EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1940

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ – Green Paper” COM(2009) 329 finali

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 81–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ – Green Paper”

COM(2009) 329 finali

(2010/C 255/15)

Relatur: Is-Sinjura PÄÄRENDSON

Nhar it-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ – Green Paper

COM(2009) 329 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Diċembru 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura Päärendson.

Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-16 ta’ Diċembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja kompletament l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromovi l-mobilità għat-tagħlim taż-żgħażagħ. Biex mobilità akbar issir realtà, il-pajjiżi ospitanti potenzjali jridu jitħeġġu li jaġixxu ta’ “kalamiti” biex jiġbdu dawn in-nies lejn pajjiżhom u l-bliet tagħhom.

Il-miri tal-mobilità għat-tagħlim jistgħu jintlaħqu biss jekk ikun hemm kooperazzjoni sħiħa u mifruxa u jsir sforz fil-livelli kollha (l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll iż-żgħażagħ innifishom).

1.2.1   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw l-ostakli għall-mobilità u l-iskambju tal-aqwa prattiki. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod korrett il-liġi tal-komunità u jneħħu l-ostakli amministrattivi u leġiżlattivi marbuta mal-permessi ta’ residenza, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali u l-għarfien tal-karti tal-istudenti ta’ pajjiżi oħra. Il-mobilità għat-tagħlim kienet element kruċjali għas-suċċess tal-Proċess ta’ Bolonja u l-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla. Il-Kumitat jemmen li l-mobilità tista’ twassal ukoll għall-iżvilupp ta’ Qasam Komuni Ewropew għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Id-dħul ta’ “Statut Ewropew Għal Min Qed Jitħarrreġ” jew “Statut Ewropew tal-Istudenti” ser jiżgura trattament indaqs u jindirizza ħafna biżgħat u tħassib dwar kwistjonijiet bħar-rikonoxximent tal-lawreji, il-kura tas-saħħa u l-appoġġ għall-istudenti.

1.2.2   Bil-għan li jiġi validat u rikonoxxut it-tagħlim formali kif ukoll dak mhux formali, il-Konvenzjoni ta’ Lisbona trid tiġi rikonoxxuta formalment, iffirmata u ratifika.

1.3   Biex ikun hemm aktar appoġġ għall-mobilità għat-tagħlim, inkluż l-appoġġ finanzjarju, huwa importanti li l-partijiet kollha jkunu konxji mill-benefiċċji li tista’ toffrilhom u jagħrfuhom. Ir-rabta bejn il-mobilità għat-tagħlim u l-impjegabbiltà għandha tiġi spejgata u enfasizzata iktar.

Biex tinżamm il-kompetittività tal-Ewropa, u l-pożizzjoni tagħha bħala mexxej ewlieni fit-teknoloġija, huwa importanti li nippromovu l-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej kif ukoll li nattiraw l-aktar żgħażagħ intelliġenti minn pajjiżi terzi lejn l-Ewropa. Il-Kumitat jemmen bi sħiħ li l-problemi tal-viża li jxekklu l-mobilità għandhom jissolvew immedjatament. Il-Kumitat huwa konvint, li l-espansjoni gradwali u fit-tul tal-programmi ta’ mobilità għat-tagħlim f’pajjiżi terzi bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun u l-Istati Uniti tkun investiment raġonevoli.

1.4.1   Il-Kumitat jirrakkomanda bi sħiħ li fl-istess waqt għandhom isiru sforzi kbar biex jiġi evitat it-telf ta’ nies kapaċi mill-Ewropa u biex l-Ewropa ssir post attraenti kemm għax-xjenzjati ta’ oriġini Ewropea kif ukoll għal dawk li ġejjin minn barra l-Ewropa.

1.5   L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri mhux ser jiksbu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi ta’ numru akbar ta’ studenti li jiċċaqilqu jekk ma jkunx hemm żjieda sostanzjali fir-riżorsi li jappoġġjaw il-mobilità għat-tagħlim. Fi żminijiet ta’ kriżi, għandu jkun hemm investiment strutturali biex l-Ewropa tikseb livell ogħla ta’ edukazzjoni u ta’ kompetittività. Biex jitjieb l-iffinanzjar, l-UE għandha tuża l-mekkaniżmi u s-sieħba kollha eżistenti u ddaħħal il-mobilità fil-politiki kollha rilevanti, biex tippermetti li l-finanzjament jiġi mill-Fondi Strutturali u l-Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-Fondazzjoni Ewropea tax-Xjenza (FEX) għandha ssir sors addizzjonali ta’ fondi, l-ewwel u qabel kollox għall-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (EVT), b’mod li tikkumplementa l-fondi attwali mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja 2007–2013.

1.6   Mobilità ikbar għat-tagħlim tista’ twassal għal titjib biss jekk il-kwalità tal-esperjenza tat-tagħlim barra tkun għolja biżżejjed. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-programmi kollha ta’ mobilità jżommu mal-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Mobilità.

