Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1582

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar il-Qafas ta’ Governanza Korporattiva tal-UE” COM(2011) 164 finali

    ĠU C 24, 28.1.2012, p. 91–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/91


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar il-Qafas ta’ Governanza Korporattiva tal-UE”

    COM(2011) 164 finali

    2012/C 24/21

    Relatur: is-Sinjura ANGELOVA

    Korelatur: is-Sur MEYNENT

    Nhar il-5 ta’ April 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Green Paper dwar il-Qafas ta’ Governanza Korporattiva tal-UE

    COM(2011) 164 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Ottubru 2011.

    Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur, 6 voti kontra u 14-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-ħsieb wara l-Green Paper tal-Kummissjoni, iżda jirrakkomanda (1) bis-sħiħ definizzjoni aktar preċiża u robusta tal-governanza korporattiva.

    1.2   Il-Green Paper issaqsi mistoqsijiet ġenwinament importanti. Huwa u jweġibhom kollha, il-KESE xorta jixtieq jikkwota l-għaxar prinċipji ta’ governanza korporattiva tajba, elenkati fil-punt 2.14, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiżgura li l-kumpaniji kollha jikkonformaw ma’ dawn il-prinċipji u r-regoli operazzjonalizzati kollha rilevanti elenkati fil-punt 2.15.

    1.3   Madankollu, minħabba d-diversità wiesgħa tal-mudelli nazzjonali ta’ governanza korporattiva, kif deskritt fil-punt 2.4, il-KESE jsibha partikolarment diffiċli biex jagħti soluzzjoni waħda tajba għal kollha kemm huma. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-leġislazzjoni, it-tradizzjonijiet, il-mod kif isir in-negozju u t-tendenzi ta’ mġiba tal-azzjonisti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u għalhekk hija sfida kbira biex jiġi pprovdut qafas leġislattiv sod fil-livell tal-UE.

    1.4   Minkejja li fl-opinjoni tal-KESE, ħafna mill-mistoqsijiet fil-Green Paper twieġbu mill-kodiċijiet nazzjonali tal-governanza korporattiva, dan ma jnaqqasx mill-ħtieġa ta’ intervent leġislattiv tal-UE, bil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fil-Green Paper, sabiex titjieb il-governanza korporattiva fl-Unjoni Ewropea, permezz tat-tisħiħ tal-leġislazzjoni u r-regoli mhux vinkolanti.

    1.5   Madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkun prudenti meta tiddeċiedi dwar l-inizjattivi regolatorji sabiex jiġi evitat il-periklu ta’ regolamentazzjoni żejda. F'dan ir-rigward, huwa rakkomandat li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt qabel ma titfassal kwalunkwe leġislazzjoni.

    1.6   Il-KESE jenfasizza li jekk il-Kummissjoni qed tfittex tweġibiet adegwati għall-mistoqsijiet 16 sa 25, għandha twettaq u tagħmel disponibbli studju ddettaljat dwar l-iżviluppi u t-tendenzi reċenti fit-tipi, l-istrutturi u l-importanza relattiva tal-azzjonisti mil-lat ta’ ishma miżmuma.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-KESE jilqa' l-inizjattiva kumplessa tal-Kummissjoni għat-titjib tal-governanza korporattiva hekk kif inhi spjegata f'għadd ta’ dokumenti u mqiegħda fil-qofol tal-programm ta’ riforma tal-Kummissjoni (2). Din l-opinjoni tistabbilixxi u timmira li tiżviluppa l-pożizzjonijiet tal-KESE dwar il-dokumenti rilevanti tal-Unjoni Ewropea s'issa (3).

    2.2   Il-Green Paper timmira wkoll li ttejjeb il-governanza korporattiva fl-Unjoni Ewropea billi tottimizza s-sistema ta’ leġislazzjoni u “il-liġi mhux vinkolanti”. Hija tistaqsi 25 mistoqsija, strutturati fi tliet taqsimiet, dwar il-kompożizzjoni u l-ħidma tal-Bord tad-Diretturi, ir-rwol tal-azzjonisti u l-applikazzjoni tal-approċċ ta’ “konformità jew spjegazzjoni” li fuqu jibbaża l-qafas ta’ governanza korporattiva tal-UE.

    2.3   Bħala tweġiba għall-mistoqsijiet fil-Green Paper, il-KESE jirreferi għall-Ogħla Bord f'kumpanija, kemm jekk dan ikun Bord tad-Diretturi kif ukoll Bord ta’ Superviżjoni. Il-Kummissjoni għandha verament tqis aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi b'saff wieħed u b'żewġ saffi. Jekk tevita din il-kwistjoni u tagħmel distinzjoni żgħira (u żbaljata (4)) bejn il-Bord tad-Diretturi u l-Bord ta’ Superviżjoni, il-Kummissjoni tkun qed tonqos milli tirrikonoxxi d-diversità tas-sistemi li hemm fis-seħħ fl-Ewropa.

    2.4   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tqis id-differenzi bejn is-sistemi eżistenti tal-governanza korporattiva.

    2.4.1   Is-sistema Brittanika ta’ governanza korporattiva hija karatterizzata mill-kunċett speċifiku tal-“valur għall-azzjonisti” fejn il-borża jkollha rwol importanti għall-finanzjament tal-kumpaniji u għall-kontroll korporattiv estern tagħhom. Il-kumpaniji għandhom sistema ta’ bord b'saff wieħed u ġeneralment ikollhom livelli baxxi ta’ konċentrazzjoni ta’ sjieda.

    2.4.2   Fl-istess ħin, fl-hekk imsejjaħ mudell Ġermaniku ta’ governanza korporattiva, il-kumpanija hija meqjusa bħala sħubija bejn parteċipanti varji li għandhom “sehem” fl-attivitajiet tal-kumpanija. Minbarra l-massimizzazzjoni tal-valur għall-azzjonisti, il-kumpaniji huma kkonċernati b'taħlita usa' ta’ għanijiet strateġiċi. Il-finanzjament bankarju huwa ħafna aktar importanti għall-ħolqien tal-kapital għall-kumpaniji milli huma s-swieq tal-kapital. Ta' spiss il-banek ikollhom ammont kbir ta’ ishma azzjonarji, iwettqu servizzi finanzjarji u jagħtu pariri u jirrappreżentaw lill-azzjonisti fuq il-bordijiet tal-kumpaniji. Is-suq estern għall-kontroll korporattiv huwa kważi noneżistenti minħabba konċentrazzjoni ta’ block holdings u cross-shareholdings. It-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali huwa msaħħaħ permezz tal-influwenza diretta tal-azzjonisti f'sistema b'żewġ saffi, fejn apparti mill-azzjonisti, il-partijiet interessati huma rappreżentati wkoll (5).

