm Daphne huwa l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirrigwarda s-saħħa pubblika iżda permezz tat-Trattat ta' Liżbona l-Unjoni Ewropea issa għandha aktar poteri;

1.

Innota b'interess kbir is-suċċessi, il-popolarità u l-ftit diffikultajiet tal-programm kif esposti fir-“Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Daphne III 2007-2013” u l-istudji preparatorji użati fit-tfassil ta’ dan ir-Rapport (6), u kif irrapportaw dawk li rċevew għotjiet mill-programm Daphne;

2.

Filwaqt li jinnota li l-programm Daphne mill-2014 se jiġi inkorporat fil-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, iqis neċessarju li l-objettivi tal-programm, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, jinżammu għall-perjodu 2014 - 2020 fost l-objettivi tal-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza l-ġdid, u jqis li l-finanzjament tiegħu jeħtieġ li jinżamm f'livell kumparabbli ma' dak tal-programm preċedenti u li l-profil tiegħu fi ħdan il-programm ta’ ġenerazzjoni ġdida jeħtieġ li jibqa’ għoli, fid-dawl tas-suċċessi, tal-effettività u l-popolarità tiegħu;

3.

Jiddispjaċih li l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, l-adolexxenti u n-nisa mhix imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 4 (‘Objettivi speċifiċi’) tat-test inkluż fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0758) dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza;

4.

Jilqa’ l-fatt li l-approprjazzjoni totali għall-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza kollu kemm hu nżammet kważi intatta; iqis li distribuzzjoni annwali ġust tal-finanzjament jagħti lok għal kontinwità f'termini ta' objettivi u attivitajiet;

5.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-imsieħba interessati, li qed jaħdmu mal-Kummissjoni, sabiex jikkontribwixxu fit-tqassim ta’ tagħrif dwar il-programmi tal-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet ta' finanzjament li dawn joffru, b'mod partikolari fost l-NĠOs, fil-livell lokali u fl-Istati Membri fejn hemm livell ta' partiċipazzjoni baxx fil-programm;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet għal ftit problemi li ġew indikati fir-rapport interim msemmi hawn fuq, partikolarment f’dak li jikkonċerna:

l-evitar tas-sovrappożizzjoni ma’ programmi Komunitarji oħrajn biex jiġi evitat ir-riskju li l-kwistjonijiet tal-programm Daphne jitilfu l-prijorità,

it-titjib fit-trasparenza tal-programmi u t-tixrid tar-riżultati tagħhom,

l-ekwilibriju fit-tqassim tal-programmi bejn id-diversi Stati Membri,

it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet u tqassar it-tul ta’ żmien bejn il-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għall-proġetti u l-konklużjoni ta’ kuntratti, li żammew ħafna NĠOs żgħar milli jipproponu proġetti Daphne,

it-titjib tal-effikaċja tal-għotjiet operattivi lil organizzazzjonijiet Ewropej li jistgħu jikkonsolidaw sħubiji multidixxiplinarji mal-Ewropa kollha stabbiliti għal skopijiet ta’ sussidjar; it-tisħiħ tal-ħila tal-NGOs li jiddefinixxu u jinfluwenzaw il-politika nazzjonali u Ewropea, b’referenza partikolari għal NGOs iżgħar f’pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant;

7.

Biex jissaħħaħ l-impatt tal-programm, jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ li minħabba l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni huma partikolarment esposti għar-riskju ta’ vjolenza;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi lill-pajjiżi kandidati fi ħdan l-ambitu tal-eliġibilità għall-fondi taħt il-Programm Daphne III;

9.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-imsieħba interessati sabiex jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettiv ta’ tqassim aħjar tal-programmi bejn l-Istati Membri;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar fondi fi proġetti mmirati biex jiġbdu l-attenzjoni taż-żgħażagħ b’mod partikolari għal forom ġodda ta’ vjolenza relatati mal-użu li kulma jmur qed jikber ta’ netwerks soċjali onlajn (theddid, pressjoni psikoloġika, bullying, pornografija tat-tfal bl-Internet), li huma aktar insidjużi minn forom ta' vjolenza oħra iżda għandhom l-istess potenzjal li jikkawżaw ħsara fiżika jew mentali;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data regolarment dwar vjolenza kontra n-nisa biex jiċċaraw il-kobor tal-problema;

12.