1.7   Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li l-programmi attwali ta’ mobilità – Erasmus, Leonardo, Comenius, Grundtvig u Marie Curie – issirilhom riforma biex il-proċeduri jiġu semplifikati u jiġi żgurat li l-ostakli burokratiċi jkunu ftit kemm jista’ jkun. Huwa importanti ħafna li l-istituzzjonijiet edukattivi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti f’dan il-proċess.

1.8   L-impenn għall-mobilità għandu jiġi espress permezz ta’ Livelli ta’ Referenza ambizzjużi fil-qafas strateġiku ġdid għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020), dan il-Livell ta’ Referenza għandu jiddistingwi bejn gruppi fil-mira differenti (studenti VET, għalliema, l-edukazzjoni mhux formali, l-edukazzjoni ogħla, l-istudenti tal-iskola) u għandhom ikunu bbażati fuq dati statisitiċi li jkunu ħafna aktar kompleti.

1.9   Biex jinfirex l-għarfien dwar il-programmi li jippromovu l-mobilità għat-tagħlim u jiżdied in-numru ta’ żgħażagħ li jagħżlu li jmorru jistudjaw barra, hemm bżonn ta’ informazzjoni iktar effettiva dwar it-tema.

1.10   Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif ta’ web portal uniku Ewropew fejn l-infomazzjoni kollha dwar il-programmi ta’ mobilità għat-tagħlim pan-Ewropej tkun tista’ tinstab faċilment, u minn fejn in-negozji jkunu jistgħu jsibu l-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ (CVs) li qed ifittxu esperjenzi tax-xogħol u opportunitajiet ta’ apprendistat u viċe-versa. In-netwerks tal-kumpaniji Ewropej (fosthom l-organizzazzjonijiet tal-SMEs) u l-professjonisti Ewropej għandhom jiġu mħeġġa jżidu l-informazzjoni dwar il-programmi ta’ mobilità għat-tagħlim fis-siti tagħhom u jirreklamawhom fost il-membri tagħhom.

1.11   Biex jitjieb il-proċess politiku li jsegwi l-Green Paper, il-Kumitat jirrakkomanda li l-idea ta’ mobilità għat-tagħlim tiġi definita u l-faxxa ta’ età tan-nies li tkopri tkun speċifikata.

1.12   Il-Kumitat huwa konvint li biex nippromovu l-mobilita għat-tagħlim, it-tagħlim tal-lingwi għandu jsir prijorità fil-kurrikuli tal-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ fil-livelli kollha, u jirrakkomanda li jsir studju tal-għażliet possibbli biex jidħol l-obbligu li l-għalliema tal-lingwi fl-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni ogħla jqattgħu sena barra mill-pajjiż u li l-Istati Membri jintalbu jagħmlu ħafna aktar sforzi permezz tal-politika tal-edukazzjoni biex tintlaħaq il-mira li kull ċittadin tal-UE jitkellem tal-anqas żewġ lingwi oħra tal-UE.

2.   Sinteżi tal-Green Paper tal-Kummissjoni

2.1   Fit-8 ta’ Lulju 2009 il-Kummissjoni Ewropea ppublikat Green Paper dwar “Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ”. L-għan hu li jinfetaħ dibattitu dwar l-aħjar mezzi biex jitjiebu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-Ewropa biex jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom billi jgħixu f’pajjiż ieħor għal raġunijiet ta’ studju jew xi esperjenza ta’ xogħol, xogħol fil-komunità jew taħriġ addizzjonali fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja.

2.2   L-ambitu tal-Green Paper huwa wiesa’; għandha l-iskop li tindirizza s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fil-kuntesti differenti kollha ta’ tagħlim, jiġifieri fl-iskola; fil-livelli ta’ Baċċellerat, Master u PhD fl-istudji universitarji, kif ukoll fl-esperjenzi tax-xogħol, l-apprendistati, l-iskambji għaż-żgħażagħ, il-ħidma volontarja jew it-taħriġ vokazzjonali, gewwa jew barra l-Unjoni Ewropea (1). Id-dokument ifittex li jippromovi l-mobilità organizzata għat-tagħlim, billi jiffoka fuq il-mobilità fiżika taż-żgħażagħ (16–35 sena), filwaqt li jagħraf ukoll il-valur tal-mobilità virtwali (f’termini ta’ żvilupp ta’ sħubijiet, u proġetti ta’ taħriġ u ġemellaġġi elettroniċi). L-iskop huwa li jistieden stħarriġ ta’ kif il-mekkaniżmi u l-istrumenti eżistenti jew oħrajn ġodda jistgħu jintużaw aħjar biex jippromovu l-mobilità fost iż-żgħażagħ u kif il-livelli differenti ta’ gvern – UE, nazzjonali, reġjonali u lokali – flimkien ma’ partijiet interessati oħra – in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-individwi privati – jkunu jistgħu jikkontribwixxu. Huwa jenfasizza għadd ta’ oqsma fejn hemm bżonn li jsir aktar sforz u jissuġġerixxi strateġiji possibbli. Fejn hu applikabbli jipprovdi eżempji tal-aqwa prattiki. Għall-istudenti li jiċċaqilqu jeżistu opportunitajiet ta’ fondi, programmi edukattivi jew ta’ taħriġ u gwidi prattiċi, iżda dawn iridu jiġu reklamati aħjar u jkunu aċċessibbli iktar faċilment.