    2.4.3   Bejn dawn iż-żewġ estremitajiet iżda aktar viċin tat-tieni eżempju jinsab il-mudell Latin ta’ governanza korporattiva. Dan għandu karatteristiċi simili għaż-żewġ mudelli, iżda huwa differenti minħabba r-rwol importanti tal-istat u l-piż azzjonarju kbir tal-proprejtà familjali. Wara l-waqgħa tar-reġim komunista u wara t-transizzjoni lejn ekonomija tas-suq, beda jiżviluppa wkoll mudell ġdid fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Dan il-mudell mhuwiex omoġenju – uħud mill-pajjiżi fir-reġjun jagħmlu enfasi fuq il-valur għall-azzjonisti, filwaqt li oħrajn jixbhu aktar il-mudelli kontinentali bl-orjentament fuq l-azzjonisti (6). Karatteristika speċifika komuni hija l-parteċipazzjoni relattivament kbira ta’ sjieda tal-impjegati minħabba l-proċess ta’ privatizzazzjoni, filwaqt li s-swieq kapitali huma relattivament sottożviluppati.

    2.5   Il-KESE jilqa' l-objettiv tal-Green Paper, iżda javża li d-definizzjoni tal-Kummissjoni tal-governanza korporattiva mhijiex komprensiva; il-KESE huwa tal-fehma li din għandha ssir aktar kompleta u jissuġġerixxi kunċett aktar inċiżiv u ġenerali (7). B'mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiftakar li l-għan ewlieni tal-governanza korporattiva huwa li tiżgura li l-kumpanija tissopravivi u tkun b'saħħitha b'mod sostenibbli. Biex dan isir il-bord irid jissodisfa l-aspettattivi raġonevoli tal-azzjonisti filwaqt li jiżgura li l-komunità tal-partijiet interessati – il-konsumaturi, l-imsieħba, il-kuntratturi, il-fornituri u l-impjegati – tkun sodisfatta b'mod raġonevoli (8).

    2.6   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa u tqis it-tipi ġodda ta’ azzjonisti u l-importanza relattiva tagħhom f'termini ta’ ishma miżmuma fis-suq kapitali tal-UE minn meta l-forom kontinentali tradizzjonali ta’ governanza korporattiva għaddew minn bidla drammatika min-nofs is-snin disgħin. Fil-kuntest tad-deregolamentazzjoni u l-globalizzazzjoni li qed jiżdiedu tas-swieq finanzjarji, l-istituzzjonijiet finanzjarji madwar l-Ewropa qed ikunu dejjem aktar affettwati minn pressjonijiet kompetittivi globali (9). Banek privati kbar u l-ikbar intrapriżi blue-chip qed iżommu 'l bogħod mir-relazzjonijiet mill-qrib bejn il-banek u l-intrapriżi. Fl-istess waqt li qed jiżżarma r-reġim tar-relazzjonijiet bankarji, qed tikber l-importanza tas-swieq tal-ekwità għall-finanzjament tal-kumpaniji. Il-kompetizzjoni li qed tikber fis-swieq tal-prodotti toħloq inċentivi għall-kumpaniji Ewropej sabiex jiksbu daqs u influwenza tas-suq suffiċjenti, l-aktar permezz ta’ strateġiji ta’ tkabbir estern u strateġiji tal-iskambju ta’ titoli (10). Aspett importanti huwa l-preżenza li qed tikber fis-swieq tal-kambju Ewropej ta’ investituri istituzzjonali barranin (l-aktar Brittaniċi u Amerikani), jiġifieri fondi tal-penzjoni, fondi mutwi u fondi protetti (hedge funds) Dawn l-investituri jappoġġjaw sew il-massimizzazzjoni tal-valur għall-azzjonisti, u jqiegħdu aktar pressjoni fuq il-mudelli tradizzjonali ta’ governanza korporattiva madwar l-Ewropa biex dawn iwarrbu mill-enfasi fuq l-interessi tal-partijiet interessati u minflok jersqu lejn l-interessi fuq medda qasira taż-żmien tal-azzjonisti.

    2.7   Il-KESE jaqbel mal-kritika tal-Kummissjoni dwar id-dannu li jsir mill-perspettiva għal żmien qasir u mit-teħid eċċessiv ta’ riskju – żewġ partijiet importanti tal-mudell ta’ governanza korporattiva, li żdiedu gradwalment dawn l-aħħar għoxrin sena. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kumpaniji għandhom jimmiraw li jżidu l-valur fuq medda twila ta’ żmien permezz ta’ politiki sostenibbli, li f'ħafna każijiet jeħtieġ li l-qafas tal-governanza korporattiva attwali jkompli jiġi emendat.

    2.8   Il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-governanza korporattiva fid-dawl tal-ippjanar biex l-azzjonijiet jittieħdu b'mod li jiżguraw tkabbir sostenibbli u li jibnu sistema finanzjarja internazzjonali aktar b'saħħitha (11). Ir-rispett għall-prinċipji ta’ governanza korporattiva tajba bla dubju jibbenefika lill-kumpaniji billi jippermetti li dawn jamministraw il-proċess ta’ negozju u r-riskji tagħhom b'mod aktar effettiv u biex jiksbu l-objettivi tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-benessri ġenerali fl-UE. Din il-politika tgħin lill-konsumatur jikseb prodotti responsabbli bbażati fuq il-kummerċ ġust u l-informazzjoni rilevanti. L-espansjoni tal-prinċipji tal-governanza korporattiva permezz ta’ sistema ta’ leġislazzjoni u “liġi mhux vinkolanti” lejn kumpaniji mhux ikkwotati hija proċess li għandu jiġi promoss u mħeġġeġ.

    2.9   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-funzjoni soċjali tal-kumpaniji f'soċjetà inklużiva u l-bżonn li l-governanza tagħhom tinkorpora l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali.

    2.10   Il-KESE jirrikonoxxi li f'ċerti mudelli ta’ governanza korporattiva, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema huma membri tal-bord u jikkontribwixxu direttament għall-governanza korporattiva. Minkejja dawn l-arranġamenti, il-kunsilli tax-xogħlijiet u arranġamenti parteċipattivi oħra jiffaċilitaw l-involviment tal-impjegati fil-ħidmiet tal-kumpaniji. Il-KESE jipproponi li dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġu inklużi fid-dokument finali tal-KE.

    2.11   Il-kumpaniji kkwotati jistgħu jvarjaw fid-daqs, kemm jekk dan jiġi kkalkolat skont il-kapital, id-dħul jew l-impjegati, mill-akbar multinazzjonali għall-iżgħar mikro u SME inkorporata. Il-biċċa l-kbira tal-punt fokali tad-dibattitu dwar il-governanza korporattiva hija dwar il-kumpaniji l-kbar minħabba l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom, kemm jekk jirnexxu u kemm jekk ifallu. Miżuri ta’ governanza korporattiva tajba għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-SMEs. Dan huwa meħtieġ minħabba r-riżorsi limitati tal-SMEs, b'mod speċjali r-riżorsi amministrattivi u dawk umani.

