EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1170

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/04

Relatur: is-Sur TRIAS PINTÓ

Nhar it-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li jfassal opinjoni ta’ inizjattiva proprja dwar

L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’142 vot favur, 6 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   F’dawn l-aħħar snin, iż-żieda dejjem tikber fil-kumplessità u n-nuqqas ta’ trasparenza fis-sistema finanzjarja qed jagħmluha iżjed diffiċli li l-prodotti finanzjarji jinftiehmu.

1.1.1   Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE japprezza l-inizjattivi differenti implimentati mill-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-sistema finanzjarja. Għalhekk, jitlob lill-industrija finanzjarja tapplika r-regolamentazzjoni l-ġdida u tagħmel użu mill-awtoregolazzjoni biex tħeġġeġ prattiki adatti u onesti, li jipprovdu remedju għall-imġiba ta’ ċerti entitajiet fl-imgħoddi u li jiffaċiliaw l-aċċess għal prodotti finanzjarji trasparenti, biex b’hekk il-konsumaturi jkunu jafu x’qed iħallsu verament u f’liema ċirkustanzi, u jkunu jistgħu jqabblu l-offerti differenti tas-suq.

1.2   It-tisħiħ indispensabbli tar-regolazzjoni, is-superviżjoni u t-trasparenza tas-sistema finanzjarja bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur ta’ prodotti finanzjarji ma tneħħix l-obbligu li ċ-ċittadini jiżviluppaw il-kompetenzi finanzjarji tagħhom tul ħajjithom kollha, biex b’hekk jikkunsmaw il-prodotti finanzjarji b’mod responsabbli, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet infurmati tajjeb u għalkollox maturi. Essenzjalment, irid jinħoloq “trijanglu virtuż” bejn l-edukazzjoni finanzjarja, ir-regolazzjoni tas-swieq u l-protezzjoni tal-konsumatur.

1.3   L-edukazzjoni finanzjarja għandha titqies bħala politika olistika, imsejsa fuq il-kollaborazzjoni tal-atturi kkonċernati kollha: l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-settur finanzjarju, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, l-għaqdiet tal-konsumatur, is-sistema edukattiva u, b’mod ġenerali, iċ-ċittadini tagħhom bħala konsumaturi ta’ prodorti finanzjarji. Madankollu, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom isiru minn korpi li huma ħielsa minn kull kunflitt ta’ interessi.

1.4   Fil-qafas ta’ sistema edukattiva li tistimula liċ-ċittadini Ewropej jiżviluppaw l-ispirtu kritiku tagħhom, l-edukazzjoni finanzjarja trid titkompla tul ħajjet il-persuni. Il-KESE jitlob li l-edukazzjoni finanzjarja ssir suġġett obbligatorju fil-kurrikulu tal-iskejjel, u għandha titkompla permezz ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema. Fost l-oħrajn, l-għan tal edukazzjoni finanzjarja bħala suġġett akkademiku għandu jkun li jħeġġeġ il-ġestjoni responsabbli tal-affarijiet finanzjarji (tfaddil, użu tal-karti tal-kreditu, self, eċċ.) u l-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli. Il-KESE jappoġġja l-miżuri ta’ regolazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-prodotti bażiċi adottati mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tiżdied it-trasparenza u tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza.

1.5   Edukazzjoni finanzjarja li tkun aċċessibbli għal kulħadd tgawdi minnha s-soċjetà kollha. Il-proġetti fil-qasam tal-iżvilupp tal-kompetenzi finanzjarji għandhom ikunu mmirati prinċipalment lejn is-sezzjoni tal-popolazzjoni li hija f’periklu ta’ esklużjoni finanzjarja, u, min-naħa tiegħu, is-settur finanzjarju għandu jinvolvi ruħu b’mod attiv f’azzjonijiet li jiffukaw fuq għan doppju – il-mikrofinanzjament u l-edukazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi finanzjarji bażiċi.

1.6   Il-KESE jixħet dawl fuq l-impatt limitat tal-programmi attwali tal-edukazzjoni finanzjarja, u jenfasizza li l-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-programmi edukattivi differenti u l-effettività tal-mezzi ta’ aċċess użati huma importanti daqs li jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ taħriġ li għandhom il-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji u li jitfasslu proposti ad hoc. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jridu jagħtu sehemhom.

1.7   Indubbjament, l-edukazzjoni finanzjarja hija element prinċipali biex ma tintilifx il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u jiġi żgurat konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji. Għalhekk, minn issa ’l quddiem, huwa indispensabbli li l-istituzzjonijiet (pubbliċi u privati) l-iżjed rilevanti u l-partijiet interessati jingħaqdu biex jiżguraw li l-edukazzjoni finanzjarja jkollha l-istrateġiji u r-riżorsi li jistħoqqilha, u biex tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ koordinazzjoni u hħall-insuffiċjenza tas-sinerġiji bejn il-bosta inizjattivi eżistenti (fil-livell internazzjonali, Ewropew jew dak tal-Istati Membri).

1.8   Il-KESE huwa konxju mill-fatt li l-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni huma limitati, iżda huwa tal-fehma li l-edukazzjoni finanzjarja hija iżjed minn sempliċement edukazzjoni per se, peress li tfisser ukoll ir-responsabilizzazzjoni tal-persuni, tittratta l-problema tal-esklużjoni soċjali u tippromovi konsum responsabbli.

