Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1163

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Green paper – Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE COM(2011) 48 finali

    ĠU C 318, 29.10.2011, p. 121–126 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/121


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green paper – Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE”

    COM(2011) 48 finali

    2011/C 318/20

    Relatur: is-Sur Gerd WOLF

    Korelatur: is-Sur Erik SVENSSON

    Nhar id-9 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Green paper – Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE

    COM(2011) 48 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

    Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’122 vot favur u 5 astensjonijiet.

    1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni u l-objettivi fformulati fih, u filwaqt li jikkonferma opinjonijiet preċedenti dwar is-suġġett, u jirriferi għar-rapport tal-grupp ta’ esperti dwar l-evalwazzjoni interim tas-Seba’ Programm Qafas, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea għandha, b’mod partikolari:

    1.1.1

    tiżviluppa strateġija integrata għar-riċerka u l-innovazzjoni, u tieħu miżuri strutturali addizzjonali fi ħdan il-Kumissjoni u l-korpi konsultattivi li jappoġġjawha, filwaqt li tippreżerva l-identità individwali u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol speċifiċi tagħhom;

    1.1.2

    fl-aħħar tistabbilixxi l-baġit futur għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq livell fi ħdan il-baġit globali tal-UE li tabilħaqq jirrifletti l-importanza ddikjarata u r-rwol kruċjali tagħhom fl-istrateġija Ewropa 2020 u l-effett ta’ lieva li jeżerċitaw fl-istimular u l-intergrazzjoni tal-politiki ta’ appoġġ meħtieġa tal-Istati Membri;

    1.1.3

    tissemplifika l-proċeduri amministrattivi meħtieġa, tapplika iktar flessibilità u ħeffa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u tadatta l-għarfien espert u l-mandat tal-uffiċjali tal-Kummissjoni skont il-ħtieġa;

    1.1.4

    tikkonċentra fuq il-ħidmiet transnazzjonali – bħar-riċerka kollaborattiva b’mod partikolari – li jipprovdu valur miżjud Ewropew permezz tat-tqassim tar-riżorsi u l-għarfien espert tagħhom fil-livell transkonfinali;

    1.1.5

    tassigura li fondi strutturali jiġu mmirati lejn reġjuni li s’issa ma ġewx rappreżentati ħafna sabiex tinbena l-bażi ta’ eċċellenza u l-istrutturi li huma meħtieġa, u biex jitjiebu l-konnessjonijiet bejn il-Fondi Strutturali u l-Programm Qafas;

    1.1.6

    tappoġġja l-iżvilupp ta’ “teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet”, li mingħajrhom l-isfida tal-kompetizzjoni globali ma tistax tiġi ffaċċjata u lanqas indirizzati b’suċċess t-temi soċjetali ewlenin;

    1.1.7

    talloka 20 % tal-baġit totali tat-Tmien Programm Qafas għal dik il-parti tal-programmi li hija regolata mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka;

    1.1.8

    tappoġġja l-kostruzzjoni u ż-żamma ta’ infrastrutturi kbar tar-riċerka u l-iżvilupp (il-lista ESFRI);

    1.1.9

    tappoġġja innovazzjonijiet fl-ambitu sħiħ tagħhom, inklużi innovazzjonijiet soċjali, fil-post tax-xogħol u fl-“industrija kreattiva”;

    1.1.10

    ittejjeb ir-regoli dwar l-appoġġ għall-SMEs u l-mikrointrapriżi sabiex ikollhom aċċess u parteċipazzjoni iżjed faċli fil-programmi ta’ appoġġ u l-istrumenti tagħhom;

    1.1.11

    tistabbilixxi u tiżvilupp qafas ta’ kapital riskjuż, b’aċċess faċli partikolarment għall-SMEs, u għal dan il-għan testendi u tadatta l-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju (Risk-Sharing Finance Facility – RSFF);

    1.1.12

    tikkunsidra mill-ġdid ir-rwol tal-liġijiet dwar l-għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku u l-kompetizzjoni, fid-dawl tal-effett tagħhom fuq il-proċess sħiħ tal-innovazzjoni, it-twaqqif ta’ għarfien espert speċjalizzat u fuq l-isħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat;

    1.2   Barra minn hekk, il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex jissodisfaw il-parti essenzjali tagħhom tal-istrateġija Ewropa 2020 – anke fi żmien ta’ tnaqqis baġitarju – billi jinvestu iktar fl-edukazzjoni (b’mod speċjali l-universitajiet), ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u fl-aħħar nett billi jilħqu jew preferibbilment jaqbżu l-objettiv famuż ta’ 3 % għar-riċerka u l-iżvilupp, li jmur lura għall-Istrateġija ta’ Lisbona.

