EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1952

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96” COM(2009) 361 finali – 2009/0106 (CNS)

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 121–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/121


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96”

COM(2009) 361 finali – 2009/0106 (CNS)

(2010/C 255/22)

Relatur uniku: is-Sur SALVATORE

Nhar l-4 ta’ Settembru 2009 l-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

COM(2009) 361 finali – 2009/0106 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Novembru. Ir-relatur kien is-Sur Salvatore.

Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-16 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’177 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li tintroduċi regoli ġodda dwar proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija u japprova r-regolament propost billi dan iqis l-iżviluppi reċenti fil-politika tal-enerġija tal-UE. Il-proposta tindirizza l-ħtiġijiet reali tas-settur, tiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni adattata, sodisfaċenti u trasparenti, u tinvolvi piż amministrattiv proporzjonat mal-utilità tagħha.

1.2   Il-Kumitat japprova l-prinċipju li fuqu jissejjes ir-regolament propost tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-ħtieġa li tiġi żgurata informazzjoni regolari u konsistenti għat-twettiq ta’ analiżi regolari u transettorjali tas-sistema tal-enerġija ma tmurx kontra l-objettivi li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, u li t-trasparenza tiġi promossa. Il-proposta tal-Kummissjoni, msejsa fuq dan l-objettiv, tikkostitwixxi titjib ċar tas-sistema attwali. Għaldaqstant jidher li din il-proposta, li għandha bażi legali fl-Artikolu 284 tat-Trattat KE u l-Artikolu 187 tat-Trattat EURATOM, hija konformi bis-sħiħ mal-prinċipji fundamentali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.3   Il-Kumitat jinnota li d-dettalji tal-limiti minimi stipulati fl-appendiċi għar-regolament propost, li ’l fuq minnhom l-obbligu ta’ notifika jiġi implimentat, mhumiex iġġustifikati b’mod ċar mill-Kummissjoni. Huma meħtieġa diskussjonijiet aktar profondi bejn il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej u nazzjonali, l-operaturi tas-suq u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jistabbilixxu l-iktar limiti minimi xierqa li jiggarantixxu s-sikurezza, il-ħarsien ambjentali, it-trasparenza u l-effettività f’termini ta’ spejjeż.

1.4   Il-Kumitat jissuġġerixxi li lil hinn milli tantiċipa l-provvista tal-enerġija u żbilanċji fid-domanda u tidentifika lakuni fl-infrastruttura, l-analiżi regolari tal-Kummissjoni għandha tkun ukoll strument ta’ kontroll fuq l-istat attwali tal-proġetti notifikati, billi timmonitorja l-progress fis-siti ta’ kostruzzjoni, sabiex tiżgura li jitlestew fi skadenzi raġonevoli.

1.5   Il-Kumitat jaħseb li huwa importanti ferm li tiġi żgurata s-sigurtà kemm tal-infrastruttura li diġà teżisti kif ukoll ta’ proġetti ġodda. L-investimenti tal-operaturi ekonomiċi għandhom jiffokaw primarjament fuq il-modernizzazzjoni u ż-żamma tan-netwerks tal-enerġija, kif ukoll l-aġġornament teknoloġiku tagħhom għal finijiet ta’ sigurtà, bil-għan li jiġu evitati l-problemi u li tiġi żgurata l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà ambjentali, li m’għandha ssir l-ebda deroga għaliha għall-ebda raġuni.

1.6   Il-Kumitat jirrimarka li l-ġbir tal-informazzjoni u tad-data dwar l-infrastruttura ta’ interess għall-Komunità jippermetti li jissaħħaħ il-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-istrument ta’ analiżi regolari ser jiffavorixxi d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija, u b’hekk titnaqqas id-dipendenza enerġetika minn pajjiżi individwali li jesportaw is-sorsi konvenzjonali, u tiġi favorita s-sigurtà tal-provvista.

1.7   Fir-rigward tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-Kumitat jemmen li huwa importanti li jiġi evitat li spejjeż amministrattivi jiġu imposti fuq l-SMEs, b’mod partikulari dawk li jispeċjalizzaw fit-teknoloġiji ekoloġiċi emerġenti, li diġà għandhom żvantaġġ minħabba spejjeż ta’ produzzjoni ogħla minn dawk ta’ sistemi minn sorsi ta’ enerġija konvenzjonali.