    2.12   Tul it-tħejjija tat-tibdiliet fil-pakkett tal-governanza korporattiva, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt rigoruża f'termini tal-ispejjeż, ir-riżorsi umani u r-riformi leġislattivi meħtieġa, sabiex il-proposta futura tagħha tkun realistika (12). L-aktar mod adegwat sabiex jinkiseb dan l-objettiv huwa billi jitqiesu d-daqs, l-istruttura u l-importanza tal-kumpaniji u s-sitwazzjoni ekonomika tal-gruppi internazzjonali.

    2.13   Fil-verżjoni finali, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tippermetti biex il-kumpaniji kkwotati (u fil-każ ta’ espansjoni, anki dawk mhux ikkwotati) ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod effettiv u jibqgħu kompetittivi, sabiex it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjieg ma jitqegħdux fil-periklu (13).

    2.14   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġislattivi futuri tagħha tikseb bilanċ bejn il-leġislazzjoni u l-“liġi mhux vinkolanti”, inklużi r-rakkomandazzjonijiet u l-kodiċijiet tal-governanza korporattiva. Madankollu, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-kodiċijiet kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin sabiex jipprovdu governanza korporattiva ta’ kwalità għolja:

    2.14.1

    L-objettiv ewlieni tal-governanza korporattiva huwa li jiġi żgurat li kumpanija tibqa' ħajja u tkun b'saħħitha.

    2.14.2

    Il-bordijiet korporattivi għandhom jaġixxu fl-aħjar interessi tal-kumpaniji b'konformità mal-istennijiet tal-azzjonisti, li għandhom jiġu ttrattati b'mod ugwali. Il-bordijiet korporattivi għandu jkollhom djalogu attiv mal-komunità tal-partijiet interessati sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-aspettattivi tal-partijiet interessati fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija, u l-ħolqien tal-ġid u l-impjiegi.

    2.14.3

    Il-bordijiet korporattivi għandhom ikunu responsabbli għall-prestazzjoni sħiħa tal-kumpanija inklużi gwida strateġika, azzjonijiet maġġuri, ġestjoni tar-riskju, ippjanar ta’ negozju, monitoraġġ effettiv tal-ġestjoni u r-rapportaġġ.

    2.14.4

    Is-sħubija tal-bordijiet korporattivi għandha titfassal b'mod li tissodisfa l-ħtieġa għal għarfien speċjalizzat kumpless, skont l-industrija speċifika, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-lokalità tan-negozju. Il-bordijiet għandhom ikunu bbilanċjati b'mod adegwat f'termini ta’ sess, awtorità, diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi, u d-diversità ta’ interessi fost il-membri tal-bord sabiex il-kumpanija jkollha perspettiva usa' minn kull lat.

    2.14.5

    Il-membri tal-bord għandhom ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom b'mod effettiv għar-responsabbiltajiet tagħhom, u jallokaw ħin u sforz biżżejjed għal din il-ħidma. Id-deċiżjonijiet tagħhom għandhom jibbażaw fuq informazzjoni preċiża, rilevanti u fil-ħin.

    2.14.6

    Il-bord għandu dejjem imexxi l-kumpanija fl-aħjar interess tagħha, b'kunsiderazzjoni tal-interessi tas-sidien jew l-azzjonisti u l-impjegati, kif ukoll l-interess tas-soċjetà inġenerali. Id-deċiżjonijiet tagħhom għandhom jittieħdu skont informazzjoni preċiża, rilevanti u attwali. L-indipendenza ġenwina ta’ dawn id-diretturi indipendenti għandha tiġi garantita billi jiġu limitati l-mandati konsekuttivi li jista' jkollhom.

    2.14.7

    Il-kumpaniji għandhom jistabbilixxu politiki trasparenti ta’ rimunerazzjoni. Dawn il-politiki għandhom jiġu aċċettati mill-azzjonisti. Ir-rimunerazzjoni tal-bord għandha tqis l-ambitu tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom, it-twettiq tal-objettivi korporattivi kif ukoll il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija, u għandha tiġi approvata mill-azzjonisti.

    2.14.8

    Il-kumpaniji għandhom jiżvelaw b'mod preċiż u fil-ħin kwalunkwe kwistjoni materjali li tikkonċerna l-kumpanija. Għandhom iħeġġu lill-azzjonisti biex jattendu laqgħat ġenerali u għandhom ikunu miftuħa għal djalogu dwar kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva ma’ azzjonisti u partijiet interessati oħra.

    2.14.9

    Il-kumpaniji għandhom jimmiraw biex japplikaw prattiki tajba ta’ governanza korporattiva, ippreżentati fil-kodiċijiet korrispondenti tal-governanza korporattiva nazzjonali, li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tal-iżvilupp l-leġislazzjoni ekonomika u lokali.

    2.15   Il-KESE jippromovi dawn ir-regoli operazzjonalizzati tal-governanza korporattiva li ġejjin u li jirrigwardaw il-ħidma tal-bord, u li għandhom jiġu inklużi fil-kodiċijiet tal-governanza korporattiva:

    2.15.1

    Taħt struttura ta’ governanza korporattiva b'saff wieħed, ir-rwoli tal-president tal-Bord tad-Diretturi u tal-kap eżekuttiv tal-kumpanija għandhom ikunu separati.

    2.15.2

    Għandu jkun hemm proċedura formali, stretta u trasparenti għall-ħatra ta’ diretturi ġodda għall-bord.

    2.15.3

    Id-diretturi kollha għandhom ikunu jistgħu jallokaw biżżejjed ħin lill-kumpanija biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b'mod effettiv.

    2.15.4

    Id-diretturi kollha għandhom jirċievu taħriġ ta’ familjarizzazzjoni malli jingħaqdu mal-bord u għandhom jaġġornaw u jġeddu b'mod regolari l-ħiliet u l-għarfien tagħhom.

    2.15.5

    Il-bord għandu jwettaq valutazzjoni annwali formali u rigoruża tal-prestazzjoni tiegħu stess u ta’ dik tal-kumitati u d-diretturi individwali tiegħu.

    2.15.6

    Għandu jkun hemm proċedura formali u trasparenti għall-iżvilupp tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni eżekuttiva.