2.3   Il-programm Erasmus, fl-20 sena esperjenza li għandu, huwa prova tal-benefiċċji tal-mobilità fl-edukazzjoni ogħla. Fir-rapport ta’ Diċembru 2007 dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea saħqet li l-mobilità tat-tip Erasmus għandha ssir parti naturali mill-edukazzjoni universitarja (2). Il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jiġifieri fil-promozzjoni tal-għarfien u l-ħiliet biex tiġġieled kontra l-kriżi ekonomika attwali. Il-mobilità għat-tagħlim għandha ssir opportunità miftuħa għaż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa biex tiżgura l-kompetittività u l-koeżjoni tal-UE fil-ġejjieni; ir-regola u mhux l-eċċezzjoni (3). Il-mobilità tal-għarfien għandha ssir il-ħames libertà fl-UE.

2.4   Il-Communiqué ta’ Leuven, adottat fid-29 ta’ April 2009 mill-Ministri responsabbli għall-edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-proċess ta’ Bolonja, jistipola li sal-2020 tal-anqas 20 % ta’ dawk li qed jiggradwaw fil-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla għandhom ikunu studjaw jew tħarġu għal xi perjodu barra mill-pajjiż (4).

2.5   Għalhekk il-Green Paper tniedi konsultazzjoni pubblika u tistieden risposti dwar il-kwistjonijiet u l-mistoqsijiet li ġejjin:

Kif jistgħu jiġu mħajra aktar żgħażagħ biex iqattgħu xi żmien barra minn pajjiżhom jistudjaw, għal taħriġ addizzjonali, fil-volontarjat jew għal experjenza tax-xogħol?

Liema huma l-ostakli ewlenin għall-mobilità li jridu jingħelbu?

Liema hu l-aħjar mod biex dawk kollha involuti – l-iskejjel, l-universitajiet, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tagħhom, id-dipartimenti tal-gvern u l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata u oħrajn – jaħdmu flimkien aktar mill-qrib u b’mod aktar effettiv, b’mod partikolari biex iħajru liż-żgħażagħ ta’ nazzjonalitajiet oħra ħalli jiġu jiksbu esperjenza magħhom? B’rabta ma’ dan, kif jistgħu l-kumpaniji jiġu mħajra jospitaw xi parteċipanti tal-programmi tal-mobilità, fosthom intraprendituri żgħażagħ u apprentisti?

3.   Mobilità: benefiċċji, ostakli u theddid

3.1   Kif ġustament tindika l-Green Paper, il-mobilità għat-tagħlim “hija wieħed mill-modi fundamentali li bih l-individwi, partikolarment iż-żgħażagħ, jistgħu jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jimpjegaw ruħhom kif ukoll isaħħu l-iżvilupp personali tagħhom”.

Il-fatt li jmorru f’pajjiż ieħor biex jistudjaw, bħala parti mix-xogħol li għandhom, biex jiksbu esperjenza aktar wiesgħa tax-xogħol jew għal ħidma volontarja, joffri liż-żgħażagħ opportunità reali biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom. Madankollu, skont l-istatistiċi li tagħti l-Green Paper, fl-2006, il-programmi ta’ mobilità attwali (5) offrew opportunitajiet ta’ mobilità lil madwar 310 000 persuna – li huwa biss 0,3 % ta’ dawk li għandhom bejn 16 u 29 sena fl-UE. Id-data tal-Eurostat turi li apparti dawn il-programmi, hemm 550 000 student universitarju li jistudja barra minn pajjiżu kull sena.

3.2.1   Madankollu, il-mobilità tibqa’ baxxa minkejja l-ħafna sforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej u oħrajn permezz ta’ programmi ta’ appoġġ u opportunitajiet oħra. Il-mobilità hija ħafna iktar aċċessibbli għal xi studenti milli għal oħrajn – pereżempju għal dawk li qed jieħdu taħriġ vokazzjonali u l-apprendisti għad fadal ħafna ostakli prattiċi, peress li 80 % tal-fondi huma għall-edukazzjoni ogħla.

3.3   Aktar milli xi eċċezzjoni, il-Green Paper għandha l-għan li tħeġġeġ li l-istudju jew ix-xogħol barra mill-pajjiż isiru għażla naturali li ż-żgħażagħ Ewropej jikkunsidraw. Iż-żgħażagħ għandhom jifhmu aħjar il-ħafna benefiċċji li dan joffrilhom, fosthom kapaċità ikbar fil-lingwi u ħiliet oħra kif ukoll kompetenzi interkulturali aħjar li jkunu ta’ benefiċċju għalihom tul ħajjithom kollha f’dinja li hi dejjem iktar multikulturali. Il-mobilità għat-tagħlim professjonali tgħammar liż-żgħażagħ b’mentalità tajba, bħal sens ta’ inizjattiva personali, li jwassalhom biex iħarsu ’l barra u jkunu kunfidenti. L-esperjenza turi li dawk li studjaw barra għandhom it-tendenza li jiċċaqilqu iktar tul il-ħajja professjonali tagħhom.

