Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AP0217

Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji * Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Mejju 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (COM(2011)0594 – C7-0355/2011 – 2011/0261(CNS))

ĠU C 264E, 13.9.2013, pp. 107–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 264/107


L-Erbgħa 23 ta’ Mejju 2012
Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji *

P7_TA(2012)0217

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2012 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (COM(2011)0594 – C7-0355/2011 – 2011/0261(CNS))

2013/C 264 E/24

(Proċedura leġislattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0594),

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0355/2011),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati mressqa, fi ħdan il-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mill-Parlament Ċiprijott u l-Parlament Svediż, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġislattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0154/2012),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal direttiva

Premessa 1

(1)

Il-kriżi finanzjarja riċenti wasslet għal dibattiti fil-livelli kollha dwar il-possibbiltà ta’ taxxa addizzjonali fuq is-settur finanzjarju u b’mod partikolari taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT). Dan id-dibattitu joriġina mix-xewqa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi biex ikopri l- kostijiet tal-kriżi u li jiġi ntaxxat b'mod ekwu fil-konfront ta' setturi oħrajn fil-ġejjieni; sabiex jiġu disinċentivati attivitajiet riskjużi wisq minn istituzzjonijiet finanzjarji; sabiex jiġu kkumplimentati miżuri regolatorji maħsuba biex jiġu evitati kriżijiet futuri u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali għall-baġits ġenerali jew għal skopijiet speċifiċi ta' politika.

(1)

Il-kriżi finanzjarja riċenti wasslet għal dibattiti fil-livelli kollha dwar il-possibbiltà ta’ taxxa addizzjonali fuq is-settur finanzjarju u b’mod partikolari taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT). Dan id-dibattitu joriġina mix-xewqa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi biex ikopri l-ispejjeż tal-kriżi u li jiġi ntaxxat b'mod ekwu fil-konfront ta' setturi oħrajn fil-ġejjieni; sabiex jiġu disinċentivati attivitajiet riskjużi wisq minn istituzzjonijiet finanzjarji; sabiex jiġu kkumplimentati miżuri regolatorji maħsuba biex jiġu evitati kriżijiet futuri u biex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali għall-baġits ġenerali inter alia bħala kontribut għall-konsolidazzjoni fiskali, sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u jinħoloq l-impjieg , jew għal skopijiet speċifiċi ta' politika, bħall-għajnuna għall-iżvilupp u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima .

Emenda 2

Proposta għal direttiva

Premessa 2

(2)

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet permezz ta’ miżuri meħudin unilateralment mill-Istati Membri, filwaqt li jingħata kas tal-mobilità estremament għolja ta’ ħafna mit-tranżazzjonijiet finanzjarji rilevanti, u biex b’hekk jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, huwa importanti li l-karatteristiċi bażiċi ta’ FTT fl-Istati Membri jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni. B’hekk għandhom jiġu evitati inċentivi għall-arbitraġġ fiskali fl-Unjoni u d-distorsjonijiet ta’ allokazzjonijiet bejn is-swieq finanzjarji fl-Unjoni, kif ukoll il-possibilitajiet ta’ tassazzjoni doppja jew ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni.

(2)

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet permezz ta’ miżuri meħudin unilateralment mill-Istati Membri, filwaqt li jingħata kas tal-mobilità estremament għolja ta’ ħafna mit-tranżazzjonijiet finanzjarji rilevanti, u biex b’hekk jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, huwa importanti li l-karatteristiċi bażiċi ta’ FTT fl-Istati Membri jiġu armonizzati, u din id-Direttiva tiġi implimentata , fil-livell tal-Unjoni. B’hekk għandhom jiġu evitati inċentivi għall-arbitraġġ fiskali fl-Unjoni u d-distorsjonijiet ta’ allokazzjonijiet bejn is-swieq finanzjarji fl-Unjoni, kif ukoll il-possibilitajiet ta’ tassazzjoni doppja jew ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni. B'kont meħud tal-għan aħħari tal-applikazzjoni ta' FTT mal-Unjoni kollha, jekk grupp ta' Stati Membri, inkluż, imma mhux limitat għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, jiddeċiedi li jgħaġġel aktar permezz ta' kooperazzjoni miżjuda skont l-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-mudell żviluppat f'din id-Direttiva jkun jidher xieraq bħala bażi għall-implimentazzjoni ġewwa dak il-grupp ta' Stati Membri. Madankollu, l-introduzzjoni ta' FTT f'numru partikolarment limitat ta' Stati Membri tista' twassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern u għandhom jittieħdu miżuri komprensivi sabiex jiġi żgurat li din l-azzjoni ma taffettwax b'mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern .

Emenda 3

Proposta għal direttiva

Premessa 2a (ġdida)

 

(2a)

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 u b'kont meħud tal-fatt li l-FTT tilħaq verament l-objettivi tagħha jekk tkun introdotta fuq livell globali, l-Unjoni għandha tmexxi l-isforzi biex jintlaħaq ftehim dwar l-FTT fil-livell globali. Biex tagħti eżempju għall-introduzzjoni ta' FTT, l-Unjoni trid tinsisti reżolutament għal ftehim globali fil-qasam internazzjonali rilevanti, speċjalment il-G20, biex tistabbilixxi bażi komuni għall-introduzzjoni ta' FTT globali. L-azzjonijiet konkreti f'din id-direzzjoni għandhom ikunu parti mir-rapport tal-Kummissjoni fil-qafas tal-ewwel rieżami ta' din id-Direttiva.

Emenda 4

Proposta għal direttiva

Premessa 3

(3)

Biex is-suq intern jaħdem kif suppost , l-FTT għandha tapplika għall-kummerċ fuq firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji, inklużi prodotti strutturati, kemm fis-swieq organizzati kif ukoll barra minn dawn is-swieq, u wkoll għall-konklużjoni u l-modifika ta’ kull kuntratt derivat. Għall-istess raġuni, din għandha tapplika għal firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

(3)

Biex tonqos il-possibilità ta' evitar tat-taxxa, ir-riskju ta' rilokazzjoni u arbitraġġ regolatorju , l-FTT għandha tapplika għall-kummerċ fuq firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji, inklużi prodotti strutturati, kemm dawk nnegozjati fis-swieq organizzati kif ukoll dawk li huma “over-the-counter”, u wkoll għall-konklużjoni u l-modifika ta’ kull kuntratt ta' derivati. Għall-istess raġuni, din għandha tapplika għal firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. L-inklużjoni tal-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta' strumenti u atturi finanzjarji għandha tiżgura wkoll li l-piż tat-taxxa jitqassam ugwalment bejn l-atturi kollha imma relattivament akbar għal tranżazzjonijiet finanzjarji aktar spekulattivi u aktar destabbilizzanti. Ma jistax jintlaħaq l-istess riżultat jekk l-ambitu tal-FTT ikun aktar limitat, eż. jekk jieħu l-forma ta' taxxa tal-bolla, li jitfa' l-piż kollu tat-taxxa fuq grupp aktar limitat ta' strumenti nnegozjati fis-swieq regolati, mingħajr ma jintlaħaq l-għan li titrażżan is-spekulazzjoni eċċessiva u ta’ ħsara .

Emenda 5

Proposta għal direttiva

Premessa 11a (ġdida)

 

(11a)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozju fil-boroż, li huwa strettament irregolat, ikkontrollat u trasparenti meta mqabbel man-negozju mhux regolat, mhux ikkontrollat u inqas trasparenti li jsir barra mill-boroż, l-Istati Membri għandhom japplikaw rati ta' taxxa aktar baxxi għal tranżazzjonijiet finanzjarji fil-boroż milli għal tranżazzjonijiet li jsiru barra mill-boroż. Dan se jagħmilha possibbli li jkun hemm ċaqliq minn negozju fis-swieq bi ftit jew mingħajr regolazzjoni għal boroż li huma suġġetti għal regolazzjoni u kontroll stretti.

Emenda 6

Proposta għal direttiva

Premessa 12

(12)

Sabiex it-tassazzjoni tiġi kkonċentrata fuq is-settur finanzjarju bħala tali aktar milli fuq iċ-ċittadini u minħabba li l-istituzzjonijiet finanzjarji jesegwixxu l-maġġoranza vasta ta’ tranżazzjonijiet fis-swieq finanzjarji, it-taxxa għandha tapplika għal dawk l-istituzzjonijiet, sew jekk jinnegozjaw f’isimhom stess, f’isem persuni oħra, akkont tagħhom stess jew akkont ta’ persuni oħra.

