Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1945

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f’żoni bi żvantaġġi naturali” COM(2009) 161 finali

    ĠU C 255, 22.9.2010, p. 87–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 255/87


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f’żoni bi żvantaġġi naturali”

    COM(2009) 161 finali

    (2010/C 255/16)

    Relatur: is-Sinjura TODOROVA

    Nhar il-21 ta’ April 2009 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f’żoni bi żvantaġġi naturali

    COM(2009) 161 finali

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Novembru 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura Todorova.

    Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-17 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’81 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   F’diversi opinjonijiet (1), il-Kumitat enfasizza l-importanza essenzjali tal-kumpens xieraq bħala għodda indispensabbli għall-preservazzjoni tal-art ikkultivata u tal-biedja. L-appoġġ għaż-żoni żvantaġġati huwa tal-akbar importanza biex ikun żgurat li tissokta l-produzzjoni agrikola u biex jikkontribwixxi għall-vitalità taż-żoni rurali u biex jiġi evitat li l-art tiġi abbandunata u li tonqos il-popolazzjoni f’żoni li għandhom żvantaġġi naturali.

    1.2   L-iskema taż-żoni żvantaġġati għandha wkoll tagħti sehemha biex tinżamm il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel, li tista’ ssir dejjem aktar importanti jekk il-proċess kontinwu tat-tibdil fil-klima jnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni bnadi oħra. Għalhekk il-ħsieb wara l-iskema għandu jkun immexxi mill-prinċipju li hemm benefiċċji pubbliċi li jistgħu jinkisbu jekk tiġi promossa ż-żamma tal-attività tal-biedja f’żoni żvantaġġati fejn, jekk dan ma jsirx, l-art tista’ tiġi abbandunata.

    1.3   L-iskema taż-żoni żvantaġġati m’għandhiex tkun imfixkla ma’ impenji agroambjentali li jittieħdu fuq bażi volontarja. L-iskema taż-żoni żvantaġġati, fil-prinċipju, għandha toffri kumpens lil bdiewa li jaħdmu f’ċirkostanzi aktar diffiċli u li għandhom l-inqas possibbiltajiet jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-suq, iżda li madanakollu huma l-aktar nies li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-pajżaġġ.

    1.4   It-tmien kriterji bijofiżiċi proposti jistgħu jiffurmaw bażi tajba għad-delimitazzjoni taż-żoni żvantaġġati iżda d-disponibbiltà tad-data u l-għażla tal-limiti korretti huma ta’ importanza vitali. Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu analiżi fil-fond tal-impatt tal-kriterji proposti, inklużi mapep dettaljati.

    1.5   Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi li żona għandha titqies bħala żona żvantaġġata jekk 66 % tal-art tkun ikklassifikata mill-anqas f’wieħed mit-tmien kriterji. Il-KESE, imbagħad, janalizza r-riżultati tad-delimitazzjoni taż-żoni żvantaġġati u jfassal opinjoni dwar dawn il-limiti.

    1.6   L-użu ta’ kriterji kumulattivi bbażati fuq evidenza xjentifika f’żoni eteroġeni li fl-istess waqt ibatu minn ħafna żvantaġġi jkun siewi ħafna, minħabba li l-kriterji jindirizzaw b’mod prattiku l-interazzjonijiet bejn ħafna fatturi influwenti. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ indikazzjoni proposti jistgħu jkunu estiżi biex jinkludu fatturi addizzjonali, bħall-iżolament, li jistgħu jitqiesu wkoll bħala żvantaġġ naturali.

    1.7   Wara li ż-żoni żvantaġġati jiġu indikati bħala tali skont il-kriterji bijofiżiċi komuni, jista’ jkun li toħroġ il-ħtieġa għal ċertu ammont ta’ rfinar. F’dan il-każ, il-KESE huwa tal-fehma li l-aktar indikatur adatt li jintuża jkun indikatur marbut mal-produzzjoni li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tal-imprenditur, inklużi l-ispejjeż għall-opportunitajiet għax-xogħol tal-familja u għall-ekwità. Il-Kummissjoni ser tiżgura li l-kriterji użati mill-Istati Membri jkunu oġġettivi u mhux diskriminatorji u li jwieġbu għall-għanijiet tal-iskema.

