Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1166

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu COM(2011) 224 finali – 2011/0091 (NLE)

    ĠU C 318, 29.10.2011, p. 139–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/139


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu”

    COM(2011) 224 finali – 2011/0091 (NLE)

    2011/C 318/23

    Relatur ġenerali: is-Sur MANOLIU

    Nhar is-16 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

    COM(2011) 224 finali – 2011/0091 (NLE).

    Nhar it-3 ta’ Mejju 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-473 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sur MANOLIU bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’131 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat japprova d-deċiżjoni dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu”. Fil-fatt, iqis li l-investimenti ġodda fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, li għandhom jiġu mill-modifiki proposti, ser jippermettu żieda fil-livell ta’ previdibbiltà meħtieġa għall-benefiċjarji permezz tal-possibbiltà ġdida li jiġi speċifikat il-finanzjament minimu għas-sejħiet għall-proposti.

    1.2   Bl-appoġġ tiegħu għal din il-proposta l-KESE jenfasizza l-importanza mogħtija lill-istrateġija proposta fil-qasam tal-investiment u tal-koordinazzjoni tar-riċerka fil-qafas tat-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    1.3   Il-Kumitat ifakkar (1) fil-bżonn li:

    1.3.1   jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex jittaffew l-effetti negattivi kkawżati mill-kumplessità amministrattiva tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp;

    1.3.2   jiġi stabbilit programm ta’ informazzjoni komplut li jikkontribwixxi għal użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa mhux biss mill-industrija iżda wkoll minn entitajiet oħra msieħba fl-attivitajiet;

    1.3.3   il-ftehim finanzjarju bejn il-Kummissjoni u l-impriża konġunta FCH JU jiġi applikat tajjeb, bl-istess kundizzjonijiet għall-grupp industrijali u għall-grupp xjentifiku;

    1.3.4   ma jkun hemm l-ebda żieda baġitarja fir-rigward tal-baġit adottat inizjalment għal dan ir-regolament tal-Kunsill, billi fl-aħħar mill-aħħar il-modifiki proposti għandhom itejbu l-possibbiltà li jintefaq il-baġit ippjanat;

    1.3.5   jitħejjew programmi ta’ taħriġ professjonali li jippermetti li l-kwalifiki tal-impjegati jiġu adattati għall-postijiet tax-xogħol maħluqa minn din l-inizjattiva teknoloġika konġunta (JTI);

    1.4   tiġi ddefinita strateġija ċara u jitfassal pjan direzzjonali li jwassal sal-2020.

    2.   Kuntest u informazzjoni ġenerali

    2.1   It-teknoloġiji bbażati fuq iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu (FCH) jirrappreżentaw soluzzjonijiet promettenti fuq perjodu twil għall-produzzjoni tal-enerġija. Fil-fatt jistgħu jintużaw fis-setturi kollha tal-ekonomija u għandhom għadd ta’ vantaġġi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-trasport, l-ambjent u l-użu intelliġenti tar-riżorsi.

    2.2   L-impriża konġunta taċ-Ċelloli u tal-Fjuwil u l-Idroġenu:

    2.2.1

    għandha l-għan li tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem fil-qasam tat-teknoloġiji bbażati fuq iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu u b’hekk li tippermetti lill-forzi tas-suq li joħolqu benefiċċji pubbliċi kbar;

    2.2.2

    tħeġġeġ b’mod ikkoordinat l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u demostrazzjoni (RTD&D) tal-Istati Membri sabiex tpatti għan-nuqqasijiet tas-suq u tikkonċentra fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet kummerċjali; l-impriża konġunta FCH JU, li ilha topera sentejn, temmet ċiklu operattiv komplut bil-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għall-proposti, il-valutazzjoni tal-proposti, in-negozjati dwar il-finanzjament u l-istabbiliment ta’ konvenzjonijiet ta’ sussidju (2);

    2.2.3

    tappoġġja l-applikazzjoni tal-prijoritajiet tal-JTIs fil-qasam tal-RDT&D dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu permezz tal-għoti ta’ sussidji b’riżultat ta’ sejħiet għall-proposti kompetittivi (il-kontribut tal-UE kien ta’ EUR 470 miljun);

    2.2.4

    għandha l-għan li tħeġġeġ estensjoni tal-investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka dwar it-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu.