Jenfasizza l-valur miżjud tal-programm Daphne għall-UE, billi jippermetti diversi organizzazzjonijiet fl-Istati Membri jikkooperaw għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-vjolenza u jibbenefikaw mill-iskambji tal-għarfien u tal-aħjar prattika; jindika, barra minn hekk, li l-proġetti ffinanzjati taħt Daphne III ħolqu assoċjazzjonijiet u strutturi stabbli li se jkomplu jappoġġaw lill-gruppi fil-mira fit-tul u li wasslu għal bidliet fil-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lil proġetti mmirati biex jeqirdu r-reati 'tal-unur' u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni tippermetti l-finanzjament ta’ proġetti nazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet żgħar bla skop ta’ lukru u jitlob li fil-futur, l-NGOs iż-żgħar ikunu jistgħu jkomplu jiġu involuti u appoġġati kompletament fis-sħubiji ta’ assoċjazzjonijiet peress li dawn għandhom rwol kruċjali fl-identifikazzjoni ta' problemi li mhumiex magħrufa sew, tabujiet jew problemi ġodda u fl-identifikazzjoni ta' metodi innovanti biex jiġu indirizzati kif ukoll fil-protezzjoni u s-sostenn tal-vittmi;

15.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-azzjonijiet fl-ambitu tal-programm Daphne III intiż sabiex jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza fuq in-nisa iżda madankollu jtenni l-ħtieġa ta' miżuri leġiżlattivi fil-livell Ewropew sabiex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni tittraduċi l-paġna web tar-riżors elettroniku tat-Toolkit fil-lingwi kollha tal-UE u taġġornaha, filwaqt li tenfasizza r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-eżitu tal-proġetti tal-programm Daphne sabiex tkun tista' tintuża bħala bażi ta' data mill-partijiet interessati kollha; jistied lill-Kummissjoni tiżviluppa fil-websajt tagħha paġni speċjali li jkunu faċli li jiġu kkonsultati, li jikkonċernaw esklużivament il-programm Daphne u, mill-2014, il-proġetti tal-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza intiżi sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u l-adolexxenti;

17.

Ifakkar fl-impenn mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma li tippreżenta fl-2011-2012 "Komunikazzjoni dwar strateġija biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, li għandha tiġi segwita minn pjan ta' azzjoni tal-UE" (7);

18.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tippromwovi l-programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, tagħmilha possibbli li jkomplu jiġu identifikati l-proġetti relatati mal-objettivi tal-programm Daphne, li hu magħruf sew, biex il-profil tal-programm jibqa’ għoli kemm jista’ jkun;

19.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twessa’ r-rwol tat-tim Daphne tad-DĠ Ġustizzja, lil hinn mid-doveri amministrattivi u ta' kontroll finanzjarju biex jinkludi rwol aktar speċifiku ta’ komunikazzjoni;

20.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkapitalizza fuq l-eżitu tal-proġetti biex tinfluwenza l-politiki Ewropej u nazzjonali maħsuba għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-applikazzjonijiet relatati ma’ proġetti mmirati li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi mill-iktar fażi bikrija tal-ħajja, iffukati fuq il-prevenzjoni u l-edukazzjoni biex jinbidlu l-attitudnijiet u jinqerdu l-isterjotipi;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0127.

(2)  ĠU L 173, 3.07.2007, p. 19.

(3)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.

(5)  Proġett Daphne 2006 "IPV EU Cost" JLS/DAP/06-1/073/WY "Stima tal-ispejjeż marbuta mal-vjolenza konjugali fl-Ewropa" Maïté Albagly, Sandrine Baffert, Claude Mugnier, Marc Nectoux, Bertrand Thellot

(6)  COM(2011)0254 Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Daphne III 2007-2013

(7)  COM(2010)0171 Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa, Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, p. 13.


Top