    3.   Mistoqsijiet

    3.1   Introduzzjoni

    Mistoqsija 1. Il-miżuri dwar il-governanza korporattiva tal-UE għandhom jikkunsidraw id-daqs tal-kumpaniji elenkati? Kif? Għandha tiġi stabbilita sistema divrenzjata u proporzjonata għall-kumpaniji żgħar u medji elenkati? Jekk iva, hemm definizzjonijiet jew livelli limitu xierqa? Jekk iva, jekk jogħġbok issuġġerixxi modi biex dawn, fejn xieraq, jiġu adattati għall-SMEs meta jitwieġbu l-mistoqsijiet hawn taħt.

    Swieq Ewropej regolati jinnegozjaw it-titoli ta’ għadd varju ta’ kumpaniji. Kull kumpanija għandha l-karatteristiċi tagħha, determinati mil-livell tal-iżvilupp ekonomiku u l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri. Id-daqs, l-istruttura u l-mudell ta’ negozju tal-kumpanija jaffettwa l-governanza korporattiva. Madankollu, minħabba l-interess leġittimu u l-involviment tal-partijiet interessati differenti fit-tipi kollha ta’ kumpaniji, il-prinċipji tal-governanza korporattiva stipulati fil-punt 2.13 għandhom japplikaw għall-kumpaniji kkwotati kollha. Il-kodiċijiet tal-governanza korporattiva nazzjonali tal-Istati Membri jipprovdu bażi tajba għal dan kollu, u huma wkoll mekkaniżmu effettiv għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (dan normalment isir mir-regolatur tas-suq). Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi stabbilita skema divrenzjata u proporzjonata għall-SMEs ikkwotati, li mhumiex innegozjati fl-ogħla partijiet tas-swieq regolati.

    Mistoqsija 2. Għandu jkun hemm miżuri dwar il-governanza korporattiva li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE għal kumpaniji mhux elenkati? Għandha l-UE tenfasizza l-promozzjoni tal-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-kodiċijiet volontarji għall-kumpaniji mhux elenkati?

    Hemm għadd kbir ta’ kumpaniji mhux ikkwotati sinifikanti f'kull Stat Membru. Il-KESE jagħraf li dawn jistgħu jkunu importanti għas-soċjetà daqs il-kumpaniji kkwotati. Madankollu, il-miżuri ta’ governanza korporattiva għall-kumpaniji mhux ikkwotati fil-livell tal-UE mhumiex meħtieġa f'dan il-punt peress li l-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji għandhom jirregolaw l-elementi kritiċi tal-governanza tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tenfasizza u tippromovi l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-kodiċijiet volontarji fil-livell nazzjonali għall-kumpaniji mhux ikkwotati b'mod speċjali dawk b'importanza sinifikanti għas-soċjetà bħalma huma b'mod partikolari l-kumpaniji b'sjieda statali jew muniċipali (14) u kumpaniji li għandhom valur kummerċjali għoli.

    3.2   Il-Bordijiet tad-Diretturi

    Mistoqsija 3. L-UE għandha tfittex li tiżgura li l-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-president tal-Bord tad-Diretturi u tal-kap eżekuttiv ikunu diviżi b'mod ċar?

    Il-KESE jappoġġja s-separazzjoni tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-president tal-Bord tad-Diretturi u l-kap eżekuttiv peress li dan jiżgura li l-bord huwa organizzat b'mod aktar effiċjenti, toħloq sistema ta’ kontroll aħjar u tipprevjeni l-konċentrazzjoni tal-poter. Madankollu huwa jqis li l-għażla dwar jekk dawn il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet jiġux isseparati jew le hija f'idejn kull kumpanija (l-azzjonisti u l-Bord tad-Diretturi) u mhuwiex favur regolamentazzjoni Ewropea li timponi din is-separazzjoni. Id-deċiżjoni aħħarija għandha titħalla fil-limiti tal-politika sovrana dwar il-governanza korporattiva tal-kumpanija, peress li hemm kumpaniji żgħar li l-bordijiet tagħhom huma magħmula min-numru minimu ta’ individwi. Fil-livell tal-UE għandu jkun hemm rakkomandazzjoni b'saħħitha li din is-separazzjoni hija mixtieqa.

    3.2.1   Kompożizzjoni tal-Bord

    Mistoqsija 4. Il-politiki ta’ reklutaġġ għandhom ikunu aktar speċifiċi fir-rigward tal-profil tad-diretturi, inkluż dak tal-president tal-bord, sabiex jiżguraw li dawn ikollhom l-abbiltajiet xierqa u li jkun hemm diversità fil-Bord hekk kif xieraq? Jekk iva, kif jista' dan isir bl-aħjar mod u fuq liema livell ta’ governanza jiġifieri fuq il-livell nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali?

    Huwa mixtieq li l-kompożizzjoni tal-bord għandha tikseb bilanċ adegwat bejn l-esperjenza, l-għarfien speċjalizzat, il-kompetenza u d-diversità tal-membri, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata imġiba fejn wieħed isegwi biss lill-oħrajn, u jitħeġġeġ it-tressiq ta’ ideat ġodda. Għal dan, għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin: rappreżentanza usa' ta’ membri barranin, bilanċ fis-sessi u rappreżentanza tal-ħaddiema. Fir-risposta tiegħu għal domanda simili fil-“Green Paper – It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni” (15), il-KESE diġà nnota u huwa tal-fehma li fit-twaqqif ta’ Bord tad-Diretturi, ikun aħjar jekk jiġu analizzati l-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għal funzjoni partikolari qabel ma jintagħżel il-kandidati li jissodisfa bl-aħjar mod dawn il-kriterji. Huwa importanti li l-bord ikun magħmul minn diretturi li jagħtu xhieda ta’ integrità, kompetenza u dedikazzjoni, u hija f'idejn il-kumpanija li tiddeċiedi dwar dawn il-kwalifiki.

    Mistoqsija 5. Il-kumpaniji elenkati għandhom ikunu mitluba jipprovdu informazzjoni dwar jekk għandhomx politika ta’ diversità, u, jekk iva, jiddiskrivu l-għanijiet tagħha u l-kontenut prinċipali u jirrapurtaw b'mod regolari dwar il-progress li qed isir?

    Il-kodiċijiet tal-governanza korporattiva jirrakkomandaw jew jeħtieġu għoti ta’ informazzjoni abbażi tal-prinċipju “konformità jew spjegazzjoni”. Għaldaqstant ix-xandir ta’ politika ta’ diversità għandu jkun “obbligatorju” għal kumpaniji li aċċettaw/ingħaqdu ma’ dawn il-kodiċijiet. Għal kumpaniji li ma aċċettawx/ma ngħaqdux ma dawn il-kodiċijiet, ir-rappurtaġġ dwar il-politika ta’ diversità għandu jiġi promoss bħala wieħed mill-vantaġġi tagħhom f'termini tal-implimentazzjoni fil-prattika tal-prinċipji tat-trasparenza u tal-għoti tal-informazzjoni.