    2.   L-essenza tal-Komunikazzjoni

    2.1   L-għan tal-Green Paper huwa li tiġi stimolata diskussjoni pubblika dwar il-punti ewlenin li se jaqdu rwol fil-programmi ta’ finanzjament futuri tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp.

    2.2   Il-Kummissjoni tipproponi li jsiru sforzi sabiex isir titjib f’dawn l-oqsma msemmija hawn taħt:

    Jiġu ċċarati l-objettivi u kif inhuma implimentati;

    Titnaqqas il-kumplessità;

    Jiżdiedu l-valur miżjud u l-effett ta’ lieva u jiġu evitati d-dupplikazzjoni u l-fragmentazzjoni;

    Tiġi ssemplifikata l-parteċipazzjoni;

    Titwessa’ l-parteċipazzjoni fi programmi tal-UE – aktar aċċessibilità;

    Jiżdied l-impatt fuq il-kompetittività u soċjetali tal-appoġġ tal-UE.

    2.3   Il-Kummissjoni tixtieq tiżviluppa strateġija komuni li tkopri l-finanzjament kollu rilevanti tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni li bħalissa huwa pprovdut permezz tas-Seba’ Programm Qafas u l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) kif ukoll inizjattivi għall-innovazzjoni tal-UE bħall-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT).

    2.4   Il-Green Paper jipproponi 27 mistoqsija speċifika, li jittrattaw l-oqsma tematiċi li ġejjin:

    Naħdmu flimkien sabiex nilħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020;

    L-indirizzar tal-isfidi imposti mis-soċjetà;

    It-tisħiħ tal-kompetittività;

    It-tisħiħ tal-bażi xjentifika Ewropea u ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka.

    2.5   Il-finanzjament attwali ta’ dawk il-komponenti ta’ programmi fil-perjodu ta’ programmar attwali (2007-2013) jinkludu:

    Is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku: EUR 53,3 biljun;

    CIP – Il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni: EUR 3,6 biljun;

    EIT – L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija: EUR 309 miljun;

    Il-politika tal-koeżjoni: madwar EUR 86 biljun (kważi 25 % tal-baġit totali tal-Fondi Strutturali).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2010 u tal-4 ta’ Frar 2011, u l-opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat imsemmija hawn taħt, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja ’l-Green Paper ippubblikat mill-Kummissjoni u l-intenzjoni li l-firxa sħiħa ta’ strumenti tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jaħdmu flimkien f’Qafas Strateġiku Komuni. Programm ta’ appoġġ tal-UE b’saħħtu ħafna u effettiv li jilħaq dawn l-objettivi huwa prerekwiżit kruċjali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea, jitħarsu l-prosperità u l-kisbiet soċjali tagħha, u jiġu indirizzati b’suċċess l-isfidi soċjetli l-kbar;

    3.2   Madankollu, dan ifisser fuq kollox li proporzjon suffiċjenti u adatt tal-baġit futur totali tal-UE għandu jiġi allokat għal dawn l-għanijiet prijoritarji. Il-baġit futur li se jkun ta’ sostenn għar-riċerka u l-innovazzjoni jrid jiġi stabbilt fuq livell fi ħdan il-baġit globali tal-UE li tabilħaqq jirrifletti l-importanza ddikjarata u l-piż tagħhom fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020, u l-effett ta’ lieva li huma jeżerċitaw fl-istimular u l-integrazzjoni tal-politiki ta’ appoġġ meħtieġa tal-Istati Membri;

    3.3   It-titolu tal-opinjoni esploratorja tal-Kumitat “L-użu u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-Ewropa fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni)” (1), adottata lura fl-2007, kien diġa ddefinixxa d-dmir ewlieni tal-istrateġija 2020. Huwa għal dan il-għan preċiż li trid tiġi mfassla strateġija komuni għall-finanzjament mill-UE tar-riċerka u l-innovazzjoni;

    3.4   Madankollu, dan m’għandux ifisser li dawn iż-żewġ kategoriji jitħalltu jew li waħda minnhom tkun subordinata għall-oħra; minflok, ifisser li għandu jiġi żgurat li, bis-saħħa ta’ strateġija komuni, ir-riċerka u l-innovazzjoni jappoġġjaw lil xulxin b’mod reċiproku u jinfluwenzaw u jikkontribwixxu għal xulxin bl-iktar mod effettiv possibbli;

    3.5   Għaldaqstant, u skont din il-premessa, il-Kumitat jappoġġja wkoll l-għanijiet imsemmija fil-punt 2.5.

    3.6   Fis-snin reċenti, il-Kumitat ħareġ bosta opinjonijiet importanti dwar dawn l-għanijiet u l-kwistjonijiet kumplessi u proposti relatati magħhom. Dawn jinkludu:

    Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda (2);

    Il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni (3);

    Qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERIC) (4);

    Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: Naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv (5);

    Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija (6);

    Inħarrku l-fruntieri fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – strateġija għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa (7);

    Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel (8);

    L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju (SET-Plan) (9);

    L-iżvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE (10);

    Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka (11);

    Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni (12);

    Postijiet tax-xogħol innovattivi bħala sorsi ta’ produttività u ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba (13);

    Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni (14).