1.9   Fl-aħħar nett, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-ħtiġijiet tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji jkunu inklużi fost it-temi pijoritarji tal-laqgħat internazzjonali ta’ livell għoli, b’mo partikolari s-Summit tal-G20. F’dan ir-rigward, jitlob li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-protezzjoni finanzjarja tal-konsumatur.

2.   Il-kultura finanzjarja u r-rwol tal-konsumaturi

2.1   Il-kultura tad-deregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni finanzjarji, il-kreattività fil-qasam tal-finanzi, is-sofistikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji ġodda u n-nuqqas ta’ trasparenza tas-sistema mhux biss huma l-kawża prinċipali tal-kriżi maġġuri li għaddejjin minnha bħalissa, iżda xekklu wkoll il-komprensjoni taċ-ċittadini Ewropej ta’ dan is-suq li diġà huwa fih innifsu kumpless u globalizzat, mgħarraq f’firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji.

2.2   Fis-“soċjetà bbażata fuq l-għarfien”, li għandha tgawdi minn sistema edukattiva li kapaċi tistimula l-ispirtu kritiku taċ-ċittadini tagħha, l-edukazzjoni finanzjarja hija strument strateġiku li għandu jimxi id f’id mar-regolazzjoni l-ġdida tas-sistema finanzjarja. Fil-fatt, mhuwiex possibbli li tinbena sistema finanzjarja iżjed soda, iżjed sigura u iżjed trasparenti mingħajr l-appoġġ ta’ konsumaturi responsabbli u li jimpenjaw ruħhom favur l-iżvilupp tal-kompetenzi finanzjarji tagħhom.

2.3   Il-kunċett ta’ “konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji” – li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini jiddistingwu bejn ix-xewqat u l-ħtiġijiet tagħhom – qed jaqbad ġmielu. Anke l-kunċett ta’ “tfaddil responsabbli” qed isir dejjem iżjed popolari. Fuq perjodu twil ta’ żmien, dan il-kunċett jippromovi prodotti soċjalment responsabbli (1), jiġifieri prodotti li jagħtu prestazzjoni aħjar skont kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-intrapriżi (l-hekk imsejħa ESG[Environmental, Social and Corporate Governance] criteria).

2.4   L-għan ma għandux ikun biss it-trażmissjoni tal-għarfien u l-ħiliet (edukazzjoni finanzjarja), iżda wkoll li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet infurmati (litteriżmu finanzjarju) fil-ġestjoni tal-finanzi personali tagħhom fid-dinja reali (tisħiħ tal-kompetenzi finanzjarji).

2.5   Fl-aħħar nett, parti kbira mid-deċiżjonijiet li jieħu individwu kwalunkwe tul ħajtu – nibdew mit-tiftix tal-fondi fil-ħajja ta’ student u nispiċċaw bl-ipjjanar ta’ pensjoni meta wieħed jirtira – huma marbuta ma’ aspett finanzjarju, li għandu impatt dirett fuq il-ħajja personali tiegħu u l-familja tiegħu (2).

2.6   Barra minn hekk, fid-dawl tal-kriżi ekonomika internazzjonali attwali, l-interess dejjem jikber taċ-ċittadini għall-iżvilupp sostenibbli u l-imġiba tal-intrapriżi fil-konfront tal-aspett ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-intrapriżi (ESG criteria), hemm bżonn ta’ iżjed informazzjoni dwar kif dawn il-kriterji jistgħu jagħnlu parti mid-deċiżjonijiet finanzjarji tal-konsumaturi individwali.

2.7   Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li huwa fundamentali li jiġi żgurat li l-kategoriji kollha tal-popolazzjoni jkollhom kultura finanzjarja adegwata tul ħajjithom kollha, bil-għan li ma jitilfux il-fiduċja f’sistema finanzjarja rregolata tajjeb, u bil-għan li jiġu garantiti l-iżvilupp u l-istabbiltà tagħha. B’hekk, jiġi promoss konsum intelliġenti tal-prodotti finanzjarji, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet infurmati tajjeb u għalkollox maturi. Din il-kwistjoni qed issir għan komuni għall-gvernijiet u l-korpi regolatorji u ta’ superviżjoni.

2.8   L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom rwol importanti x’jaqdu wkoll. Biex dan iseħħ, is-soċjetà trid tkun tista’ tiddependi mill-impenn ta’ industrija finanzjarja li tiggarantixxi prattiki onesti u trasparenti fil-prestazzjoni tas-servizzi lill-klijenti, u taġixxi b’mod ċar fl-interess tagħhom.

3.   Miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja

3.1   Bil-kunċett “edukazzjoni finanzjarja” nifhmu l-proċess li permezz tiegħu l-konsumaturi jsiru jafu u jifhmu aktar dwar il-prodotti finanzjarji, ir-riskji finanzjarji u l-opportunitajiet li jipprovdi s-suq, biex b’hekk ikunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika fuq il-bażi ta’ informazzjoni adatta. Is-soċjetà kollha tgawdi minn edukazzjoni finanzjarja li tkun aċċessibbli bis-sħiħ, peress li jitnaqqas ir-riskju ta’ esklużjoni finanzjarja u l-konsumaturi jitħeġġu jippjanaw bil-quddiem u jfaddlu, li jgħinhom ukoll ma jidħlux f’dejn eċċessiv.

