EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1581

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern” COM(2011) 128 finali

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 85–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern”

COM(2011) 128 finali

2012/C 24/20

Relatur: is-Sur MALLIA

Nhar l-24 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern

COM(2011) 128 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Ottubru 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'126 vot favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Permezz tal-konsultazzjoni bil-Green Paper, il-Kummissjoni qed tipprova tifhem aħjar lis-settur tal-logħob tal-azzard onlajn li qed jespandi b'ritmu mgħaġġel, huwa transkonfinali min-natura tiegħu u huwa karatterizzat minn sistemi nazzjonali differenti implimentati mill-Istati Membri.

1.2   Il-KESE jinnota li hemm għadd ta’ objettivi li huma komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE. Dawn jistgħu jiġu identifikati kif ġej: il-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali tal-logħob tal-azzard, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-ħarsien tal-ordni pubblika u l-finanzjament tal-għanijiet (kawżi tajba) ta’ interess pubbliku.

1.3   Il-protezzjoni tal-konsumatur hija qasam fejn l-UE tista' tkun ta’ valur miżjud għaċ-ċittadini tagħha u għalhekk għandha toħloq qafas tal-UE fil-forma ta’ leġislazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur li tkun vinkolanti għal kull operatur liċenzjat fl-UE. B'hekk jinħoloq sett minimu (iżda mhux baxx) ta’ standards ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-gvernijiet nazzjonali madankollu xorta għandu jkollhom id-dritt li jistabbilixxu standards ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur għas-swieq nazzjonali tagħhom, jekk dawn ikunu jixtiequ hekk. B'mod partikolari, il-leġislazzjoni li toħroġ mill-Istati Membri għandha tinkludi bħala waħda mill-għanijiet tagħha l-prevenzjoni u t-trattament tal-dawk li jbatu mill-vizzju tal-logħob.

1.4   Il-ġlieda kontra l-frodi, is-serq tal-identità, il-ħasil tal-flus u reati oħra teħtieġ kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri fil-livell tal-UE. Il-KESE jitlob li jkun hemm struttura formalizzata ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu jipprovdi lista ta’ operaturi li huma liċenzjati f'dak il-pajjiż partikolari u d-Direttiva tal-Ħasil tal-Flus (1) għandha tkun estiża lil hinn mill-każinojiet sabiex tkun tinkludi attivitajiet oħra ta’ logħob tal-azzard onlajn u b'hekk tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali aktar setgħat biex jiġġieldu kontra l-attivitajiet kriminali.

1.5   L-opportunitajiet tal-logħob tal-azzard jistgħu jwasslu għall-vizzju tal-logħob. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju fl-UE sabiex tiddetermina bis-sħiħ il-profil speċifiku tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard biex imbagħad jiġu introdotti l-miżuri adegwati, inklużi dawk preventivi. Għal dan il-għan nirrakkomandaw li parti mid-dħul fiskali miġbur jiġi dedikat għall-prevenzjoni u t-trattament ta’ dawk li jbatu mill-vizzju tal-logħob.

1.6   Il-KESE qed jitlob ukoll sabiex tiġi introdotta regolazzjoni stretta rigward il-projbizzjoni tar-reklamar tal-logħob tal-azzard indirizzat lil persuni ta’ taħt l-età jew lil dawk li jidhru li huma taħt l-età minima nazzjonali għal-logħob tal-azzard sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-minorenni u gruppi vulnerabbli oħra.

1.7   Is-settur huwa attwalment ikkaratterizzat mill-provvista mhux awtorizzata ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard kemm minn operaturi mhux liċenzjati (definiti bħala servizzi suwed u illegali fil-Green Paper) kif ukoll minn operaturi liċenzjati fi Stat Membru wieħed li jipprovdu s-servizzi tagħhom lil konsumaturi fi Stat Membru ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa (definiti bħala servizzi griżi fil-Green Paper). Sabiex is-settur jiżviluppa b'mod koerenti u jkun jista' jgħaqqad l-għanijiet ta’ interess pubbliku mal-prinċipji tas-suq intern jeħtieġ li jkun hemm aktar ċertezza legali.

1.8   Jeżistu bosta tipi differenti ta’ fondi għall-attivitajiet ta’ interess pubbliku fl-Istati Membri. Il-KESE jaqbel mal-prinċipju fejn persentaġġi fissi ta’ dħul jew taxxa fuq l-attivitajiet ta’ logħob tal-azzard imorru direttament għall-attivitajiet tal-isport inġenerali jew għal attivitajiet oħra ta’ interess pubbliku.