    Dawn l-opinjonijiet kienu diġà ressqu rakkomandazzjonijiet konkreti fir-rigward ta’ ħafna mill-għanijiet u mistoqsijiet inklużi fil-Green Paper. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirriferi b’mod espliċitu għal dawn l-opinjonijiet preċedenti, u jafferma mill-ġdida il-kontenut tagħhom u jitlob biex jiġu kkunsidrati bħala parti minn din l-opinjoni. B’referenza wkoll għar-rapport tal-grupp ta’ esperti dwar l-evalwazzjoni interim tas-Seba’ Programm Qafas (15), hawnhekk se jiġu ppreżentati xi kummenti li jtennu jew jikkumplementaw l-istqarrijiet li saru f’dawk l-opinjonijiet preċedenti;

    3.7   Il-lista ta’ mistoqsijiet inklużi fil-Green Paper u diskussi fil-kapitolu 4 jagħtu ta’ din l-opinjoni jagħtu l-impressjoni li l-Kummissjoni għandha f’moħħha bidliet radikali fl-arranġamenti ta’ finanzjament u fit-twaqqif tal-prijoritajiet kif inhuma attwalment. Il-Kumitat jirriferi għall-opinjoni tiegħu dwar “Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka” u jenfasizza b’mod qawwi r-rakkomandazzjoni tiegħu ta’ qabel li l-kontinwità u l-istabbilità meħtieġa ħafna tal-istrumenti ta’ finanzjament attwali tal-UE li kellhom suċċess (enfasi b’mod partikolari fuq ir-riċerka kollaborattiva) essenzjalment għandhom jinżammu (16) u msaħħa, u mhux jiddgħajfu b’tibdil eċċessiv;

    3.7.1   Minflok, il-Qafas Strateġiku Komuni għandu jiġi stabbilit primarjament permezz ta’ miżuri strutturali addizzjonali fi ħdan il-Kummissjoni u l-korpi konsultattivi li jappoġġjawha. Bħala wieħed mill-modi kif dan jista’ jsir, miżuri taħt il-programm qafas attwali għar-riċerka, il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT) għandhom jingħaqdu flimkien fuq livell ta’ programmi u amministrazzjoni;

    3.7.2   Kif enfasizza kemm-il darba l-Kumitat, dan jesiġi wkoll li l-uffiċjali tal-Kummissjoni, u anke l-atturi fl-aġenziji li jaħdmu għall-Kummissjoni, u li huma responsabbli għal kull wieħed mill-programmi, ikunu esperti rikonoxxuti fil-kamp internazzjonali fil-qasam rilevanti fuq il-bażi tal-kisbiet tagħhom stess, u jkollhom biżżejjed spazju biex jimmanuvraw meta jittieħdu deċiżjonijiet u biex jaħtfu opportunitajiet għal inizjattiva li jippermettulhom jużaw l-għarfien espert u l-ġudizzju tagħhom sabiex din l-istrateġija komuni tkun ta’ suċċess (17). Dan il-għan ma jistax jintlaħaq – u ċertament mhux esklużivament – permezz ta’ regoli dojoq u mhux flessibbli (18), iżda permezz ta’ sistemi stabbli iżda flessibbli kkombinati mal-għarfien espert u l-esperjenza;

    3.7.3   Il-Kumitat enfasizza ripetutament l-importanza kruċjali tal-innovazzjoni għall-istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, itenni wkoll li l-innovazzjonijiet mhumiex neċessarjament ir-riżultat ta’ sekwenza lineari, jiġifieri, l-ewwel ir-riċerka, umbagħad l-innovazzjoni, iżda jinħolqu permezz ta’ proċess kumpless ta’ netwerking u interazzjoni ta’ bosta pożizzjonijiet inijzali (19), u jinvolvu wkoll aspetti soċjali u soċjetali. Dan huwa minnu speċjlament għal innovazzjonijiet fis-servizzi li ta’ sikwit jinħolqu minħabba l-ħtiġijiet ġodda tal-klijenti, u intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jwieġbu għal bżonnijiet soċjetali. Huwa minnu wkoll ngħidu aħna fil-każ ta’ innovazzjonijiet fil-post tax-xogħol (20), żviluppati jew negozati bejn l-imsieħba soċjali, iżda bl-istess mod għal innovazzjonijiet fil-qasam tad-“design” u tal-kreattività. L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) hija eżempju ieħor ta’ qasam importanti għall-innovazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi pubbliċi u kummerċjali fejn qed isir ħsieb dwar l-aċċessibilità ta’ prodotti u servizzi sabiex persuni b’diżabilitajiet ikunu jistgħu jiġu integrati bis-sħiħ fis-soċjetà Ewropea;