3.4   Il-KESE jappoġġja kompletament li jkun hemm mobilità akbar fost iż-żgħażagħ għat-tagħlim u għat-twessigħ tal-esperjenza professjonali tagħhom– peress li dan iżid il-mobilità fl-etajiet kollha. Biex din il-mobilità akbar issir realtà, l-ospitanti potenzjali jridu jiġu mħajra jaġixxu ta’ “kalamiti” biex jiġbdu dawn in-nies lejn pajjiżhom u l-bliet tagħhom.

Il-benefiċċjarji ewlenin tal-mobilità marbuta mat-tagħlim huma ż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ riċerka u n-negozji. Fit-tul dan għandu jtejjeb il-kompetittività tal-UE, billi jkun qed jibni soċjetà sinjura fl-għarfien, u jippromovi ċ-ċittadinanza Ewropea, billi jsaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea u l-ħolqien ta’ attitudni aktar pożittiva lejn l-Ewropa fost iċ-ċittadini tagħha. Il-mobilità tippromovi t-tagħlim tal-lingwi u l-multilingwiżmu.

3.5.1   Il-mobilità ta’ dawk li jitgħallmu tikkontribwixxi lejn il-moviment ħieles tal-għarfien li jista’ jitqies bħala l-ħames libertà tal-UE. Biex jippromovu l-mobilità għat-tagħlim, is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jinfetħu aktar, tal-anqas biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi u jagħmlu x-xogħol tagħhom aktar effettiv. Il-mobilità bejn l-intrapriżi u bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riċerka ser ikollha wkoll impatt ħafna akbar fuq is-sħubijiet ta’ clustering u t-teknoloġija, u dan ser isaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha għall-innovazzjoni.

3.5.2   Mobilità akbar tkun ta’ benefiċċju partikolari għall-istituzzjonijiet akkademiċi prominenti permezz ta’ titjib fid-diversità kulturali u l-abbiltà li jimpjegaw gruppi ta’ riċerka li jkunu verament eċċezzjonali. Mobilità akbar tkun ukoll ta’ vantaġġ għall-kumpaniji li għandhom ambjent multikulturali u multilingwistiku u għal kull kumpanija li tinnegozja fuq skala internazzjonali. F’dinja fejn il-kompetittività tal-UE tinsab mhedda dejjem iktar minn pajjiżi li qed jiżviluppaw malajr – iċ-Ċina, l-Indja, l-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel u fil-ġejjieni ħafna oħrajn – il-futur għan-negozji tal-UE (fuq kollox il-futur tal-opportunitajiet għal impjiegi ta’ kwalità) ser jinstab jew fil-fatt li nkunu fuq quddiem fit-teknoloġiji l-ġodda u l-manifattura speċjalizzata, li tiddependi ħafna mill-fatt li l-UE tkun fuq quddiem nett fir-riċerka u l-iżvilupp, jew inkella fil-qasam iktar wiesa’ tas-servizzi.

Madankollu, ser ikun hemm ostakli u perikli li hemm bżonn li nitħarsu minnhom; fosthom:

il-possibbiltà ta’ konċentrazzjoni tar-riċerka fl-ogħla livell u t-tagħlim marbut magħha fi ftit ċentri elitisti, ċentri ta’ eċċellenza fl-Ewropa hekk kif l-aqwa studenti jmorru fihom, bi ħsara għal ħafna stabbilimenti inqas magħrufa;

il-possibbiltà ta’ konċentrazzjoni ta’ studji bil-lingwi ewlenin tad-dinja (jiġifieri l-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol u l-Ġermaniż) bi ħsara għal dawk l-Istati Membri li l-lingwa tagħhom mhix magħrufa wisq lil hinn mill-fruntieri tagħhom;

minħabba l-konċentrazzjoni dejjem tikber fuq l-Ingliż, studenti u riċerkaturi li jiċċaqilqu jistgħu jitħeġġu jmorru band’oħra fid-dinja fejn jintuża l-Ingliż, fosthom l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, partijiet oħra tal-Asja orjentali, u lil hinn: wara jista’ jkun diffiċli biex dawn in-nies jiġu persważi li eventwalment jirritornaw lejn l-Ewropa. Kwalunkwe żvilupp tal-UE fil-qasam tal-mobilità jrid ikollu biżżejjed inkoraġġiment biex l-akkademiċi li jiċċaqilqu jistabbilixxu l-bażi tagħhom fl-UE għal tul ta’ żmien;

telf iktar mifrux ta’ nies ta’ ħila, hekk kif jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol bnadi oħra fl-hekk imsejħa pajjiżi “bi qligħ medju” (6) fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

ħafna mill-benefiċċjarji jkunu gradwati fl-arti, mhux fix-xjenzi, peress li fil-qasam tax-xjenza ħafna kumpaniji żgħar jkunu jifilħu jimpjegaw biss nies bl-aktar ħiliet importanti, u l-lingwi u ħiliet oħra simili jinxtraw aktar faċilment.