1.9   Il-KESE jaqbel mal-Konklużjonijiet dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE, adottati fil-laqgħa tal-Kunsill Kompettività fl-10 ta’ Diċembru 2010.

1.10   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-impatt tal-offerti transkonfinali fuq il-finanzjament tal-isport, jekk dan il-finanzjament hux qed jilħaq l-attivitajiet tal-isport lokali u biex tipproponi miżuri konkreti sabiex dan il-finanzjament għall-isport ikun żgurat.

1.11   L-Istati Membri jibbażaw fuq miżuri preventivi u punittivi kontra l-offerti illegali onlajn tal-logħob tal-azzard. Il-proliferazzjoni tal-offerti onlajn tipponta għall-fatt li dawn il-miżuri mhumiex effiċjenti biżżejjed. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li hemm bżonn li tiġi stabbilita u definita sistema ta’ ksur u sanzjonijiet li tiggarantixxi li l-liġi tiġi applikata b'mod effettiv. Din tista' tinkludi li l-attivitajiet jiġu mblokkati, jingħalqu l-mezzi li bihom is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jippermettu li jsir il-logħob illegali u, saħansitra, jiġi sekwestrat u jinqered kull element li jintuża biex issir din l-attività.

1.12   L-awtoritajiet u l-imsieħba soċjali għandhom jistabbilixxu garanziji sabiex l-attivitajiet relatati mal-logħob tal-azzard onlajn ma jkollhom l-ebda riperkussjoni fuq l-impjieg fis-settur tal-logħob tal-azzard mhux onlajn.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-KESE jilqa' l-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn bħala inizjattiva tajba għal riflessjoni prammatika u soda dwar il-futur tas-settur fl-Ewropa. Għal dan il-għan, il-KESE jitlob lill-UE tħejji b'mod urġenti studju fil-fond bil-għan li tivvaluta l-konsegwenzi possibbli fuq l-impjieg fis-settur kollu tal-logħob, kemm dak pubbliku kif ukoll dak privat.

2.2   Il-konsultazzjoni permezz tal-Green Paper imnedija mill-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb djalogu estensiv dwar il-logħob tal-azzard sabiex tifhem aħjar il-kwistjonijiet speċifiċi li qed jinħolqu mill-iżvilupp tal-provvista legali u dik mhux awtorizzata (is-suq iswed u “griż”) tas-servizzi ta’ logħob tal-azzard immirati lejn konsumaturi li għandhom ir-residenza tagħhom fl-Istati Membri tal-UE. Minħabba n-natura ta’ dawn is-servizzi, il-provvista tagħhom ta’ spiss ma tkunx taqa' taħt il-kontroll tal-gvernijiet nazzjonali taċ-ċittadini li jiġu offruti dan il-logħob.

2.3   Din il-Green Paper twieġeb ukoll għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard onlajn (2) tal-10 ta’ Marzu 2009 u ntalbet mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE tal-10 ta’ Diċembru 2010 (3).

2.4   Ir-regolazzjoni tal-logħob tal-azzard fl-UE hija diversa, u hija wkoll fil-proċess li tiġi riveduta f'bosta mill-Istati Membri tal-UE sabiex tittieħed responsabbiltà għall-espansjoni tal-parti onlajn ta’ dan is-suq transkonfinali.

2.5   Bit-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni, l-għan ewlieni tal-Kummissjoni huwa li tikseb stampa bbażata fuq il-fatti tal-qagħda eżistenti tas-settur tal-logħob tal-azzard fl-UE. Il-konsultazzjoni tipprova tikseb stampa ċara tal-isfidi tal-ordni soċjetali u pubblika li jirriżultaw mill-provvista ta’ servizzi onlajn ta’ logħob tal-azzard fl-UE, kif ukoll l-isfidi regolatorji u tekniċi.

2.6   Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari l-Kummissjoni, biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfida kruċjali li tinħoloq mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba impriżi mhux awtorizzati u mhux stabbiliti fil-pajjiż tar-residenza tal-konsumaturi, u li għalihom dawn jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-azzard onlajn, li jibbenefikaw fil-pajjiż fejn huma stabbiliti minn rati baxxi ta’ taxxa u ta’ kontribuzzjoni soċjali.

