Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1586

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku” COM(2011) 169 finali — 2011/0092 (CNS) u “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar tassazzjoni iktar għaqlija tal-enerġija fl-UE: proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija” COM(2011) 168 finali

    ĠU C 24, 28.1.2012, p. 70–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/70


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku”

    COM(2011) 169 finali — 2011/0092 (CNS)

    u “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar tassazzjoni iktar għaqlija tal-enerġija fl-UE: proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija”

    COM(2011) 168 finali

    2012/C 24/13

    Relatur: is-Sur PIGAL

    Nhar id-29 ta’ April 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku

    COM(2011) 169 finali – 2011/0092 (CNS)

    u

    l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar tassazzjoni iktar għaqlija tal-enerġija fl-UE: proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija

    COM(2011) 168 finali

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Ottubru 2011.

    Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'158 voti favur, 4 voti kontra u 13-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Konklużjonijiet

    1.1.1   Fil-mument meta bosta Stati Membri qed jiddefinixxu l-istrateġiji tagħhom għall-ħruġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija (DTE) toffri possibbiltajiet ta’ konċiljazzjoni bejn l-objettivi ambjentali u dawk ekonomiċi. Din tippermetti lill-Istati Membri, li jixtiequ, ibiddlu parti mit-taxxa fuq ix-xogħol jew fuq il-kapital f'forma oħra ta’ taxxa li tħeġġeġ imġiba li tirrispetta l-ambjent u li twassal għal użu effiċjenti tal-enerġija, b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020.

    1.1.2   L-Ewropa ma tistax tikkunenta bl-objettivi li stabbiliet fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija. Issa għandha ssib il-mezzi biex tikseb dawn l-objettivi. Biex tirnexxi, għandha tibgħat “sinjal tal-prezz” qawwi. Dan huwa mezz effikaċi, jekk mhux l-uniku wieħed, li huwa kapaċi jimponi bidla fil-mentalità u fl-imġiba.

    1.1.3   Bla dubju ta’ xejn, ir-riformulazzjoni tad-DTE hija pass 'il quddiem meta mqabbla mal-verżjoni inizjali. L-introduzzjoni ta’ żewġ fatturi biex titkejjel/tiġi intaxxata l-enerġija jagħmilha aktar preċiża u aktar rilevanti. Il-fattur “taxxa fuq is-CO2” jikkomplementa s-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    1.1.4   Fuq il-bażi taż-żewġ fatturi ta’ tassazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-forom tal-enerġija għandhom jiġu trattati/intaxxati b'mod ugwali skont l-emissjonijiet tas-CO2 u l-kontenut enerġetiku tagħhom. Madankollu ta’ min jinnota li l-elettriku mhuwiex soġġett għal dan l-allinjament mas-sorsi l-oħra ta’ enerġija.

    1.1.5   Minkejja d-diffikultajiet kbar fil-perjodu qasir, is-sinjal tal-prezz li ngħata permezz ta’ livell għoli ta’ tassazzjoni fuq il-karburant tal-karozzi ħejja lill-konsumaturi Ewropej tal-enerġija għal nuqqasijiet u restrizzjonijiet inevitabbli u ħeġġeġ l-investiment u l-impenji favur l-iffrankar tal-enerġija, l-attenzjoni lejn u l-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija, ir-reżistenza għax-xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt, eċċ.

    Għall-kuntrarju, dan is-sinjal tal-prezz marbut ma’ taxxa ma jeżistix fir-rigward tal-karburant tat-tisħin u dan jista' jibqa' l-każ bir-riformulazzjoni tad-DTE. Il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw mill-impenji u l-investimenti favur l-iffrankar tal-enerġija għall-karburant tat-tisħin u jġarrbu ċaqliq imprevedibbli fis-suq.

    1.1.6   Il-fatt li l-konsumaturi jkunu aktar imħajra jiffrankaw l-enerġija tal-karburant għat-tisħin ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-intrapriżi tas-settur għaliex iħaffef ir-rata tat-tiġdid tat-tagħmir u jinħolqu opportunitajiet ġodda tas-suq.

    1.1.7   Setturi industrijali li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija li qabel kienu esklużi issa huma integrati mill-ġdid fid-DTE.

    Madankollu, għad hemm setturi oħra li huma kompletament jew parzjalment esklużi, pereżempju:

    l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, ix-xogħlijiet pubbliċi,

    it-trasport pubbliku u dak tal-forza armata, il-ġbir tal-iskart, l-amministrazzjoni pubblika,

    l-ambulanzi (iżda mhux it-taxis), it-trasport bl-ajru, it-trasport marittimu komunitarju,

    l-elettriku użat fid-djar, eċċ.

    Huwa diffiċli li wieħed jara koerenza f'dawn l-eżenzjonijiet kollha b'mod partikolari għax il-bżonn tagħhom jista' ma jinftiehemx minn dawk li ma jibbenefikawx minnhom.

    1.1.8   Għall-kuntrarju ta’ dak li huwa ddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, id-DTE l-ġdida ma tiddefinixxi l-ebda qafas, ma tieħux pożizzjoni, u lanqas ma tippreżenta rakkomandazzjoni dwar kif l-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul, kollu jew parti minnu, mis-sistema l-ġdida ta’ tassazzjoni bil-għan li l-provvista tal-enerġija tkun orjentata lejn it-teknoloġiji l-ġodda u enerġija aktar nadifa.

    1.1.9   Madankollu, il-KESE ma jistax ma jinnotax li d-DTE għandha sehem fl-iżvilupp tas-suq uniku billi timmira u twassal għall-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni fuq l-enerġija.