    2.3   Il-kompiti u l-attivitajiet ewlenin tal-impriża konġunta FCH JU huma:

    2.3.1

    li tippermetti l-ħolqien u l-ġestjoni effikaċi tal-JTIs;

    2.3.2

    li tassigura li l-attivitajiet ta’ riċerka jiksbu massa kritika;

    2.3.3

    li tħeġġeġ investimenti industrijali ġodda, fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

    2.3.4

    li tiffavorixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur ġodda, inklużi l-SMEs;

    2.3.5

    li tiffaċilita l-interazzjoni bejn il-kumpaniji, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka bażika u applikata;

    2.3.6

    li tippromovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs, b’konformità mal-għanijiet tas-Seba’ Programm Kwadru;

    2.3.7

    li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi assoċjati;

    2.3.8

    li tmexxi attivitajiet ta’ riċerka bil-għan li tfassal regolamenti u standards ġodda, filwaqt li tiggarantixxi funzjonament tajjeb u mingħajr ma xxekkel l-innovazzjoni;

    2.3.9

    li tniedi attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ tixrid tal-informazzjoni u toffri informazzjoni affidabbli bil-għan li tqajjem kuxjenza fost il-pubbliku;

    2.3.10

    li tuża fondi Ewropej u tiġbed ir-riżorsi tas-settur privat;

    2.3.11

    li tassigura ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi;

    2.3.12

    li tiggarantixxi livell ta’ trasparenza u kompetizzjoni ġusta bejn il-kandidati kollha, b’mod partikolari l-SMEs.

    2.4   L-impriża konġunta FCH JU tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru, b’mod partikolari tat-temi li ġejjin fi ħdan il-programm xjentifiku “Kooperazzjoni”: “Enerġija”, “Nanoxjenzi, nanoteknoloġiji, materjali u teknoloġiji ta’ produzzjoni ġodda” u “Trasport (inkluża l-aeronawtika)”.

    3.   Proposta tal-Kummissjoni

    3.1   B’konformità mal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), is-Seba’ Programm Kwadru (FP 7 (3)) jistabbilixxi l-inizjattivi teknoloġiċi konġunti (JTIs) bħala mezz biex jinħolqu, fil-livell Ewropew, sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati fil-qasam tar-riċerka.

    3.2   Il-KESE (4) jenfasizza li l-JTIs jirriflettu l-impenn sod li ħadet l-UE biex tikkoordina l-attivitajiet ta’ riċerka sabiex issaħħaħ iż-Żona Ewropew tar-Riċerka u twettaq l-għanijiet Ewropej fil-qasam tal-kompetittività.

    3.3   Mill-bidu, il-parteċipazzjoni tal-industrija saret bil-kundizzjoni ta’ kontribut finanzjarju ta’ 50 % tal-ispejjeż ta’ tħaddim. Barra minn hekk, il-kontribut finanzjarju tagħha għall-ispejjeż operattivi kellu jkun mill-inqas daqs dak tal-Kummissjoni.

    3.4   Il-KESE jinnota b’dispjaċir li wara l-ewwel żewġ sejħiet għall-proposti tal-impriża konġunta FCH JU, il-limiti ta’ finanzjament kellhom jitnaqqsu sistematikament għall-parteċipanti kollha: għall-intrapriżi l-kbar, minn 50 % għal 33 % tal-kontribut tal-impriża komuni FCH JU; u għall-SMEs u l-korpi ta’ riċerka minn 75 % għal 50 %.

    3.5   Dawn il-livelli ta’ finanzjament huma ferm iktar baxxi minn dawk tal-FP 7 u iktar baxxi minn dawk tal-programmi ddedikati lill-R&D dwar iċ-ċellola tal-fjuwil u l-idroġenu barra mill-Ewropa.

    3.6   Minħabba r-rata baxxa ta’ finanzjament u l-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livell ta’ parteċipazzjoni attwali fl-azzjonijiet tal-impriża konġunta FCH JU ma jilħaqx it-tbassir inizjali.

    3.7   Jekk kollox jibqa’ kif inhu, wieħed irid ilesti ruħu għal nuqqas ta’ interess ġeneralizzat u li kapaċi jkompli fiż-żmien, kemm tal-industrija kif ukoll tas-settur tar-riċerka.

    3.8   Ir-regolament attwali ma jqisx li l-kontributi għall-proġetti minn sorsi pubbliċi nazzjonali u reġjonali huma mħeġġa jekk mhux mistennija f’ħafna każijiet.