    1.8   Il-KESE jitlob li x-xogħol addizzjonali mitlub mill-bdiewa f’żoni żvantaġġati, kif ukoll l-ispejjeż ogħla għall-investiment li huma qed jiltaqgħu magħhom, jiġu vvalutati b’mod adegwat u meqjusin fil-formola l-ġdida ta’ pagamenti prevista fir-Regolament 1698/2005.

    1.9   Għandu jkun hemm perijodu adegwat ta’ bidla gradwali biex il-bdiewa jkunu jistgħu jadattaw għar-reġim il-ġdid ta’ għajnuna għaż-żoni żvantaġġati.

    2.   Il-kuntest

    2.1   Imnedijin sa mill-1975, il-pagamenti għaż-żoni żvantaġġati (Less Favoured Areas payments) – illum imsejħin ħlasijiet ta’ kumpens għall-iżvantaġġi naturali (Natural Handicap Payments) – jgħinu biex tissokta l-biedja f’żoni muntanjużi, f’żoni żvantaġġati li ma jkunux żoni muntanjużi (l-hekk imsejħin “żoni żvantaġġati intermedji”, li huma s-suġġett tal-komunikazzjoni attwali) u f’żoni milqutin minn żvantaġġi speċifiċi (eż. gżejjer u żoni kostali, li jammontaw għal 9 % taż-żona agrikola). Iż-żoni muntanjużi jkopru kważi 16 % taż-żona agrikola tal-UE u huma kklassifikati skont l-altitudni, l-inklinazzjoni jew taħlita ta’ dawn iż-żewġ fatturi flimkien. Żoni fit-Tramuntana tat-62 parallel jitqiesu wkoll bħala żoni muntanjużi. Madwar 31 % tal-art agrikola tal-UE hija kklassifikata bħala żona żvantaġġata intermedja, fuq il-bażi ta’ aktar minn 100 kriterju nazzjonali differenti ħafna li d-diversità tagħhom mal-UE kollha kienet enfasizzata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħala sors possibbli ta’ trattament mhux ugwali (2). Mhux l-irziezet kollha f’dawn iż-żoni jirċievu pagament għaż-żoni żvantaġġati.

    2.2   L-Artikolu 50.3(a) tar-Regolament tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (KE) Nru 1698/2005 (3) jipprovdi definizzjoni ġdida ta’ żoni bi żvantaġġi naturali għajr dawk li huma ta’ natura muntanjuża u dawk bi żvantaġġi speċifiċi, i.e. “areas affected by significant natural handicaps, notably a low soil productivity or poor climate conditions, and where maintaining extensive farming activity is important for the management of the land” (żoni affettwati minn żvantaġġi naturali sinifikanti, notevolment produttività baxxa tal-ħamrija jew kondizzjonijiet batuti ta’ klima u fejn iż-żamma ta’ attività estensiva ta’ biedja hija importanti għall-ġestjoni tal-art) (mhux disponibbli bil-Malti), waqt li l-Artikolu 37 introduċa bidla dwar il-kalkolu tal-pagament. Madanakollu fl-2005 il-Kunsill ma laħaqx ftehim dwar sistema possibbli għall-Komunità kollha għall-ikklassifikar ta’ dawn iż-żoni. Għalhekk kien ġie deċiż li tinżamm fis-seħħ is-sistema preċedenti għal perijodu limitat u l-Kummissjoni ntalbet twettaq analiżi tal-iskema taż-żoni żvantaġġati. Is-sistema l-ġdida ta’ delimitazzjoni ta’ żoni x’aktarx tkun stabbilita fl-2014.

    2.3   Il-klassifikazzjoni attwali taż-żoni żvantaġġati intermedji hija bbażata fuq tliet tipoloġiji ta’ indikaturi elenkati fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-FAEGG (KE) Nru 1257/1999 (4): produttività baxxa tal-art; prestazzjoni ekonomika fl-agrikoltura li hi ħafna aktar baxxa mill-medja; popolazzjoni żgħira jew li qed tonqos li fil-biċċa l-kbira tagħha tiddependi fuq l-attività agrikola. Din hija parzjalment ibbażata fuq kriterji ekonomiċi li, skont il-Kummissjoni, m’għadhomx jirriflettu l-għanijiet ċentrali tal-ħlasijiet ta’ kumpens għall-iżvantaġġi naturali. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tad-data demografika u ekonomika użata ma tqisitx biex tiġi aġġornata d-delimitazzjoni. Aktar u aktar, din seħħet b’referenza għal firxa wiesgħa ta’ kriterji nazzjonali li ta’ sikwit mhijiex komparabbli fuq livell Ewropew.