3.6.1   Biex l-Ewropa żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala mexxej ewlieni fit-teknoloġija huwa essenzjali li nrawmu l-aħjar talenti. Illum l-Istati Uniti tidher li għadha qed tmexxi ’l hekk imsejħa “gwerra għat-talent”. Madwar 400 000 Ewropew b’edukazzjoni xjentifika u teknika jgħixu u jaħdmu fl-Istati Uniti. Fost l-aqwa 50 università fid-dinja, 36 jinsabu fl-Istati Uniti meta mqabbla ma’ għaxra biss fl-UE. Iżda l-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-Istati Uniti mhix ser tibqa’ indisputabbli. It-talent m’għadux il-predominju esklużiv tad-dinja tal-Punent. Iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, ir-Russja, u pajjiżi oħra qed ikollhom sehem importanti fit-tiġrija globali għall-innovazzjoni u t-talent. In-negozju fl-Ewropa ser jiffaċċja kompetizzjoni qawwija biex irawwem, jattira u jżomm nies b’talent.

Minkejja diversi tentattivi preċedenti permezz ta’ programmi ta’ appoġġ (7) u għodod oħra (8) li jippromovu l-mobilità għat-tagħlim, hemm ukoll ostakli oħra fosthom:

ostakli legali (piżijiet amministrattivi);

ostakli prattiċi (għarfien tal-lingwi, differenzi kulturali, fondi insuffiċjenti, inugwaljanzi ekonomiċi, diffikultajiet dwar il-mobilità tal-fondi, nuqqas ta’ informazzjoni li tkun faċilment aċċessibbli dwar il-programmi ta’ mobilità – l-aktar minħabba n nuqqas ta’ siti tal-internet effettivi);

ostakli marbuta mal-għarfien reċiproku tal-kwalifiki;

ir-rikonoxximent tal-mobilità għat-tagħlim fil-kurrikula nazzjonali, barra minn problemi dwar id-dritt ta’ residenza;

prattiki differenti ħafna marbuta mal-iffinanzjar u l-kontroll tal-universitajiet madwar l-Ewropa – xi wħud huma indipendenti (pereżempju fir-Renju Unit), u oħrajn iktar kontrollati mill-qrib mill-Istat;

nuqqas ta’ impenn min-naħa tal-Istati Membri (9) u s-settur privat (10).

3.7.1   Il-lingwa hija ostaklu importanti fil-mobilità għat-tagħlim (11) peress li n-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti jitellef b’mod serju l-esperjenza ta’ tagħlim u dik soċjali. Huwa magħruf li 18 % biss tal-Ewropej ħarġu mir-reġjun tagħhom, filwaqt li 4 %biss marru fi Stat Membru differenti minn dak li twieldu fih, u 3 % biss ħarġu mill-Unjoni. Fl-Istati Uniti, 32 % taċ-ċittadini jgħixu barra mill-Istat li fih huma twieldu. Dan jista’ jkun marbut fundamentalment mad-diversità tal-lingwi fl-UE (12)

Madankollu, ostaklu ewlieni li jrid jingħeleb huwa li jiġi żgurata li għall-istudenti kkonċernati, l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż ma jsirx esperjenza negattiva għall-ebda raġuni. Stejjer negattivi għandhom effett kontroproduċenti, speċjalment jekk l-istudenti l-aktar vulnerabbli – fosthom dawk b’diżabbiltà, dawk li jagħmlu parti minn minoranza minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika dgħajfa tagħhom jew minħabba li jkunu ġejjin minn minoranza etnika, jew dawk bi żvantaġġi oħra – jgħaddu minn żmien ħażin, u dan jagħmel ħafna aktar ħsara milli ġid. Il-mawra barra mill-pajjiż għandha wkoll tkun twila biżżejjed biex jilħqu jiżviluppaw ideat ġodda u aktar elastiċità fl-attitudni u l-imġiba. Il-mobilità virtwali tista’ tkun għodda prezzjuża għaż-żgħażagħ b’diżabbiltà. Iż-żgħażagħ li għalihom il-mobbiltà fiżika mhix possibbli jistgħu jipparteċipaw fil-mobilità virtwali għat-tagħlim bl-użu tal-għodod tal-IT. Il-mobilità virtwali għat-tagħlim m’għandiex tieħu post l-mobilità fiżika għat-tagħlim.