3.2   Bil-għan li jippromovu l-kultura finanzjarja fost il-konsumaturi, il-korpi regolatorji, l-istituzzjonijiet finanjarji u l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili nedew firxa ta’ inizjattivi msemmija “Pjani ta’ edukazzjoni finanzjarja”.

3.3   Dan il-kunċett mhuwiex ġdid: l-OECD (3), il-Kummissjoni Ewropea (4), u l-ECOFIN fi ħdan il-Kunsill (5) ilkoll indirizzaw dan is-suġġett fil-passat.

3.4   L-iżjed miżuri sinifikattivi meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam kienu l-implimentazzjoni ta’ sezzjoni vasta dwar l-edukazzjoni finanzjarja bħala parti mill-proġett dwar l-edukazzjoni tal-konsumatur imsemmi DOLCETA (Development of On Line Consumer Education Tools for Adults – żvilupp tal-għodod onlajn għall-edukazzjoni tal-adulti dwar il-konsum) u t-twaqqif tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (GEEF) mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008. Dan il-grupp jiltaqa’ b’mod regolari biex janalizza l-istrateġiji differenti għall-iżvilupp ta’ programmi fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, billi jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni pubblika-privata bil-għan li jtejjeb il-mod li bih jiġu implimentati l-programmi.

3.5   Il-bżonn li tittejjeb l-edukazzjoni finanzjarja huwa ġġustifikat minn għadd ta’ fatturi, bħall-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji l-ġodda, il-bidliet demografiċi (6) u l-qafas legali Ewropew il-ġdid (7).

3.6   Hemm ukoll il-fatt li, b’mod ġenerali, il-popolazzjoni ma għandhiex kultura finanzjarja adegwata. Biex din is-sitwazzjoni tinbidel, hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu konxji tal-ħtieġa li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, il-KESE jitlob li jsiru iżjed kampanji fil-livell nazzjonali għall-pubbliku inġenerali fil-qasam tal-finanzi.

3.7   Il-KESE jaqbel li ċ-ċittadini kollha (tfal, żgħażagħ, persuni mdaħħla fl-età, persuni b’diżabbiltà u gruppi oħra) jkollhom aċċess effettiv għall-programmi maħsuba biex isaħħu l-kompetenzi finanzjarji tagħhom, bis-suġġetti adatti għal kull stadju ta’ ħajjithom, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet u l-interessi ta’ kull grupp. Il-kontenut essenzjali tat-taħriġ (ippjanar finanzjarju, tfaddil, dejn, assigurazzjoni u pensjonijiet, eċċ.) u l-metodu li bih dan it-taħriġ jingħata jridu jkunu akkumpanjati minn mezzi effettivi li jagħlu dan it-taħriġ aċċessibbli għal sezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni: skejjel, postijiet tax-xogħol, għaqdiet tal-konsumatur, websajts, pubblikazzjonijiet speċjalizzati, mezzi tax-xandir, eċċ.

3.8   It-tfal u ż-żgħażagħ huma l-pubbliku prijoritarju ta’ dawn il-programmi, iżda l-edukazzjoni finanzjarja hija parti integrali mill-kurrikulu tal-iskejjel f’numru żgħir biss ta’ Stati Membri (8). Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li jekk din is-sitwazzjoni tippersisti, l-għanijiet fil-qasam tal-ksib ta’ kompetenzi finanzjarji mhumiex ser jintlaħqu.

3.9   Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet l-oħra jtejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-qasam tal-investiment soċjalment responsabbli fl-Istati Membri differenti, fil-qafas tal-inizjattivi attwali fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja.

3.10   Il-programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja li għaddejjin bħalissa, f’pajjiżi bħar-Renju Unit (programm ta’ konsulenza ta’ natura ġenerali), Franza (Istitut għall-Edukazzjoni Finanzjarja), Spanja (pjan ta’ edukazzjoni finanzjarja għall-perjodu 2008–2012), l-Awstrija (Initiative Finanz Wissen – inizjattiva fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja), eċċ., huma mfassla tajjeb iżda l-istrateġiji għat-twettiq tagħhom mhumiex rigorużi biżżejjed u hemm nuqqas ta’ għarfien fost iċ-ċittadini dwar ir-riżorsi disponibbli għat-taħriġ ipprovduti minn dawn l-istituzzjonijiet.

3.11   Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ iżjed studji bil-għan li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-kontenut edukattiv, tal-mezzi użati għall-aċċess tiegħu u l-proċess li jwassal għall-kejl tat-titjib tal-kompetenzi finanzjarji minn perspettiva fit-tul, speċjalment fir-rigward tal-impatt ta’ din id-dixxiplina fuq l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ.

4.   Imġiba finanzjarja ġdida fost il-konsumaturi

4.1   Il-fatturi demografiċi, soċjokulturali u teknoloġiċi jnisslu fil-konsumaturi tipi ġodda ta’ mġiba finanzjarja. Fil-prattika, illum il-ġurnata l-konsumaturi qed ifittxu prodotti adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, trattament iżjed professjonali u livell ogħla ta’ informazzjoni, jinteressaw ruħhom fejn qed isiru l-investimenti tagħhom (9) u jadottaw approċċ kritiku.