    3.9   It-test il-ġdid jistipula li l-ekwivalenza mal-fondi tal-UE għandha tippermetti li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kontribut tal-industrija stess iżda wkoll dak mogħti mill-entitajiet legali l-oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet.

    3.10   Sabiex il-previdibbiltà neċessarja tittejjeb għall-benefiċjarji, issa huwa possibbli li jiġi ddefinit il-livell minimu ta’ finanzjament għal sejħa speċifika.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   L-impriża komuni FCH JU nħolqot fl-2008 bħala l-ewwel eżempju ta’ għodda ta’ sħubija pubblika-privata fil-qafas tal-pjan SET, pilastru teknoloġiku tal-politika Ewropea tal-enerġija u l-klima. L-impriża FCH JU għandha l-għan li tgħaġġel il-pass ta’ żvilupp tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu fil-qafas tal-politika tal-enerġija għad-deċennju 2010-2020. Is-36 qasam iddefiniti mis-sejħiet għall-proposti jixtiequ jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet kummerċjali innovattivi fil-qafas tal-ħames setturi ta’ applikazzjoni:

    4.1.1

    infrastrutturi tat-trasport u tal-provvista;

    4.1.2

    produzzjoni u distribuzzjoni tal-idroġenu;

    4.1.3

    produzzjoni lokali tal-enerġija elettrika;

    4.1.4

    materjal li jista’ jinġarr;

    4.1.5

    diversi applikazzjonijiet pluridixxiplinari.

    4.2   L-għan ġenerali tal-azzjoni komuni għall-ħames snin li ġejjin jikkonsisti mill-aċċelerazzjoni tal-finalizzazzjoni taċ-ċelloli ta’ fjuwil u idroġenu sabiex dawn it-teknoloġiji jilħqu l-fażi kummerċjali fil-qafas tas-swieq speċifiċi l-ġodda (materjal li jinġarr, ġeneraturi li jinġarru, applikazzjonijiet domestiċi tal-enerġija elettrika u tas-sħana, applikazzjonijiet fil-qasam tat-trasport).

    4.3   L-impriża konġunta FCH JU u l-inizjattivi teknoloġiċi konġunti għandhom l-għan li jiddefinixxu u japplikaw is-setturi marbutin tar-riċerka u l-iżvilupp fuq il-bażi tar-riżultati u li jxerrdu fuq skala kbira r-riżultati ta’ dawn iż-żewġ teknoloġiji. L-attivitajiet huma bbażati fuq id-dokumenti strateġiċi ddefiniti fil-programmi mmexxija mill-industrija fil-qafas tal-pjattaforma teknoloġika Ewropea idroġenu u ċelloli tal-fjuwil (HFP) b’mod partikolari l-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha.

    4.4   Ir-raggruppament Ewropew għal impriża konġunta FCH JU, “New Energy World Industrial Grouping Fuel Cell and Hydrogen for Sustainability (NEW-IG)” (5), jikkostitwixxi għaqda mingħajr skop ta’ qligħ taħt il-liġi Belġjana, miftuħa għall-kumpaniji Ewropej kollha li għandhom attività ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam taċ-ċelloli ta’ fjuwil u idroġenu. Dan ir-raggruppament huwa wkoll miftuħ għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati; għandu baġit annwali ta’ madwar biljun euro, li jista’ jiġi investit sal-2013.

    4.5   Ir-raggruppament itenni b’mod ċar l-impenn tiegħu biex jimplimenta teknoloġija modulari li ġġib vantaġġi ekonomiċi filwaqt li tirrispetta l-ambjent f’diversi setturi ta’ attività: trasport, produzzjoni tal-enerġija, tagħmir industrijali u ta’ użu domestiku.

    4.6   Dawn il-perspettivi ambizzjużi jifformaw parti mill-qafas tal-għanijiet Ewropej għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, sigurtà ikbar tal-provvista tal-enerġija, tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, kontributi għat-teknoloġiji ħodor il-ġodda, applikazzjoni sostenibbli tal-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta’ impjiegi.

    Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p.19.

    (2)  Jeżistu erba’ intrapriżi komuni oħrajn: CLEAN SKY, IMI, ARTEMIS u ENIAC.

    (3)  ĠU L 412, 30.12.2006.

    (4)  ĠU C 204, 9.8.2008, p.19.

    (5)  European Industry Grouping for a Fuel Cell and Hydrogen Joint Undertaking.


    Top