    3.7.4   Il-Kumitat jirrimarka wkoll li r-riċerka u x-xjenza huma elementi kulturali ewlenin li jikkaratterizzaw il-mod kif l-Ewropa żviluppat wara l-perjodu tal-“Enlightenment”. Filwaqt li huma prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni, iridu jiġu wkoll rikonoxxuti, ippreżervati u appoġġjati bħala kategorija fiha nnifisha taċ-ċivilizzazzjoni u l-kultura Ewropea. L-innovazzjoni m’għandhiex tkun sinonima mar-riċerka, u lanqas bil-kontra (21). Jekk dan isir, iwassal għat-tfaqqir tal-valuri fundamentali Ewropej;

    3.7.5   Differenza ewlenija bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni hija li jeżistu “regoli bażiċi” differenti applikabbli għall-partijiet interessati u l-ambjenti ta’ xogħol (“kulturi”) fix-xjenza u r-riċerka minn naħa, u l-innovazzjoni min-naħa l-oħra. Dwar dan is-suġġett nagħmlu referenza għall-opinjoni dwar “Il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni”, li tiddiskuti l-aspetti varji (22). Għalhekk, jenħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet fil-Qafas Strateġiku Komuni li jirripettaw dawn id-differenzi, jirriflettuhom u fl-istess waqt jagħmlu possibbli li jiġi appoġġjat il-proċess sħiħ tal-innovazzjoni;

    3.7.6   Huwa għal din ir-raġuni preċiża li huma ta’ importanza partikolari u jeħtieġu appoġġ il-kuntatti tajbin u t-tqassim tal-persunal u l-għarfien espert bejn iż-żewġ kategoriji. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tiegħu dwar l-Evalwazzjoni Interim (23), fejn jiddiskuti it-tliet pilastri ta’ finanzjament proposti, jiġifieri: Xjenza għall-għarfien – ir-riċerkaturi jistipolaw l-aġenda; Xjenza għall-kompetittività – l-industrija tistipola l-aġenda; u Xjenza għas-soċjetà – l-atturi tas-soċjetà ċivili jistipolaw l-aġenda;

    3.8   B’referenza għall-kummenti preċedenti tiegħu dwar l-istqarrijiet ripetuti u li jiġġeneralizzaw wisq tal-Kummissjoni dwar il-fragmentazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp Ewropew, il-Kumitat jikkonċedi l-fatt li jista’ jkun li jeżistu eżempji ta’ din il-fragmentazzjoni, iżda dawn ma jirriflettux is-sitwazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, il-Kumitat itenni (24) li ilhom jeżistu rabtiet u netwerks ta’ kooperazzjoni kemm Ewropej kif ukoll dinjija li l-fruntieri tagħhom fir-relazzjoni bejn il-kooperazzjoni u l-kompetizzjoni jiġu adattati u definiti mill-ġdid kontinwament. Dawn huma proċessi importanti ta’ organizzazzjoni awtonoma mill-partijiet interessati rispettivi u l-organizzazzjonijiet tagħhom, li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi minflok tinjora, speċjalment billi l-Programmi Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp (b’mod partikolari r-riċerka kollaborattiva) taw kontribut sinifikanti għal dawn il-kisbiet;

    3.9   Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li tingħata iktar attenzjoni u tiġi appoġġjata iktar il-formazzjoni ta’ raggruppamenti Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ livell dinji. Dawn jirrappreżentaw netwerk attraenti li jikber b’mod awtonomu ta’ universitajiet, istituti tar-riċerka u intrapriżi, u jinkludi r-rabta produttiva bejn il-kumpaniji speċjalizzati nfushom li twaqqfu hemmhekk. F’dan ir-rigward, il-Kumitat għal darb’ oħra jenfasizza l-bżonn li jinħolqu aktar universitajiet ta’ livell dinji fl-UE u jappella b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni iktar deċiżiva dwar dan;

    3.10   Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu – indirizzata b’mod partikolari lill-Istati Membri – biex jiffaċilitaw l-istart-ups, itejbu l-kapaċità tagħhom biex jirreżistu u l-opportunitajiet tas-suq tagħhom, u joħolqu l-ambjent meħtieġ għal dan (ara wkoll il-punt 4.7.1. Inqas burokrazija u kapital tar-riskju adegwat jagħmlu d-differenza kollha hawnhekk. Filwaqt li l-ħolqien tal-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju – stabbilita b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment – kien bidu tajjeb fil-livell tal-UE, għad hemm bżonn ta’ titjib kbir fl-aċċess għal kapital tar-riskju suffiċjenti, b’mod speċjali għall-SMEs.