    1.2   Rakkomandazzjonijiet

    1.2.1   Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea intiżi biex jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa ċar li r-riformulazzjoni tad-DTE timxi f'din id-direzzjoni billi timmira b'mod partikolari li:

    tħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli u tħares l-ambjent;

    tipproteġi s-suq intern u tippromovi t-tkabbir;

    tippermetti tnaqqis fl-ispiża tax-xogħol u tad-defiċit baġitarju.

    1.2.2   Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li r-riformulazzjoni tad-DTE mhijiex aktar ambizzjuża u koerenti. Fil-fatt, qabel ma t-test ġie ppreżentat (u nnegozjat) fil-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea ħadet l-inizjattiva li tinkludi eċċezzjonijiet u derogi fit-test bil-għan li tikkuntenta lil ċerti Stati Membri, u ma tiddispjaċix lil oħrajn.

    Fil-proċess ta’ negozjar li ġej fi ħdan il-Kunsill, jista' jiġri li l-Kummissjoni Ewropea ma jkollhiex flessibbiltà, ħlief biex tbiddel b'mod definittiv u perikoluż in-natura tar-riformulazzjoni, hekk kif tressqet issa.

    1.2.3   Huwa mistenni li l-Istati Membri jżommu lura u saħansitra jopponu għal dan. Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Ewropa u b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu kapaċi jimponu miżuri fuq l-Istati Membri, partikolarment meta uħud minnhom qed jiffaċċjaw ostakli, fil-livell nazzjonali, dwar id-deċiżjonijiet meħtieġa biex, fil-livell Ewropew, jinkisbu l-objettivi aċċettati minn kulħadd.

    1.2.4   Il-Kummissjoni Ewropea għaldaqstant għandha tħejji ruħha u tirreżisti l-lobbying ta’ uħud li jixtiequ jwaqqfu kwalunkwe tibdil minħabba “spejjeż addizzjonali possibbli” jew “telf perikoluż tal-kompetittività”. Għalkemm huwa ovvju li għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw ċerti sitwazzjonijiet żgħar kif ukoll delikati, għandha wkoll iżżomm mal-objettivi Ewropej fil-qasam tal-enerġija u tipproponi l-vantaġġi strateġiċi tal-innovazzjoni fl-enerġiji l-ġodda, il-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja, eċċ.

    1.2.5   Il-Kumitat jissuġġerixxi li, biex tonqos ir-reżistenza probabbli tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea tidentifika soluzzjonijiet li jkunu jistgħu jakkumpanjaw il-bidliet imposti u, kull fejn possibbli, tinkludihom fit-test propost. Dan l-approċċ jidher li huwa preferut meta mqabbel mal-konċessjonijiet li saru qabel in-negozjati mal-Istati Membri, partikolarment għax jippermetti lill-konsumaturi li jħejju ruħhom aħjar għall-bidliet mixtieqa.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Sinteżi

    2.1.1   It-test analizzat mhuwiex direttiva ġdida iżda riformulazzjoni tad-DTE. Il-test riformat għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Din id-data tikkoinċidi mat-tielet fażi tas-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    2.1.2   Għal kull karburant tal-karozzi jew tat-tisħin, id-direttiva riveduta tintroduċi żewġ fatturi ta’ tassazzjoni, kull fattur b'għan proprju:

    taxxa marbuta mal-emissjonijiet tas-CO2 bil-għan li jonqos it-tniġġis li ġej mill-gass b'effet ta’ serra;

    taxxa marbuta mal-kontenut enerġetiku bil-għan li jonqos il-konsum tal-enerġija, irrilevanti mill-prodott enerġetiku użat.

    2.1.3   Għall-karburant tal-karozzi:

    fl-2013, it-taxxa fuq is-CO2 għandha tkun 20 EUR għal kull tunnellata ta’ CO2

    fl-2018, it-taxxa fuq l-enerġija ser tkun ta’ 9,6 EUR għal kull gigajoule.

    2.1.4   Għall-karburant tat-tisħin:

    fl-2013, it-taxxa fuq is-CO2 għandha tkun 20 EUR għal kull tunnellata ta’ CO2

    fl-2013, it-taxxa fuq l-enerġija ser tkun ta’ 0,15 EUR għal kull gigajoule.

    2.1.5   Ta' min ifakkar li d-DTE attwali kif ukoll il-proposta għal riformulazzjoni jintroduċu rati minimi ta’ tassazzjoni. L-Istati Membri għalhekk jistgħu jistabbilixxu rati ogħla ta’ tassazzjoni, u fil-fatt ħafna minnhom hekk jagħmlu.

    2.2   Kuntest

    2.2.1   Din il-proposta għal riformulazzjoni tmur ma’ sensiela ta’ direttivi li ġew żviluppati u adottati preċedentement, b'mod partikolari:

    2003/96/KE: direttiva dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku; li għanha tiġi riveduta

    2003/87/KE: direttiva li tistabbilixxi skema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

    2009/29/KE: direttiva li tirrevedi l-kwoti tal-emissjonijiet mill-2013 'il quddiem;

    2006/32/KE: direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija, definizzjoni tan-NCV (1) fl-anness II

    2009/28/KE: direttiva dwar il-kriterji tas-sostenibbiltà, b'mod partikolari għall-karburanti tal-karozzi u għat-tisħin li ġejjin mill-bijomassa.

    2.2.2   B'mod komplementari għall-analiżi tal-proposta għal riformulazzjoni tad-DTE, din l-opinjoni hija bbażata wkoll fuq informazzjoni komplementarja fil-komunikazzjoni (2) u l-memo (3) imħejjija mill-Kummissjoni Ewropea.