    2.4   L-informazzjoni meħtieġa biex ikun evalwat ir-riżultat ta’ approċċ ġdid ta’ delimitazzjoni fuq skala dettaljata biżżejjed, (eż. muniċipalità, LAU 2 fin-nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistika) tista’ tinġabar biss fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jitħeġġu jissimulaw l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom tat-tmien kriterji bijofiżiċi elenkati f’din il-Komunikazzjoni (temperatura baxxa, problemi minħabba s-sħana, skalatura tal-ħamrija, il-konsistenza tal-ħamrija u kemm tkun ġeblija, il-fond għax-xenxil tal-għeruq, il-proprjetajiet kimiċi tal-ħamrija, il-bilanċ tal-umdità fil-ħamrija u ż-żerżieqa tal-art) u sabiex jipproduċu mapep taż-żoni li jirriżultaw eliġibbli skont tali simulazzjonijiet. Żona titqies affetwata minn żvantaġġi naturali konsiderevoli jekk 66 % tal-art agrikola utilizzata tissodisfa tal-anqas wieħed mill-kriterji skont il-valur minimu.

    2.5   Illum 13-il Stat Membru jużaw bosta indikaturi kkombinati għall-ikkalkular ta’ indiċi użat għall-ikklassifikar taż-żoni skont limiti jew klassijiet speċifiċi. F’xi każijiet is-“sistemi tal-indiċi” jistgħu jitqiesu aktar sofistikati mill-kriterji bijofiżiċi u, għalhekk ikunu kapaċi jintebħu aħjar bil-preżenza tal-iżvantaġġi f'żona. Madankollu, skont il-fehma tal-Kummissjoni, it-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ indiċi biex tkun applikata konsistentement mill-Istati Membri kollha jkun jeħtieġ sforz enormi f’termini ta’ disinn, ġbir ta’ data, analiżi u implimentazzjoni. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ sistema tal-indiċi pan-Ewropea bħala mezz tajjeb li bih tinstab il-preżenza ta’ żvantaġġi naturali, ma jkunx la effiċjenti u lanqas realistiku.

    2.6   Huwa wkoll neċessarju, skont il-Kummissjoni, fil-każijiet fejn l-iżvantaġġi naturali jistgħu jingħelbu, li d-delimitazzjoni taż-żoni tkun irfinuta bl-applikazzjoni ta’ kriterji bijofiżiċi flimkien ma’ indikaturi adatti b’rabta mal-produzzjoni.

    2.7   Il-komunikazzjoni tgħid li regoli adatti ta’ eliġibbiltà fil-livell tal-irziezet huma mod utli kif l-għajnuna tiġi mmirata lil hinn mid-delimitazzjoni ta’ żona. Skont il-Kummissjoni, madwar 150 kriterju differenti ta’ eliġibbiltà fil-livell tal-irziezet qed jitħaddmu bħalissa fl-Istati Membri differenti u xi wħud minnhom jistgħu jikkawżaw xi tħassib dwar il-kompatibbiltà mad-WTO minħabba li jeskludu ċerti setturi tal-produzzjoni jew attivitajiet agrikoli mill-għajnuna. Xi Stati Membri bħalissa jeskludu bdiewa fuq bażi part-time milli jirċievu għajnuna, għalkemm bdiewa bħal dawn jikkontribwixxu biex il-miżura tilħaq l-għan tagħha.

    2.8   Fit-22 ta’ Mejju 2008 tressqu erba’ alternattivi tar-reviżjoni għal konsultazzjoni pubblika:

    Għażla 1: Status Quo+

    F’dan ix-xenarju l-Istati Membri jintalbu jneħħu l-indikaturi soċjoekonomiċi li qegħdin jintużaw bħalissa għad-delimitazzjoni taż-żoni żvantaġġati u jidentifikaw il-kriterji li jqisu li huma l-akar adatti għad-definizzjoni ta’ żvantaġġi naturali li jolqtu lill-biedja.