    4.   Kummenti speċifiċi

    Dan il-kapitolu jittratta wħud mis-27 mistoqsija tal-Kummissjoni. Mhumiex ripetuti hawnhekk, iżda huma indirizzati b’mod impliċitu hawn taħt.

    4.1   L-utenti ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE jeħtieġu werrej ċar u strutturat tajjeb kif ukoll ktieb ta’ istruzzjonijiet komprensiv, kemm stampat kif ukoll onlajn. Barra minn hekk, għall-fini ta’ kontinwità massima, għandu jiġi żgurat bilanċ adatt bejn minn naħa l-istrumenti li diġà jeżistu u li ġew provati li jaħdmu u li kellhom suċċess u l-prinċipji li fuqhom huma msejsa, u min-naħa l-oħra l-approċċi ġodda neċessarji.

    4.2   Il-bilanċ bejn sensiela uniformi ta’ regoli u l-bżonn ta’ flessibilità, inkluża l-konsiderazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi, jirrikjedi, flimkien mal-armonizzazzjoni tar-regoli, l-għarfien sħiħ tal-proċeduri nazzjonali fil-qafas strateġiku komuni għar-riċerka u l-innovazzjoni. Fir-rigward ta’ prattiki tax-xogħol fi ħdan il-Kummissjoni, il-Kumitat jirriferi għall-punt 3.7.2; tul perjodu meta jiksbu l-esperjenza b’approċċi oriġinali, l-uffiċjali għandhom jingħataw biżżejjed spazju biex jimmanuvraw sabiex ikunu kapaċi jużaw l-eċċezzjonijiet/regolamenti speċjali/derogi (24) li għad iridu jiġu definiti, billi l-ewwel trid tinkiseb l-esperjenza f’dan il-qasam (25). Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-Opinjoni tiegħu dwar is-Semplifikazzjoni (26), fejn jirrakkomanda li jiġi segwit approċċ imsejjes fuq il-fiduċja u tiġi ttollerata marġni ta’ żball ikbar;

    4.3   Fid-dawl tal-finanzjament nazzjonali u reġjonali meħtieġ mill-Istati Membri għar-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-programmi ta’ riforma rilevanti tagħhom, il-finanzjament tal-UE għandu jikkonċentra fuq il-kooperazzjoni transnazzjonali, b’mod speċjali r-riċerka kollaborattiva. Jekk jiġu magħquda flimkien l-għarfien espert u r-riżorsi ta’ Stati Membri differenti, ir-riċerka kollaborattiva ġġib magħha valur miżjud Ewropew ċar, tipprovdi effett ta’ lieva għall-politiki ta’ appoġġ tal-Istati Membri u tippromovi l-integrazzjoni Ewropea;

    4.4   Billi l-eċċellenza trid tibqa’ l-prinċipju ta’ gwida għar-riċerka u l-iżvilupp, anke fi ħdan l-istrateġija 2020, il-fondi strutturali jridu jkunu mmirati iżjed lejn reġjuni li s’issa ftit ġew rappreżentati, sabiex tinbena l-bażi ta’ eċċellenza tagħhom u l-istrutturi li huma meħtieġa urġentement minnhom. Huwa għalhekk li l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-istqarrija tal-Kummissjoni fil-Green Paper, li tgħid hekk: “Fl-aħħar nett, eċċellenza ta’ livell dinji jista’ biss ikollha suċċess f’sistema li fiha r-riċerkaturi madwar l-UE kollha huma pprovduti bil-mezzi biex jiżviluppaw u jersqu lejn l-eċċellenza u eventwalment ikunu jistgħu jikkompetu biex jilħqu l-quċċata. Dan jitlob li l-Istati Membri jsegwu aġendi ambizzjużi tal-immodernizzar għal bażi ta’ riċerka pubblika tagħhom u jsostnu wkoll il-finanzjament pubbliku. Il-finanzjament tal-UE, ukoll permezz tal-Fondi għall-politika ta’ Koeżjoni, għandhom jgħinu sabiex jinbena livell ta’ eċċellenza fejn u kif xieraq”;