    Mistoqsija 6. Il-kumpaniji elenkati għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-bordijiet? Jekk iva, kif?

    Il-KESE jinnota l-fatt pożittiv li r-rwol tan-nisa fil-kumpaniji u l-ħajja soċjali tal-UE żdied, b'rappreżentanza aktar bilanċjata fl-oqsma kollha, b'konformità mas-sistema ta’ valuri Ewropej (16). F'dan ir-rigward, nistgħu nirreferu għall-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa 2010-2015 (17), għall-inizjattiva mnedija mill-Kummissarju Viviane Reding “Nisa fuq il-Bord” (18) u għar-riżoluzzjoni mhux leġislattiva dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi adottata mill-Parlament Ewropew fis-6 ta’ Lulju 2011 (19).

    Il-KESE jagħraf li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni għadu mhux adegwat. Il-bilanċ bejn is-sessi jista' jġib perspettivi differenti u għandu jitħeġġeġ. In-nisa għandu jkollhom aċċess għall-postijiet kollha ta’ xogħol li għalihom għandhom l-esperjenza, il-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa. Naturalment, siġġu fuq bord għandu l-ewwel nett ikun kwistjoni ta’ kompetenza iktar milli ta’ sessi, u l-kriterji ewlenin għandhom jitfasslu sabiex tiġi garantita ħatra tal-membi tal-bord bl-aqwa bilanċ ta’ edukazzjoni, għarfien speċjalizzat, esperjenza, għarfien u ħiliet, biex b'hekk il-kumpanija tkun tista' tikseb bl-aħjar mod l-objettivi tagħha u tissodisfa l-istennijiet raġonevoli tal-azzjonisti u partijiet interessati oħra tagħha.

    3.2.2   Disponibbiltà u dedikazzjoni tal-ħin

    Mistoqsija 7. Temmen li għandu jkun hemm miżura fil-livell tal-UE li tillimita l-għadd ta’ mandati li jista' jkollu direttur mhux eżekuttiv? Jekk iva, kif għandha tkun ifformulata?

    L-għadd ta’ mandati li jista' jkollu simultanjament direttur mhux eżekuttiv fil-prinċipju għandu jkun limitat, iżda mhux ser ikun faċli li jiġi ffissat numru preċiż b'mod arbitrarju. Madankollu, fil-fehma tal-KESE għandu jintlaħaq bilanċ raġonevoli sabiex id-diretturi jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom sew, fejn ikollhom żmien biżżejjed biex jeżaminaw il-fajls tal-każijiet, jieħdu sehem fil-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati, jitħarrġu u jwettqu kontrolli, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontabbiltà tal-kumpaniji, eċċ. Fil-każijiet kollha, għal kull mandat id-diretturi għandu jkollhom iż-żmien biex jaqdu l-funzjonijiet meħtieġa.

    3.2.3   Evalwazzjoni tal-Bord

    Mistoqsija 8. Il-kumpaniji elenkati għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu evalwazzjoni esterna b'mod regolari (eż. kull tliet snin)? Jekk iva, dan kif jista' jsir?

    Għandhom jiġu promossi prattiki tajba ta’ governanza korporattiva, u għandhom jinbnew u jiġu applikati mekkaniżmi sabiex l-investituri, l-azzjonisti, il-konsumaturi, l-impjegati u partijiet interessati oħra kif ukoll is-soċjetà kollha jiġu infurmati aħjar dwar il-punti ta’ riferiment tal-governanza korporattiva. Pass tajjeb f'din id-direzzjoni jista' jkun li titħeġġeġ il-formulazzjoni tal-indiċijiet tal-borża u klassifikazzjonijiet indipendenti tal-prattiki tajba ta’ governanza. Fejn ikun xieraq, il-presidenti jew il-bordijiet ta’ superviżjoni jistgħu jikkommissjonaw valutazzjonijiet esterni jew jitolbu rapporti speċifiċi mill-kumitati ta’ verifika għal użu intern. Dan jitqies bħala prattika tajba, li tista' tiġi estiża għal kumpaniji mhux ikkwotati, ikkunsidrati fil-Mistoqsija 2.

    3.2.4   Rimunerazzjoni tad-diretturi

    Mistoqsija 9. L-iżvelar tal-politika ta’ rimunerazzjoni, ir-rapport annwali dwar ir-rimunerazzjoni (rapport dwar kif kienet implimentata l-politika ta’ rimunerazzjoni matul l-aħħar sena) u r-rimunerazzjoni tad-diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi għandhom ikunu obbligatorji?

    Il-KESE jemmen li l-azzjonisti, l-investituri potenzjali u l-partijiet interessati kollha għandu jkollhom informazzjoni biżżejjed u preċiża dwar il-bordijiet korporattivi tal-kumpaniji u l-iskemi ta’ motivazzjoni tal-livelli amministrattivi għolja u l-istruttura tagħhom, u b'mod partikolari dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni tal-kumpanija (20) (ara l-punt 2.13.7). Għaldaqstant il-KESE jemmen li kull kumpanija għandha tippubblika dikjarazzjoni ċara li tinftiehem faċilment dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni tagħha, li tinkludi b'mod partikolari l-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 5 tar-Rakkomandazzjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 (21).

    Mistoqsija 10. Għandu jkun obbligatorju li l-politika ta’ rimunerazzjoni u r-rapport dwar ir-rimunerazzjoni jiġu deċiżi permezz ta’ vot tal-azzjonisti?

    Il-KESE jappoġġja l-proposta peress li l-azzjonisti għandhom jiġu infurmati u fl-istess ħin għandu jkollhom id-dritt li jaċċettaw il-politika futura u li jirċievu rapporti li jikkonċernaw ir-rimunerazzjoni. Madankollu, il-mozzjoni li ġiet proposta lill-azzjonisti waqt il-laqgħa ġenerali tagħhom għandha tiġi diskussa u approvata minn qabel mill-bord kollu, u dan jirifletti l-prattiki l-ġodda fis-seħħ fil-Ġermanja wara l-liġi tal-2009 dwar l-adegwatezza tas-salarji tad-diretturi.

    3.2.5   Ġestjoni tar-riskji

    Mistoqsija 11. Taqbel li l-Bord għandu japprova u jassumi responsabbiltà għar-riskji li l-kumpanija titħajjar tieħu u jirraporta dan, b'mod li jagħmel sens, lill-azzjonisti? Dawn l-arranġamenti dwar l-iżvelar għandhom jinkludu wkoll riskji ewlenin soċjali relevanti?

    Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rappurtar fil-ħin tar-riskji jgħin biex tiżdied il-fiduċja bejn il-bordijiet korporattivi tal-kumpaniji u l-partijiet interessati. Attwalment, il-kodiċijiet tal-governanza korporattiva jirrakkomandaw l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ sistemi stabbli tal-ġestjoni tar-riskju, u kumpaniji li jikkonformaw mal-kodiċijiet għandhom jiddikjaraw kif jiffunzjonaw dawn is-sistemi u x'diffikultajiet jiltaqgħu magħhom f'dan ir-rigward.

