EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1159

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa COM(2010) 712 finali

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 105–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa”

COM(2010) 712 finali

2011/C 318/17

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa

COM(2010) 712 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jesprimi l-appoġġ u l-apprezzament tiegħu għall-Kummissjoni, u jaqbel mal-kontenut tal-Komunikazzjoni li taqa’ fl-ambitu tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Il-modernizzazzjoni tal-istrumenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, l-innovazzjoni teknoloġika, barra milli wieħed jista’ jiffranka ħafna permezz tagħha, tgħin biex titkattar l-innovazzjoni u biex jintlaħqu l-objettivi stipulati mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2

Il-kompletar tal-Aġenda Diġitali se jkun l-ispinta ewlenija sabiex jitnieda mill-ġdid is-suq uniku bħala fattur ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lill-benefiċċji li jistgħu jinħolqu mit-tkattir wiesa’ tal-iffatturar elettroniku. Dawn il-benefiċċji jridu jiġu distribwiti b’mod ugwali bejn il-kategoriji kollha tan-negozju, iżda b’mod partikolari lill-SMEs. Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-litteriżmu diġitali, il-limitar tal-ispejjeż ta’ aċċess għal pjattaformi diġitali u softwer ġestjonali.

1.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz possibbli biex tħaffef il-proċess tal-leġislazzjoni ġdida dwar il-firem elettroniċi, u jistaqsi jekk ma jkunx adatt li jiġi adottat regolament minflok direttiva sabiex jiġu evitati problemi bi traspożizzjonijiet diverġenti li jistabbilixxu standards differenti fil-qasam.

Ir-riforma tas-sistema tat-tassazzjoni indiretta (VAT) diġà tqis it-trattament ugwali ta’ riċevuti elettroniċi bħal dawk fuq il-karta għall-finijiet tal-kontabilità u l-fatturi. L-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri għandhom jarmonizzaw il-leġislazzjoni tagħhom ma’ din id-dispożizzjonijiet kemm jista’ jkun malajr.

1.5

B’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, il-KESE jirrakkomanda li l-interessi tagħhom jiġu mħarsa f’termini tal-ħlas tal-VAT, li għandu jintrabat mal-ħlas tal-fattura elettronika minflok ma’ ċertu data ta’ ħruġ. Is-sistema l-ġdida trid tikkunsidra l-problemi li l-SMEs jista’ jkollhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-likwidità.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni wiesgħa u mgħaġġla tal-iffatturar elettroniku, iżda huwa tal-fehma li din għandha tibqa’ l-għażla tal-atturi inkwistjoni, u filwaqt li jifhem l-għanijiet ta’ din il-miżura, ma jaħsibx li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet biex tkun obbligatorja.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħaq l-objettiv propost għandhom jittieħdu b’kawtela biex jiġu evitati problemi mhux neċessarji u ta’ piż għan-negozji u l-konsumaturi.

1.8

Il-koeżistenza ta’ żewġ skemi b’valur legali ndaqs, jiġifieri l-iffatturar elettroniku u fuq il-karta, għandha tippermetti li kulħadd jagħżel dik li jaqbillu l-iżjed skont il-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu.

1.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta standards globali għall-iffatturar elettroniku. L-istandardizzazzjoni u l-interoperabilità tas-sistemi huma fatturi essenzjali għat-tkattir u s-suċċess tal-iffatturar elettroniku, għaliex jippermettu l-iżvilupp ta’ suq intern u jagħmlu possibbli li jiżdied l-ammont ta’ operaturi fis-suq.

Is-sitwazzjoni attwali, minflok, qed tara suq ifframmentat li ma jikkomunikax, u dan fil-fatt jimpedixxi l-iżvilupp ta’ dan l-istrument utli fil-livell transkonfinali.

1.10

Il-proġett pilota PEPPOL għandu jiġi implimentat b’mod usa’, u joħloq konnessjonijiet permanenti ma’ dawk iż-żoni fejn l-iffatturar elettroniku diġà huwa realtà. Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-SMEs.

1.11

Il-Komunikazzjoni ma tikkunsidrax l-eżiġenzi u l-interessi tal-konsumaturi fost ir-riċevituri tal-iffatturar elettroniku. Huma biss dawk li għandhom esperjenza fl-użu tal-IT li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ li jirċievu fatturi elettroniċi.