    Għażla 2: Kriterji Komuni

    Iż-żoni żvantaġġati jitfasslu bl-użu tal-kriterji bijofiżiċi komuni.

    Għażla 3: Regoli ta’ Eliġibbiltà

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi qafas bażiku għall-kriterji ta’ eliġibbiltà li jindikaw il-prinċipji u x-xorta ta’ kriterji li għandhom jintużaw għall-esklużjoni ta’ sistemi ta’ biedja intensiva (eż. densità massima ta’ bhejjem, ħsad medju, marġni gross standard).

    Għażla 4: Valur naturali għoli (HNV)

    Din l-għażla timplika delimitazzjoni taż-żoni aktar immirata: huma biss dawk iż-żoni kklassifikati bħala rziezet b’valur naturali għoli f’żoni milquta minn żvantaġġi naturali li jikkwalifikaw bħala żoni żvantaġġati.

    3.   Il-pożizzjoni tal-KESE

    3.1   L-agrikoltura hija wieħed mis-setturi ekonomiċi l-aktar importanti tal-UE, li tipprovdi impjieg lil kważi 30 miljun persuna. Li jinżamm il-mudell Ewropew tal-agrikoltura, li jkun jista’ jinkiseb ikel ta’ kwalità u li jkunu pprovduti impjiegi, huma punti essenzjali biex tissokta l-binja soċjali f’żoni rurali, iżda wkoll għar-responsabbiltà usa’ li din għandha għal rendikont tal-amministrazzjoni tal-art. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ħarsien tad-diversità għanja li hemm bħalissa fl-ikel, tat-tradizzjonijiet lokali u tal-artiġjanat. Agrikoltura sostenibbli għandha bosta effetti sekondarji pożittivi li jipprovdu servizzi pubbliċi bħaż-żamma tal-bijodiversità, il-konservazzjoni tal-ħabitats tal-ħajja fis-selvaġġ u pajżaġġ attraenti u miżmum tajjeb.

    3.2   Iż-żoni żvantaġġati mhux muntanjużi jammontaw għal 30 % tal-azjendi agrikoli, 39 % tal-erja agrikola użata (UAA), 31 % tal-forza tax-xogħol fl-agrikoltura u 26 % tal-potenzjal ekonomiku espress skont id-daqs ekonomiku. Żoni rurali qed tonqsilhom il-popolazzjoni tagħhom mal-Ewropa kollha u ż-żoni żvantaġġati huma l-aktar reġjuni vulnerabbli. Dan il-proċess jista’ jkollu effett distruttiv ħafna. L-appoġġ għaż-żoni żvantaġġati huwa, għalhekk, tal-akbar importanza biex ikun żgurat li tissokta l-produzzjoni agrikola u biex jikkontribwixxi għall-vitalità taż-żoni rurali u biex ma jkunx permess li l-art tkun abbandunata u tonqos il-popolazzjoni f’żoni li għandhom żvantaġġi naturali.

    3.3   F’bosta opinjonijiet il-KESE ġibed l-attenzjoni dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa f’żoni żvantaġġati u saħaq fuq l-importanza essenzjali ta’ kumpens adegwat biex ikun żgurat li l-art tissokta tintuża għall-produzzjoni agrikola. Il-KESE jqis il-kumpens bħala mezz indispensabbli għall-preservazzjoni tal-pajżaġġ ikkultivat u l-agrikoltura f’żoni li huma partikolarment sensittivi għall-aspett ekonomiku, ambjentali u soċjali. Il-KESE jagħti attenzjoni partikolari għall-problemi tar-reġjuni fit-Tramuntana tal-UE.

    3.4   F’din il-komunikazzjoni kollha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tidentifika żoni (permezz ta’ mapep) li jippreżentaw limitazzjonijiet severi għall-produzzjoni agrikola. Matul l-ewwel fażi, il-kriterji proposti jipprovdu bażi adegwata għall-istima tal-iżvantaġġi naturali mal-UE kollha. Madanakollu, minħabba li skema ta’ appoġġ għaż-żoni żvantaġġati li taħdem tajjeb hija tant importanti għall-futur tal-PAK, jeħtieġ li ssir stima bir-reqqa tal-kriterji ssuġġeriti. Għalhekk il-Kumitat jilqa’ l-kooperazzjoni għal dak l-għan bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill  (5).