B'mod parallel għal dan, il-KESE jappella wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jidħlu fi ġlieda aggressiva kontra l-operaturi illegali (suq iswed) minn fejn jinbtu l-aktar każijiet ta’ frodi, ħasil tal-flus u atti kriminali oħra.

3.   Għanijiet ta’ interess pubbliku

3.1   Il-KESE huwa tal-fehma li hija ta’ importanza kruċjali li tkun żgurata l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ interess pubbliku msemmija fil-Green Paper, b'mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-frodi, il-logħob tal-azzard problematiku u d-dipendenza, u l-ħsara fuq is-saħħa u d-dejn eċċessiv. L-iżvilupp tal-logħob tal-azzard għandu jseħħ abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali li jingħataw mill-Istati Membri, bil-għan li jiġu garantiti l-ħarsien tal-ordni pubblika, il-ġlieda kontra l-frodi, il-prevenzjoni ta’ mġiba ta’ vizzju, il-ħarsien tad-drittijiet tal-minorenni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-parteċipanti fil-logħob.

3.2   F'dan ir-rigward, il-KESE jinnota li hemm għadd ta’ għanijiet li huma komuni għall-Istati Membri kollha, fosthom: il-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali ta’ logħob tal-azzard, il-protezzjoni tal-konsumatur (ix-xerrejja, il-minorenni u dawk vulnerabbli, il-ġlieda kontra d-dipendenzi), il-ħarsien tal-ordni pubblika (prevenzjoni ta’ frodi, il-ħasil tal-flus u reati oħrajn) il-finanzjament tal-attivitajiet ta’ interess pubbliku (kawżi tajba) u l-protezzjoni tal-ħaddiema fis-settur tal-logħob, kemm dak onlajn kif ukoll fil-forom distinti attwali tiegħu.

3.3   Minħabba n-natura partikolari tal-logħob tal-azzard onlajn, li ġejjin mill-aspetti soċjali, ta’ ordni pubblika u ta’ kura tas-saħħa marbutin miegħu, il-KESE, b'konformità mal-każistika tal-Qorti, jipponta għall-fatt li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri għandhom “marġni ta’ apprezzament” (4) biex jirregolaw u jikkontrollaw is-swieq tal-logħob tal-azzard tagħhom skont it-tradizzjonijiet u l-kulturi tagħhom. Madankollu, il-miżuri restrittivi li jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-każistika tal-Qorti fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom (5).

3.4   Minkejja dan kollu, hemm ftit għanijiet li ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwali u fejn azzjoni fil-livell tal-UE tista' ġġib magħha valur miżjud ċar.

3.5   Il-KESE jirrakkomanda li peress li dawn l-għanijiet huma komuni għall-Istati Membri kollha, għandu jiġi promoss l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn dawn l-Istati Membri. F'dan il-kuntest, il-KESE jieħu nota wkoll ta’ għadd ta’ inizjattivi ta’ awtoregolazzjoni meħuda mill-operaturi tal-logħob tal-azzard pubbliċi u kummerċjali. Il-KESE jenfasizza, madankollu, li l-awtoregolazzjoni tal-industrija tista' tikkumplementa biss, u mhux tissostitwixxi, il-leġislazzjoni statutorja. Minħabba dan, il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet għandhom, b'mod parallel, jiffukaw l-isforzi tagħhom sabiex iġibu dimensjoni Ewropea għal dawn l-għanijiet komuni b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.6   Il-protezzjoni tal-konsumatur hija qasam fejn, b'mod partikolari, l-UE tista' verament iġġib valur miżjud. Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joħolqu qafas inizjali tal-UE fil-forma ta’ leġislazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur li tkun vinkolanti għall-operaturi liċenzjati fl-UE. B'hekk jinħoloq sett minimu (iżda mhux baxx) ta’ standards ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dan il-livell minimu ta’ protezzjoni għandu jinkludi l-ħtieġa li jiġi evitat il-logħob tal-azzard problematiku, u li jiġu stabbiliti limiti minimi tal-età għall-aċċess għal kwalunkwe logħob tal-azzard jew attivitajiet ta’ logħob tal-azzard, projbizzjoni fuq l-użu tal-kreditu u l-projbizzjoni ta’ kull tip ta’ reklamar indirizzat lill-minorenni jew li jinkludi lill-minorenni jew persuni li jidhru li huma ta’ taħt l-età minima. Il-gvernijiet nazzjonali madankollu xorta ser ikollhom id-dritt li jistabbilixxu standards ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur għas-swieq nazzjonali tagħhom, jekk dawn ikunu jixtiequ hekk.