(12)

Sabiex it-tassazzjoni tiġi kkonċentrata fuq is-settur finanzjarju bħala tali aktar milli fuq iċ-ċittadini u minħabba li l-istituzzjonijiet finanzjarji jesegwixxu l-maġġoranza vasta ta’ tranżazzjonijiet fis-swieq finanzjarji, it-taxxa għandha tapplika biss għal dawk l-istituzzjonijiet, sew jekk jinnegozjaw f’isimhom stess, f’isem persuni oħra, akkont tagħhom stess jew akkont ta’ persuni oħra.

Emenda 7

Proposta għal direttiva

Premessa 13

(13)

Minħabba l-mobilità għolja ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji u sabiex tgħin biex ittaffi l- potenzjali ta’ evażjoni fiskali, l-FTT għandha tiġi applikata abbażi tal-prinċipju ta’ residenza.

(13)

Minħabba l-mobilità għolja ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji u sabiex tgħin biex ittaffi l-potenzjali ta’ evażjoni fiskali u sabiex tiżgura l-kopertura l-aktar wiesgħa possibbli tal-atturi u t-tranżazzjonijiet , l-FTT għandha tiġi applikata abbażi ta' prinċipju ta’ residenza definit b'mod wiesa' ħafna, issupplimentat mill-elementi tal-prinċipju tal- ħruġ. Barra minn hekk, għandu japplika l-prinċipju ta' sjieda għal infurzar aħjar tal-FTT .

Emenda 8

Proposta għal direttiva

Premessa 14

(14)

Ir-rati minimi tat-taxxa għandhom jiġu stabbiliti f'livell għoli biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan ta’ armonizzazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fl-istess ħin, dawn għandhom ikunu baxxi biżżejjed sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ delokalizzazzjoni.

(14)

Ir-rati minimi tat-taxxa għandhom jiġu stabbiliti f'livell għoli biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan ta' armonizzazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex is-settur finanzjarju jagħti kontribut xieraq għall-ispejjeż tal-kriżi ekonomika u b’hekk jagħti spinta lill-ekonomija reali . Fl-istess ħin, sakemm tiġi implimentata sistema ta' FTT uniformi u globali, dawk ir-rati għandhom ikunu baxxi biżżejjed sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ delokalizzazzjoni.

Emenda 9

Proposta għal direttiva

Premessa 15a (ġdida)

 

(15a)

Minħabba li r-rati ta' evitar, evażjoni u abbuż se jiddependu parzjalment mill-kapaċità tal-Istati Membri li jivverifikaw it-tranżazzjonijiet taxxabbli li jitwettqu f' post ta' negozju f'pajjiż terz, l-Istati Membri u, fejn applikabbli, il-Kummissjoni, għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa stabbiliti mill-OECD, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn. Jekk ikun neċessarju, għandhom jittieħdu inizjattivi kooperattivi bilaterali u multilaterali ġodda f'dan ir-rigward.

Emenda 10

Proposta għal direttiva

Premessa 16

(16)

Sabiex tkun tista' ssir l-adozzjoni ta' regoli aktar dettaljati għad-determinazzjoni dwar jekk ċerti attivitajiet finanzjarji jikkostitwixxux parti sinifikanti mill-attività ta' impriża, sabiex l-impriża tkun tista' titqies istituzzjoni finanzjarja għall-finijiet ta' din id-Direttiva, u kif ukoll regoli aktar dettaljati dwar il-protezzjoni kontra l-evażjoni, l-evitar u l-abbuż tat-taxxa, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-miżuri neċessarji għal dan il-għan. Huwa ta’ importanza partikolari li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti . Waqt li tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni, għandha tiżgura trażmissjoni fil-ħin u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Kunsill.