    3.5   Huwa vitali li tkun tista’ tinkiseb data għat-tmien kriterji bijofiżiċi biex wieħed ikun jista’ jagħti definizzjoni u jagħmel klassifika ta’ żoni agrikoli intermedji b’mod ċar u oġġettiv. Huwa importanti ħafna għall-Istati Membri li jagħmlu analiżi dettaljata tal-impatt tal-kriterji proposti, inklużi mapep dettaljati. Flimkien ma’ dan, li l-Istati Membri jitħallew jagħtu lill-Kummissjoni simulazzjonijiet għal kriterji addizzjonali u limiti minimi differenti jgħinu wkoll biex il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru jkunu inkorporati aħjar fid-dibattitu. Id-delimitazzjoni taż-żoni żvantaġġati f’livell ta’ muniċipalità (LAU 2) tista’ titqies bħala grad suffiċjenti ta’ dettall.

    3.6   Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi li żona għandha titqies bħala żona żvantaġġata jekk 66 % tal-art tkun ikklassifikata mill-anqas f’wieħed mit-tmien kriterji. Dan jimplika addizzjonalità, li jfisser li jistgħu jingħaddu sa tmien totali parzjali differenti (u jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet li jirriżultaw) biex jinkiseb it-total ta’ art ikklassifikata f’reġjun partikolari. Waqt li l-qofol kollu tal-eżerċizzju biex ikunu stabbiliti żoni huwa li jkun hemm mira għall-għajnuna lil żoni fejn din tkun kruċjali għaż-żamma tal-agrikoltura, il-limitu propost jinħass li huwa għoli wisq u hemm xi tħassib li dan jista’ jwassal biex żoni żvantaġġati attwali jistgħu jiġu esklużi. Il-KESE huwa tal-opinjoni li, fin-nuqqas ta’ riżultati ta’ simulazzjoni, il-limitu ta’ 66 % għandu jiġi kkunsidrat b’attenzjoni kbira u dan ikun jista’ jkompli jiġi diskuss malli jkunu disponibbli s-simulazzjonijiet u l-mapep.

    3.7   Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-użu ta’ kriterji kumulattivi bbażati fuq evidenza xjentifika f’żoni eteroġeni li jbatu minn ħafna żvantaġġi. Il-vantaġġ tas-sistemi li kienu jintużaw qabel, li f’ħafna mill-każijiet kienu sistemi ta’ indiċi, kien li kienu jinkorporaw diversi kriterji u, għalhekk, bħala strumenti, kienu aktar speċifiċi u jfissru aktar. Kienu jirriflettu kondizzjonijiet prattiċi, u l-interazzjoni bejniethom kienet ferm aħjar. L-użu ta’ indikatur kompost li jħallat diversi kriterji fuq bażi oġġettiva u xjentifika, jista’ jippermetti biex żona tiġi kklassifikata bħala żona żvantaġġata anki meta kriterji individwali ma jissuġġerux dik il-klassifika. Sitwazzjoni bħal din teżisti f’xi Stati Membri għall-klassifikazzjoni ta’ żoni muntanjużi, pereżempju. Dawn l-istrumenti huma ta’ siwi kbir minħabba li jindirizzaw b’mod prattiku l-interazzjonijiet bejn ħafna fatturi influwenti.