    Ir-riskji soċjali u soċjetali għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ, mhux biss fis-superviżjoni tar-riskji u s-sistemi tal-kontroll interni iżda wkoll fl-għoti ta’ informazzjoni dwarhom, u b'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-OECD (22). Fi kliem ieħor, il-Bord tad-Diretturi jew il-Bord ta’ Superviżjoni ma għandux biss jivvalida u jikkontrolla l-aptit ta’ riskju tal-kumpanija (riskji finanzjarji, soċjali u ambjentali), għandu wkoll jirrapporta dwar dan b'mod sinifikanti lill-azzjonisti, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom u partijiet interessati oħra b'konformità mal-mekkaniżmi ta’ għoti ta’ informazzjoni maħsuba mill-kodiċijiet.

    Mistoqsija 12. Taqbel li l-Bord għandu jiżgura li l-arranġamenti rigward l-immaniġġar tar-riskju ta’ kumpanija jkunu effettivi u jaqblu mal-profil tar-riskju tal-kumpanija?

    Iva. Fejn hemm ir-regoli, il-bordijiet korporattivi huma, u għandhom ikunu, responsabbli sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tar-riskju hija effettiva u proporzjonata mal-profil ta’ riskju tal-kumpanija. Għaldaqstant, mekkaniżmi effiċjenti għall-ġestjoni tar-riskju huma r-responsabbiltà tal-bord kif ukoll l-elementi l-oħra tal-istrateġija ta’ negozju tal-kumpanija. Fir-rapporti tagħhom, id-diretturi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-kumpanija u kwalunkwe riskju assoċjat. Il-prinċipji adottati minn EuropeanIssuers dwar il-funzjonament tas-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju u tal-verifika (23) jappoġġjaw dan il-punt.

    3.3   Azzjonisti

    3.3.1   Ippjanar għal żmien qasir tas-swieq kapitali

    Mistoqsija 13. Jekk jogħġbok, indika kwalunkwe regoli legali eżistenti tal-UE li, fl-opinjoni tiegħek, jistgħu jkunu ta’ kontribut għall-ippjanar għal żmien qasir mhux xieraq fost l-investituri u ssuġġerixxi l-mod kif dawn ir-regoli jistgħu jinbidlu biex jipprevjenu imġieba tali.

    Il-wasla ta’ investituri ġodda bħal hedge funds, u l-influwenza tal-istruttura ta’ motivazzjoni tal-maniġers tal-assi biddlu s-swieq kapitali radikalment. Ir-regolamentazzjoni Ewropea attwali dwar il-merġers u x-xiri ma trażżanx milli jsiru offerti għall-akkwist (takeover bids) ostili, li l-uniku għan tagħhom ikun li jżidu l-prezzijiet tal-ishma fiż-żmien qasir, għad-detriment tal-valur miżjud fuq tul ta’ żmien għall-azzjonisti u l-partijiet interessati. Għalhekk din ir-regolamentazzjoni għandha tiġi emendata skont dan.

    Il-KESE jqis li l-għoti ta’ informazzjoni huwa aktar effettiv meta jkun proċess minn żewġ naħat. Peress li l-kumpaniji kkwotati tal-UE huma soġġetti għal firxa ta’ rekwiżiti legali li jorbtu lill-kumpaniji biex jiżvelaw fi żmien xieraq kwalunkwe informazzjoni regolata, sensittiva għall-prezzijiet jew interna, ikun utli jekk l-investituri istituzzjonali jkunu soġġetti wkoll għal rekwiżiti vinkolanti biex jiżvelaw il-politiki ta’ investiment tagħhom. Dan jipprovdi benefiċċji għall-kumpanija li jsir investiment fiha, bħalma huma l-prevedibbiltà fil-każ ta’ ħolqien potenzjali ta’ kapital, iktar trasparenza u l-possibbiltà għall-kumpaniji kkwotati li jistsabbilixxu politika fit-tul tar-relazzjonijiet tal-investituri.

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tirrevedi r-regoli ta’ kontabbiltà għas-solvenza tal-fondi tal-pensjoni, sabiex ikun possibbli ssir stima tal-problema potenzjali. Iċ-ċiklu qasir tar-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ finanzjarju jista' jiġi rivedut ukoll għall-istess skop.

    3.3.2   Ir-relazzjoni tal-aġenzija bejn l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi

    Mistoqsija 14. Hemm miżuri li għandhom jittieħdu u jekk iva, liema huma, fir-rigward tal-istrutturi ta’ inċentivi għall-maniġers tal-assi u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-istess maniġers li jimmaniġġaw il-portafolli tal-investituri istituzzjonali fuq perjodu twil ta’ żmien?

    Iva, l-istruttura ta’ inċentiv u, b'mod partikolari, il-politika ta’ rimunerazzjoni għall-maniġers li jamministraw il-portafolli tal-investituri istituzzjonali fuq perjodu twil ta’ żmien, għandhom jiġu żvelati. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess fil-proċess tal-immaniġġjar tal-assi, kif ukoll biex tillimita t-transazzjonijiet meta ma jitqiesx l-aħjar interess tal-klijent.

    Mistoqsija 15. Il-liġi tal-UE għandha tippromovi monitoraġġ aktar effettiv tal-maniġers tal-assi mill-investituri istituzzjonali fir-rigward ta’ strateġiji, kostijiet, negozjar kif ukoll il-livell safejn il-maniġers tal-assi għandhom jimpenjaw rwieħhom mal-kumpaniji li jsir investiment fihom? Jekk iva, kif?

    Il-KESE jara l-ħtieġa għal rekwiżiti aktar rigorużi fir-rigward tal-kumpaniji li jsir investiment fihom. Dan jista' jiġri permezz ta’ żvelar ta’ informazzjoni mill-maniġers tal-assi fir-rigward tal-politika tagħhom lejn kumpaniji li ser isir investiment fihom. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-istrateġiji u l-ispejjeż huma regolati sew fil-livell kuntrattwali, kif ukoll f'termini ta’ proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni.

    3.3.3   Ostakoli oħra possibbli għall-impenn mill-investituri istituzzjonali

    Mistoqsija 16. Għandhom ir-regoli tal-UE jeħtieġu ċerta indipendenza mill-korp ta’ governanza tal-maniġers tal-assi, pereżempju mill-kumpanija possedenti tiegħu, jew inkella hemm il-ħtieġa ta’ miżuri (leġiżlattivi) oħrajn biex jitjieb l-iżvelar u l-immaniġġar tal-kunflitti ta’ interess?