    4.5   Sabiex jinkisbu sinerġiji mal-Fondi Strutturali u koordinazzjoni ottimali mal-politika ta’ appoġġ tal-Istati Membri huwa kruċjali li jkun hemm rabtiet effettivi (27) bejn il-qafas strateġiku komuni futur għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-qafas strateġiku komuni futur għall-koeżjoni (mistoqsija 8). “Speċjalizzazzjoni intelliġenti” għandha tkun il-prinċipju ta’ gwida għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali;

    4.6   Sabiex jiġi appoġġjat iċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni b’mod iktar effettivi, il-Kumitat jappella biex ir- regoli dwar l-għajnuna mill-stat, l-akkwist u l-kompetizzjoni, li jistgħu jkunu ostaklu (28) għal dan il-għan, jiġu riveduti bis-sħiħ f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti (ara l-mistoqsija 19). Il-kawża ta’ dan hija l-bilanċ u/jew kunflitt possibbli bejn il-liġi tal-kompetizzjoni u l-promozzjoni tal-innovazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-liġijiet tal-kompetizzjoni, tal-għajnuna mill-istat, u tal-akkwist pubbliku m’għandhomx jitfasslu u jiġu implimentati b’mod li jsiru ostaklu għall-innovazzjoni; jista’ jkun ukoll li hemm bżonn ta’ riformi. Xi kultant l-innovazzjonijiet jeħtieġu wkoll li jiġu mħarsa sabiex ma jiġux akkwistati minn kompetituri li jixtiequ jwaqqfu l-proċess tal-innovazzjoni;

    4.6.1   Il-proċess tal-innovazzjoni mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku sal-kummerċjalizzazzjoni, jesiġi, fejn applikabbli, sħubijiet fit-tul u stabbiliti, li diffiċli li jintlaħqu taħt ir-regoli attwali (pereżempju l-iżvelar, il-proprjetà intellettwali, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat u l-akkwist pubbliku) (mistoqsija 20). Approċċi u regoli ġodda jridu jinstabu f’dan il-qasam sabiex jissolva l-konflitt possibbli bejn “iktar innovazzjoni” u “iktar pubbliċità u kompetizzjoni iżjed ġusta”. Billi r-riċerka fl-avangwardja jew ir-riċerka fundamentali ġeneralment ma jintlaqatux minn dan il-konflitt ta’ interess, proporzjon suffiċjent ta’ dan it-tip ta’ riċerka jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dan il-għan (ara wkoll il-punt 4.7.3);

    4.7   Mistoqsija oħra importanti mqajma mill-Kummissjoni tolqot it-tema tad-distribuzzjoni ta’ finanzjament bejn:

    l-SMEs, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u korporazzjonijiet u intrapriżi kbar;

    ir-riċerka fundamentali u r-riċerka mmirata lejn objettivi soċjetali;

    ir-riċerka u l-proċess ta’ innovazzjoni ulterjuri;

    innovazzjonijiet tekniċi, ta’ servizzi, soċjetali u tan-negozju;

    approċċ impost minn fuq u wieħed impost minn isfel (top-down u bottom-up).

    Billi ma saru l-ebda kummenti dwar dan s’issa f’din l-opinjoni, il-Kumitat jixtieq jagħmel dawn is-suġġerimenti:

    4.7.1   Għal ħafna raġunijiet differenti, l-SMEs – u b’mod speċjali l-intrapriżi ta’ daqs iżgħar – jeħtieġu li tingħatilhom attenzjoni speċjali meta jitfasslu l-oqsma tematiċi li se jiġu ffinanzjati u l-istrumenti li se jiġu użati (29).

    L-SMEs għandu jkollhom il-possibilità li jissieħbu fi programmi għal perjodu li huwa adatt għall-kumpanija (bħal fl-azzjonijiet FET attwali);

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali u jiġu stabbiliti kundizzjonijit ta’ dħul inqas stretti għall-kumpaniji għadhom jibdew u kumpaniji mikro (inqas minn 10 impjegati) b’potenzjal kbira ta’ innovazzjoni;

    Fondi għandhom jintużaw sabiex jissaħħu l-proċessi tal-innovazzjoni (dan il-punt huwa importanti b’mod speċjali għall-intraprendituri);

    Enfasi iktar fuq l-innovazzjonijiet fis-servizzi;

    Ser ikun hemm bżonn ta’ moderaturi/faċilitaturi u aċċess iktar faċli sabiex il-kumpaniji iżgħar ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi ta’ innovazzjoni – l-Enterprise Europe Network jista’ jaqdi rwol importanti f’dan il-kuntest;

    Intrapriżi tal-ekonomija soċjali jridu jiġu inklużi meta jitfasslu l-mudelli ta’ finanzjament.