3.6.1   Il-konsumaturi fis-suq tal-UE għandhom ikunu jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn is-siti illegali u s-siti awtorizzati minn Stat Membru tal-UE. F'dan ir-rigward, il-KESE qed jirrakkomanda li kull Stat Membru tal-UE jobbliga lil kull operatur li jaħdem b'liċenzja f'dak l-Istat Membru partikolari biex f'pożizzjoni prominenti stabbilita fil-paġna ta’ quddiem tas-sit tal-internet tiegħu jkollu tikketta interattiva li turi li l-operatur huwa liċenzjat. Din it-tikketta għandha tintuża mill-Istati Membri kollha u għandha tinkludi karatteristiċi komuni fid-disinn tagħha sabiex tingħaraf faċilment fl-Istati Membri kollha tal-UE. Madankollu, għandha turi b'mod ċar ukoll il-pajjiż tal-oriġini minn fejn tkun ingħatat il-liċenzja. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun responsabbli għall-infurzar ta’ din il-miżura.

3.7   Il-KESE jipprevedi l-ħolqien ta’ korp indipendenti f'kull Stat Membru li jkun responsabbli mill-monitoraġġ u l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni tal-konsumatur imsemmija hawn fuq fil-punt 3.6. L-introduzzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur għandha tkun akkumpanjata minn kampanja ta’ informazzjoni li għandha titwettaq f'kull Stat Membru. L-awtoritajiet nazzjonali f'kull Stat Membru għandhom jobbligaw lill-operaturi li jqiegħdu n-numru ta’ awtorizzazzjoni mogħti mill-Istat f'post fejn jidher, biex ikunu jistgħu jiġu identifikati u biex jiġu solvuti l-ilmenti tal-konsumaturi skont il-liġi nazzjonali tal-konsumatur u skont il-qrati tal-post ta’ residenza tagħhom.

3.8   Politiki tal-logħob responsabbli jimplikaw li l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-logħob għandu jiġi indirizzat permezz ta’ politika komprensiva ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva li tqis il-logħob bħala fenomenu kumpless li jeħtieġ taħlita ta’ miżuri preventivi, ta’ għarfien, ta’ intervent u ta’ kontroll, kif ukoll ta’ rimedju għall-effetti negattivi prodotti. Dan ifisser:

li tingħata l-attenzjoni xierqa lill-gruppi li jinsabu f'riskju;

li l-pubbliku jingħata t-tagħrif meħtieġ biex ikun jista' jagħmel għażliet infurmati fl-attivitajiet ta’ logħob tiegħu, bil-promozzjoni ta’ attitudni lejn il-logħob moderata, mhux bħala vizzju, u responsabbli;

li tingħata l-informazzjoni, skont in-natura u l-metodi ta’ liema logħba tkun, dwar il-projbizzjoni milli jipparteċipaw tal-minorenni jew il-persuni li jkunu talbu espliċitament li ma jridux jieħdu sehem.

3.9   Il-KESE jinnota li filwaqt li għadd ta’ Stati Membri ġabru data soda fir-rigward tad-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard, hemm oħrajn li dan m'għamluhx. Twettqu għadd ta’ studji empiriċi nazzjonali u ntlaħqu varji konklużjonijiet li kultant huma f'kunflitt bejniethom. Li huwa ċar, madankollu, hu li l-opportunitajiet tal-logħob tal-azzard jistgħu jwasslu għal dipendenza fuq dan il-logħob li eventwalment joħolqu problemi għas-soċjetà. Dan huwa aspett li għandu dejjem jitqies kull meta tiġi żviluppata politika ta’ protezzjoni tal-konsumatur għas-settur.

3.10   Għandhom jitqiesu aspetti bħalma huma l-opportunitajiet il-ġodda li nħolqu mill-mezz onlajn għal-logħob tal-azzard peress li t-teknoloġiji l-ġodda fetħu toroq ġodda għal-logħob tal-azzard għal persuni li jqattgħu aktar ħin id-dar bħalma huma l-pensjonanti, in-nisa tad-dar u l-persuni qiegħda. Għandu jiġi żgurat li l-minorenni, il-persuni legalment inkapaċi u dawk li, jew għax iridu huma stess, jew b'sentenza tal-qorti, kienu pprojbiti jagħmlu dan, jinżammu milli jaċċessaw il-logħob tal-azzard interattiv li jsir fuq l-internet.