1.12

Il-prospetti għat-tkattir ta’ dan l-istrument għandhom jagħmlu possibbli li jinħoloq ċirku virtwuż: aċċess għall-katalgu onlajn, l-għażla tal-prodott jew servizz u l-ordni ta’ akkwist, it-trasport tal-merkanzija, il-ħruġ tal-fattura, il-ħlas bi trasferiment simultanju lill-amministrazzjoni finanzjarja tal-ammont dovut bil-kalkolu awtomatiku tar-rata applikabbli tal-VAT skont it-tip ta’ prodott u ta’ operatur.

1.13

Jekk dawn il-proċessi jsiru iżjed mgħaġġlin, wieħed għandu jiffranka ħafna ħin, il-pagamenti jsiru iktar puntwali, u jitnaqqas l-ammont ta’ fatturi foloz.

1.14

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-qasam tan-negozju elettroniku għandhom jinkludu magħhom ir-rekwiżit obbligatorju li ċertu perċentwali tal-proġetti pilota kollha trid tinvolvi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. B’dan il-mod l-attenzjoni tista’ tiġi kkonċentrata fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs mill-ewwel stadju ta’ dawn l-inizjattivi, u fuq kollox jiġi influwenzat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi għall-SMEs (pereżempju l-proġett PEPPOL).

1.15

Il-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi ikbar fuq kemm huwa neċessarju li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali jadottaw il-prinċipju ta’ “trattament ugwali” bejn il-fatturi elettroniċi u dawk fuq il-karta, u jneħħu l-ostakli li jxekklu l-kummerċ transkonfinali. B’mod partikolari, jekk ir-rekwiżiti attwali kollha jiġu rrispettati, billi jneħħu l-obbligu li jintużaw soluzzjonijiet teknoloġiċi speċifiċi (fosthom il-firem elettroniċi) li mhumiex neċessarji għall-fatturi fuq il-karta, u jeliminaw l-obbligu li għadu fis-seħħ f’bosta Stati Membri li l-fatturi elettroniċi jridu jiġu stampati għal kontrolli fiskali.

1.16

L-inċentivi għall-SMEs jistgħu jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi lokali permezz ta’ programmi speċifiċi. Il-parteċipazzjoni ta’ DĠ REGIO għandha tiġi kkunsidrata.

1.17

Il-KESE jqis b’mod pożittiv it-twaqqif tal-Forum Ewropew dwar il-firem elettroniċi u jiddikjara ruħu lest jipparteċipa fl-attivitajiet tiegħu.

2.   Daħla

2.1

Il-fattura hija dokument importanti li jgħaddi bejn idejn operaturi kummerċjali, u bejnhom u l-konsumatur aħħari. Barra mill-funzjoni primarja tagħha bħala talba mill-bejjiegħ lix-xerrej għall-ħlas ta’ prodotti forniti jew servizzi mogħtija, fattura hija dokument importanti tal-kontabilità u għandha implikazzjonijiet legali potenzjali għaż-żewġ imsieħba fit-transazzjoni kummerċjali. Fil-fatt, il-fattura hija dokument kuntrattwali fir-relazzjoni bejn l-impriża u l-konsumatur. F’xi pajjiżi l-fattura hija dokument essenzjali għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, għar-rimborżi u għall-ikkompletar ta’ dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni u l-esportazzjoni.

2.2

Il-partijiet involuti huma x-xerrej u l-bejjiegħ. F’ċerti ċirkostanzi l-fornitur u dak li jiġi fornit jistgħu jkunu partijiet terzi, bħal fil-każ ta’ trasportatur jew operatur ta’ servizzi ta’ loġistika.

2.3

L-iffatturar elettroniku huwa l-proċess awtomatizzat kif tinħareġ, tintbagħat u tiġi riċevuta u pproċessata d-data tal-fatturi permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-iffatturar elettroniku huwa parti minn netwerk kumpless ta’ proċessi u proċeduri kummerċjali, normalment magħrufin bħala ċ-ċiklu mill-ordni sal-pagament, mil-lat tal-fornitur, u mil-lat tax-xerrej bħala ċ-ċiklu mix-xiri sal-pagament.