    2.2.3   Huwa importanti li jiġi nnotat li l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta din il-politika Ewropea tidħol f'kuntest internazzjonali li għandu impatt qawwi fuq oqsma differenti, bħal pereżempju l-aspett:

    —   regolatorju: il-konvenzjoni ta’ Chicago tillimita b'mod strett u vinkolanti t-tassazzjoni fuq l-avjazzjoni;

    —   tas-suq: ir-riċerka wasslet għall-estrazzjoni tax-shale bituminuż. Din l-iskoperta wasslet għall-esplojtazzjoni ta’ siti ġodda, u b'hekk żiedet il-provvista tal-enerġija mill-fossili. Ġabet magħha wkoll ċaqliq totali fis-suq tal-gass: il-prezz tal-gass, fil-livell dinji, naqas u b'hekk sorsi oħra ta’ enerġija, b'mod partikolari dawk rinnovabbli, saru inqas attraenti;

    —   strateġiku: l-avvenimenti fl-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani jaffettwaw b'mod sinifikanti ħafna mhux biss il-prezz tal-karburanti, iżda wkoll il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-enerġija kkonċernata;

    —   ambjentali: il-ftehimiet u d-diskussjonijiet ta’ Kyoto u ta’ Cancun għandhom jiġu kkunsidrati u, fejn ikun hemm bżonn, l-istrateġija u l-politiki Ewropej għandhom jiġu mmodifikati f'dan ir-rigward;

    —   tal-opinjoni pubblika: l-avvenimenti ta’ Fukushima wrew kemm tintlaqat l-opinjoni pubblika minn avveniment kemm maġġuri kif ukoll mhux previst. L-istrateġiji u d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri u tal-Ewropa ma jistgħux ikunu indifferenti għalihom. Ovvjament, l-awtoritajiet għandhom jibdlu mill-aktar fis possibbli l-politika tagħhom.

    2.2.4   Għaldaqstant, wieħed jistaqsi l-mistoqsija “Kif nistgħu nqiegħdu l-kwistjoni tat-tassazzjoni tal-enerġija f'perspettiva internazzjonali?”:

    xi prezz ta’ referenza tas-CO2 għandna nistabbilixxu fl-Ewropa fin-nuqqas ta’ ftehim ġenerali internazzjonali?

    ta' min isemmi wkoll l-idea ta’ taxxa internazzjonali u ġenerali.

    2.3   Kronoloġija

    2.3.1   Id-direttiva preċedenti (2003/96/KE) ħarġet minn proposta li l-Kummissjoni Ewropea għamlet fl-1996. Wara negozjati fit-tul fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, din il-proposta ġiet emendata sew biex tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Fl-emendi ġiet proposta applikazzjoni gradwali ħafna, b'perjodi ta’ transizzjoni, derogi u eżenzjonijiet oħra. Fl-aħħar, il-proposta għal direttiva tal-1996 ġiet adottata fl-2003.

    2.3.2   L-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri, l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-impatt ambjentali u fuq il-klima tal-konsum tal-enerġija ħarġu fid-dieher id-dgħjufijiet u l-possibilitajiet għat-titjib (ara hawn taħt).

    2.3.3   Il-ħidma fuq ir-reviżjoni ta’ din id-direttiva bdiet fl-2005. L-ewwel prova ffokata fuq l-użu tad-diżil kummerċjali bdiet fl-2007, mingħajr ma spiċċat quddiem il-Kunsill. Proposta ġdida għal reviżjoni ntalbet mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Marzu 2008, u saret prijorità għall-Kummissjoni Ewropea fl-analiżi annwali tal-2011 dwar it-tkabbir.

    Fit-12 ta’ April 2011, il-Kulleġġ tal-Kummissarji adotta l-proposta għal riformulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-DTE.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Ir-riformulazzjoni tad-DTE l-ewwel nett hija intiża biex tindirizza l-prijoritajiet il-ġodda tal-Unjoni Ewropea kif definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020, fost l-oħrajn:

    il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    il-prijorità għat-tkabbir sostenibbli;

    ekonomija aktar ekoloġika u aktar kompetittiva;

    parteċipazzjoni fl-armonizzazzjoni fiskali;

    tnaqqis fit-taxxa tax-xogħol;

    għajnuna lill-familji bi dħul baxx;

    konsolidazzjoni baġitarja tal-Istati Membri.

    3.2   Tindirizza wkoll ir-regola “20 20 20” tal-istrateġija dwar il-klima u l-enerġija tal-UE 2013-2020:

    tnaqqis ta’ 20 % fil-gassijiet b'effett ta’ serra;

    produzzjoni ta’ 20 % tal-enerġija rinnovabbli fl-2020;

    titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija.

    3.3   Għandha l-għan ukoll li tikkoreġi d-dgħjufijiet jew in-nuqqasijiet tad-DTE preċedenti:

    ir-rati minimi attwali japplikaw b'mod ġenerali għall-kwantità kkonsmata mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-valur enerġetiku jew it-tniġġis;

    dan iwassal għal imġiba li tikkontradixxi l-objettivi tal-UE, pereżempju bil-promozzjoni tal-faħam u billi tiġi penalizzata l-enerġija rinnovabbli;

    id-DTE attwali ma tipprevedi l-ebda inċentiv għall-promozzjoni ta’ forom alternattivi tal-enerġija, u b'hekk l-etanol huwa l-aktar intaxxat;

    nuqqas ta’ koordinazzjoni suffiċjenti bejn id-DTE u l-iskema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 iwassal għal tassazzjoni doppja jew nuqqas ta’ tassazzjoni skont is-settur.

    3.4   Din ir-riformulazzjoni tikkunsidra limitazzjonijiet esterni:

    ir-ristrutturar u l-modernizzar tas-sistemi fiskali;

    kriżi ekonomika li ddgħajjef il-flessibbiltà tal-Istati Membri u żżid il-pressjoni baġitarja;

    l-evidenza tanġibbli u li jista' jitkejlu tal-ewwel effetti tat-tibdil fil-klima;

    tensjonijiet internazzjonali, kawżi ta’ inkwiet u tħassib fis-suq internazzjonali tal-enerġija.