    3.8   F’ċirkostanzi fejn l-iżvantaġġ naturali jkun ingħeleb mill-progress tekniku jew b’għamliet oħra ta’ intervent (bħal irrigazzjoni jew skulatura), il-Kummissjoni tipproponi irfinar li għandu jintuża biss biex ikunu esklużi żoni li altrimenti jkunu indikati bħala żoni żvantaġġati u biex ma jkunux inklużi żoni addizzjonali. Problema kbira, iżda, qiegħda f’żoni li jkollhom ikunu esklużi mid-delimitazzjoni minħabba li jkunu għelbu l-iżvantaġġi naturali tagħhom permezz ta’ adattament adegwat tal-prattiki tagħhom fl-irziezet. Għandu jkun innutat li l-iżvantaġġi naturali ma jistgħux jitqiesu li jkunu tneħħew għalkollox minkejja ċertu livell ta’ intervent. Għandhom jitqiesu wkoll il-piżijiet minn investimenti, li kważi dejjem ikunu kbar ħafna, u l-ispejjeż tal-manutenzjoni. Barra minn dan, għandha tingħata attenzjoni adegwata lill-fatt li dawk l-adattamenti, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ikunu possibbli biss b’finanzjament addizzjonali (eż. l-iskulatura u l-metodi ta’ irrigazzjoni).

    3.9   F’opinjoni preċedenti, il-KESE diġà kien sejjaħ għal bilanċ li jagħmel sens bejn ir-regoli tal-UE u l-flessibbiltà f’livelli nazzjonali u reġjonali fit-tfassil tad-dettalji ta’ dawn il-miżuri (6). Wara l-implimentazzjoni tal-kriterji bijofiżiċi komuni, jista’ jkun meħtieġ li jsir irfinar taż-żoni żvantaġġati indikati. Il-KESE huwa tal-fehma li jekk dan iseħħ, dan għandu jitħalla jseħħ, u għandu jseħħ fil-livell ta’ Stat Membru. Mil-lenti tal-KESE, l-aktar indikatur adatt li għandu jintuża f’dan il-proċess sekondarju huwa l-indikatur relatat mal-produzzjoni li jirrifletti l-qagħda ekonomika reali tal-imprenditur, inklużi l-ispejjeż ta’ opportunità għax-xogħol tal-familja u għall-ekwità. Il-Kummissjoni ser tiżgura li l-kriterji użati mill-Istati Membri huma oġġettivi u mhux diskriminatorji u li dawn iwieġbu għall-għanijiet tal-iskemi. Dan l-approċċ alternattiv ser itejjeb l-aċċess tal-irziezet ta’ daqs żgħir u medju għall-appoġġ finanzjarju u, fl-istess ħin, ser jevita li jiġu ppenalizzati l-bdiewa li jagħmlu investimenti biex jegħlbu żvantaġġi naturali. Biex tkun evitata inċertezza fost il-bdiewa, l-inklużjoni tagħhom fl-iskema għandha tkun valida tal-anqas għall-perijodu kollu ta’ programmar.

    3.10   Ta’ min isemmi li fil-proposta hemm nuqqas totali ta’ referenza għal żvantaġġi ġeografiċi (iżolament, distanzi minn bażijiet tal-konsumatur, ċentri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u servizzi, eċċ.) li madankollu jirrappreżentaw wieħed mil-limiti l-kbar li jiltaqgħu magħhom irziezet f’żoni żvantaġġati. Aġġustamenti bbażati fuq tixrid ta’ rziezet, aċċess għas-suq jew ħiliet għal trasport fir-reġjun jistgħu wkoll ikunu permessi.

    3.11   Il-kriterji ta’ indikazzjoni proposti jistgħu jkunu estiżi. Kriterju ieħor jista’ jkun “jiem ta’ ħila fil-qasam”, li jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet ta’ ħmieri mxarrbin u li ma jinħadmux u b’hekk titħalla l-interazzjoni bejn tipi differenti ta’ ħamrija u ta’ klima, pereżempju fi klima marittima. Barra minn dan, xi wħud mill-valuri minimi ssuġġeriti għandhom ikunu analizzati sewwa biex jinkixfu l-kondizzjonijiet reali. Eżempju wieħed huwa l-valur ta’ 15 % għall-kriterju taż-żerżieqa tal-art propost mill-Kummissjoni. Il-Kumitat diġà għamel sejħa biex jiġu kkunsidrati t-temperaturi negattivi akkumulati fix-xitwa (7).

    3.12   Meta jitqies il-fatt li l-kriterji l-ġodda jistgħu jeskludu ċerti żoni li attwalment huma eliġibbli, ikun mistenni li jkun hemm konsegwenzi estremi fil-livell tar-razzett. Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jkun hemm perijodu adegwat ta’ bidla bil-mod sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jadattaw għar-reġim il-ġdid ta’ għajnuna għaż-żoni żvantaġġati. L-orjentament tal-politika għall-futur tal-PAK għandu wkoll ikun integrat f’dan il-proċess.