3.8.1   Għal studenti iżgħar, speċjalment dawk tal-età tal-iskola, tkun partikolarment importanti li jkun hemm garanzija ta’ kura pastorali suffiċjenti biex tappoġġja l-bidla fil-lok, tiffaċilita l-problemi tal-lingwa, tiżgura akkomodazzjoni deċenti tul iż-żmien kollu barra mill-pajjiż, toffri appoġġ finanzjarju sħiħ – ’il fuq mil-livell tal-għotjiet attwali fejn ikun meħtieġ li jsiru xi żidiet – u tiżgura li b’mod ġenerali huma aċċettati fil-komunità ġdida tagħhom.

4.   Soluzzjonijiet: Risposti għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

4.1   Huwa importanti li l-partijiet kollha jifhmu u jagħrfu l-benefiċċji li għandha x’toffrilhom il-mobilità għat-tagħlim. Min iħaddem, u b’mod speċjali l-SMEs, jridu jiġu persważi li l-mobilità għat-tagħlim tista’ toffri valur miżjud għall-kumpanija tagħhom, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta’ apprendistati u esperjenzi tax-xogħol transnazzjonali jew billi jingħataw l-għajnuna biex jidħlu f’suq ġdid. Madankollu, f’suq ħieles, huwa importanti li tiġi evitata kull regolamentazzjoni żejda fil-livell tal-UE.

4.2   Preparazzjoni għal-perjodu ta’ mobilità għat-tagħlim: Informazzjoni u Gwida

4.2.1   Il-Kumitat jemmen li ta’ sikwit iż-żgħażagħ stess qatt ma jikkunsidraw kif il-mobilità għat-tagħlim tista’ tkun ta’ benefiċċju għalihom, b’mod partikulari billi ttejjeb il-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li twaqqfu portali tal-informazzjoni fl-internet dwar il-mobilità (13), fost l-oħrajn mill-Kummissjoni Ewropea, hemm dubju serju dwar kemm dawn huma faċli biex jintużaw u aċċessibbli. Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif ta’ portal Ewropew uniku fejn l-infomazzjoni kollha dwar il-programmi pan-Ewropej ta’ mobilità għat-tagħlim tkun tista’ tinstab faċilment, u minn fejn in-negozji jkunu jistgħu jsibu l-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ (CVs ta’ studenti) li qed ifittxu esperjenzi tax-xogħol (internships) u opportunitajiet ta’ apprendistat u viċe-versa.

4.2.2   In-netwerks tal-kumpaniji Ewropej u dawk professjonali (fosthom l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs) Ewropej għandhom jitħeġġu jżidu informazzjoni dwar il-programmi ta’ mobilità għat-tagħlim fis-siti tagħhom u jirreklamawhom fost il-membri tagħhom.

Il-“Punti ta’ Servizz” jaqdu rwol importanti biex l-SMEs u kumpaniji oħra interessati jingħataw pariri sabiex jitħeġġu jagħmlu sforz ikbar ħalli joffru aktar opportunitajiet ta’ xogħol liż-żgħażagħ.

4.2.3.1   Il-lingwi u l-kultura

4.2.3.2   Jekk verament irridu nneħħu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-mobilità, u nilħqu l-mira li kull ċittadin tal-UE jkun jitkellem tal-anqas żewġ lingwi oħra tal-UE (14), il-Kumitat jagħti l-parir li jsir studju tal-għażliet possibbli biex jidħol l-obbligu li l-għalliema tal-lingwi fl-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni ogħla jqattgħu sena barra mill-pajjiż u li l-Istati Membri jintalbu jagħmlu ħafna aktar sforzi permezz tal-politika tal-edukazzjoni biex tintlaħaq il-mira li kull ċittadin tal-UE jitkellem tal-anqas żewġ lingwi oħra tal-UE.

4.3   Kwistjonijiet legali

4.3.1   Il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod korrett il-liġi tal-Komunità u barra minn hekk ineħħu l-ostakli fl-oqsma tal-amministrazzjoni u l-leġiżlazzjoni: permessi ta’ residenza, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali u l-għarfien tal-karti tal-istudenti ta’ pajjiż ieħor. Il-Kumitat jemmen bi sħiħ li l-problemi tal-viża li jxekklu l-mobilità għandhom jissolvew immedjatament. Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu fl-UE għal skopijiet ta’ studju, taħriġ mhux imħallas, skambji bejn l-iskejjel jew attivitajiet volontarji għal perjodi itwal minn tliet xhur, id-Direttiva 2004/114 tistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi biex tħaffef il-proċedura tal-viża għalihom. Madankollu il-kriterju identifikat fid-Direttiva u relatat ma’ gruppi speċifiċi fil-fatt jista’ jfixkel il-mobilità (15). Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/114 biex tkopri liż-żgħażagħ li jipparteċipaw fis-Servizz tal-Volontarjat tal-UE, l-iskambji bejn l-iskejjel u t-taħriġ mhux imħallas.

4.4   X’għandu jsir biex tiġi promossa aktar mobilità għal ġewwa u ’l barra mill-UE?

4.4.1   Il-mobilità jrid ikollha sehem importanti fir-relazzjonijeit bejn l-UE u l-ġirien tagħha, li għandhom jipparteċipaw fid-diskussjoni dwar il-politika u l-organizzazzjoni tal-programmi.