3.11   Il-KESE jitlob li jitwettaq studju komprensiv pan-Ewropew sabiex jiġi determinat bis-sħiħ il-profil speċifiku tad-dipendenza fis-settur onlajn kif ukoll dak offlajn tal-logħob tal-azzard biex b'hekk il-leġislatur tal-UE jkun jista' jieħu azzjoni effettiva u mmirata sabiex tiġi miġġielda u pprevenuta din il-problema.

3.12   Il-KESE jemmen li mod effettiv kif jitnaqqsu l-attivitajiet ta’ ħasil tal-flus ikun li l-Istati Membri jikkooperaw fil-livell tal-UE biex jiġġieldu kontra l-attività illegali rampanti li qed issir onlajn fl-UE. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-Istati Membri tal-UE jimplimentaw mekkaniżmi effikaċji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, li mingħajr dubju, jolqtu b'mod pożittiv iż-żieda fid-dħul fiskali.

3.13   Barra minn hekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li d-Direttiva tal-Ħasil tal-Flus għandha tiġi estiża lil hinn mill-każinojiet sabiex tkun tinkludi attivitajiet oħra ta’ logħob tal-azzard onlajn u b'hekk tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali aktar setgħat biex jiġġieldu kontra dawn l-attivitajiet kriminali.

3.14   Barra minn hekk, fir-rigward tal-logħob mixtri, il-KESE jemmen li l-integrità tal-isport għandha tiġi ppreservata akkost ta’ kollox. Il-KESE jieħu nota tal-kontribut tal-pubbliku u ta’ wħud mill-operaturi tal-imħatri privati għall-integrità tal-isport tal-imħatri, il-programmi edukattivi għall-atleti u l-uffiċjali tal-isport u s-sistemi ta’ identifikazzjoni u t-twissija bikrija ta’ mġiba suspettuża meta jsiru l-imħatri, u l-livell ta’ kwalità u d-dimensjoni varjabbli tagħhom. Il-KESE jemmen li jinħtieġ qafas għall-koordinazzjoni tal-isforzi tal-partijiet interessati kollha involuti sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod globali u tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-riżorsi. B'mod partikolari, għandha tiġi stabbilita sistema li ma tkunx limitata għas-sempliċi identifikazzjoni iżda li tinkludi wkoll miżuri preventivi, edukattivi u ta’ infurzar.

3.15   Fl-aħħar nett, il-Green Paper tirreferi wkoll għall-finanzjament ta’ attivitajiet benevolenti u ta’ interess pubbliku kif ukoll avvenimenti li fuqhom jiddependu l-imħatri onlajn fuq l-isports. Il-KESE huwa favur sistema fejn dawn l-attivitajiet u avvenimenti jirċievu parti mid-dħul miġbur mill-attivitajiet tal-logħob tal-azzard. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri konkreti sabiex jippreservaw dawn il-mekkaniżmi ta’ finanzjament nazzjonali kif rikonoxxuti mill-Konklużjonijiet dwar il-qafas għal-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-Istati Membri tal-UE adottat mil-laqgħa tal-Kunsill Kompetittività tal-10 ta’ Diċembru 2010. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni sabiex dawn l-“attivitajiet” ma jintużawx biex jikkumpensaw il-konnotazzjonijiet soċjali negattivi tal-logħob tal-azzard u b'hekk jitħeġġeġ aktar logħob tal-azzard fuq il-bażi li din l-attività tibbenefika kawża ġusta. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex parti mid-dħul miksub mill-ġbir fiskali jkun iddedikat għall-finanzjament tal-prevenzjoni u t-trattament ta’ dawk li jbatu mill-vizzju tal-logħob u tat-taħriġ professjonali u kontinwu tal-impjegati tas-settur.

4.   L-istabbiliment u l-għoti tal-liċenzji

4.1   Is-settur tal-logħob tal-azzard onlajn attwalment huwa frammentat minħabba s-sistemi nazzjonali differenti applikati mill-Istati Membri tal-UE.

