Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1605

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem” COM(2011) 385 finali — 2011/0170 (NLE)

    ĠU C 24, 28.1.2012, p. 122–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/122


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem”

    COM(2011) 385 finali — 2011/0170 (NLE)

    2012/C 24/27

    Relatur: is-Sur ZBOŘIL

    Nhar is-27 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat Euratom, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

    COM(2011) 385 finali – 2011/0170 (NLE).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Ottubru 2011.

    Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’105 voti favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Konklużjonijiet

    1.1.1   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjoni din il-proposta li tiddefinixxi standards tas-sigurtà bażiċi li jħarsu saħħet il-popolazzjoni mill-perikli li jirriżultaw mir-radjazzjoni jonizzanti fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma tax-xorb.

    1.1.2   Il-KESE japprova li l-Proposta titfassal fuq il-bażi legali skont il-kapitolu 3 tat-Trattat Euratom biex ikun hemm garanzija li l-approċċ ikun koerenti mar-rekwiżiti tal-monitoraġġ ambjentali mitluba f’dan it-Trattat u fl-Istandards tas-Sigurtà Bażiċi għall-ħarsien mir-radjazzjoni (Basic Safety Standards for radiation protection).

    1.1.3   Il-proposta tistabbilixxi standards ta’ kwalità u rekwiżiti ta’ monitoraġġ f’kundizzjonijiet standard. Is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza radjoloġika u t-tniġġis tal-ilma tax-xorb li jirriżulta minn sorsi ta’ radjazzjoni mill-attività tal-bniedem huma soġġetti għal regolamenti ta’ emerġenza speċjali (1).

    1.1.4   Il-Kumitat jifhem li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/928/Euratom (2) tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħarsien tal-pubbliku mill-esponiment għar-radon fil-provvisti tal-ilma tax-xorb tittratta l-kwalità radjoloġika tal-provvisti tal-ilma tax-xorb fir-rigward tar-radon u l-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni tar-radon ta’ ħajja twila.

    1.2   Rakkomandazzjonijiet

    1.2.1   Il-Kumitat jaqbel li r-radon u l-prodotti tad-diżintegrazzjoni tar-radon għandhom jidħlu fl-ambitu tad-Direttiva proposta, minkejja l-eżistenza tar-Rakkomandazzjoni 2001/928 Euratom.

    1.2.2   Madankollu l-KESE jirrakkomanda li l-polonju radjonuklidi (Po-210) u ċ-ċomb (Pb-210) għandhom jiddaħħlu fid-definizzjoni tad-doża indikattiva totali.

    1.2.3   Il-KESE jinnota li d-Direttiva proposta tikkunsidra l-kimotossiċità (il-livell ta’ tossiċità kimika) tal-uranju fl-Anness III, pġ.3 “Karatteristiċi ta’ prestazzjoni u metodi ta’ analiżi”. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li tiddaħħal dispożizzjoni dwar il-kontroll tal-livelli ta’ tossiċità tal-ilma ta’ taħt l-art maħsub għall-provvisti tax-xorb f’żoni esposti għal inċidenza ogħla ta’ sustanzi tal-uranju fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

    1.2.4   Il-KESE jinnota li l-valuri parametriċi tat-tritju deskritti fl-Anness I tad-direttiva proposta huma mitt darba iżjed baxxi minn dawk fil-Linji Gwida għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb li ħarġet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (Ġinevra, it-3 edizzjoni, 2008). Minkejja li, attwalment, valur parametriku baxx wisq tat-tritju ma jwassalx għal restrizzjonijiet mhux iġġustifikati u jista’ jkun utli bħala indikatur ta’ problemi oħrajn, għandu bżonn jiġi kkunsidrat mill-ġdid fid-dawl ta’ teknoloġiji futuri.

    1.2.5   Il-Kumitat japprezza li x-xogħol fuq il-proposta sar b’reqqa kbira mill-korpi kollha involuti u jirrakkomanda li din tiġi adottata kemm jista’ jkun malajr.

    2.   Sfond

    2.1   L-ilma huwa wieħed mill-oqsma l-aktar irregolati b’mod komprensiv mil-leġislazzjoni ambjentali tal-Komunità. Perċentwali żgħira ħafna biss tas-sistemi tal-ilma tax-xorb tinsab f’żoni li għandhom sorsi potenzjali ta’ kontaminazzjoni radjuattiva mill-attività tal-bniedem, jiġifieri faċilitajiet li jużaw, jimmanifatturaw, jew jarmu sustanzi radjuattivi.