4.2   Gradwalment, ir-rabtiet mill-qrib li l-klijenti kellhom mal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom qed jinħallu: issa qed jużaw numru ta’ korpi differenti, ifittxu bank fil-viċin, jew inkella jużaw bank onlajn u jfittxu servizz effettiv u li l-investiment jirrendi qligħ.

4.3   Biex il-klijenti jibqgħu fidili lejn korp partikolari, jeħtieġ li l-informazzjoni tkun ġestita tajjeb, bil-għan li jiġu analizzati d-drawwiet tal-konsum u jingħataw l-informazzjoni li tirrifletti l-profil tagħhom. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal s’issa, il-konsumatur għandu jqabbel l-informazzjoni li jingħata u jifhmu bis-sħiħ is-servizzi li daħlu għalihom.

4.4   L-għaqdiet tal-konsumatur jirrakkomandaw li l-konsumaturi jadotta firxa ta’ regoli fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet finanzjarji (servizz personalizzat, kwalità tas-servizz, livell ta’ speċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti) qabel ma jsibu ruħhom fil-burraxka biex isibu l-aħjar qligħ possibbli. F’dan ir-rigward, l-edukazzjoni finanzjarja tagħmilha possibbli li l-konsumaturi jkunu konxji mill-periklu ta’ prattiki finanzjarji dubjużi.

5.   Ninkoraġġixxu t-trasparenza bil-għan li nsaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi u nerġgħu niksbu l-fiduċja tagħhom

5.1   Il-miżuri li jittieħdu fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja jridu jkunu akkumpanjati minn regolazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji u mit-tisħiħ effettiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji. Madankollu, ir-regolazzjoni finanzjarja ma tneħħix il-bżonn li ċ-ċittadini jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw il-kompetenzi finanzjarji tagħhom tul ħajjithom kollha.

5.2   It-trasparenza hija kriterju indispensabbli fir-relazzjonijiet mal-utenti, u hija wkoll fattur fundamentali biex nerġgħu niksbu l-fiduċja tal-konsumatur fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

5.3   It-trasparenza tal-informazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ rapporti u pubblikazzjonijiet, servizzi ta’ konsulenza responsabbli, leaflets, information sheets, gwidi, mezzi ġodda ta’ konsultazzjoni, preżentazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi finanzjarji, eċċ. Il-karattri żgħar, il-klawżoli abużivi fil-kuntratti u l-pubbliċità qarrieqa għandhom jiġu eliminati.

5.4   B’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma sors ta’ preokkupazzjoni għall-klijenti: dan jiġri minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, il-kriterji biex titkellem mal-persunal fil-fergħat tal-banek u d-dokumenti nnifishom, li ta’ spiss ma jinftehmux minn persuni li mhumiex esperti fil-qasam finanzjarju. Biex jindirizzaw din is-sitwazjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jiżguraw li l-persunal tagħhom ikun kwalifikat, b’mod li jżomm lill-klijenti infurmati, ikollu djalogu magħhom u juża l-lingwaġġ tagħhom.

5.5   Rigward il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji, l-esiġenzi marbuta mal-informazzjoni ssaħħu, fid-dawl tad-dmir li l-konsumatur jiġi mgħarraf ġenwinament bil-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-implikazzjonijiet tagħhom, u jrid jitħalla żmien biżżejjed qabel ma tiġi aċċettata l-offerta.

5.6   B’mod partikolari, huwa importanti ħafna li jiġu ppreċiżati r-riskji marbuta ma’ kull operazzjoni u li jsir tentattiv biex ir-risku meħud ikun bilanċjat, fid-dawl tal-fatt li ġie osservat li dan l-aħħar ir-riskju marbuta mal-prodott finanzjarju għadda fuq il-konsumatur. Fil-każ tal-banek onlajn, irid jiġi garantit aċċess sħiħ għall-informazzjoni l-iżjed importanti f’dan ir-rigward.

5.7   Fil-prattika, id-Direttiva Ewropea 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas tiżgura aċċess aħjar għall-informazzjoni. Id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (10) (MIFID – Markets in Financial Instruments Directive) tistabbilixxi l-informazzjoni li trid tingħata meta jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment, applikabbli fl-istadji kollha tan-negozjati ta’ kuntratt: l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta qabel, waqt u wara l-konklużjoni ta’ kuntratt. Din id-direttiva titlob ukoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji jsaħħu l-protezzjoni tal-investituri u joffru lill-klijenti tagħhom prodotti li huma l-iżjed adatti għalihom, fuq il-bażi ta’ fatturi soċjokulturali u ta’ riskji marbuta mal-individwu kkonċernat.

5.8   Id-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur ukoll tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur. Hija tistabbilixxi l-prinċipju ta’ “self responsabbli”, li jiżgura li min qiegħed isellef jerfa’ r-responsabbiltà tal-pariri li jagħti u tal-valutazzjoni tas-solvenza attwali u futura tal-konsumatur fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minnu, u fuq il-bażi ta’ informazzjoni maħżuna f’bażi tad-data adatta.