    3.13   L-iskema taż-żoni żvantaġġati hija maħsuba biex tgħaddi għajnuna lil irziezet f’żoni li jbatu minn żvantaġġi naturali u tagħmel parti integrali mill-politika ta’ żvilupp rurali, l-hekk imsejħa t-tieni pilastru tal-PAK. L-iskema taż-żoni żvantaġġati għandha wkoll tagħti sehemha għall-preservazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel, li tista’ ssir dejjem aktar importanti jekk il-proċess kontinwu tat-tibdil fil-klima jnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni band’oħra. Għalhekk il-ħsieb wara l-iskema għandu jkun immexxi mill-prinċipju li hemm benefiċċji pubbliċi li jistgħu jinkisbu jekk tiġi promossa ż-żamma tal-attività tal-biedja f’żoni żvantaġġati fejn, jekk dan ma jsirx, l-art tista’ tiġi abbandunata.

    3.14   L-iskema taż-żoni żvantaġġati m’għandhiex tkun imfixkla ma’ impenji agroambjentali li jittieħdu fuq bażi volontarja. Iż-żewġ skemi għandhom jitqiesu bħala addizzjonali u mhux bħala skemi li waħda teskludi lill-oħra. L-għoti ta’ ħlas ta’ kumpens għaż-żoni żvantaġġati m’għandux ikun marbut ma’ obbligi ambjentali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità. Kuntrarju għall-ewwel pilastru tal-PAK (pagamenti diretti u appoġġ lis-suq), l-iskema taż-żoni żvantaġġati għandha, fil-prinċipju, toffri kumpens lil bdiewa li jaħdmu f’ċirkostanzi aktar diffiċli minn dawk f’żoni mhux żvantaġġati u li ma jistgħux jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-suq, u li madankollu huma l-aktar nies li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-pajżaġġ.

    3.15   L-Istati Membri se jkun jeħtiġilhom jikkalkulaw il-pagamenti taż-żoni żvantaġġati billi jużaw il-formola l-ġdida ta’ pagament stabbilita fir-Regolament 1698/2005, li tistipola li l-pagamenti għandhom ikunu ta’ kumpens għall-ispejjeż magħmulin u għal dħul finanzjarju mitluf. Il-KESE għalhekk jitlob li x-xogħol addizzjonali mitlub mill-bdiewa f’żoni żvantaġġati, kif ukoll l-ispejjeż ogħla għall-investiment li huma qed jiltaqgħu magħhom, jiġu stmati b’mod adegwat u meqjusin fil-formola l-ġdida ta’ pagamenti.

    3.16   Is-sistema l-ġdida ta’ pagament għandha ttejjeb it-trasparenza. Minkejja dan, ser jibqa’ jkun hemm varjazzjoni konsiderevoli fil-livelli ta’ pagamenti taż-żoni żvantaġġati kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-Istati Membri. Dan huwa riżultat inevitabbli ta’ meta awtoritajiet individwali jitħallew jeżerċitaw diskrezzjoni fil-mod kif iqassmu l-fondi għal żvilupp rurali li jirċievu permezz tal-FAEŻR, inkluża l-libertà li lanqas biss iħaddmu skema taż-żoni żvantaġġati.

    3.17   Bosta Stati Membri mhux qed jagħtu appoġġ biżżejjed liż-żoni żvantaġġati. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu l-importanza kbira tal-appoġġ għaż-żoni żvantaġġati u biex iżommu s-sehem allokat għall-iskema taż-żoni żvantaġġati fil-pakketti nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp rurali, ikun x’ikun ir-riżultat tal-eżerċizzju attwali tad-delimitazzjoni taż-żoni żvantaġġati.

    Brussell, 17 ta’ Diċembru 2009.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 93; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 56; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 35.

    (2)  ĠU C 151, 27.6.2003.

    (3)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    (4)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80.

    (5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 u t-23 ta’ Ġunju 2009.

    (6)  . ĠU C 44, 16.2.2008, p. 56.

    (7)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 35, paragrafu 1.7.


    Top