4.2   Waħda mill-kwistjonijiet maġġuri li qed jiffaċċja s-settur hija l-fatt li l-operaturi liċenzjati fi Stat Membru wieħed jew iktar jistgħu jkunu qed jipprovdu s-servizzi tagħhom lil konsumaturi fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollhom l-awtorizzazzjoni, fejn meħtieġa, ta’ dak l-Istat Membru partikolari. Dawn l-offerti jitqiesu bħala “mhux awtorizzati” (6).

4.3   Min-naħa l-oħra, bejn April 2006 u Frar 2008, il-Kummissjoni bagħtet 12-il ittra ta’ Notifika Formali lil 10 Stati Membri u mxiet għall-fażi ta’ Opinjonijiet Motivati ma’ 7 minnhom. Fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni għalqet il-proċeduri kontra l-Italja u fl-24 ta’ Novembru 2010 il-Kummissjoni għalqet il-proċeduri ta’ ksur kontra Franza. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra restrizzjonijiet transkonfinali għas-servizzi tal-logħob tal-azzard bħala riżultat ta’ bosta ilmenti li ntbagħtu lill-Kummissjoni għal allegati vjolazzjonijiet tat-Trattat sabiex tivverifika l-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi b'mod deċiżiv dwar kif ser tipproċedi bil-każijiet pendenti.

4.4   Fir-rigward tan-natura u l-istatus legali tal-logħob tal-azzard onlajn, ħarġet sensiela ta’ prinċipji mill-każistika li nġabret sal-lum. L-ewwel nett, is-servizzi tal-logħob tal-azzard jaqgħu taħt l-Artikolu 56 tat-TFUE u b'hekk huma koperti mir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

4.5   Peress li s'issa s-servizzi tal-logħob tal-azzard mhumiex soġġetti għal regoli uniformi fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri jżommu “marġni ta’ apprezzament” (7) biex jirregolaw dawn is-servizzi, li jinkludi l-limitazzjoni tan-numru ta’ operaturi, it-tipi ta’ logħob offruti u l-kwantità tagħhom.

4.6   Skont il-każistika stabbilita tal-Qorti, l-operaturi awtorizzati fi Stat Membru wieħed jistgħu jipprovdu servizzi lil konsumaturi fi Stati Membri oħra, sakemm dawk ma jimponux restrizzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet iktar importanti fl-interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-konsumatur jew il-ħtieġa ġenerali li tiġi mħarsa l-ordni pubblika.

4.7   Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u għandhom jagħmlu parti minn politika li hija applikata b'mod konsistenti u sistematiku.

4.8   Il-KESE jinnota li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ma japplikax fis-settur tal-logħob tal-azzard. Jinnota wkoll li Stat Membru jista' jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur jipprovdi l-logħob tiegħu legalment fi Stat Membru ieħor mhuwiex assigurazzjoni biżżejjed li konsumaturi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ser ikunu protetti kontra r-riskji tal-frodi u r-reati, fid-dawl tad-diffikultajiet li, f'dan il-kuntest, jistgħu jiffaċċjaw l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-istabbiliment fil-valutazzjoni tal-kwalitajiet u l-integrità professjonali tal-operaturi.

4.9   B'referenza għall-punt 4.8, għadu jidher biċ-ċar li s-settur jeħtieġ ċertezza legali akbar jekk irid jiżviluppa b'mod koerenti u jirrispetta l-għanijiet tal-ordni pubblika kif ukoll il-Prinċipji tas-Suq Intern. Il-konsultazzjoni permezz tal-Green Paper għandha tagħti spinta importanti f'din id-direzzjoni.

4.10   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li r-reklamar tal-ħtiġijiet tal-logħob tal-azzard għandu jkun regolat b'mod strett sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħalma huma minorenni. Huwa partikolarment importanti li jiġu stabbiliti limiti sabiex jiġi ostakolat l-aċċess għall-minorenni u għall-persuni legalment inkapaċi u sabiex jiġi ostakolat l-użu ta’ immaġni, messaġġi u oġġetti li jistgħu joffendu, direttament jew indirettament, id-dinjità tal-persuni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u kwalunkwe forma possibbli ta’ diskriminazzjoni minħabba r-razza jew is-sess, tixwix għall-vjolenza u sabiex jitwettqu attivitajiet kriminali.

5.   L-Isport

5.1   Il-Kummissjoni tixtieq tiffoka fuq żewġ kwistjonijiet relatati mal-isport, (1) jekk l-avvenimenti sportivi, li dwarhom jitwettqu attivitajiet tal-logħob tal-azzard, għandhomx jirċievu ritorn ekonomiku ġust mill-attività assoċjata mal-logħob tal-azzard u (2) jekk jeżistix ir-riskju tal-hekk imsejjaħ “parasitiżmu”.