    3.5   Fl-aħħar nett, din ir-riformulazzjoni tikkunsidra wkoll limitazzjonijiet interni:

    jiġi evitat li t-tassazzjoni enerġetika tkun diskriminatorja jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi tal-Istati Membri;

    u bil-kontra, jiġu limitati d-distorsjonijiet relatati man-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fiskali tal-enerġija fl-Ewropa.

    4.   Kummenti partikolari

    4.1   L-elementi ewlenin

    4.1.1   Bħala tfakkira tal-introduzzjoni, il-punt ewlieni tal-proposta huwa (Artikolu 1) id-definizzjoni taż-żewġ fatturi ta’ tassazzjoni. Barra minn hekk, tikkonferma (Artikolu 4) li r-rati kalkolati huma valuri minimi li jistgħu jinqabżu mill-Istati Membri u li dawn il-valuri minimi ser jiġu riveduti kull tliet snin.

    4.1.2   Il-punt ewlieni l-ieħor tal-proposta huwa li tintroduċi (Artikolu 4(5)) obbligu ġdid għall-Istati Membri li għandhom japplikaw għall-prodotti kollha użati għall-istess użu (karburanti tal-karozzi jew tat-tisħin), l-istess rati ta’ tassazzjoni, ikkalkolati skont l-emissjonijiet tas-CO2 u l-kontenut enerġetiku tagħhom.

    4.1.3   Fid-direttiva inizjali, ir-rati minimi ta’ tassazzjoni ġew stabbiliti skont il-prodotti (u użu partikolari), iżda mingħajr ma dawn ġew assoċjati ma’ xulxin.

    4.1.4   B'din il-bidla, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw mill-ġdid ir-rati (nazzjonali) ta’ tassazzjoni tagħhom sabiex jivverifikaw li qed jirrispettaw l-istess proporzjon ta’ dawk definiti għall-valuri minimi Ewropej ta’ tassazzjoni (ara t-tabelli A, B, C tal-Anness I tad-DTE riveduta).

    4.1.5   Dan l-obbligu jikkonċerna l-karburanti tal-karozzi u tat-tisħin. Ser ikun applikabbli fl-2013 għall-karburanti tat-tisħin u mill-2023 għall-karburanti tal-karozzi; dan ir-rapport huwa intiż biex titqies l-eżistenza ta’ differenzi importanti ħafna bejn l-Istati Membri.

    4.1.6   Madankollu, peress li l-valuri minimi ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku jinsabu f'tabella separata (tabella D), ir-restrizzjoni tal-proporzjonalità u tal-allinjament tar-rati ta’ tassazzjoni ma tapplikax għall-elettriku.

    4.1.7   L-elettriku għadu soġġett għal taxxa fuq il-konsumatur finali (“fis-sokit”) fir-rigward tat-taxxa fuq l-enerġija, u dan biex tiġi evitata taxxa doppja: fuq il-produzzjoni u fuq il-konsum.

    4.1.8   Peress li l-konsum tal-elettriku fih innifsu ma jipproduċix CO2, it-taxxa fuq is-CO2 tista' tapplika biss fuq il-produtturi tal-elettriku. L-istallazzjonijiet il-kbar ser ikunu eżentati mid-DTE peress li jagħmlu parti mill-iskema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    F'dan il-kuntest, l-elettriku li ġej mill-enerġija nukleari mhuwiex intaxxat fuq is-CO2 (m'hemmx emissjonijiet) iżda fuq il-konsum tal-enerġija.

    4.1.9   Sabiex tinkludi d-direttiva 2003/87/KE dwar il-kwoti tas-CO2 u tevita kull superpożizzjoni, id-direttiva riveduta tipproponi (Artikolu 14(1)(d)) li l-prodotti enerġetiċi, użati għal attivitajiet relatati mas-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, jiġu eżentati mit-tassazzjoni fuq is-CO2. Fl-istess waqt, l-attivitajiet li s'issa kienu esklużi mis-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet issa daħlu fl-ambitu tad-DTE.

    4.2   Is-setturi partikolari

    4.2.1   Il-proposta tqis ukoll il-fatt li s-setturi jistgħu jkunu esposti għal riskji ta’ rilaxx tal-karbonju (Artikolu 14(a)) u tipproponi li sal-2020 jiġi stabbilit kreditu tat-taxxa għal kull stallazzjoni kkonċernata. Dan il-kreditu ta’ taxxa ser jiġi kkalkolat skont il-konsum annwali medju tal-prodotti enerġetiċi fuq perjodu ta’ referenza.

    4.2.2   Attivitajiet li s'issa kienu eżentati mit-taxxa (Artikolu 2) issa daħlu fl-ambitu tiegħu, kemm fir-rigward tas-CO2 kif ukoll tal-kontenut enerġetiku.

    4.2.3   Fir-rigward tar-rati ta’ tassazzjoni divrenzjati (Artikolu 5), l-unika modifika tikkonċerna l-esklużjoni tat-taxis minn din id-dispożizzjoni.

    4.2.4   It-trasport bl-ajru (ħlief dak privat) u t-trasport marittimu komunitarju (ħlief in-navigazzjoni rikreattiva privata) huma eżentati mid-DTE.

    4.2.5   Il-karburant tal-karozzi jista' jiġi ntaxxat bħall-karburant tat-tisħin (Artikolu 8) għal setturi speċifiċi:

    l-agrikoltura, l-ortikultura, l-akkwakultura u l-foresterija;

    il-muturi stazzjonarji;

    il-kostruzzjoni, l-inġinerija ċivili u x-xogħlijiet pubbliċi;

    il-vetturi mhux liċenzjati għall-użu mhux fit-toroq.