5.9   Fil-ġejjieni, għodda importanti tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumaturi ser ikun l-Att għas-Suq Uniku (11), li jinkludi kapitolu dwar firxa ta’ miżuri maħsuba għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-prodotti finanzjarji bl-imnut, u jagħti attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-miżati bankarji u l-fatt li, attwalment, il-konsumaturi tal-ipoteki mhumiex protetti.

6.   Il-promozzjoni tal-aħjar prattiki bankarji

6.1   Id-deregolamentazzjoni finanzjarja matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin ħeġġet ir-rabta bejn is-suq bankarju u s-suq tal-kapital. Dan żied il-vulnerabbiltà tad-drittijiet tal-klijenti tal-banek kummerċjali.

6.2   Għalhekk, il-konsumaturi lmentaw dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti finanzjarji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prodotti sofistikati ġodda.

6.3   Il-Kummissjoni Ewropea (12) tenfasizza dawn il-problemi fundamentali li l-konsumaturi jkollhom mal-bank tagħhom: nuqqasijiet fl-informazzjoni prekuntrattwali, pariri mhux affidabbli, nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-miżati tal-banek u diffikultajiet biex jibdlu għal bank ieħor.

6.4   Biex tiġġieled kontra dawn il-problemi, il-Kummissjoni Ewropea nediet inizjattiva dwar l-awtoregolazzjoni maħsuba għas-settur bankarju biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-miżati tal-banek, u biex jiġi żgurat li jkun iżjed faċli li dawn il-miżati jinftiehmu u jiġu pparagunati ma’ oħrajn. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett importanti ta’ armonizzazzjoni, li għandu jwassal għal sistema iżjed standardizzata, li tiffaċilita l-ipparagunar ta’ prodotti differenti. Jisħaq fuq il-bżonn li, biex dan il-proġett jirnexxi, iridu jiġu involuti l-għaqdiet tal-konsumatur f’dan il-proċess.

6.5   Iżda, jeħtieġ li nenfasizzaw ir-riluttanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu lill-klijenti tagħhom aċċess għall-prodotti ta’ istituzzjonijiet oħra jekk dawn iħallulhom qligħ inqas. It-tnedija ta’ prodotti ġodda indipendentement mid-domanda għal dawn il-prodotti hija biss waħda fost l-iżbalji li saru fil-qasam tal-investiment kollettiv.

6.6   Fil-qosor, hemm differenza kbira bejn il-bżonnijiet tal-klijent u l-prodott li jinbiegħlu, u dan huwa l-kaġun ta’ mudell ta’ ġestjoni li fih il-provvista tirreaġixxi għad-domanda, u jittieħed vantaġġ mid-distakk fl-għarfien li qed jikber, fid-dawl tal-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja tal-prodotti finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti “kodiċi ta’ mġiba” stretti, li jorbtu lill-persunal tal-istituzzjonijiet finanzjarji, li permezz tagħhom jitnaqqas il-potenzjal ta’ konflitti ta’ interess bejn l-għoti ta’ pariri u l-kummerċjalizzazzjoni. L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu prova li huma konformi mal-kodiċi tal-kondotta.

6.7   Għalhekk, l-intermedjarji finanzjarji (mhux biss dawk bankarji, iżda wkoll l-aġenti tal-assigurazzjoni, is-sensara finanzjarji, eċċ.) għandhom jadottaw l-aħjar prattiki biex jipproteġu l-konsumatur tas-servizzi finanzjarji, billi jtejbu l-kwalità tal-informazzjoni (ċara, preċiża, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijent, li tinftiehem u li tagħmilha possibbli li jsir paragun ma’ offerti oħra), jadottaw politiki li jappoġġjaw l-edukazzjoni finanzjarja ta’ min ifaddal u l-investituri, jagħtu pariri professjonali (affidabbli u onesti) li jiffaċilitaw l-għażla tal-utent u korp indipendenti fdat bil-kompitu li jiddefendi u jħares l-interessi tal-klijenti tal-prodotti finanzjarji (ombudsman).

6.8   Bil-għan li din is-sitwazzjoni tiġi kkonsolidata, il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-intermedjarji finanzjarji jkunu kkwalifikati iżjed biex ikunu jistgħu jaqdu dan ir-rwol edukattiv importanti. L-intermedjarji finanzjarji jiffaċċjaw sfida doppja: l-ewwel nett, li jkunu jafu aħjar il-prodotti li jikkumerċjalizzaw u t-tieni nett, li jkunu kapaċi jgħaddu l-informazzjoni lill-utent b’mod effettiv.

7.   Ninkoraġġixxu l-inklużjoni finanzjarja

7.1   Il-KESE huwa konxju mill-fatt li l-inklużjoni finanzjarja trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-inklużjoni soċjali kompleta tal-persuni. F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-garanziji fil-qasam tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, eċċ., jagħmlu l-inizjattivi tal-edukazzjoni fnanzjarja iżjed vijabbli.