    Iva, il-KESE titlob li jkun hemm regoli ċari u stretti fil-livell tal-UE li jimponu ċertu livell ta’ indipendenza tal-korp governattiv tal-maniġers tal-assi u li jeħtieġu żvelar u mmaniġġjar ta’ kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk, il-maniġers tal-assi għandhom jitħeġġu jingħaqdu ma’ inizjattivi volontarji pereżempju li jaċċettaw il-kodiċijiet tal-governanza korporattiva u jiżvelaw informazzjoni li teċċedi l-volum tal-minimu prestabbilit mil-liġi.

    Mistoqsija 17. X'inhu l-aħjar mod li bih tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni tal-azzjonisti?

    Bħala l-ewwel pass il-KESE jirrakkomanda li jiġi ċċarat il-qafas legali u jiġu identifikati l-modi kif titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn dawk li jinvestu fuq perjodu twil ta’ żmien.

    It-teknoloġiji tal-informazzjoni attwali u l-prezz affordabbli tagħhom ifissru li l-kooperazzjoni fost l-azzjonisti permezz tal-internet hija kompletament possibbli u effiċjenti ħafna. Jistgħu jitwaqqfu forums dedikati għal dan il-għan b'xi forma ta’ appoġġ istituzzjonali, b'mod partikolari bil-kooperazzjoni tal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet tagħhom.

    3.3.4   Konsulenti delegati

    Mistoqsija 18. Il-liġi tal-UE għandha titlob li l-konsulenti delegati jkunu aktar trasparenti, eż. fir-rigward tal-metodi analitiċi tagħhom, il-kunflitti ta’ interess u l-politika tagħhom għall-immaniġġar ta’ dawn u/jew jekk japplikawx kodiċi tal-kondotta? Jekk iva, dan kif jista' jsir bl-aħjar mod?

    Il-KESE jipproponi li jiġu imposti r-rekwiżiti l-ġodda sabiex tiżdied it-trasparenza tas-servizzi tal-konsulenti delegati. Dawn għandhom jiżvelaw fi żmien xieraq mhux biss lill-klijenti tagħhom iżda lill-kumpaniji wkoll, l-eżistenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess meta jitfgħu l-vot tagħhom jew meta jipprovdu servizzi ta’ konsulenza dwar kif wieħed għandu jivvota, bħalma għandhom jiżvelaw ukoll il-politiki tagħhom għall-prevenzjoni ta’ kunflitti bħal dawn. Għandu jitqies ukoll mekkaniżmu ta’ superviżjoni adegwat.

    Mistoqsija 19. Temmen li huma meħtieġa miżuri (leġiżlattivi) oħrajn, eż. restrizzjonijiet fuq l-abbiltà tal-konsulenti delegati li jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni lill-kumpaniji li jsiru l-investimenti fihom?

    Iva, dan mhux ser jimpedixxi lill-emittenti ta’ reputazzjoni tajba, u fl-istess ħin jgħin biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali. Il-konsulenti delegati ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ konsulenza lill-kumpaniji li għalihom huma konsulenti delegati għall-klijenti tagħhom stess.

    3.3.5   Identifikazzjoni tal-azzjonisti

    Mistoqsija 20. Taħseb li hemm il-ħtieġa għal mekkaniżmu tekniku u/jew legali Ewropew li jgħin lill-emittenti jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom biex jiffaċilitaw id-djalogu fir-rigward ta’ kwistjonjiet dwar il-governanza korporattiva? Jekk iva, temmen li dan jista' wkoll ikun ta’ benefiċċju għall-kooperazzjoni bejn l-investituri? Jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji (eż. għan/għanijiet segwit/i, strumenti preferiti, frekwenza, livell ta’ dettall u allokazzjoni tal-kost).

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proċess ta’ tfassil ta’ dawn il-mekkaniżmi għandu jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-leġislazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data personali (24). Huwa għalhekk li jkun aħjar jekk din il-problema tissolva fil-livell nazzjonali iktar milli f'dak Ewropew. Miżura possibbli tista' tkun li jiġi rakkomandat lill-istituzzjonijiet depożitorji nazzjonali jinkludu indirizz elettroniku fil-kotba tal-azzjonisti, u dan jespandi l-għażliet għall-komunikazzjoni bejn dawk li joħorġu t-titoli u l-azzjonisti tagħhom.

    3.3.6   Protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji

    Mistoqsija 21. Taħseb li l-azzjonisti minoritarji jeħtieġu aktar drittijiet sabiex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom b'mod effettiv f'kumpaniji b'azzjonisti li jikkontrollaw jew li huma dominanti?

    Le, dan mhuwiex neċessarju. L-aħħar tibdiliet fil-qafas leġislattiv Ewropew fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-assemblej ġenerali ħolqu sistema tajba li tipprovdi lill-azzjonisti bil-possibbiltà li jirċievu informazzjoni, jipparteċipaw faċilment fl-assemblej ġenerali u jeżerċitaw id-drittijiet kollha tagħhom. Kwalunkwe introduzzjoni ta’ drittijiet komplementari oħra għandha tibbilanċja b'attenzjoni l-interessi ta’ azzjonisti minoritarji u ta’ kontroll sabiex il-proċeduri bex jittieħdu deċiżjonijiet importanti ma jkunux blukkati. Il-preżenza ta’ azzjonist li jikkontrolla tista' tiggarantixxi iżjed kontroll fuq il-membri u l-attivitajiet tal-Bord tad-Diretturi.

    Mistoqsija 22. Taħseb li l-azzjonisti minoritarji jeħtieġu aktar protezzjoni kontra tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati? Jekk iva, x'miżuri għandhom jittieħdu?

    Iva, peress li transazzjonijiet bejn partijiet relatati ta’ spiss jistgħu jkunu sors ta’ kunflistt ta’ interessi potenzjali. Għandu jkun hemm regolamentazzjoni uniformi tat-transazzjonijiet bejn partijiet relatati fil-livell Ewropew. Għandu jkun ċar u fl-istess ħin flessibbli biżżejjed biex jiġi evitat li l-kumpaniji jagħmlu żbalji kbar. Ma għandux ikun permess li l-korpi regolatorji jieħdu deċiżjonijiet arbitrarji fil-każ ta’ testi mhux ċari u li jinftiehmu ħażin.

    3.3.7   Sjieda ta’ ishma għall-impjegati

    Mistoqsija 23. Hemm miżuri li għandhom jittieħdu u jekk iva, liema huma sabiex tkun promossa fil-livell tal-UE s-sjieda ta’ ishma għall-impjegati?

    Le, il-KESE ma jemminx li dawn huwa neċessarju fil-livell tal-UE. Huwa kompletament suffiċjenti f'dan l-istadju li din l-opportunità teżisti fil-prinċipju mingħajr ma tkun obbligatorja; din tista' tintuża meta l-applikazzjoni tagħha tkun adegwata.