2.4

Fost is-seba’ inizjattivi ewlenin promossi mill-Unjoni Ewropea bil-għan li l-Istrateġija 2020 titwettaq fil-prattika, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tindirizza l-appoġġ, permezz ta’ regolamentazzjoni adatta, tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ddedikati, fost oħrajn, għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet bil-għan li jiġi kkompletat is-suq uniku. Iktar minn mitt inizjattiva u tletin dispożizzjoni leġislattiva oħra se jiġu adottati sabiex isir sforz biex jintlaħqu t-tlettax-il mira ta’ prestazzjoni ewlenin fl-għaxar snin li ġejjin.

2.5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li hija r-riżultat ta’ ħames snin ta’ preparazzjoni u konsultazzjonijiet approfonditi, tindirizza parti importanti ħafna tal-aġenda: l-iffatturar elettoniku. Hija twaqqaf l-objettiv li l-iffatturar elettroniku jkun il-metodu ewlieni tal-iffatturar sal-2020. Huwa kkalkolat li bħalissa 5 % biss tal-fatturi għal transazzjonijiet minn negozji jsiru permezz tal-iffatturar elettroniku.

2.6

Il-Kummissjoni tikkalkula li hemm il-potenzjal li jiġu ffrankati EUR 240 biljun tul perjodu ta’ sitt snin (1). L-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Teżoriera Korporattivi waslet għal riżultati simili, u testima li n-negozji jistgħu jiffrankaw sa 80 % tal-ispejjeż operattivi tagħhom billi jibdlu għall-iproċessar awtomatiku tad-data tal-fatturi, biex b’hekk jiġi eliminat il-konsum tal-karta u jitnaqqas b’mod sinifikanti x-xogħol. L-iżvilupp tas-SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro) jista’ jagħmilha possibbli biex jiġu kkombinati l-iffatturar u l-pagament, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu integrati s-sistemi u tingħata l-possibilità li jitwaqqfu skemi Ewropej ta’ fatturar elettroniku interoperabbli.

2.7

Il-prijoritajiet identifikati huma:

“li tiżgura ċertezza legali u ambjent tekniku ċar għall-iffatturar elettroniku li għandu jiffaċilita l-adozzjoni tagħha bil-massa,

li tinkoraġġixxi u tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli għall-iffatturar elettroniku abbażi ta’ standard komuni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs,

li tappoġġa l-użu tal-iffatturar elettroniku bl-istabbiliment ta’ strutturi organizzazzjonali, bħal fora nazzjonali dwar l-Iffatturar elettroniku u Forum Ewropew Multilaterali għal Partijiet Interessati.”

3.   Kummenti u osservazzjonijiet tal-KESE

3.1

Il-KESE impenja ruħu li jappoġġja l-inizjattiva ewlenija Aġenda Diġitali għall-Ewropa u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni. F’diversi opinjonijiet preċedenti (2) l-KESE appoġġja l-adozzjoni ta’ programmi u inizjattivi leġislattivi li kellhom l-għan li jippromovu l-użu tal-ICT (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni).

3.2

Jinħarġu aktar minn 30 biljun fattura u kont fl-Ewropa. Fl-2011 huwa mistenni li jintbagħtu bil-posta elettronika 3 biljun kont u fattura, u proporzjon minnhom biss se jkunu fatturi elettroniċi. Aktar minn 4,5 miljun negozju u ’l fuq minn 75 miljun konsumatur diġà jużaw din is-sistema. L-operaturi ewlenin li jipprovdu servizzi ta’ fatturar elettroniku qed jirduppjaw id-dħul tagħhom kull ftit xhur.

3.3

Studji li saru minn grupp ta’ esperti għall-Kummissjoni jestimaw li min joħroġ il-fattura jista’ jiffranka għadd ta’ euro għal kull fattura. Meta jintbagħtu elettronikament b’mod awtomatiku, jistgħu jiġu ffrankati mas-60-80 % meta mqabbla ma’ proċessi tradizzjonali bbażati fuq il-karta. F’termini ġenerali, dan ifisser li jiġu ffrankati bejn 1 u 2 % ta’ spejjeż amministrattivi. Hemm dħul ekonomiku fuq l-investiment f’sistemi ta’ fatturar elettroniku wara biss sitt xhur, skont il-valutazzjonijiet ta’ esperti ewlenin fil-qasam (3).

