Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0022

    Lista ta' affermazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni" Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta' Frar 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni

    ĠU C 239E, 20.8.2013, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 239/39


    Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
    Lista ta' affermazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni"

    P7_TA(2012)0022

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni

    2013/C 239 E/06

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1),

    wara li kkundidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni,

    wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-13 ta' Ottubru 2011 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006,

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel approvati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tal-14 ta' Diċembru 2007 (2),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi, kif dikjarat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel m'għandhomx ikunu foloz, ambigwi jew qarrieqa;

    B.

    billi, kif dikjarat ukoll fl-Artikolu 5, paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel jiġu biss permessi jekk il-konsumatur medju jkun mistenni li jifhem l-effetti pożittivi kif espressi fl-indikazzjoni;

    C.

    billi, kif imniżżel fl-Artikolu 9, paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, indikazzjonijiet kumparattivi dwar in-nutrizzjoni jqabblu l-kompożizzjoni tal-ikel ikkonċernat ma' varjetà ta' ikel tal-istess kategorija, inkluż ikel ta' marki oħra;

    D.

    billi, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, informazzjoni dwar l-ikel m'għandhiex tiżgwida lill-konsumatur dwar in-natura, il-proprjetajiet u l-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel;

    E.

    billi, minħabba l-prinċipji bażiċi li jmexxu l-għażla ta' indikazzjonijiet permessi dwar in-nutrizzjoni fuq prodotti tal-ikel, kif imniżżel hawn fuq, l-indikazzjoni l-ġdida dwar in-nutrizzjoni proposta mill-Kummissjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" li trid tiġi inkluża fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tmur kontra l-għan u l-kontenut tal-att legali bażiku minħabba li hi ambigwa, tiżgwida u toħloq konfużjoni għall-konsumatur;

    F.

    billi, l-indikazzjoni li għada kif ġiet introdotta "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tmur kontra l-prinċipju ta' indikazzjonijiet kumparattivi kif imniżżel fl-Artikolu 9, paragrafu 2 tar-Regolament (KE)Nru 1924/2006; billi din tippermetti li jkunu mqabbla l-valuri nutrittivi ta' prodott miegħu innifsu, indipendentement mil-livell inizjali ta' nutrijent ikkonċernat, li jista' jkun eċċessivament għoli meta mqabbel ma' prodotti oħra fis-suq; billi dawk il-prodotti li ma ġewx riformulati imma xorta waħda għandhom livell inqas ta' nutrijent partikolari minn prodott riformulat ta' marka differenti ma jkunux jistgħu jġibu indikazzjoni ta' nutrizzjoni, dan inevitabbilment jiżgwida lill-konsumaturi;

    G.

    billi, l-indikazzjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tista' toħloq kompetizzjoni inġusta għal indikazzjonijiet eżistenti bħal "[nutrijent] imnaqqas" u indikazzjonijiet ta' "light/lite"; billi għal dan tal-aħħar hu meħtieġ tnaqqis ta' mill-inqas 10% (għall-mikronutrijenti), ta' 25% (għas-sodju) jew 30% (għaz-zokkrijiet/xaħmijiet) meta mqabbel ma' prodotti simili oħra; billi konsumatur jista' jaħseb li d-dikjarazzjoni kwantifikata fl-indikazzjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tfisser tnaqqis akbar minn dak li jkun hemm f'indikazzjoni "imnaqqas" jew "light", minkejja li r-rekwiżiti għal dawn l-indikazzjonijiet huma aktar stretti minn dawk ta' indikazzjoni li fiha "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]", li titlob biss tnaqqis minimu ta' 15%;

    H.

    billi, l-indikazzjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tista' toħloq diżinċentiv għall-produtturi meta jirriformulaw il-prodotti tagħhom b'mod aktar sostanzjali biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għal "imnaqqas" jew "light" għaliex hu aktar faċli li tnaqqas nutrijent bi 15% milli bi 30%;

    I.

    billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi b'mod ċar, fil-Premessa 4 tal-abbozz ta' miżura li "... meta jitnaqqsu z-zokkrijiet, il-konsumaturi jistennew tnaqqis fil-valur tal-enerġija"; billi, fir-rigward tal-emenda proposta għall-indikazzjoni ta' 'xaħmijiet/zokkrijiet imnaqqsa' kif imniżżel fil-punt 2 tal-Anness għall-abbozz ta' miżura, il-Kummissjoni tippermetti wkoll li dawn l-indikazzjonijiet isiru anke meta l-valur tal-enerġija fil-prodott li jġib l-indikazzjoni tkun ugwali għall-valur tal-enerġija li hemm fi prodott simili;

    1.

    Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni;

    2.

    Iqis li dan l-abbozz ta’ regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-objettiv u l-kontenut tal-istrument bażiku;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lill-Kumitat abbozz emendat tal-miżura;

    4.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  http://ec.europa.eu/food/food/labellingnutrition/claims/guidance_claim_14-12-07.pdf

    (3)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

    (4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


    Top