    4.7.2   L-innovazzjonijiet il-kbar li wasslu fundamentalment għal għarfien ġdid – u għall-innovazzjonijiet moderni li jirriżultaw minnhom bħall-internet, il-GPS, l-MRI, il-laser, il-kompjuters, in-nanoteknoloġija u oħrajn – kienu r-riżultat ta’ riċerka fundamentali u r-riċerka applikata li ġiet wara. Ir-riċerka bażika u r-riċerka applikata huma l-ħammiela essenzjali għal innovazzjoni futura (30). Il-Kumitat indirizza wkoll il-kwistjoni dwar kif dawn il-“ħmiemel” jistgħu jagħmlu kuntatt mal-organizzazzjonijiet li jistgħu jsostnu u jiżviluppaw l-innovazzjonijiet (31);

    4.7.3   Huwa għalhekk li l-Kumitat jirrakkomanda li l-miżuri appoġġjati mill-Kunsill Ewropew tar-Riċeka jissaħħu fit-tmien programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp biex jilħqu proporzjon ta’ mill-inqas 20 % tal-appoġġ totali li jingħata piż adegwat lill-kwistjonijiet fundamentali fil-partijiet l-oħra tal-programm. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka ta prova tal-ħila tiegħu fl-appoġġ ta’ ideat ġodda u riċerka tal-ogħla livell. Fil-proċeduri futuri tiegħu, għandu jagħti iżjed attenzjoni lill-karrieri ta’ riċerkaturi żgħażagħ sabiex jibqgħu fi ħdan ir-riċerka Ewropea jew jerġgħu jinġibdu lura lejha;

    4.7.4   Ir-riċerka kollaborattiva – bħala l-qalba tal-programm ta’ Kooperazzjoni attwali (32) – hija l-pilastru ewlieni tas-Seba’ programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp attwali (u l-predeċessuri tiegħu) u għandha prestazzjonijiet eċċellenti. Hija l-istrument ewlieni ta’ finanzjament li jlaqqa’ l-attivitajiet tar-riċerka fl-Istati Membri u biex tiġi evitata l-fragmentazzjoni. L-importanza tagħha fil-qafas strateġiku komuni tal-ġejjieni għandha għalhekk tinżamm u tissaħħaħ mill-iktar fis (33). Dan huwa minnu terġa’ billi hija r-riċerka kollaborattiva b’mod partikolari li hija mmirata lejn soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali l-kbar (mistoqsijiet 9 u 11). Tikkontribwixxi wkoll b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ewlenin li huma kruċjali għall-kompetittività globali Ewropea;

    4.7.5   Kollox ma’ kollox, l-appoġġ għal proġetti li jibdew minn isfel (bottom-up) (ara wkoll il-punt 4.7.10) għandu jingħata rwol ikbar (mistoqsijiet 9 u 10) sabiex jinħoloq iżjed spazju għal ideat innovattivi li mhumiex previsti fil-lista tematika, jew pereżempju, li mhumiex qed jiġu żviluppati mill-industriji li diġà jeżistu (ara wkoll il-punt 3.7.6 – l-industrija tistabbilixxi l-aġenda): wara kollox, ma kinitx l-industrija tal-bini tal-vapuri li vvintat l-ajruplan.

    4.7.6   Fil-waqt li approċċi minn fuq għal isfel (top-down) jirriżultaw minn perspettiva strateġika ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet skont l-għarfien attwali tagħhom, approċċi minn isfel għal fuq jużaw il-potenzjal kreattiv ta’ xjentisti, inġiniera u partijiet interssati oħra b’mod dirett fuq l-oġġetti li se jiġu investigati jew imtejba. Anke fejn jidħlu bidliet soċjetali ewlenin, għandha ssir iżjed enfasi fuq ideat u proposti ħerġin minn komunità tal-għarfien wiesgħa minflok biss fuq direttivi ġejjin minn fuq. “… il-politika tal-innovazzjoni għandha tiġi mmirata lejn innovazzjonijiet organizzattivi u dawk li jitmexxew mill-impjegati fil-post tax-xogħol …” (34);

    4.7.7   Kwalunkwe diskussjoni dwar il-bilanċ meħtieġ bejn approċċ minn isfel għal fuq u wieħed minn fuq għal isfel l-ewwel nett jirrikjedi iktar divrenzjar: anke f’oqsma tematiċi speċifiċi (pereżempju teknoloġiji ewlenin jew sfidi soċjetali kbar), huwa meħtieġ proporzjon suffiċjenti ta’ proċessi minn isfel għal fuq sabiex ikun hemm biżżejjed skop għal ideat ġodda għal soluzzjonijiet li ma ġewx proposti minn fuq għal isfel. Lil hinn minn dan, madanakollu, għandhom jiġu provduti opportunitajiet għal approċċi kompletament ġodda għal kwistjonijiet u problemi li setgħu ma ġewx identifikati immedjatament. Filwaqt li proċessi bħal dawn diġà jistgħu jintużaw fil-prattika fil-programm “Ideas”, għandhom ukoll jingħataw skop ferm iktar wiesa’ fir-riċerka kollaborattiva, kif qed isir bħalissa b’suċċess fil-programm ta’ Teknoloġiji Ġodda u tal-Ġejjieni fil-qasam tal-ICT, pereżempju. Biex dan isir, jeħtieġ li jkun hemm iżjed flessibilità u libertà għall-uffiċjali kkonċernati.