    2.2   Is-sistemi tal-ilma li huma vulnerabbli għal kontaminazzjoni bħal din huma meħtieġa li jkollhom monitoraġġ estensiv li jiżgura li l-ilma tax-xorb tagħhom ikun sikur. Minkejja dan, hemm ħafna reġjuni fl-Ewropa fejn il-preżenza ta’ sustanzi radjuattivi minn sorsi naturali hija waħda ta’ tħassib.

    2.3   Ir-rekwiżiti tekniċi fil-livell tal-UE għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward tas-sustanzi radjuattivi fl-ilma tax-xorb issa ilhom aktar minn ħames snin li ġew iffinalizzati, wara proċess ta’ konsultazzjoni li fih ipparteċipa l-Grupp ta’ Esperti previst skont l-Artikolu 31 Euratom, il-Kumitat stabbilit skont id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb u l-Kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri stabbilit skont l-Artikoli 35 u 36 tat-Trattat Euratom. Sa issa r-rekwiżiti għall-monitoraġġ tat-tritju u d-doża indikattiva totali skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ma ġewx implimentati, minħabba li l-emendi għall-Annessi II (monitoraġġ) u III (speċifikazzjoni għall-analiżi ta’ parametri) għad iridu jiġu adottati.

    2.4   Huwa ġġustifikat li jiġu inkorporati r-rekwiżiti għal-livelli ta’ monitoraġġ tar-radjuattività f’leġislazzjoni speċifika skont it-Trattat Euratom sabiex jinżammu l-uniformità, il-koerenza u l-kompletezza tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tar-radjazzjoni f’livell Komunitarju.

    2.5   Għalhekk il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem abbażi tal-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom.

    2.6   Skont it-Trattat Euratom, malli d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu adottati, jieħdu post dawk tad-Direttiva 98/83/KE fir-rigward tas-sustanzi radjuattivi fl-ilma tax-xorb.

    2.7   Il-prinċipji li jirregolaw id-direttiva proposta huma kif ġej:

    2.7.1

    Bażi legali: id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma relatati mal-istandards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali. Għaldaqstant, il-bażi legali magħżula hija t-Trattat Euratom, u partikolarment l-Artikoli 31 u 32 tiegħu.

    2.7.2

    Prinċipju tas-Sussidjarjetà: peress li s-setgħat leġislattivi tal-Komunità skont it-Titolu II tal-Kapitolu III tat-Trattat Euratom huma ta’ natura esklussiva, il-proposta mhijiex suġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    2.7.3

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità: il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi tistabbilixxi standards armonizzati minimi għall-monitoraġġ tat-tritju u d-doża indikattiva totali u tadatta r-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83/KE li tikkonċerna r-radjuattività għall-progress xjentifiku u tekniku l-aktar reċenti.

    2.7.4

    Għażla tal-istrumenti:

    Filwaqt li l-Komunità hija responsabbli għall-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-qasam tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jittrasponu dawn ir-regoli fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom u jimplimentawhom.

    Id-Direttiva hija għalhekk adattata l-aktar biex jinħoloq approċċ komuni għad-definizzjoni tar-rekwiżiti armonizzati għall-parametri tar-radjuattività u għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

    3.   Kummenti

    3.1   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ffokata u konsistenti, li b’mod ċar u espliċitu tiddefinixxi standards bażiċi tas-sigurtà għall-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni mill-perikli tar-radjazzjoni jonizzanti fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma tax-xorb. Hija toffri serħan il-moħħ dwar il-kwalità radjoloġika tal-ilma fis-sistemi tad-distribuzzjoni.

    3.2   Il-KESE japprova l-bażi legali għat-tfassil tal-proposta skont il-kapitolu 3 tat-Trattat Euratom li jiżgura li l-approċċ huwa koerenti mar-rekwiżiti tal-monitoraġġ ambjentali mitluba f’dan it-Trattat u fl-Istandards tas-Sigurtà Bażiċi għall-ħarsien mir-radjazzjoni.