3.4

Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tittama li l-iffatturar elettroniku jsir il-metodu predominanti, iżda ma tgħidx għalfejn għandu jdum daqshekk. Min-naħa tiegħu, il-KESE jaħseb li għandu jsir kull sforz possibbli sabiex dan l-objettiv jitħaffef kemm jista’ jkun.

3.5

Il-KESE jenfasizza u jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut sinifikanti li l-iżvilupp tal-iffatturar elettroniku jista’ jagħti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 bis-saħħa tat-tnaqqis fl-enerġija użata għat-trasport u tat-tnaqqis tal-konsum ta’ karti.

3.6

Il-KESE jappoġġja l-prijorità li ngħatat lill-SMEs u l-kummenti li dawn għamlu fl-istħarriġ li sar mill-grupp ta’ esperti maħtur mill-Kummissjoni, u jaħseb li dan huwa importanti ħafna.

3.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri kollha possibbli jiġu adottati biex jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ operaturi speċjalizzati multipli, u b’hekk jiġi evitat il-ħolqien ta’ monopolji żgħar de facto li inevitibbilment jispiċċaw jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħhom.

3.8

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi inizjattivi bħal dawn billi jistgħu jgħinu biex jiġi implimentat u adottat il-mudell standard propost mill-UN/CEFACT (4), l-organizzazzjoni intergovernattiva stabbilita mill-Kumitat tal-Kummerċ UNECE sabiex jiġi żviluppat programm ta’ ħidma fuq livell globali li jġib miegħu koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tal-istandards elettroniċi u l-iffaċilitar tal-kummerċ bejn in-negozji (business-to-business).

3.9

Il-Kunsill għandu jħeġġeġ adozzjoni usa’ tal-prattika tajba li nbdiet minn xi Stati Membri biex l-iffatturar elettroniku jkun obbligatorju fil-kuntratti pubbliċi, billi dan huwa mod utli kif jitħeġġeġ it-tixrid tagħhom. Il-Proġett PEPPOL (Akkwist Pubbliku Onlajn Pan-Ewropew), bħala proġett pilota kbir tas-CIP (Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni) bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għandu jitwettaq bl-adozzjoni u l-appoġġ tal-istandards żviluppati, biex b’hekk jiġu konnessi dawk il-partijiet tal-Ewropa fejn l-akkwist elettroniku diġà huwa realtà.

3.10

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva, iżda jirrakkomanda li l-iffatturar elettroniku jsir disponibbli għal operaturi oħrajn, u b’hekk jinfetaħ is-suq għal atturi oħrajn. Bħalissa hemm madwar 400 fornitur tas-servizzi ta’ fatturar elettroniku, il-biċċa l-kbira minnhom joperaw fil-livell lokali, u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ prodotti. Sfortunatament, fadal triq twila sakemm naslu sal-punt fejn dawn is-sistemi jkunu interoperabbli. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati standards globali komuni, billi dawn huma aspett ewlieni biex jitħaffef il-kompletar tas-suq uniku Ewropew u jiġu maqsuma l-benefiċċji tiegħu fost għadd kbir ta’ atturi, b’mod partikolari l-SMEs billi tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom.

3.11

Il-benefiċċji ta’ formats ta’ fatturar elettroniku uniformi huma ovvji. Fil-preżent, is-suq huwa fframmentat u ma jikkomunikax. Il-KESE jappoġġja inizjattivi li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn livelli dejjem iżjed integrati ta’ interoperabilità u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-mudell verżjoni 2 tal-Cross Industry Invoice (CII) tal-UN/CEFACT ġie adottat bħala bażi għall-iżvilupp tal-ISO 20022 “Invoice message standard”.

3.12

Standards globali għandhom dejjem jagħtu dispożizzjoni għall-proċeduri ta’ akkwist rilevanti sabiex jiġi żgurat li n-negozji ma jiġux sfurzati jagħmlu l-proċess tal-iffatturar awtomatiku b’mod iżolat minn dak tal-ipproċessar tal-provvista jew tal-ordni, ngħidu aħna. Dan jista’ jwassal għal ineffiċjenzi. L-iżvilupp ta’ profili CEN/IIB għall-katina sħiħa tal-provvista għandu jiġi promoss u monitorjat b’kawtela, billi dawn jifformaw il-bażi ta’ dokumenti elettroniċi PEPPOL. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-adozzjoni progressiva tal-istandard UBL f’diversi Stati Membri tal-UE u fuq kollox min-naħa tas-settur pubbliku. L-adozzjoni ta’ dawn l-istandards globali għandha titħeġġeġ.