    4.2.6   Fir-rigward tal-agrikoltura u l-emissjonijiet tas-CO2 tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tipprevedi (Artikolu 14(a)) li jiġi analizzat jekk dan huwiex settur ikkonċernat mir-rilaxx tal-karbonju, u jekk iva, tawtorizza lill-Istati Membri jagħtu kreditu ta’ taxxa lill-bdiewa.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea lesta tagħti (Artikolu 15 (3)) eżenzjoni kompleta mit-taxxa fuq il-kontenut enerġetiku jekk is-settur agrikolu jipprovdi kontroparti fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, id-definizzjoni qed titħalla f'idejn l-Istati Membri individwali.

    4.2.7   Il-bijokarburanti (Artikolu 16) m'għadhomx intaxxati bħall-karburanti fossili. Tapplika t-taxxa ġenerali fuq l-enerġija (il-kontenut enerġetiku tagħhom).

    4.2.8   Madankollu, id-differenza tikkonċerna t-taxxa fuq is-CO2. Il-bijokarburanti rinnovabbli mhux ser ikunu soġġetti għal din it-taxxa peress li ma jipproduċux emissjonijiet tas-CO2. Il-bijokarburanti mhux rinnovabbli ser ikunu soġġetti għat-taxxa fuq is-CO2, bħall-prodotti konvenzjonali tal-enerġija.

    4.2.9   Sal-2023 l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jibqgħu japplikaw ir-rati speċifiċi ta’ tassazzjoni li huma inqas mir-rati minimi tad-DTE.

    4.2.10   L-Istati Membri ser iżommu l-possibbiltà li jagħtu eżenzjoni parzjali jew totali għall-karburant tat-tisħin u għall-elettriku fid-djar (u organizzazzjonijiet ta’ karità) (Artikolu 15 (1)(h).

    5.   Opinjoni tal-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew

    5.1   Il-pedament tad-DTE

    5.1.1   Il-fatt li jitqiesu ż-żewġ fatturi għall-kalkolu tat-tassazzjoni tal-enerġija bla dubju huwa pass 'il quddiem meta mqabbel mad-direttiva l-antika. L-ewwel nett, dan il-fatt jindirizza ż-żewġ objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 CO2u l-konsum tal-enerġija.

    Barra minn hekk, jikkalkula b'mod aktar preċiż (bl-użu ta’ kriterju wieħed) l-effetti negattivi tal-konsum tal-enerġija: it-tniġġis u l-konsum żejjed tar-riservi dinjija.

    5.1.2   Il-proposta tad-DTE riveduta timponi taxxa fuq is-CO2 fil-livell nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Ta' min wieħed ifakkar li fil-livell Ewropew diġà jeżisti mekkaniżmu ieħor għax-xiri tal-kwoti fil-qafas tas-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    Installazzjoni li tidħol fl-ambitu tal-iskema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ma tistax tkun soġġetta għat-tassazzjoni dovuta mid-DTE; din tkun eżentata. B'hekk id-DTE tevita t-tassazzjoni doppja fuq is-CO2 permezz taż-żewġ dispożizzjonijiet. Bil-kontra, id-DTE tippermetti li jiġi stabbilit strument ta’ tassazzjoni li jkopri wkoll l-istallazzjonijiet iż-żgħar li s'issa kienu esklużi mill-ambitu tal-iskema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet minħabba d-daqs tagħhom.

    Il-KESE jappoġġja din il-proposta għall-integrazzjoni tal-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet fid-DTE, peress li b'hekk tikkoreġi l-iskema tal-UE, li kienet teskludi 50 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-karburanti tal-karozzi u tat-tisħin.

    5.1.3   Ċerti sorsi tal-enerġija jniġġsu aktar minn oħrajn. Ċerti sorsi aktar intensi fl-enerġija jwasslu għal livelli ogħla ta’ konsum minn sorsi oħra. Għalhekk, fil-prinċipju, il-bilanċ ġust bejn is-sorsi tal-enerġija, kif ġie propost fir-reviżjoni tad-direttiva, huwa koerenti u ġust.

    Madankollu ser iwassal għal żieda qawwija fit-taxxa fuq ċerti sorsi tal-enerġija, li bħalissa huma anqas intaxxati f'xi Stati Membri. L-aktar eżempju ċar huwa d-diżil li r-rata minima ta’ tassazzjoni tiegħu għandha tkun ogħla minn dik tal-petrol fid-dawl tal-fatt li jipproduċi ftit aktar emissjonijiet tas-CO2, iżda fuq kollox għandu kontenut enerġetiku ogħla. Iżda f'ħafna Stati Membri s-sitwazzjoni attwali hija eżattament l-oppost. Peress li d-diżil huwa anqas intaxxat u irħas mill-petrol, hemm aktar vetturi li jieħdu d-diżil.

    5.1.4   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li, peress li d-diżil huwa irħas mill-petrol, is-suq tar-raffinament bħalissa jinsab imfixkel minħabba d-domanda kbira wisq għad-diżil u d-domanda dgħajfa għall-petrol. Taxxa aktar qawwija fuq id-diżil tista' twassal għar-ritorn tal-bilanċ.

    5.1.5   Madankollu, il-KESE iwissi wkoll lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li l-inverżjoni tad-differenzi bejn il-prezzijiet tal-petrol u tad-diżil tista' tfixkel is-suq tal-industrija tal-vetturi u żżid il-piż li jġarrbu d-djar fir-rigward tat-trasport bil-karozzi. F'dan il-każ ukoll, it-tranżizzjoni trid tkun gradwali.

    5.1.6   Paradossalment, fir-rigward tal-karburanti tal-karozzi, it-taxxi għoljin ipproteġew lill-konsumaturi mix-xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt. Fil-fatt, il-prezz għoli jħeġġeġ lin-nies biex inaqqsu l-konsum b'mod preventiv u t-taxxi għoljin inaqqsu l-proporzjon tal-prezz tal-karburant tal-karozzi li huwa sensittiv għaċ-ċaqliq fis-suq.