    3.3   Il-proposta hija r-riżultat ta’ ħidma konsultattiva estensiva bil-parteċipazzjoni ta’ esperti fil-ħarsien mir-radjazzjoni. Hija tistabbilixxi standards ta’ kwalità u rekwiżiti ta’ monitoraġġ f’kundizzjonijiet standard. Is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza radjoloġika u t-tniġġis tal-ilma tax-xorb (“ikel likwidu”) li jirriżulta minn sorsi ta’ radjazzjoni magħmulin mill-bniedem huma soġġetti għal regolamenti u proċeduri speċjali ta’ emerġenza (3).

    3.4   Il-Kumitat jifhem li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/928/Euratom tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħarsien tal-pubbliku mill-esponiment għar-radon fil-provvisti tal-ilma tax-xorb tittratta l-kwalità radjoloġika tal-provvisti tal-ilma tax-xorb fir-rigward tar-radon u l-prodotti li jirriżultaw mid-diżintegrazzjoni tar-radon ta’ ħajja twila.

    3.5   Il-Kumitat jinnota li l-espożizzjoni li tirriżulta mill-gass tar-randon, bħalma jiġri fil-provvisti tal-ilma domestiku, issir l-aktar min-nifs ’il ġewwa li jiġbed il-gass li jkun hemm fl-arja ta’ ġo bini, u ħafna inqas mill-ilma tax-xorb.

    3.6   Mill-banda l-oħra, il-KESE huwa tal-fehma li l-polonju radjonuklidi ta’ ħajja twila (Po-210) u ċ-ċomb (Pb-210) għandhom jiddaħħlu fid-definizzjoni tad-doża indikattiva totali.

    3.7   Il-KESE jinnota li d-Direttiva proposta tikkunsidra l-kimotossiċità tal-uranju fl-Anness III, punt 3 “Karatteristiċi ta’ prestazzjoni u metodi ta’ analiżi”. Għandu jsir kontroll tal-livelli ta’ tossiċità fl-ilma ta’ taħt l-art maħsub għall-provvisti tal-ilma tax-xorb f’żoni b’inċidenza ogħla ta’ sustanzi tal-uranju fis-saffi ġeoloġiċi. Għanda tiddaħħal dispożizzjoni għal dan l-iskop fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, li tikkunsidra l-valur indikattiv temporanju tal-uranju ta’ 30 μg/l, rakkomandat fil-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-kwalità tal-ilma tax-xorb (4).

    3.8   Il-KESE jinnota li l-valuri parametriċi tat-tritju deskritti fl-Anness I tad-direttiva proposta huma mitt darba iżjed baxxi minn dawk fil-Linji Gwida għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb li ħarġet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (Ġinevra, it-3 edizzjoni, 2008). Minkejja li, attwalment, valur parametriku baxx wisq tat-tritju ma jwassalx għal restrizzjonijiet mhux iġġustifikati u jista’ jkun utli bħala indikatur ta’ problemi oħrajn, għandu bżonn jiġi kkunsidrat mill-ġdid fid-dawl ta’ teknoloġiji futuri.

    3.9   Il-KESE josserva li, f’Nota 2 tal-Anness II (“Monitoraġġ ta’ sustanzi radjuattivi”) tal-Proposta għal Direttiva, il-Kummissjoni tawtorizza lill-Istati Membri jużaw “l-għadd ta’ abitanti f’żona ta’ provvista minflok il-volum ta’ ilma” biex jiddeterminaw il-frekwenza tal-awditjar tal-ilma għall-konsum mill-bniedem provdut minn netwerk ta’ distribuzzjoni. Iżda, dan ma jqisx każijiet fejn l-ilma min-netwerk ta’ distribuzzjoni jitqiegħed fil-fliexken għall-bejgħ.

    Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Regolament tal-Kunsill (EURATOM) 3954/87 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 01 p. 333-336).

    (2)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħarsien tal-pubbliku mill-esponiment għar-radon fil-provvisti tal-ilma tax-xorb, (2001/928/Euratom).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (EURATOM) 3954/87 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 01 p. 333-336).

    (4)  Linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Kwalità tal-Ilma tax-Xorb (WHO Guidelines for Drinking Water Quality), ir-raba’ edizzjoni 2011, Kapitlu 12 “Chemical Factsheets” (mhux disponibbli bil-Malti).


    Top