1.8   Il-Kumitat jissuġġerixxi li, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, il-Kummissjoni Ewropea tiddikjara objettiv li l-Istati Membri jqisu kif jixraq l-opinjonijiet li r-residenti tal-postijiet fejn ikunu ser isiru l-installazzjonijiet il-ġodda jesprimu, permezz tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili.

1.9   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura li l-ispejjeż ta’ investiment ma jgħaddux għall-konsumaturi.

2.   Daħla

2.1   Il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tal-enerġija qed toħloq opportunitajiet ġodda għal investiment f’dan is-settur; il-kuntest leġiżlattiv ġdid jesiġi li għandhom jintlaħqu objettivi speċifiċi fil-qasam tal-enerġija rinovabbli u bijokarburanti.

Fid-dawl taż-żjieda antiċipata u mixtieqa fl-investiment infrastrutturali fl-Ewropa, qafas armonizzat huwa meħtieġ għall-ġbir ta’ data dwar proġetti ta’ impjanti tal-enerġija (muntaġġ u żmuntaġġ).

2.2   Il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevoka r-Regolament (KE) Nru 736/96 u tissostitwixxieh b’regolament ġdid immirat biex jimmonitorja proġetti ta’ investiment tal-infrastruttura fir-rigward tal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-enerġija u tad-dijossidu tal-karbonju.

2.3   Il-ġbir ta’ data rilevanti u adattata dwar progress fl-infrastruttura enerġetika fl-Istati Membri huwa kruċjali għat-twettiq ta’ analiżi transettorjali regolari mmirati biex jantiċipaw lakuni strutturali possibbli u żbilanċji fil-provvista u d-domanda tal-enerġija. Hemm ukoll il-bżonn li tiġi assigurata t-trasparenza għall-parteċipanti tas-suq u li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi.

2.4   Ir-Regolament Nru 736/96 mhux biss skada – billi l-ambitu tiegħu jeskludi firxa kbira ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli – iżda ma jipprovdix sistema adattata għall-ġbir tad-data u għall-monitoraġġ tal-proġetti tal-enerġija tal-Istati Membri. Is-sistema attwali tista’ għalhekk tkun qed ixxekkel iċ-ċertezza tal-investiment billi ma tiżgurax it-trasparenza; fuq medda twila ta’ żmien tista’ tnaqqas il-pass tat-tranżizzjoni għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni attwali ma tidhirx li tipprovdi garanziji ta’ sigurtà fir-rigward tan-netwerks tal-enerġija u tal-karbonju, is-siti ta’ produzzjoni u l-faċilitajiet ta’ ħżin.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1   Fil-qofol tal-kontenut tar-regolament propost hemm l-esiġenza fuq l-Istati Membri li jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment tal-infrastruttura – fir-rigward taż-żejt, il-gass naturali, l-elettriku u l-bijokarburanti, u l-qbid, il-ħżin u t-trasport tad-dijossidu tal-karbonju – li fuqu beda x-xogħol jew huwa skedat li jibda fil-ħames snin li ġejjin, jew li għandhom l-għan li jiżmuntaw infrastruttura fi żmien tliet snin.

3.2   L-informazzjoni meħtieġa tikkonċerna: il-kapaċità tal-impjant; il-post, l-isem, it-tip u l-karatteristiċi ewlenin tal-infrastruttura; id-data probabbli għall-muntaġġ; it-tip ta’ sorsi ta’ enerġija li qed jintużaw; it-teknoloġiji għas-sigurtà tal-infrastruttura; u l-installazzjoni ta’ sistemi għall-qbid tal-karbonju. Fil-każ tal-iżmuntaġġ ta’ impjant, hija meħtieġa informazzjoni dwar in-natura u l-kapaċità tal-infrastruttura kkonċernata; u d-data probabbli għall-iżmuntaġġ.

3.3   Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri jagħtu l-informazzjoni mitluba kull sentejn, mill-31 ta’ Lulju 2010 ’l quddiem. L-operaturi tas-suq għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Istati Membri fejn qed jippjanaw li jwettqu l-proġetti ta’ investiment tagħhom qabel il-31 ta’ Mejju ta’ kull sena ta’ rappurtaġġ. L-informazzjoni notifikata għandha tirrifletti s-sitwazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment mill-31 ta’ Marzu ’l quddiem tas-sena inkwistjoni.