    5.1.7   Fuq perjodu ta’ diċennji, il-manifatturi tal-karozzi investew fir-riċerka u l-iżvilupp u rnexxilhom jipproduċu magni li jikkonsmaw inqas karburant. Minkejja x-xokkijiet rikorrenti fil-prezz taż-żejt, is-settur tat-trasport qatt ma spiċċa fi stat ta’ paraliżi.

    5.1.8   Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-KESE jinnota li t-taxxa fuq is-CO2 hija l-istess għall-karburanti tal-karozzi u tat-tisħin. Ser tkun 20 EUR għal kull tunnellata ta’ CO2 jew għal raġunijiet ta’ eżempju, 0,0533 EUR għal kull litru għall-karburanti kollha (għat-tisħin jew le).

    Madankollu, jinsab sorpriż li t-taxxa ġenerali fuq l-enerġija hija:

    għall-karburant tal-karozzi: 9,6 EUR għal kull gigajoule, jiġifieri 0,316 EUR għal kull litru ta’ diżil

    u daqshekk baxxa għall-karburant tat-tisħin: 0,15 EUR għal kull gigajoule, jiġifieri 0,0054 EUR għal kull litru ta’ diżil għat-tisħin.

    5.1.9   Għaldaqstant il-KESE jixtieq li t-taxxa tal-enerġija fuq il-karburant tat-tisħin għandha ssir aktar viżibbli għall-konsumaturi, ħaġa li ma tistax isseħħ b’ 0,0054 EUR għal kull litru!

    Il-KESE jirrakkomanda li tiżdied b'mod gradwali iżda b'ammont sinifikattiv u dan bil-għan li:

    jonqos il-konsum tal-karburanti tat-tisħin;

    jiġu ġġustifikati l-investimenti tal-atturi ekonomiċi fl-innovazzjoni enerġetika għall-użu domestiku u industrijali (kif għamlu l-manifatturi tal-karozzi).

    5.2   L-eċċezzjonijiet u d-derogi tad-DTE

    5.2.1   Ħames Stati Membri jippermettu livelli aktar baxxi ta’ tassazzjoni fuq l-użu kummerċjali tad-diżil (vetturi li jġorru l-merkanzija, kowċijiet, taxis, eċċ.) meta mqabbel mat-tassazzjoni fuq l-użu privat. Ir-reviżjoni tad-DTE tindirizza dan u tobbliga lill-Istati Membri jibbilanċjaw mill-ġdid it-tassazzjoni.

    It-tniġġis minħabba d-diżil jibqa' l-istess, irrilevanti mill-użu tiegħu (kummerċjali jew privat), u t-tneħħija ta’ dan it-tnaqqis jagħmel sens u huwa koerenti mal-prinċipji stabbiliti fl-Istrateġija 2020. Barra minn hekk, iż-żieda esponenzjali tat-trasport bit-triq, li jikkonsma ħafna diżil, turi l-ħtieġa li din it-tendenza tieqaf, u li jitħeġġeġ tnaqqis fit-traffiku tal-vetturi li jġorru l-merkanzija.

    Madankollu, l-effetti kumulati taż-żewġ miżuri li jżidu t-taxxa fuq id-diżil (bilanċjar mill-ġdid meta mqabbel mal-petrol (ara hawn fuq) u tmiem ta’ inqas tassazzjoni għall-użu kummerċjali) ser iwasslu għal żidiet qawwija fil-prezz tad-diżil f'ċerti Stati Membri. F'dan il-każ, ċerti professjonijiet li huma organizzati tajjeb ħafna u li jistgħu jiġu mobilizzati jistgħu jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet nazzjonali tagħhom jew iniedu movimenti soċjali maġġuri.

    Għaldaqstant, il-KESE jwissi lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-perikli ta’ tibdil kbir ħafna u wisq malajr u dwar ir-reżistenza inevitabbli tal-Istati Membri Għalhekk jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati miżuri ta’ akkumpanjament biex, minn naħa, jiġu indirizzati l-eżiġenzi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u, mill-oħra, l-Istati Membri jitħeġġu jappoġġjaw ir-reviżjoni tad-DTE.

    5.2.2   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintaxxaw is-sorsi kollha ta’ enerġija b'mod ugwali u proporzjonat skont l-emissjonijiet tas-CO2 u skont il-kontenut enerġetiku tagħhom (ara hawn fuq). L-elettriku huwa eskluż minn dan ir-rekwiżit ta’ armonizzazzjoni.

    Il-KESE jistaqsi dwar din l-eċċezzjoni u jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-proposta tagħha biex l-elettriku jitqies bl-istess mod bħall-forom l-oħra ta’ enerġija.

    5.2.3   Attivitajiet li fid-direttiva preċedenti kienu kkunsidrati bħala eżentati mit-taxxa fuq l-enerġija issa għandhom ikunu allinjati mal-oħrajn u ntaxxati bl-istess mod fuq is-CO2 u l-konsum tal-enerġija.

    L-attivitajiet eżentati kienu: l-attivitajiet tal-metallurġija, ir-riduzzjoni kimika, il-proċess tal-elektrolisi, l-intrapriżi li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku (fejn l-ispiża tal-elettriku tirrappreżenta aktar minn 50 % tal-ispiża tal-produzzjoni) u l-attivitajiet tal-produzzjoni tal-prodotti minerali mhux metalliċi (siment, ħġieġ, ġir, eċċ.).

    Permezz ta’ din il-bidla, l-awturi tar-reviżjoni tad-direttiva juru koerenza ċara: minn naħa, l-attivitajiet kollha li jniġġsu jew li jikkonsmaw l-enerġija jiġu intaxxati mingħajr diskriminazzjoni u mill-oħra, l-attivitajiet kollha huma mħeġġa jinvestu biex inaqqsu l-impatt enerġetiku tagħhom.