3.13

Fil-ġejjieni, meta s-sistema tal-iffattrurar elettroniku tkun tintuża b’mod usa’, l-amministrazzjonijiet finanzjarji se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iffattrurar elettroniku bil-ħlas tal-VAT fl-istess waqt li titħallas il-fattura. L-integrazzjoni taż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro tista’ tħeġġeġ iktar effiċjenza fis-sistema tal-ġbir tat-taxxi. Sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għall-SMEs, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-likwidità, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tqis din il-problema.

3.14

Fuq kollox se jiġu ffrankati spejjeż fil-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u fl-ispejjeż fuq pagamenti awtomatiċi. B’mod ġenerali, it-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ ġbir, verifikazzjoni u ġestjoni tas-servizzi tat-taxxa huwa għan ta’ modernizzazzjoni u titjib li se jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi. It-tnaqqis fl-evażjoni li l-awtomatizzar tal-proċess tal-iffatturar jista’ jġib miegħu fl-aħħar mill-aħħar se jgħin lis-sistema ssib ir-riżorsi biex tinvesti mill-ġdid fl-appoġġ tal-attività ekonomika u produttiva.

3.15

Il-KESE jappoġġja l-bżonn ta’ reviżjoni li ssir malajr tad-Direttiva 1999/93/KE dwar il-firem elettroniċi sabiex tiġi introdotta sistema legali għar-rikonoxximent, fil-livell Ewropew, tal-interoperabilità ta’ firma elettronika sigura u ggarantita, jitlob lill-Kummissjoni biex tisħaq fuq l-urġenza ta’ dan mal-Kunsill u l-Parlament sabiex jadottaw dispożizzjoni fi żmien qasir. Id-differenzi fit-traspożizzjoni tad-direttiva u l-obbligu tal-użu f’diversi Stati Membri, wasslu għal problemi serji, speċjalment għall-SMEs li jqisu l-firem elettroniċi bħala wieħed mill-ikbar ostakli, kif ukoll wieħed mill-iżjed inutli, għall-adozzjoni tal-iffatturar elettroniku. Fir-rigward tal-istrument leġislattiv, il-KESE huwa tal-ħsieb li forsi wasal iż-żmien li jintuża regolament sabiex jintlaħqu, fl-aħħar, standards uniformi li jissodisfaw l-aspettattivi stipulati mill-Att dwar is-Suq Uniku.

3.16

Iċ-ċittadini Ewropej ma jipperċepixxux l-opportunitajiet offruti mis-suq uniku għaliex għadhom jeżistu ostakli, xkiel burokratiku u rekwiżiti amministrattivi. Il-konsumaturi għadhom ma rawx il-benefiċċji li tħabbru b’tant pubbliċità, pereżempju fis-setturi finanzjari u tal-enerġija, fejn kienet biss leġislazzjoni Ewropea li imponiet regoli li minnhom ibbenefikaw il-konsumaturi (it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, is-SEPA, il-MIFID, eċċ.).

3.17

Il-KESE jaħseb li l-proposta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba u jittama li jitħaffef il-pass ġenerali tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-proġett, sabiex il-ħaddiema, iċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw minn qafas leġislattiv armonizzat, jew aħjar min hekk, uniformi.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  SEPA: potential benefits at stake (SEPA: il-benefiċċji potenzjali), Capgemini.

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/docs/sepa/sepa-capgemini_study-final_report_en.pdf.

(2)  “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58; “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 178; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60; “Titjib tal-mudelli tas-‘sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati’ fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’ għal kulħadd fl-UE” 27; ĠU C 48, 15.2.2011, p. 72; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84, ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 87; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 63; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21; ĠU C 325, 30.12.2006, p. 78; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 222; ĠU C 110, 9.5.2006, p. 83; ĠU C 123, 25.4.2001, p. 36.

(3)  http://www.expp-summit.com/marketreport.htm.

(4)  Ċentru tan-NU għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ u l-Kummerċ Elettroniku.


Top