5.2   Il-KESE jinnota li jeżistu bosta tipi differenti ta’ fondi għal attivitajiet ta’ interess pubbliku fl-Istati Membri. F'xi wħud mill-Istati Membri, il-leġislazzjoni nazzjonali timponi pereżempju fuq il-lotteriji nazzjonali sabiex jallokaw persentaġġ fiss mid-dħul tagħhom direttament lejn l-isport u/jew attivitajiet identifikati oħra ta’ interess pubbliku. Fi Stati Membri oħra, it-Teżor tal-Istat jalloka persentaġġ mid-dħul fiskali li jiġġenera mill-attivitajiet tal-logħob tal-azzard għall-attivitajiet varji ta’ interess pubbliku magħżula.

5.3   Il-KESE jaqbel mal-prinċipju fejn persentaġġi fissi ta’ dħul jew taxxa fuq l-attivitajiet ta’ logħob tal-azzard imorru direttament għall-attivitajiet tal-isport jew għal attivitajiet identifikati oħra ta’ interess pubbliku.

5.4   Il-KESE jinnota l-kontribut importanti li jsir mil-lotteriji statali/nazzjonali u attivitajiet legali oħra tal-logħob tal-azzard għall-finanzjament tal-isport, b'mod speċjali dak lokali. Il-KESE jinnota wkoll li l-provvista tas-servizzi transkonfinali onlajn tal-logħob tal-azzard u tal-imħatri minn operaturi stabbiliti f'ġurisdizzjoni partikolari jista' jkollha impatt negattiv fuq il-finanzjament tal-isport u ta’ għanijiet oħra ta’ interess pubbliku f'ġurisdizzjoni oħra fejn din tipprovdi s-servizzi.

5.5   Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-impatt tal-offerti transkonfinali fuq dan it-tip ta’ finanzjaemnt, jekk dan il-finanzjament hux qed jilħaq l-attivitajiet tal-isport lokali u biex tipproponi miżuri konkreti sabiex ikun żgurat dan il-finanzjament għall-isport.

5.6   Il-KESE għandu r-riservi tiegħu dwar il-ħolqien possibbli tad-“Dritt tal-Isport” jew id-dritt għal ritorn ġust. Il-KESE jqis li tinħtieġ aktar ċarezza sabiex ikun mifhum x'inhu maħsub għad-dritt ta’ ritorn ġust u jekk dan hux ser iwassal għall-ħolqien, fil-livell Ewropew, ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali ġdid għall-avvenimenti sportivi.

5.7   Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiċċara n-natura, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tad-dritt għal ritorn ġust kif ukoll il-bażi legali applikabbli għalih.

5.8   Il-kwistjoni ta’ “parasitiżmu” hija waħda fiskali u għaldaqstant il-KESE jħoss li din għandha titħalla fil-kompetenza nazzjonali. Madankollu, il-KESE jħoss li għandu jiġi diskuss approċċ ġust li jipprovdi ritorn għall-partijiet kollha involuti, u għandu jintlaħaq qbil dwaru bejn l-Istati Membri tal-UE. Dan huwa suġġett diffiċli biex isir dibattitu dwaru fil-livell tal-UE, iżda huwa assolutament meħtieġ li jkun hemm diskussjoni profonda f'xi fażi sabiex jiġi evitat taqlib sinifikanti għas-settur.

5.9   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara jekk fil-fatt hemmx rabta bejn il-kwistjonijiet sportivi li tqajmu fil-Green Paper u l-integrità tal-isport, jew jekk humiex kwistjonijiet separati li għandhom jiġu indirizzati individwalment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tiċċara jekk temminx li l-ħolqien ta’ dritt ta’ ritorn ġust jew dritt tal-isport jikkostitwixxux verament mezz effettiv biex tiġi żgurata l-integrità tal-isport.

6.   Infurzar

6.1   Kwistjoni maġġuri oħra li trid tiġi indirizzata b'urġenza hija l-provvista tas-servizzi tal-logħob tal-azzard illegali fl-UE (8) għad-detriment tal-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-ordni pubblika kif ukoll tal-finanzjament tal-għanijiet ta’ interess pubbliku.