    Il-KESE għaldaqstant jappoġġja din il-ġustizzja u l-koerenza. Madankollu jinsab imħasseb dwar l-impatt soċjali u ekonomiku fuq l-attivitajiet ikkonċernati. F'dan ir-rigward, jissuġġerixxi li jiġu previsti miżuri ta’ akkumpanjament biex:

    tingħata għajnuna lil dawn is-setturi biex jinvestu u/jew jinbidlu;

    jiġi żgurat li jibqgħu attivi u preżenti fl-UE.

    Barra minn hekk, il-Kumitat jinsab imħasseb ukoll dwar l-impatt reali ta’ din ir-reviżjoni li ġġib dawn l-attivitajiet fl-ambitu tad-DTE u fl-istess ħin tneħħi dawn l-attivitajiet li jidħlu fl-ambitu tas-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jistaqsi jekk ir-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju jistax jikkonċerna l-attivitajiet li preċedentement ġew eżentati. Is-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tintegra mekkaniżmi ta’ protezzjoni. Id-DTE tista' tagħmel l-istess.

    5.2.4   L-Istati Membri jżommu d-dritt li japplikaw rati differenti ta’ tassazzjoni fuq kważi l-attivitajiet kollha li dan kien japplika għalihom preċedentement. Iżda ż-żamma ta’ dan il-benefiċċju għat-trasport pubbliku lokali żgur mhux ser tħeġġiġhom jinvestu biex inaqqsu t-tniġġis jew il-konsum tal-karburant. Madankollu, dan jista' jiġi ġġustifikat bħala mezz kif jiġi promoss it-trasport pubbliku pjuttost milli dak individwali.

    Għall-kuntrarju, il-KESE huwa dubjuż dwar kemm tista' tiġi ġustifikata ż-żamma tal-eċċezzjonijiet għall-ġbir tal-iskart, l-ambulanzi, l-amministrazzjoni pubblika, il-persuni b'diżabbiltà, il-forza armata, eċċ.

    Għaldaqstant jirrakkomanda li l-proposta tiġi emendata biex ir-raġunijiet eċċellenti li jiġġustifkaw l-esklużjoni tat-taxis mill-benefiċċju ta’ rati differenti ta’ tassazzjoni jkunu jistgħu jiġu applikati fuq l-istess bażi għal mezzi oħra ta’ trasport.

    5.2.5   Fuq il-bażi tal-istess analiżi bħal dik tar-rati differenti ta’ tassazzjoni, il-KESE jistaqsi x'inhuma r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni tat-trasport bl-ajru u t-trasport marittimu Komunitarju mid-DTE.

    5.2.6   Anke jekk fil-futur, minħabba l-emissjonijiet tas-CO2 biss, it-trasport bl-ajru u t-trasport marittimu jidħlu fl-ambitu tas-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn iż-żewġ setturi li jikkonsmaw ħafna enerġija ma jkunux soġġetti għat-tassazzjoni fuq il-konsum tal-enerġija.

    Fir-rigward tat-taqsima dwar il-kontenut enerġetiku, dawn iż-żewġ modi ta’ trasport ma jistgħux jiġu intaxxati minħabba konvenzjonijiet internazzjonali. B'hekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li jsiru negozjati fil-livell dinji biex dawn il-konvenzjonijiet jitqarrbu lejn ir-regolamentazzjoni Ewropea.

    5.2.7   Il-KESE jistaqsi dwar il-faċilità li għandhom l-Istati Membri biex jeżentaw lid-djar (b'mod partikolari) mit-tassazzjoni fuq il-karburant tat-tisħin u l-elettriku.

    Din il-possibbiltà tikkomprometti l-koerenza tad-DTE. Fil-fatt, il-prinċipju tad-DTE huwa li s-sinjal tal-prezz iħeġġeġ lill-atturi kkonċernati biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija tagħhom. Għala d-djar, konsumaturi importanti tal-enerġija, m'għandhomx jisimgħu dan il-messaġġ?

    Il-KESE jirrakkomanda li din il-faċilità ta’ eżenzjoni tal-karburanti tat-tisħin tad-djar titneħħa mit-test tal-proposta iżda b'rispett tal-limiti speċifiċi tal-konsumaturi lokali/nazzjonali.

    5.2.8   Għal raġunijiet ta’ koerenza, ir-reviżjoni tad-DTE tiżgura li dawn l-attivitajiet, li s'issa kienu barra mill-ambitu, jinsabu mill-ġdid fid-direttiva u li l-użu kummerċjali tad-diżil ma jibqax jiġi vantaġġjat meta mqabbel mal-użu privat.

    F'dan il-każ, kif jista' jiġi spjegat il-fatt li setturi oħra ta’ attivitajiet (pereżempju l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, ix-xogħlijiet pubbliċi, eċċ.) jibqgħu jibbenefikaw minn trattament preferenzjali, jiġifieri jiġu intaxxati fuq il-karburant tal-karozzi bir-rata iktar baxxa tal-karburant tat-tisħin? Partikolarment peress li dawn is-setturi għandhom ikunu ta’ eżempju: minħabba l-attività u l-viżibbiltà tagħhom; huma fattur importanti għat-titjib fl-ippjanar tal-użu tal-art u tad-djar.

    5.2.9   Il-KESE jistaqsi dwar ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw din l-eżenzjoni u li ma jistgħux ikunu la ekonomiċi, la soċjali u lanqas ambjentali. Jinsab imħasseb li dan l-approċċ jista' jintuża biex tiġi ttardjata jew blokkata l-implimentazzjoni tad-DTE l-ġdida fuq il-bażi li tidher arbitrarja u diskriminatorja.

