Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0984

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat- 22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar” COM(2010) 145 finali – 2010/0080 (COD)

    ĠU C 44, 11.2.2011, p. 171–172 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/171


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar”

    COM(2010) 145 finali – 2010/0080 (COD)

    2011/C 44/31

    Relatur ġenerali: is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL

    Nhar il-31 u t-12 ta’ Mejju 2010 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar

    COM(2010) 145 finali – 2010/0080 (COD).

    Nhar il-25 ta’ Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

    Minħabba fin-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-15 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sinjura Candelas Sánchez Miguel bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’135 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1   Il-KESE jqis bħala pożittivi l-miżuri proposti għall-modifika tar-Regolament attwali Nru 861/2006, billi għandhom l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-finanzjament tal-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji xjentifiċi u billi jiffaċilitaw l-oġġettività tal-miżuri li jiġu adottati fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Waqt id-dibattiti dwar ir-riforma tal-PKS ħareġ fid-dieher li hemm bżonn ta’ bażi soda li tiggarantixxi li l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd taqbel mal-ħtiġijiet reali, sabiex din tkun sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

    1.2   Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom l-għan li jiċċaraw is-sistema ta’ finanzjament tal-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji xjentifiċi għall-PKS. Barra minn hekk, iwessgħu l-kontenut ta’ dak li wieħed jifhem bi ġbir tad-data billi jirregolaw il-ġestjoni u l-użu tagħha mill-perspettiva taċ-ċertezza legali tal-informazzjoni miksuba. Il-kontroll tad-data min-naħa tal-Istati għandu jgħin biex id-data tintuża b’mod adegwat.

    1.3   Fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, dan il-finanzjament mhux ser jibqa’ limitat, bħalma kien s’issa, għall-appoġġ tal-fażi ta’ tnedija.

    1.4   Barra minn hekk, qiegħed jiġi propost li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura fil-laqgħat tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar u l-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd.

    1.5   Fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi għat-talba u l-kontroll tal-finanzjament, jidher li hemm bżonn li jiġu speċifikati l-pjani pluriannwali tal-Istati Membri u l-approvazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, sabiex jiġu soġġetti għad-dixxiplina baġitarja tal-UE.

    2.   Daħla

    2.1   Il-proposta għal modifika tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandha l-għan li tiċċara l-ambitu ta’ azzjoni tal-miżuri finanzjarji u fuq kollox li ttejjeb il-kontenut ta’ ċerti artikoli dwar l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ kontroll u l-implimentazzjoni tagħhom.

    2.2   Il-modifiki previsti jistgħu jinqasmu fi tlieta:

    dawk li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-qafas leġislattiv;

    dawk li jaffettwaw l-ambitu ta’ applikazzjoni bil-għan li jiġu adattati għall-eżiġenzi attwali;

    dawk li jiċċaraw l-azzjonijiet koperti minn dan ir-regolament li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji dwar il-PKS.

    2.3   Min-naħa l-oħra, u fil-qafas tar-relazzjonijiet internazzjonali fl-ambitu tal-PKS, it-tip ta’ kooperazzjoni huwa ċċarat (bilaterali, reġjonali u multilaterali).

    2.4   Hija inkluża wkoll proċedura amministrattiva ġdida għat-talba u l-ipproċessar tal-finanzjament, bi kjarifika dwar kif għandha tiġi applikata u kkontrollata mill-entitajiet stabbiliti għal dan il-għan.

    3.   Kummenti tal-KESE

    3.1   Il-KESE jqis il-modifiki proposti fir-rigward tar-Regolament Nru 861/2006 bħala pożittivi billi jinkludu r-regoli għall-implimentazzjoni futura tiegħu. Ikun partikolarment xieraq li tissemma t-talba għal data u studji xjentifiċi dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-ibħra u l-oċeani tagħna, kif ukoll dik tas-settur tas-sajd, sabiex kull miżura meħuda fir-rigward tal-politika tas-sajd ikollha bażi soda u tiggarantixxi l-użu sostenibbli tar-riżorsi eżistenti.

    3.2   Jeħtieġ li tittejjeb mhux biss it-trasparenza iżda wkoll l-użu tal-finanzjament, billi jiġi estiż il-baġit li jista’ jiġi allokat. Il-finanzjament tal-ġbir tad-data u l-kontroll tal-użu tagħha min-naħa tal-Istati Membri għandu jgħin biex ir-riċerka tkun element prinċipali tal-PKS u twassal għal żvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd.

    3.3   Il-kontenut tal-proposta jista’ jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-punti li ġejjin:

    3.3.1

    Il-qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data tas-settur tas-sajd u l-appoġġ għall-parir xjentifiku tal-politika komuni tas-sajd. Il-partikolarità tal-proposta hija li l-finanzjament mhuwiex biss dirett lejn l-Istati Membri u l-entitajiet pubbliċi kompetenti iżda wkoll lejn is-settur privat. B’mod ġenerali hija kwistjoni li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-settur xjentifiku privat li llum huwa attiv fil-prattika. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat jemmen li permezz tal-inklużjoni tiegħu l-leġislazzjoni tkun iktar trasparenti.

    3.3.2

    Kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi (ftehimiet reġjonali, bilaterali jew multilaterali) fil-ġbir tad-data u t-twettiq tal-istudji. Dan ifisser li jkun hemm kontroll xjentifiku mhux biss tar-riżorsi tas-sajd tagħna, iżda wkoll dawk ta’ reġjuni oħra fejn joperaw il-bastimenti tagħna, sabiex tittejjeb il-valutazzjoni xjentifika u teknika tas-settur tas-sajd u l-kontroll tal-attivitajiet tiegħu.

    3.3.3

    Finanzjament tal-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura fil-laqgħat tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar u l-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd, sabiex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu bl-iktar mod wiesa’ possibbli. Dan il-finanzjament huwa ddeterminat mill-interess speċjali għall-UE. Il-KESE jqis li għandu jingħata rwol ikbar lill-organizzazzjonijiet imsemmija u dan mhux biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ġbir tad-data iżda wkoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet marbutin mas-sajd li huma kompetenza tagħhom u li jikkorrispondu għal titjib tal-PKS.

    3.3.4

    Proċeduri fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data. Il-modifika tas-Sezzjoni 2 tar-Regolament għandha l-għan li tarmonizza l-proċedura attwali għat-talba ta’ finanzjament biex din taqbel ma’ dik stabbilita fil-programmi pluriannwali tal-Istati Membri, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. B’hekk il-kontroll finali tal-użu tagħhom jkun soġġett għar-regoli Komunitarji dwar il-monitoraġġ tal-ispejjeż.

    3.4   Fl-aħħar, il-KESE jagħraf li minkejja li hija tiddependi mir-riforma tal-PKS, din il-proposta għal modifika hija siewja, billi tgħin biex jitħaffu l-effetti tajbin li jista’ jkollu l-użu tad-data xjentifika u oġġettiva fil-programmazzjoni tal-miżuri futuri li għandhom jittieħdu ladarba tiġi approvata l-politika l-ġdida, mingħajr ma wieħed jistenna sal-2013. Jiġri x’jiġri, iż-żieda u l-iżvilupp ta’ dawn il-prattiki fil-pajjiżi terzi ser ikollu impatt importanti fuq l-istat tal-ibħra u l-oċeani.

    Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    Top