7.2   Studji differenti (13) xeħtu dawl fuq l-inadegwatezza tal-edukazzjoni finanzjarja u r-rabta tagħha mal-livell kulturali u l-istatus soċjoekonomiku tal-persuni. Bosta individwi jsibuha bi tqila jġestixxu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u jivvalutaw ir-riskji marbuta mal-investimenti tagħhom. Ġie osservat ukoll li, fost dawn il-persuni, ftit li xejn huma dawk li għandhom pjan għal li jista’ jinbidel fil-qagħda personali tagħhom fil-konfront ta’ ċirkustanzi imprevisti (qgħad, inċidenti, divorzju, mewt tar-raġel jew mara, eċċ).

7.3   F’bosta pajjiżi, appena 30 % tal-popolazzjoni adulta huma kapaċi jikkalkulaw l-interess sempliċi u appena 44 % għandhom għarfien bażiku dwar kif taħdem is-sistema tal-pensjonijiet (14).

7.4   Madwar 70 miljun ċittadin Ewropew, jiġifieri 16 % tal-popolazzjoni totali, huma mhedda bil-faqar. Fost l-għanijiet stabbiliti mill-Unjoni Ewropea fl-2010 b’rabta mas-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali nsibu l-promozzjoni tal-appoġġ tas-soċjetà lill-politiki ta’ inklużjoni, b’enfasi fuq ir-responsabbiltà kollettiva u individwali.

7.5   L-inklużjoni finanzjarja tappoġġja l-proċess ta’ integrazzjoni soċjali. Għalhekk, huwa importanti li jiġu promossi l-inizjattivi li jħeġġu l-inklużjoni finanzjarja tal-gruppi fi ħdan is-soċjetà li huma f’periklu kbir ta’ esklużjoni soċjali (nisa, persuni qiegħda, persuni b’diżabbiltà, persuni mdaħħla fl-età, il-foqra, eċċ.), bil-għan li jkun hemm aċċess universali, billi jiġu żviluppati prodotti u servizzi finanzjarji li huma adattati għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi.

7.6   Fil-kuntest ekonomiku u soċjali attwali, huwa inispensabbli li tiġi enfasizzata l-edukazzjoni finanzjarja orjentata lejn l-ippjanar tal-irtirar, fid-dawl tad-dipendenza kbira mill-iskemi pubbliċi ta’ pensjonijiet kontributtivi, li l-prestazzjoni tagħhom tiddependi mill-kontribuzzjonijiet imħallsa (earnings-related benefits). Għalhekk, bil-għan li tingħata spinta lill-awtonomija tan-nisa li qed jaħdmu, id-dħul fis-suq tax-xogħol irid ikun akkumpanjat minn programmi speċifiċi għat-tisħiħ tal-kompetenzi finanzjarji.

7.7   Fl-aħħar nett, il-miżuri għat-titjib tal-kultura finanzjarja tal-konsumaturi għandhom jagħtu preċedenza lill-gruppi l-iżjed vulnerabbli tas-soċjetà u li huma mhedda b’esklużjoni soċjali jew huma fil-periklu li jbatu minħabba ċerti operazzjonijiet spekulattivi abużivi.

7.8   Il-KESE jenfasizza li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom, fost l-oħrajn, jiffaċilitaw l-aċċess tal-foqra għas-servizzi bankarji, bil-għan li ma jintlaqtux minn esklużjoni finanzjarja. Għalhekk, il-programmi għall-għoti tal-mikrokrediti (15) għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fl-offerti ta’ kreditu li jsiru mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-persuni qiegħda, iż-żgħażgħ li temmew l-istudji tagħhom u għandhom bżonn self, l-intraprendituri, l-immigranti, il-persuni b’diżabbiltà, eċċ., (16) lkoll jagħmlu parti mill-kategorija ta’ persuni li jistgħu jgawdu mill-mikrokreditu u huwa importanti li jiġu garantiti aċċess għalih.

7.9   Ċerti programmi li jiffukaw kemm fuq il-mikrofinanzjament kif ukoll fuq l-edukazzjoni kellhom riżultati eċċellenti, fid-dawl tal-fatt li l-edukazzjoni ġġib magħha vantaġġi kompetittivi, meta mqabbla ma’ inizjattivi oħra li jiffukaw biss fuq il-mikrofinanzjament.

8.   Il-prospetti tal-edukazzjoni finanzjarja

8.1   Il-KESE huwa kompletament konxju mill-fatt li l-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni huma limitati (17), iżda huwa tal-fehma li l-edukazzjoni finanzjarja hija iżjed minn sempliċement edukazzjoni per se, peress li tfisser ukoll ir-responsabilizzazzjoni tal-persuni, tittratta l-problema tal-esklużjoni soċjali u tippromovi konsum responsabbli.

8.2   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra b’mod serju t-tfassil ta’ miżuri leġislattivi li jobbligaw lill-Istati Membri jippromovu l-edukazzjoni finanzjarja b’mod attiv.

8.3   Rigward il-ġejjieni, jeżisti kunsens wiesa’ fost il-korpi u l-istituzzjonijiet – li probabbilment, l-iżjed rilevanti mil-lat tal-edukazzjoni finanzjarja huma n-Newtwerk Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (INFE) tal-OECD u l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (GEEF) fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea – dwar il-kontenut u l-metodi li huma l-iżjed adatti għall-edukazzjoni finanzjarja. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir dawn il-proposti u għalhekk jitlob lill-gvernijiet u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu l-miżuri adatti biex jippromovu l-inizjattivi li ġejjin:

L-implimentazzjoni ta’ metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tal-livell ta’ familjaretà taċ-ċittadini ma’ kwistjonijiet finanzjarji u l-livell ta’ inklużjoni tagħhom.