(16)

Sabiex tkun tista' ssir l-adozzjoni ta' regoli aktar dettaljati għad-determinazzjoni dwar jekk ċerti attivitajiet finanzjarji jikkostitwixxux parti sinifikanti mill-attività ta' impriża, sabiex l-impriża tkun tista' titqies istituzzjoni finanzjarja għall-finijiet ta' din id-Direttiva, u kif ukoll regoli aktar dettaljati dwar il-protezzjoni kontra l-evażjoni, l-evitar u l-abbuż tat-taxxa, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-miżuri neċessarji għal dan il-għan. Huwa ta’ importanza partikolari li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, partikolarment ma' esperti, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u partijiet interessati oħrajn . Waqt li tkun qiegħda tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni, għandha tiżgura trażmissjoni fil-ħin u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 11

Proposta għal direttiva

Premessa 17a (ġdida)

 

(17a)

Din id-Direttiva ma tindirizzax l-immaniġġjar tad-dħulminn FTT. Madankollu, b' kont meħud tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 u b'mod partikolari rigward id-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni, parti mill-introjtu minn FTT tista' tkun immaniġġjata fil-livell tal-Unjoni, jew bħala parti mir-riżorsi proprji tal-Unjoni jew marbuta direttament ma' politika u prodotti pubbliċi speċifiċi tal-Unjoni. L-użu ta' parti mid-dħul mill-FTT bħala riżorsi proprji tal-Unjoni jnaqqas il-kontributi nazzjonali għall-baġit tal-Unjoni u għalhekk jirrilaxxa fondi mill-baġits nazzjonali għal użu ieħor.

Emenda 12

Proposta għal direttiva

Premessa 17b (ġdida)

 

(17b)

L-Istati Membri biss għandhom il-kompetenza li jinponu t-taxxa.

Emenda 13

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 2

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha, bil-kondizzjoni li mill-inqas parti waħda għat-tranżazzjoni tkun stabbilita fi Stat Membru u li istituzzjoni finanzjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru tkun parti għat-tranżazzjoni, li taġixxi jew akkont tagħha stess jew akkont ta’ persuna oħra, jew li tkun qiegħda taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika, skont l-Artikolu 3 , għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mill-inqas parti waħda għat-tranżazzjoni tkun stabbilita fi Stat Membru u istituzzjoni finanzjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru tkun parti għat-tranżazzjoni, li taġixxi jew akkont tagħha stess jew akkont ta’ persuna oħra, jew li tkun qiegħda taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni; jew

(b)

it-tranżazzjoni tinvolvi strument finanzjarju maħruġ minn entitajiet legali rreġistrati fl-Unjoni.

Emenda 14

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt ca (ġdid)

 

(ca)

tranżazzjonijiet immedjati tal-muniti barra fejn ikunu direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali ta’ kontroparti mhux finanzjarja li tkun utent finali.

Emenda 15

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 7 – punt f

(f)

fond tal-pensjonijiet jew istituzzjoni għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali kif definiti fl-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, maniġer ta’ investiment ta’ tali fond jew istituzzjoni;

(f)

fond tal-pensjonijiet jew istituzzjoni għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali kif definiti fl-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali , maniġer ta’ investiment ta’ tali fond jew istituzzjoni, u entità mwaqqfa għall-iskop ta' investiment ta' tali fondi jew istituzzjonijiet li joperaw esklussivament fl-interess ta' tali fondi jew istituzzjonijiet, m'għandhomx jitqiesu bħala istituzzjoni finanzjarja, għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, sad-data tar-rieżami ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 16;

Emenda 16

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt ea (ġdid)

 

(ea)

hija parti, li qiegħda taġixxi akkont tagħha stess jew akkont ta’ persuna oħra, jew qiegħda taġixxi f’isem parti għat-tranżazzjoni fir-rigward ta' strument finanzjarju maħruġ fit-territorju ta' Stat Membru jew tal-Unjoni.

Emenda 17

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 2a (ġdid)

 

2a.     Għall-iskop li jiġi applikat b'mod konsistenti l-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin u mal-AETS fir-riward tas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji.

Emenda 18

Proposta għal direttiva

Artikolu 3a (ġdid)

 

Artikolu 3a

Ħruġ

1.     Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, strument finanzjarju huwa meqjus bħala maħruġ fit-territorju ta' Stat Membru jew tal-Unjoni meta jkun maħruġ minn entità legali li hija rreġistrata fi Stat Membru.

2.     Fil-każ ta' ftehim dwar derivati, il-kundizzjoni tal-ħruġ fit-territorju ta' Stat Membru jew tal-Unjoni hija ssodisfatta fejn ir-referenza jew strument sottostanti jkun maħruġ minn entità legali li tkun irreġistrata fi Stat Membru.