3.4   Il-Kummissjoni tiffavorixxi mudell ibbażat fuq il-kumplementarità, sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tal-informazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma eżentati milli jinnotifikaw informazzjoni fejn diġà taw l-informazzjoni ekwivalenti taħt leġiżlazzjoni speċifika oħra jew bħala parti minn pjan ta’ investiment multiannwali.

3.5   Il-Kummissjoni tipproponi li l-informazzjoni mogħtija tintuża biex titwettaq, għallinqas kull sentejn, analiżi transettorjali tal-iżvilupp strutturali tas-sistema tal-enerġija tal-UE, u r-riżultati tagħha għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Ir-riżultati jistgħu jsiru pubbliċi, bl-eċċezzjoni ta’ fejn idgħajfu l-ħarsien tad-data personali jew ikunu sensittivi mil-lat kummerċjali.

3.6   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikulari fir-rigward tal-metodoloġiji tal-kalkolu li ser jintużaw, id-definizzjonijiet tekniċi u l-kontenut tad-data rekwiżita. Huwa ppjanat li ssir reviżjoni tar-regolament propost fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-importanza tar-regolament il-ġdid sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-UE. Is-soluzzjoni magħżula tipprova tirrikonċilja l-bżonn biex tiġi monitorjata u miġbura l-informazzjoni rilevanti dwar proġetti ta’ investiment mal-ħtieġa li jiġu limitati l-ispejjeż amministrattivi u li titrawwem it-trasparenza.

L-għan tar-regolament huwa li tiġi monitorjata s-sistema enerġetika tal-UE billi tiġi eżaminata l-informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment tal-infrastruttura tal-enerġija, miġbura mill-Kummissjoni, u speċifikament l-Osservatorju tas-Suq dwar l-Enerġija.

4.2.1   Il-fatt biss li jeżisti suq intern u l-bżonn għal sistema ta’ monitoraġġ fil-livell sopranazzjonali huma prova ta’ kemm tkun iktar adattata leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE milli leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali. Ir-regolament propost mill-Kummissjoni għaldaqstant huwa konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ġenerali tas-sussidjarjetà.

4.2.2   Huwa ċar, kemm mill-għażla ta’ regolament bħala l-istrument leġiżlattiv biex jieħu post regolament preċedenti li kien jirregola dan il-qasam, kif ukoll mill-kontenut tiegħu – ibbażat fuq l-esiġenza li ssir notifika mill-Istati Membri, u mmitigat permezz tal-kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv – li din il-proposta hija wkoll konformi bis-sħiħ mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.3   Il-proposta tal-Kummissjoni tiffavorixxi mudell ta’ notifika komplementari, u mhux sistema integrata eżawrenti. Il-Kumitat jixtieq jirrimarka li din hija għażla kosteffettiva, li tgħin biex ikun hemm spejjeż amministrattivi iktar baxxi għall-kumpaniji u għall-Istati Membri. Għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-prezz aħħari tal-enerġija, waqt li twaqqaf id-dupplikazzjoni u ssaħħaħ il-kwalità tad-data kkonċernata.

4.4   Il-Kumitat jemmen li informazzjoni regolari, kompleta u ta’ kwalità mhux biss tgħin lill-Kummissjoni timmonitorja u tidentifika lakuni fl-infrastruttura enerġetika tal-Ewropa, iżda tgħin ukoll biex iżżid il-fehim tal-problemi f’dan il-qasam fost dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u Ewropea, kif ukoll l-operaturi tas-suq u l-investituri.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-Kumitat japprezza ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-regolament propost. Dawn id-definizzjonijiet, li ma ġewx ipprovduti fir-regolament attwali (Regolament (KE) Nru 736/96), jgħinu l-fehim dwar il-leġiżlazzjoni u jikkjarifikaw l-ambitu tiegħu.

5.2   Il-Kumitat jaħseb li l-organizzazzjoni, kull sentejn, tal-eżerċizzju tal-analiżi transsettorjali jippermetti li jsir monitoraġġ adegwat tal-istat tal-progress tal-infrastruttura enerġetika fl-Ewropa.