Livell ogħla ta’ edukazzjoni finanzjarja fil-kurrikulu tal-iskejjel. L-implimentazzjoni ta’ metodoloġija internazzjonali bil-għan li tivvaluta l-effiċjenza ul-effikaċja tal-programmi fl-iskejjel.

Il-ħolqien ta’ strateġiji nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, inklużi sistemi adegwati ta’ monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt.

It-tisħiħ tal-istrateġiji ta’ inklużjoni finanzjarja. It-tisħiħ tal-ħidma mmirata lejn grupp speċifiċi (żgħażagħ, nisa, migranti, persuni bi dħul baxx).

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-gvernijiet nazzjonali biex isir l-aħjar użu possibbli mis-sinerġiji potenzjali u jiġi evitat ix-xogħol doppju.

L-organizzazzjoni ta’ jum Ewropew tal-edukazzjoni finanzjarja, pereżempju, taħt il-patroċinju tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Unjoni Ewropea f’idejh dak iż-żmien.

Il-promozzjoni ta’ konferenza annwali favur l-edukazzjoni finanzjarja, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti rikonoxxuti.

Il-ħolqien ta’ sistema fil-livell Ewropew li tippremja l-aħjar inizjattivi dwar l-edukazzjoni finanzjarja u l-aħjar prattiki u tiżgura li dawn jirċievu rikonoxximent pubbliku (eż. premju).

Il-promozzjoni ta’ “liċenzja finanzjarja”.

L-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri dwar il-programmi li jkunu għaddejjin fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja u l-inklużjoni ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet fl-aġenda politika nazzjonali (dawn il-laqgħat mhux biss għandhom jixħtu dawl fuq l-azzjonijiet li jsiru iżda wkoll janalizzaw l-impatt tagħhom).

8.4   Il-KESE jixtieq iżid il-proposti li ġejjin, li jlaqqgħu flimkien inizjattivi favur it-titjib tal-kompetenzi finanzjarji taċ-ċittadini u miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi individwali tal-prodotti finanzjarji:

Il-ħolqien ta’ korp indipendenti bil-għan li l-konsumaturi jingħataw pariri bla ħlas dwar il-prodotti finanzjarji, u jingħataw il-mezzi biex jintegraw il-kriterji tal-ESG fid-deċiżjonijiet finanzjarji tagħhom: dan il-korp jista’ jagħti pariri kemm wiċċ imb’wiċċ kif ukoll permezz ta’ telefonati.

Ir-regolazzjoni tar-rwol tal-intermedjarji finanzjarji u l-uffiċjali pubbliċi fl-edukazzjoni finanzjarja, biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja u jiġi żgurat li tkun iżjed faċli li tinftiehem (18). Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex jiggarantixxu l-imparzjalità tal-azzjonijiet tagħhom.

Il-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumaturi individwali tal-prodotti finanzjarji, bil-għan li tissorvelja l-prattiki bankarji (b’mod partikolari fil-qasam tal-aċċessibbiltà, it-trasparenza u l-paragunabbiltà tal-prodotti finanzjarji) u tiġġieled kontra l-frodi. Din l-aġenzija għandu jkollha s-setgħa timponi sanzjonijiet.

L-obbligu l is-settur finanzjarju jipprovdi materjal li jinforma lill-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-passi li jridu jieħdu jekk ma jaqblux ma’ proposta jew deċiżjoni meħuda mill-istituzzjoni finanzjarja.

L-inklużjoni ta’ twissijiet fl-informazzjoni pprovduta mal-prodotti finanzjarji (bl-istess mod li jsir fil-każ tal-prodotti mediċinali) dwar kwalunkwe effett sekondarju jew potenzjalment ħażin ta’ kull prodott, flimkien mal-punti ewlenin tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

Il-ħolqien ta’ GEEF f’kull Stat Membru li jkollu strateġija ta’ edukazzjoni finanzjarja biex issaħħaħ il-pjani proposti, u għandu jinvolvi firxa bilanċjata tar-rappreżentanti prinċipali tas-soċjetà ċivili organizzata.

Appoġġ mll-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil ta’ strateġija koerenti dwar l-edukazzjoni finanzjarja (għall-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan). L-Istati Membri li l-iżjed li mxew ’il quddiem f’dan il-qasam għandhom iservu ta’ punt ta’ referenza.

Il-previżjoni ta’ pjan baġitarju għal kull strateġija nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, li jippreċiża min ser jiffinanzja l-programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja u b’liema riżorsi.

Żieda fl-isponsorjar tal-inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki identifikati.

Il-promozzjoni tal-użu mifrux tal-kontijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, b’mod li l-ħaddiema kollha jkunu infurmati, darba fis-sena, dwar il-pensjonijiet li jkunu eliġibbli għalihom meta jirtiraw.