3.     Fil-każ ta' strument strutturat, il-kundizzjoni tal-ħruġ fit-territorju ta' Stat Membru jew tal-Unjoni hija ssodisfatta meta l-istrument strutturat ikun ibbażat fuq jew appoġġjat minn proporzjon sinifikanti ta' assi jew strumenti finanzjarji u ftehim dwar derivati b'referenza għal strumenti finanzjarji jkun maħruġ minn entità legali li tkun irreġistrata fi Stat Membru.

Emenda 19

Proposta għal direttiva

Artikolu 3b (ġdid)

 

Artikolu 3b

It-trasferiment ta' titolu legali

1.     Tranżazzjoni finanzjarja li fir-rigward tagħha l-ebda FTT ma tkun ġiet imposta għandha titqies legalment mhux infurzabbli u ma għandhiex tirriżulta fi trasferiment ta' titolu legali tal-istrument sottostanti.

2.     Tranżazzjoni finanzjarja kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex titqies li tissodisfa r-rekwiżiti għal rilaxx ċentrali skont ir-Regolament (UE) Nru…/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' … dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet [EMIR] jew l-adegwatezza kapitali skont ir-Regolament (UE) Nru…/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' … dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment [CRR IV].

3.     Fil-każ ta' skemi awtomatiċi ta' pagament elettroniku bil-parteċipazzjoni, jew mingħajrha, tal-aġenti għall-ħlas tal-pagamenti, l-awtoritajiet tad-dħul ta' Stat Membru jistgħu jistabbilixxu sistema ta' ġbir elettroniku awtomatiku tal-FTT u ċertifikati tat-trasferiment ta' titoli legali.

Emenda 20

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 3

3.   L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess rata għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha li jaqgħu taħt l-istess kategorija skont il-paragrafu 2 (a) u (b).

3.    Sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ tat-taxxa , l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess rata għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha li jaqgħu taħt l-istess kategorija skont il-paragrafu 2 (a) u (b).

Emenda 21

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 3a (ġdid)

 

3a.     L-Istati Membri għandhom japplikaw rata aktar baxxa ta’ taxxa għal tranżazzjonijiet finanzjarji fuq il-boroż minn dawk applikati għall-kummerċ barra mill-boroż. Dan għandu japplika għat-tranżazzjonijiet finanzjarji imsemmija fl-Artikoli 5 u 6.

Emenda 22

Proposta għal direttiva

Artikolu 9 – paragrafu 2

2.   Meta istituzzjoni finanzjarja taġixxi għan-nom jew akkont ta’ istituzzjoni finanzjarja oħra, dik l-istituzzjoni finanzjarja l-oħra biss għandha tkun responsabbli li tħallas FTT.

2.   Meta istituzzjoni finanzjarja taġixxi għan-nom, akkont jew b'ordni ta ’ istituzzjoni finanzjarja oħra, dik l-istituzzjoni finanzjarja l-oħra biss għandha tkun responsabbli li tħallas FTT. Meta bosta istituzzjonijiet finanzjarji jkunu mdaħħlin fi proċess bħal dan, tkun biss l-istituzzjoni oriġinarja mniżżla bħala trader li tkun responsabbli biex tħallas l-FTT.

Emenda 23

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – paragrafu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ kontabilità, ta’ rappurtar u obbligi oħra maħsuba biex jiżguraw li l-FTT dovuta lill-awtoritajiet fiskali titħallas b’mod effettiv.

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontabilità u ta’ rappurtar u obbligi oħra maħsuba biex jiżguraw li l-FTT dovuta lill-awtoritajiet fiskali titħallas b’mod effettiv.

Emenda 24

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – paragrafu 1a (ġdid)

 

1a.     Istituzzjoni finanzjarja għandha, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, tirreġistra mal-awtoritajiet tat-taxxa fi Stat Membru fejn ikun meqjus li tkun ġiet stabbilita skont l-Artikolu 3(1).

Emenda 25

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – paragrafu 1b (ġdid)

 

1b.     Stat Membru jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji rreġistrati fit-territorju tagħhom.

Emenda 26

Proposta għal direttiva

Artikolu 10 – paragrafu 5a (ġdid)

 

5a.     L-Istati Membri għandhom jiżvelaw kull sena lill-Kummissjoni u lill-Eurostat il-volumi ta' tranżazzjonijiet li fuqhom inġabar d-dħul.