    5.2.10   Speċifikament fir-rigward tas-settur tal-agrikoltura, il-KESE jixtieq iwissi lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li d-DTE riveduta hija pjuttost vaga u li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu kjarifiki u ċertezzi qabel ma jivvalidaw din il-proposta.

    Il-kjarifiki li hemm bżonn li jsiru huma:

    dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw trattament partikolari u vantaġġuż ħafna tal-agrikultura li jikkontradixxu l-prinċipji u s-sinjal tal-prezz li fuqhom hija bbażata d-direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija u l-impenji mitluba minn setturi oħra li wkoll jinsabu f'diffikultà;

    dwar il-proċess u l-kriterji ta’ valutazzjoni dwar, minn naħa, ir-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju u, mill-oħra, l-kontroparti proposta għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

    5.3   L-aspetti differenti tad-DTE

    5.3.1   Id-DTE l-ġdida ma tistax tkun soluzzjoni sempliċi u monolitika. Il-politika dwar l-enerġija fl-Unjoni Ewropea, aktar minn politiki oħra, għandha diversi aspetti u hija kumplessa; tirrikjedi kemm għadd ta’ soluzzjonijiet kif ukoll soluzzjoni kumplessa.

    Madankollu, il-KESE jinnota l-impenn tal-awturi tar-reviżjoni tad-DTE biex jissemplifikaw il-prinċipji, l-għanijiet u l-implimentazzjoni tagħha.

    5.3.2   Fl-istess waqt, kif rajna preċedentement, ir-riformulazzjoni tad-Direttiva DTE tidħol f'kuntest regolatorju kumpless u rikk. Barra minn hekk, tinkludi bosta referenzi għal testi u direttivi oħra. Dawn l-interdipendenzi kollha bejn it-testi jevitaw id-dupplikazzjoni ta’ elementi ripetuti f'bosta direttivi.

    Iżda l-oqsma tal-enerġija u tal-ambjent jinbidlu ħafna. Il-possibbiltà li jiġu aġġornati l-kodiċi tan-nomenklatura (Artikolu 2(5)) hija eżempju ċar ta’ dan. Apparti hekk, kwalunkwe emenda f'test li hemm referenza għalih tista' taffettwa testi oħra b'modi mhux mistennija jew mhux mixtieqa.

    Il-KESE jipproponi li l-ewwel nett it-testi li hemm referenza għalihom jinhemżu fl-Anness; imbagħad, jekk ikun hemm bżonn, jiġi ċċarat jekk l-elementi mehmużin jistgħux jiġu friżati biex tiġi garantita l-koerenza tad-DTE futura.

    5.3.3   Fil-kalkolu tal-livell mininimu, l-Artikolu 4 jintegra l-“piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti” inkluż il-miżuri purament nazzjonali bħat-taxxa fuq il-karbonju ta’ ċerti Stati Membri. Iżda l-ambitu tat-tassazzjoni u l-eżenzjonijiet magħżula mill-Istati Membri għat-taxxa fuq il-karbonju jistgħu jvarjaw minn dawk previsti għal din it-taxxa fid-DTE.

    Skont il-KESE, il-Kummissjoni Ewropea tista' tikkjarifika li l-integrazzjoni taż-żewġ taxxi tas-CO2 għandha titwettaq mill-Istati Membri matul it-traspożizzjoni.

    5.3.4   Ir-reviżjoni hija ffokata fuq it-tassazzjoni tas-sorsi tal-enerġija; il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li d-DTE ma tkoprix l-użu tad-dħul fiskali mill-Istati Membri li jkun ġej mid-DTE.

    L-Istrateġija Ewropa 2020 tagħmel it-tkabbir sostenibbli prijorità fid-dawl ta’ ekonomija iktar effiċjenti fir-riżorsi, iktar ekoloġika u ikar kompetittiva.

    Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu dwar il-fatt li miżuri preċiżi mhumiex integrati fid-DTE futura biex tiġi żgurata azzjoni komuni u koerenti mill-Istati Membri favur ekonomija aktar sostenibbli, ekoloġika u kompetittiva, pereżempju miżuri:

    soċjali li jippromovu l-impjieg u jnaqqsu l-ispiża tax-xogħol;

    ta' inkoraġġiment għall-iżvilupp teknoloġiku fis-settur tas-sorsi ġodda tal-enerġija;

    ta' konsolidazzjoni baġitarja tal-Istati Membri.

    5.3.5   L-emissjonijiet tas-CO2 huma espressi f'tunnellati; il-kontenut enerġetiku huwa espress f'gigajoules (GJ). Ir-rata minima ta’ tassazzjoni ta’ kull prodott enerġetiku hija kkalkulata skont l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-kontenut enerġetiku tiegħu. Dawn ir-rati minimi għandhom jiġu applikati fl-unità normali tal-fatturar u tat-tassazzjoni; tipikament il-litru għall-karburant u ċerti karburanti tat-tisħin, il-kilowatt/siegħa (KWh) għall-elettriku, eċċ. Din il-konverżjoni tirrikjedi kalkolu li jsir mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, ir-regoli u l-ipoteżi użati għal dawn il-kalkoli mhumiex spjegati u ma jippermettux lir-rappreżentanti ta’ ċerti Stati Membri jaslu għall-istess riżultat.

    Il-KESE jfakkar li l-armonizzazzjoni tal-kalkoli ta’ konverżjoni hija indispensabbli, u għalhekk jissuġġerixxi li t-test jespliċita d-dispożizzjonijiet ta’ konverżjoni tal-unitajiet użati u li dawn jibbażaw kemm jista' jkun fuq l-unità l-eqreb tar-realtà tat-tassazzjoni fl-Istati Membri.

    Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  NCV: il-valur kalorifiku nett tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku.

    (2)  COM(2011) 168 finali.

    (3)  Memo 11/238.


    Top