Il-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ (mill-età ta’ 14-il sena ’l fuq, jiġifieri qabel ma jitilqu l-iskola u jibdew il-ħajja tax-xogħol) Dawn għandhom jirċievu informazzjoni regolari dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti u kif jaħdmu.

Is-sensibilizzazzjoni tal-industrija tal-ġugarelli biex tiżviluppa ġugarelli edukattivi li jinvolvu kunċetti finanzjarji.

Ix-xandir ta’ programmi televiżivi u tar-radju qosra (bejn 10 u 15-il minuta) dwar kwistjonijiet finanzjarji bażiċi (self, ipoteki, assigurazzjoni, eċċ u kunċetti bażiċi bħall-profittabbikltà u r-riskju), it-tnedija ta’ inizjattivi multimedjali u l-promozzjoni tal-edukazzjoni finanzjarja permezz tan-netwerks soċjali.

Użu aħjar tal-għaqdiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet indipendenti oħra fi ħdan is-soċjetà ċivili organizzata bil-għan li jixterrdu u jiġu implimentati l-inizjattivi tal-gvern fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja.

8.5   Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-bżonnijiet tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji għandhom ikunu fil-quċċata tal-aġenda tal-laqgħat internazzjonali ta’ livell għoli, b’mod partikolari s-Summits tal-G-20. Consumers International (19) titlob li jitwaqqaf grupp ta’ esperti dwar il-protezzjoni finanzjarja tal-konsumatur li jressaq rapport quddiem il-G-20, bil-għan li jiġi garantit aċċess għal servizzi finanzjarji stabbli, ġusti u kompetittivi.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli”, ĠU C 21, 21.1.2011, p.33.

(2)  Dwar dan is-suġġett, ara l-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri”, COM(2010) 365 finali.

(3)  F’Lulju 2005. Ta’ min isemmi wkoll il-proġett tal-OECD li sar fl-2009 dwar l-edukazzjoni finanzjarja.

(4)  Fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Edukazzjoni Finanzjarja” (COM(2007) finali), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat tmien prinċipji bażiċi għall-għoti ta’ skemi ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità għolja.

(5)  Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Mejju 2008.

(6)  F’dan ir-rigward, l-iżjed fattur rilevanti huwa ż-żieda fl-għomor: jeħtieġ li l-persuni mdaħħla fl-età jiffamiljarizzaw ruħhom mal-istrumenti finanzjarji l-ġodda.

(7)  Stabbilit fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar tad-disgħinijiet.

(8)  Fl-2012, ir-rapport Pisa ser jivvaluta għall-ewwel darba l-litteriżmu finanzjarju tal-istudenti ta’ 15-il sena f’19-il pajjiż differenti.

(9)  F’dawn l-aħħar snin, kibret id-domanda għal prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli, li japplikaw prinċipji ta’ responsabbiltà soċjali fl-għażla tal-investimenti.

(10)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1–44.

(11)  COM(2011) 206 finali.

(12)  Kummissjoni Ewropea “Data collection for prices of current accounts provided to consumers”, Brussell, 2009.

(13)  Ara: Braunstein & Welch, 2002, Mandell, 2008, FINRA Investor Education Foundation, 2009.

(14)  Skont José Gómez Yubero fl-artiklu tiegħu “Financial education: from information to knowledge and informed financial decision-making”.

(15)  L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għażlet is-sena 2005 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Mikrokreditu.

(16)  Bħalma jiġri fi Franza, fejn il-mikrokreditu mhux biss jappoġġja l-intraprenditorjat iżda jrid ikun ukoll għodda li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ persuni oħra bi dħul baxx.

(17)  Skont l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma responsabbli għat-tfassil ta’ liġijiet fil-qasam tal-edukazzjoni.

(18)  Mingħajr preġudizzju għar-rwol edukattiv proprju tas-sistema edukattiva.

(19)  Organizzazzjoni li tirrappreżenta 220 għaqda tal-konsumatur f’115-il pajjiż.


APPENDIĊI I

Kontenut tal-edukazzjoni finanzjarja  (1)

Prodotti

Suġġetti u gruppi mmirati

Mezzi

Tfaddil u obbligazzjonijiet (liabilities)

(kontijiet tat-tfaddil, pay slips)

Investimenti u assi

(kreditu lill-konsumatur u ipoteki)

Mezzi ta’ ħlas

(karti tad-debitu u kreditu)

Prodotti finanzjarji oħra

(assigurazzjoni, pensjoni)

Servizzi

(trasferimenti, pariri, miżati)

Tagħlim dwar kif wieħed ifaddal (tfal u żgħażagħ)

L-ewwel xogħol (żgħażagħ)

Il-bidu ta’ ħajja indipendenti (żgħażagħ)

Il-bidu ta’ familja (adulti)

Tħejjija għall-irtirar (persuni mdaħħla fl-età)

Ġestjoni finanzjarja ta’ mikrointrapriża (intraprendituri)

Skejjel

Postijiet tax-xogħol

Djar għall-persuni rtirati

Assoċjazzjonijiet professjonali u trejdjunjonistiċi

Għaqdiet tal-konsumatur u NGOs

Mezzi tax-xandir

Internet


(1)  Din it-tabella hija biss eżempju – mhijiex eżawrjenti u mhijiex limitata għall-elementi li jidhru fit-tabella biss.


Top