5.3   Il-Kumitat dejjem kien tal-opinjoni li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura ma tistax tiġi iżolata minn dik tas-sigurtà tal-provvista. F’opinjoni reċenti dwar suġġett simili (1), il-Kumitat saħaq dwar il-bżonn li tiġi żgurata s-sigurtà tal-impjanti u tan-netwerks għat-trasportazzjoni tal-enerġija u tad-dijossidu tal-karbonju. Għaldaqstant huwa importanti li fl-analiżi regolari tagħha, il-Kummissjoni tqis l-aspetti relatati mal-modernizzazzjoni u l-manutenzjoni tal-impjanti u n-netwerks li diġà jeżistu.

5.4   Fil-fehma tal-Kumitat, informazzjoni dwar proġetti ta’ interess Komunitarju hija ta’ importanza ewlenija. Jiġu affettwati mill-kwalità ta’ din l-informazzjoni l-kapaċità tal-Kummissjoni biex tiggwida lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u l-ħtieġa li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista, sabiex titnaqqas id-dipendenza enerġetika minn għadd żgħir ta’ esportaturi ta’ enerġija konvenzjonali. Skont il-KESE, l-infrastrutturi tal-enerġija transnazzjonali jirrappreżentaw kwistjoni li hija b’mod eminenti ta’ interess Komunitarju. F’opinjonijiet preċedenti l-Kumitat diġà stqarr li “s-SIĠ Komunitarji huma indispensabbli biex jitkompla l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea” u li l-unifikazzjoni progressiva tan-netwerks “tal-enerġija (gass, elettriku, żejt) (…) [tista” tnaqqas] sostanzjalment l-ispejjeż tal-operat u tal-investiment u [tħeġġeġ] investimenti fi proġetti ġodda ta’ netwerks [fil-kuntest tas-sħubijiet pubbliċi (Unjoni u Stati Membri) u privati, u b’hekk iżżid is-sigurtà tal-provvista] (2).

5.5   Il-Kumitat jinnota li s-sistema proposta mill-Kummissjoni hija msejsa fuq approċċ ċentralizzat għall-produzzjoni tal-enerġija; dan minkejja l-fatt li hemm ħafna sinjali li juru li jista’ jkun li fil-futur is-sistema enerġetika Ewropea tkun ibbażata fuq impjanti deċentralizzati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għall-użu domestiku (panewijiet solari, il-mikrokoġenerazzjoni, eċċ.). L-aċċess għal netwerks ta’ trasmissjoni tal-elettriku għandhom jiġu żgurati għal dawn l-impjanti, mingħajr ma jkunu involuti spejjeż amministrattivi eċċessivi għall-SMEs.

5.6   Il-Kumitat jirrimarka li d-dettalji tal-limiti minimi stipulati fl-appendiċi tar-regolament propost, li jekk jinqabżu jidħol fis-seħħ l-obbligu ta’ notifika, mhumiex iġġustifikati b’mod xieraq mill-Kummissjoni.

5.7   Il-Kumitat isejjaħ għal dibattitu iktar fil-fond dwar il-valur u l-fattibilità tas-CCS (il-Ġbid u l-Ħżin tal-Karbonju), wara li diġà esprima d-dubji tiegħu fir-rigward ta’ kemm huma tabilħaqq utli u siguri proġetti għall-ġbid u t-trasport tal-karbonju. Il-Kumitat jinnota, madankollu, li r-regolament propost tal-Kummissjoni jagħti dispożizzjoni għall-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar proġetti għat-trasport u l-ħżin tal-karbonju. Dan għandu jiġi interpretat biss bħala stipular li l-infrastruttura tiġi suġġetta għal analiżi regolari tas-sistema enerġetika Ewropea.

5.8   Il-Kumitat jaħseb li huwa vitali li l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija ma tmurx kontra x-xewqat tar-residenti lokali u r-rappreżentanti tagħhom. Jappoġġja l-ispirtu ta’ trasparenza li jippermetti li n-nies lokali jiġu mgħarrfa tajjeb dwar l-iskala tal-proġetti ppjanati permezz ta’ analiżi tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Brussell, 16 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 65.


Top