Emenda 27

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – titolu

Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-prevenzjoni tal-evażjoni, tal-evitar u tal-abbuż

Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mat-trasparenza u mal-prevenzjoni tal-evażjoni, tal-evitar u tal-abbuż tat-taxxa

Emenda 28

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 1

1.    L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tal-evażjoni, tal-evitar u tal-abbuż mit-taxxa.

1.    Ir-regoli tal-Unjoni għandhom jiġu adottati għall-prevenzjoni tal-evażjoni, tal-evitar u tal-abbuż mit-taxxa.

Emenda 29

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 1a (ġdid)

 

1a.     Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta' ħidma espert (Kumitat FTT), li jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri, li jissorvelja l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jaħtru entitajiet u jagħtuhom kompetenza adegwata ħalli jieħdu azzjoni immedjata fil-każ ta' abbuż.

Il-Kumitat FTT għandu jissorvelja t-tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex, fejn hu xieraq, jiġu identifikati skemi ta' evitar tat-taxxa, jiġu proposti kontromiżuri u tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni ta' tali kontromiżuri fil-livell nazzjonali.

Emenda 30

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 3a (ġdid)

 

3a.     Il-piż amministrattiv impost fuq l-awtoritajiet tat-taxxa permezz tal-introduzzjoni tal-FTT għandu jinżamm għal minimu u, għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

Emenda 31

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 3b (ġdid)

 

3b.     L-Eurostat għandha tiġbor u tippubblika kull sena l-flussi finanzjarji soġġetti għall-FTT fl-Unjoni.

Emenda 32

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 3c (ġdid)

 

3c.     Bl-iskop li jkunu vverifikati t-tranżazzjonijiet taxxabbli magħmulin f' post ta' negozju f'pajjiż terz, l-Istati Membri u, fejn applikabbli, il-Kummissjoni għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa mwaqqfin mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Emenda 33

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 3d (ġdid)

 

3d.     Sabiex jiġu adattati l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u, b'mod partikolari, fir-rigward ta' kooperazzjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovduhom bir-riżorsi umani u t-tagħmir tekniku neċessarji u adegwati. Attenzjoni partikolari għandha tintefa fuq l-għoti ta' taħriġ għall-uffiċjali.

Emenda 34

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 3e (ġdid)

 

3e.     Il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami dettaljat biex tanalizza l-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet reġjonali u lokali li joħorġu mill-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Emenda 35

Proposta għal direttiva

Artikolu 16

Kull ħames snin u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, fejn xieraq, proposta għall-modifika tagħha.

Kull ħames snin u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, fejn xieraq, proposta għall-modifika tagħha.

F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, teżamina l-impatt tal-FTT fuq il-funzjonament proprju tas-suq intern, tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija reali u għandha tivvaluta l-progress dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest internazzjonali.

F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, teżamina l-impatt tal-FTT fuq il-funzjonament proprju tas-suq intern, tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija reali. Għandha tivvaluta wkoll l-impatt ta' ċerti dispożizzjonijiet bħall-ambitu xieraq tal-FTT, il-possibilità li tiddistingwi bejn kategoriji differenti ta' prodotti u assi finanzjarji bil-għan li jintalbu rati ogħla wara ċertu proporzjon ta' ordnijiet ikkanċellati, ir-rata ta' tassazzjoni u l-eżenzjoni tal-istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali skont l-Artikolu 2(1)(7)(f). Fejn il-Kummissjoni tiskopri li saret xi distorsjoni jew abbuż, hija għandha tipproponi rimedji xierqa.

 

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tanalizza u tirrapporta dwar il-ġbir tal-introjtu mit-taxxa FTT nazzjonali abbażi tar-residenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u sa liema punt, dan il-ġbir, ikun differenti minn distribuzzjoni tat-taxxa msejsa fuq ir-residenza tal-konsumatur sottostanti, b'mod partikolari sa liema punt il-konsolidament finanzjarju jiċċentralizza d-dħul tat-taxxa fiċ-ċentri finanzjarji.

 

Fir-rapporti tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis forom differenti ta' tassazzjoni tas-settur finanzjarju, li qed jiġu diskussi jew diġà mwaqqfa, u l-progress rigward l-introduzzjoni ta' FTT usa'. Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti jew tieħu azzjoni sabiex tiffaċilita l-konverġenza u tħeġġeġ l-introduzzjoni ta' FTT globali.


Top