6.2   Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija kruċjali biex il-konsumaturi tal-UE jiġu mħarsa minn operaturi illegali. F'dan ir-rigward, il-KESE jemmen li struttura formalizzata ta’ kooperazzjoni regolatorja fil-livell tal-UE ser tiffaċilita din il-kooperazzjoni (9). B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu jqiegħed b'mod disponibbli lista ta’ operaturi li huma liċenzjati f'dak il-pajjiż partikolari. Kull waħda minn dawn il-listi għandha tkun disponibbli għall-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-regolaturi nazzjonali u l-konsumaturi. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tinkludi wkoll l-iskambju tal-aqwa prattiki.

6.3   Il-KESE jinnota wkoll li l-industrija hija nieqsa mid-data. Minħabba f'dan in-nuqqas ma tistax issir analiżi korretta tal-industrija u tad-dinamika partikolari tagħha. Minħabba dan, il-KESE jipproponi li għandu jkun hemm rekwiżiti komuni tal-ġbir tad-data stabbiliti fil-livell tal-UE u imposti fuq ir-regolaturi kollha li min-naħa tagħhom jobbligaw lid-detenturi kollha tal-liċenzji jressqu d-data meħtieġa. Dan imbagħad jista' jiġi miġbur fil-livell tal-UE. Ikun tajjeb ukoll jekk tinġabar data f'termini tal-isforzi li qed isiru biex jittieħdu passi kontra s-siti illegali tal-internet sabiex b'hekk tiġi stabbilita l-effikaċja tal-isforzi nazzjonali fil-ġlieda kontra s-suq iswed.

6.4   Il-ġlieda kontra l-operaturi illegali teħtieġ miżuri effettivi ta’ infurzar. Il-KESE jħoss li dan huwa qasam dgħajjef li jirrikjedi aktar azzjoni min-naħa tal-Istati Membri għall-prevenzjoni ta’ provvedituri ta’ logħob tal-azzard onlajn milli joffru s-servizzi tagħhom onlajn, u dan jista' jinkludi sistema ta’ pieni għall-ksur. B'hekk, jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tipproponi strument legalment vinkolanti li jobbliga lill-banek, lil dawk li joħorġu l-karti tal-kreditu u parteċipanti oħra fis-sistema ta’ pagament fl-UE biex jimblokkaw it-tranżazzjonijiet bejn il-provvedituri tal-logħob tal-azzard illegali u l-klijenti tagħhom mingħajr ma jfixklu t-tranżazzjonijiet leġittimi. Dan jista' jinkludi wkoll li l-attivitajiet jiġu mblokkati, jingħalqu l-mezzi li bihom is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jippermettu li jsir il-logħob tal-azzard illegali u, saħansitra, jiġi sekwestrat u jinqered kull element li jintuża biex issir din l-attività.

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Direttiva 2005/60/KE – ĠU L 309, 22.11.2005, p. 15

(2)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=REPORT&reference=A6-2009-0064&format=XML&language=EN

(3)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/intm/118398.pdf

(4)  C-212/08 deċiżjoni preliminari Zeturf, sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, paragrafu 39.

(5)  Placanica u Oħrajn, paragrafu 48; Liga Portuguesa u Oħrajn, paragrafu 59.

(6)  Green Paper SEC(2011) 321 finali, p. 6

(7)  C-212/08 Zeturf: deċiżjoni preliminari, sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, paragrafu 39

(8)  Ara l-aħħar paragrafu f'paġna 3 tal-Green Paper.

(9)  Uħud mill-Istati Membri jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, fil-Forum Ewropew tar-Regolaturi tal-Logħob tal-Azzard (Gaming Regulators European Forum) magħruf bħala “GREF”, http://www.gref.net/.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-punt li ġej tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata rċieva aktar minn kwart tal-voti iżda tħassar biex jirrifletti l-emenda adottata mill-assemblea (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 4.11

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet li attwalment qed jiddaħħlu fil-liċenzji u l-kontrolli nazzjonali mwettqa fi Stati Membri differenti bil-għan li jiżviluppa qafas komuni ta’ kundizzjonijiet li mbagħad ma jkollhomx għalfejn jiġu replikati kull darba li detentur ta’ liċenzja f'pajjiż tal-UE japplika għal liċenzja f'pajjiż ieħor, filwaqt li fl-istess ħin tkun żgurata l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ interess pubbliku hekk kif issemma fit-taqsima 2 hawn fuq.

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Favur

:

73

Kontra

:

46

Astensjonijiet

:

18


Top