    L-impjegati u l-ħaddiema jistgħu jiġu motivati billi jiġu offruti lilhom proprjetà fil-forma ta’ ishma sabiex jiżdiedu l-impenn u l-produttività tagħhom, iżda taħt l-ebda ċirkostanza dan ma għandu jkun sostitut għar-rimunerazzjoni eżistenti jew ixekkel in-negozjati kollettivi dwar il-pagi, u lanqas ma għandu jissostitwixxi l-forom l-oħra ta’ parteċipazzjoni msemmija fil-punt 2.9. Madankollu din id-deċiżjoni għandha taqa' taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ indipendenza ta’ kull kumpanija peress li mhux dejjem tkun adegwata (25).

    3.4   Il-qafas “konformità jew spjegazzjoni” - monitoraġġ u implimentazzjoni tal-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva

    Mistoqsija 24. Taqbel li l-kumpaniji li jabbandunaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-kodiċijiet ta’ governanza korporattiva jkunu meħtieġa jipprovdu spjegazzjonijiet iddettaljati għal tali abbandun u jiddiskrivu s-soluzzjonijiet alternattivi li qed jaddottaw?

    Iva. Kultant jista' jkun hemm raġunijiet tajba għal abbandun bħal dan. Meta jkunu spjegati u ġustifikati, l-interessi tal-kumpanija huma protetti bl-istess mod daqs l-interessi tal-investituri li jiġu infurmati dwar il-ħtieġa għal dan it-tip ta’ abbandun. Jekk le, jiddgħajjef ir-rwol tal-kodiċijiet bħala strument għall-promozzjoni ta’ prattiki tajba ta’ governanza korporattiva.

    Mistoqsija 25. Taqbel li l-korpi ta’ monitoraġġ għandhom ikunu awtorizzati jivverifikaw il-kwalità informattiva tal-ispjegazzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet dwar il-governanza korporattiva u jeħtieġu lill-kumpaniji jikkompletaw l-ispjegazzjonijiet fejn meħtieġ? Jekk iva, x'għandu jkun eżatt ir-rwol tagħhom?

    Iva. Din ċertament hija informazzjoni li hija importanti għall-partijiet interessati u għall-investituri u għandha titqies meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment. Il-korpi regolatorji għandu jkollhom dan id-dritt, b'analoġija mad-dritt li tiġi verifikata l-informazzjoni żvelata mill-kumpaniji ta’ emittenti. Minbarra li jimmonitorjaw u, f'okkażjonijiet rari, jedukaw, (fil-każ ta’ riskji soċjetali importanti) għandhom ikunu kapaċi jieħdu azzjoni. Jekk le, il-fiduċja fid-dikjarazzjonijiet ta’ governanza korporattiva tonqos u l-investituri u l-partijiet interessati l-oħra jipperċepixxu aktar riskji.

    Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 13.

    (2)  Flimkien maż-żewġ Green Papers, COM(2010) 284 finali u COM(2011) 164 finali, il-KE ppubblikat sensiela ta’ dokumenti relatati mal-governanza korporattiva ((i.e. СОМ(2010) 561 finali, СОМ(2010) 579 finali). Is-suġġett huwa preżenti wkoll fl-inizjattiva leġislattiva primarja tal-Kummissjoni – Lejn Att dwar is-Suq Uniku (СОМ(2010) 608 finali).

    (3)  ĠU C 84, 17.03.2011, p. 13, ĠU C 248, 25.08.2011, p. 92 u p. 101.

    (4)  “It-terminu ‘bord tad-diretturi’ f'din il-Green Paper jirreferi essenzjalment għar-rwol superviżorju tad-diretturi.” p.5 Jekk il-bordijiet ta’ superviżjoni għandhom rwol superviżorju ġenwin, mela l-bordijiet tad-diretturi jista' jkollhom rwol maniġerjali billi jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjoni strateġiku (merġers/akkwist, xiri/bejgħ ta’ kumpaniji).

    (5)  Ara: J. Weimer and J. Pape, A Taxonomy of Systems of Corporate Governance, Theory Papers in Corporate Governance, Vol 7 (2), April 1999, Blackwell Publishers.

    (6)  Ara: A. Vliegenthart, Transnational actors and the converging corporate governance regulation in ECE, Central and East European International Studies Association (CEEISA), 2006.

    (7)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 13.

    (8)  Ibid, punt 2.4.

    (9)  J. Fichtner, Activist hedge funds and the erosion of Rhenish capitalism: The impact of impatient capital, Working Paper Series Number 17 CCGES/CCEAE 2009.

    (10)  M. Goyer, Varieties of Institutional Investors and National Models of Capitalism: The Transformation of Corporate Governance in France and Germany. POLITICS & SOCIETY, Vol. 34, no 3, Settembru 2006 p.399-430.

    (11)  Il-Communiqué tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-5 ta’ Settembru 2009.

    (12)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 101.

    (13)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 13.

    (14)  L-OECD żviluppat standard internazzjonali biex tgħin lill-gvernijiet itejbu l-mod kif jeżerċitaw is-sjieda tagħhom. Ara l-Linji Gwida tal-OECD dwar il-Governanza Korporattiva tal-Intrapriżi tal-Istat, OECD 2005.

    (15)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 13.

    (16)  Ara l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat ta’ Lisbona u ĠU C 83, 30.3.2010, p. 17.

    (17)  http://www.equalities.gov.uk/pdf/EN_document_travail%5Bmain%5D.pdf.

    (18)  http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/womenpledge/index_en.htm.

    (19)  Ara wkoll ir-riżoluzzjoni mhux leġislattiva dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi, adottata mill-Parlament Ewropew fis-6 ta’ Lulju 2011, http://www.europarl.europa.eu/oeil/file.jsp?id=5862452&noticeType=null&language=en, http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=REPORT&mode=XML&reference=A7-2011-0210&language=EN

    (20)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 13.

    (21)  ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22.

    (22)  “Il-qafas tal-governanza korporattiva jitlob jew iħeġġeġ lill-bordijiet biex iqisu l-interessi tal-partijiet interessati u jagħtu informazzjoni pubblika dwar kif qed jagħmlu dan fir-rigward ta’ kwistjonijiet sinifikanti”, OECD, 2006, Metodoloġija għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza korporattiva tal-OECD, p. 112 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (23)  EuropeanIssuers hija organizzazzjoni ċentrali ta’ assoċjazzjonijiet ta’ emittenti, ara hawn: http://www.europeanissuers.eu/_mdb/position/200_Towards_Common_Principles_for_ICRM_European_Companies__final_100127.pdf

    (24)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 123.

    (25)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 1.


    Top