    4.7.8   Fir-rigward tal-infrastruttura Ewropea tar-riċerka u l-iżvilupp (il-lista ESFRI), il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu (35) li dawn jiġu appoġġjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet għall-kostruzzjoni u l-manteniment. Il-programm “People”, li jinkludi pereżempju l-Azzjonijiet Marie Curie (mistoqsija 23) ukoll wera biċ-ċar kemm hu ta’ valur u għaldaqstant għandu jinżamm kollu kemm hu jew anke jitwessa’;

    4.7.9   Minħabba l-problemi sinifikanti li jinħolqu minn politika ekonomika, monetarja u finanzjarja komuni Ewropea, li bħalissa qed jiġu diskussi ħafna fil-livell politiku, u l-kwistjonijiet makroekonomiċi relatati, il-Kumitat jirrakkomanda li fil-programmi ta’ appoġġ piż suffiċjenti jaqa’ fuq ir-riċerka f’dan il-qasam;

    4.7.10   Fir-rigward tal-mistoqsijiet li jmorru lil hinn mir-riċerka u l-iżvilupp (mistoqsija 17), il-Kumitat jirrakkomanda fuq kollox li tintuża l-esperjenza li nkisbet mill-istrumenti li għadhom kemm twaqqfu għal dan il-għan, u mhux li jinħolqu dejjem iktar strumenti ġodda (36). Fir-rigward ta’ indikaturi u sħubijiet tal-innovazzjoni, ara l-opinjoni dwar Unjoni tal-Innovazzjoni (37). Fir-rigward tal-kapitalizzazzjoni, il-Kumitat jirriferi għall-istess opinjoni (38).

    Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 325, 30/12/2006, p. 16. (mhux disponibbli bil-Malti)

    (2)  ĠU C 44, 16.02.2008, p. 1.

    (3)  ĠU C 218, 11.09.2009, p. 8.

    (4)  ĠU C 182, 04.08.2009, p. 40.

    (5)  ĠU C 228, 22.09.2009, p. 56.

    (6)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.

    (7)  ĠU C 255, 22.09.2010, p. 54.

    (8)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80.

    (9)  ĠU C 21, 21.01.2011, p. 49.

    (10)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 112.

    (11)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 129.

    (12)  ĠU C 132, 03.05.2011, p. 39.

    (13)  SC/034 - CESE 1605/2010.

    (14)  INT/575 – CESE 657/2011.

    (15)  Disponibbli onlajn fuq http://ec.europa.eu/research/evaluations.

    (16)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 129, punt 3.12.

    (17)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 129, punt 3.10.

    (18)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17, punt 6.4.

    (19)  Ara n-nota 13 fil-qiegħ tal-paġna.

    (20)  ĠU C 132, 03.05.2011, p. 22.

    (21)  Ara n-nota 12 fil-qiegħ tal-paġna.

    (22)  ĠU C 218, 11.09.2009, p. 8, minn punt 4.1 sa 4.4.

    (23)  CESE 797/2011.

    (24)  Ara n-nota 12 fil-qiegħ tal-paġna.

    (25)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17, punt 6.4.

    (26)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna, il-punt 3.6.

    (27)  Ara wkoll il-punt 3.7.1.

    (28)  ĠU C 218, 11.09.2009, p. 8, punt 4.8.

    (29)  Ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna, il-punt 4.10.

    (30)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80, punt 3.2.3.

    (31)  Ara n-nota 3 f’qiegħ tal-paġna.

    (32)  Minkejja dan, kunċetti ġodda jistgħu jintużaw fil-proposta mistennija għat-tmien programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jirriferu għall-miżuri li ġew deskritti bħala “riċerka kollaborattiva” u “kooperazzjoni”.

    (33)  Ara wkoll il-punt 4.3 hawnhekk.

    (34)  ĠU C 132, 03.05.2011, p. 5.

    (35)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”, ĠU C 132, 03.05.2011, punt 3.8.4.

    (36)  Ara n-nota 12 fil-qiegħ tal-paġna.

    (37)  Ara n-nota 12 fil-qiegħa tal-paġna, punti 4.2 u 4.4.

    (38)  Ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna, il-punt 4.8.


    Top