4.4.2   Kif diġà ġie indikat, jeħtieġ li l-popolazzjoni Ewropea taġġorna l-ħiliet tagħha biex tlaħħaq mal-isfidi tal-globalizzazzjoni u kompetizzjoni akbar. Ir-riċerkaturi Ewropej għandu jkollhom aċċess għall-aqwa istituzzjonijiet tad-dinja biex iġibu l-esperjenzi u l-għarfien espert tagħhom fil-qasam Ewropew tar-riċerka, u l-istudenti Ewropej għandu jkollhom aċċess għall-aqwa stabbilimenti edukattivi fid-dinja. Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej, u l-attrazzjoni taż-żgħażagħ minn pajjiżi terzi lejn l-Ewropa huma żewġ elementi importanti għall-kompetittività futura tal-Ewropa. Biex tattirahom, l-UE jrid ikollha l-aqwa universitajiet. L-universitajiet u l-intraprendituri Ewropej qed ifittxu opportunitajiet biex itejbu l-kooperazzjoni ħalli jiżviluppaw il-kompetittività tagħhom fid-dinja tar-riċerka u l-iżvilupp (16).

4.4.3   Għal dan il-għan, il-Kumitat iqis li hemm bżonn li jiżdied in-numru ta’ pajjiżi barranin li jipparteċipaw fil-programmi ta’ mobilità tal-UE fit-tul. Il-Kumitat jemmen li kienet ħaġa tajba li l-firxa ġeografika tal-programm Erasmus Mundus twessgħet u għalhekk għandha titqies espansjoni simili għall-programm Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ.

4.4.4   Il-Kumitat jemmen li l-espansjoni gradwali u fit-tul tal-programmi ta’ mobilità għat-tagħlim f’pajjiżi terzi bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun u l-Istati Uniti jkun investiment raġonevoli.

4.4.5   Il-Kumitat jirrakkomanda b’qawwa li fl-istess waqt għandhom isiru sforzi kbar biex jiġi evitat it-telf ta’ nies kapaċi mill-Ewropa u biex l-Ewropa ssir post attraenti għax-xjenzjati ta’ oriġini Ewropea u għal dawk barra mill-Ewropa wkoll.

4.5   Rikonoxximent u Validazzjoni

4.5.1   Il-fatt li l-validazzjoni u r-rikonoxximent kemm tat-tagħlim formali kif ukoll dak mhux formali, jew għadu mhux suffiċjenti jew inkella nieqes għal kollox huwa ostaklu kbir għall-mobilità. L-istudju PRIME mmexxi mill-ESN juri li terz mill-istudenti għandhom problemi marbuta mar-rikonoxximent tal-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom. Jidher ċar li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u l-gvernijiet għad fadlilhom ħafna progress x’jagħmlu. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha għandhom jagħrfu, jirratifikaw u jimplimentaw minnufih u b’mod korrett il-konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-rikonoxximent.

4.5.2   Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-mobilità għat-tagħlim għandha tkun disponibbli għaż-żgħażagħ fil-forom kollha tal-edukazzjoni u fil-forom kollha tat-tagħlim: formali, mhux formali u informali. Trid tiġi promossa l-mobilità edukattiva bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni. Hemm bżonn li tinħoloq rabta bejn l-edukazzjoni ġenerali, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni ogħla u għandha tiġi implimentata kompletament s-sistema ta’ krediti biex tħaffef il-mobilità fl-EVT fejn l-istrutturi nazzjonali jvarjaw ħafna. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu żviluppati l-konnessjonijiet bejn it-taħriġ inizjali u dak kontinwu. Biex dan iseħħ hemm bżonn ta’ implimentazzjoni mgħaġġla u koerenti tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

4.5.3   Ir-rikonoxximent tad-differenzi bejn il-pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti għal gradi ogħla u l-aċċettazzjoni tal-għotjiet għal finijiet edukattivi (grants) ta’ xulxin, differenzi fl-indennizzi għal miżati u boroż ta’ studju oħra u kriterji oħra jridu jiġu assimilati bis-sħiħ kulfejn dan huwa meħtieġ. Pereżempju r-rekwiżiti għal Grad ta’ Masters fl-Ewropa mhumiex l-istess bħal dawk għal Grad ta’ Masters fil-Ġappun, fl-istess ħin l-istudenti Ġappuniżi jkollhom ikomplu jħallsu l-miżata lill-università tagħhom u dan ifisser li għalihom l-attendenza f’università fl-Ewropa hija diffiċli ħafna mil-lat finanzjarju.

4.6   Sħubija ġdida fil-qasam tal-mobilità għat-tagħlim

4.6.1   Il-miri tal-mobilità għat-tagħlim jistgħu jintlaħqu biss jekk ikun hemm kooperazzjoni sħiħa u mifruxa u jsir sforz fil-livelli kollha (l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll iż-żgħażagħ innifishom). Hemm bżonn ta’ prontezza ġenwina għall-azzjoni mill-Istati Membri biex il-mobilità għat-tagħlim tavvanza.

4.7   Għandna nistabbilixxu miri għall-mobilità fi ħdan l-UE?

4.7.1   Il-Kumitat jemmen li jrid isir aktar xogħol fuq l-istatistika wżata fil-Green Paper peress li huma biss statistiċi ġenwini li jistgħu jgħidulna kemm huma effettivi l-programmi attwali ta’ mobilità għat-tagħlim (17) u jgħinuna biex jitfasslu strateġiji sodi għall-ġejjieni b’miri reali għall-mobilità (%) għal gruppi ta’ mira differenti.

4.7.2   Hija ta’ importanza kruċjali li l-proċess ta’ Bolonja jpoġġi mira ċara għall-mobilità u miri simili għandhom jiġu stabbiliti għal oqsma oħra tal-edukazzjoni. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li jkun hemm miri għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, għall-għalliema, l-istudenti tal-iskola u l-edukazzjoni mhux formali. Dawn il-miri għandhom jiġu stabbiliti mhux biss għall-UE b’mod globali iżda wkoll għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, ir-reġjuni u l-istituzzjonijiet edukattivi għandu jkollhom il-miri tagħhom ukoll. Huma u jiġu stabbiliti l-għanijiet jeħtieġ li l-kwalità tal-edukazzjoni tingħata prijorità.

Brussell, 16 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  It-tagħlim jista’ jkun formali – fi ħdan is-sistema edukattiva – jew informali – fil-kuntest taż-żgħażagħ u l-volontarjat.

(2)  Rapport strateġiku dwar il-verżjoni mġedda tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010), COM(2007) 803.

(3)  Rapport tal-Forum tal-Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Mobilità, Ġunju 2008, http://ec.europa.eu/education/doc/2008/mobilityreport_en.pdf.

(4)  http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/conference/documents/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqué_April_2009.pdf.

(5)  Erasmus, Leonardo, Comenius, Grundtvig, Marie Curie, il-Programm Kultura, Żgħażagħ fl-Azzjoni, Is-Servizz Volontarju Ewropew fil-Programm taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni, il-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini).

(6)  It-Tuneżija, il-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel.

(7)  Erasmus, Leonardo, Comenius, Grundtvig, Marie Curie, il-Programm Kultura, Żgħażagħ fl-Azzjoni, Is-Servizz Volontarju Ewropew fil-Programm taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni, il-Programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini.

(8)  Europass, is-Sistema Ewropea ta' Trasferiment u Akkumulazzjoni tal-Credits (European Credit Transfer and Accumulation System – ECTS) (għall-edukazzjoni ogħla), is-Supplement tad-Diploma, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim li jissokta matul il-ħajja, is-Sistema Ewropea ta’ Credits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), Youthpass, EURAXESS, id-Direttiva dwar “il-viża tal-istudenti” u l-pakkett dwar “il-viża tal-istudenti”.

(9)  Id-dottorati huma differenti f’kull Stat Membru u hemm varjazzjoni wiesgħa fis-sistemi tal-ETV minn pajjiż għall-ieħor.

(10)  Is-settur privat mhuwiex informat biżżejjed dwar programmi ta’ appoġġ tal-mobilità għat-tagħlim u mhuwiex ċar x’benefiċċji jistgħu joffru lil min iħaddem.

(11)  Il-figuri (2002–03) juru li medja ta’ 1,3 sa 1,6 lingwi barranin jiġu mgħallma għal kull student fl-Istati Membri ġeneralment fl-ewwel snin u dawk ogħla tal-edukazzjoni sekondarja rispettivament. Studenti fl-EVT jinsabu aktar imbegħda mill-mira ta’ kompetenza f’żewġ lingwi barranin.

(12)  3 % biss tal-SMEs fl-Ewropa għandhom is-sussidjarji, fergħat jew intrapriżi bi sħab (joint ventures) f’pajjiżi oħra.

(13)  PLOTEUS (portal dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim madwar l-Ewropa kollha), il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, Study in Europe, Euraxess – Researchers in motion, is-sit elettroniku ta’ Marie Curie għall-azzjonijiet kollha ta’ Marie Curie, YourEurope, Euroguidance, EURES u Eurodesk, Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ u l-appoġġ tal-UE għat-taħriġ u l-mobilità għall-SMEs.

(14)  Il-mira stabbilita mill-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona 2002.

(15)  Pereżempju, id-Direttiva teħtieġ li studenti minn pajjiżi terzi jkollhom mezzi finanzjarji minimi biex ikopru l-ispejjeż tal-għejxien tagħhom.

(16)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji”, COM(2009) 158 finali.

(17)  Barra minn hekk l-analiżi komparattivi ma’ skemi bilaterali tal-mobilità għat-tagħlim, pereżempju “Vulcanus” fl-Ewropa u fil-Ġappun (għall-istudenti tal-inġinerija u x-xjenza) għandhom jiġu kkunsidrati, peress li huma effettivi u mmirati tajjeb.


Top