Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1936

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali – Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” COM(2009) 201 finali

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 61–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali – Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”

COM(2009) 201 finali

(2010/C 255/11)

Relatur: is-Sur BURANI

Nhar it-28 ta’ April 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali – Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa

COM(2009) 201 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Novembru. Ir-relatur kien is-Sur Burani.

Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-17 ta’ Dicembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Komunikazzjoni tirrappreżenta l-kontribut tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u r-rifuġji fiskali, imħabbra mill-G-20 u kkonfermata mill-Kunsill ECOFIN u l-Kunsill Ewropew. Ilna nimmiraw għall-ksib ta’ governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa għal ċertu żmien: b’rabta ma’ dan il-qasam ġew stabbiliti għadd ta’ regoli dwar il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u ma’ pajjiżi terzi dwar għajnuna reċiproka, it-tassazzjoni tad-dħul mit-tfaddil u l-irkupru għall-irkupru tat-talbiet tat-taxxa; ġiet ippubblikata kodiċi tal-kondotta bil-għan li tiġi evitata kompetizzjoni fiskali dannuża. Dan kollu juri li l-Ewropa tqis li l-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa hija ta’ importanza fundamentali, u dan turih fil-prattika.

1.2   Il-komunikazzjoni diskussa hawnhekk tistabbilixxi l-azzjonijiet prinċipali li l-Kummissjoni qed tipproponi li tieħu, b’mod partikolari fil-parti dwar is-segwitu tal-inizjattivi tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); Dan kollu jirrappreżenta pjan integrat ta’ regolazzjonijiet, negozjati u innovazzjonijiet fil-kriterji li fuqhom jissejsu ċerti politiki. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel bis-sħiħ mal-firxa tal-miżuri proposti u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Dwar aspett partikolari, dak tal-konsistenza bejn l-appoġġ finanzjarju mogħti lil bosta pajjiżi f’forom differenti u l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ dawn l-istess pajjiżi fi kwistjonijiet tat-taxxa, jittama li l-UE tadotta approċċ sod u responsabbli: b’mod aktar espliċitu, il-politika ta’ għajnuna inkondizzjonata, mingħajr ma din tiġi reċiprokata.

1.3   Ma tantx jagħmel sens li nelenkaw il-punti li hemm qbil dwarhom: dan itawwal id-dokument bla bżonn u ma jagħtih l-ebda valur addizzjonali; Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jissemmew ċerti problemi fundamentali li jistħoqqilhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

Fl-introduzzjoni tal-Kummissjoni, il-governanza fi kwistjonijiet tat-taxxa titqies bħala mezz li tipprovdi “tweġiba kkoordinata” għall-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-terroriżmu; għalhekk, naffermaw mill-ġdid il-prinċipju ta’ ġlieda globali biex tindirizza dawn il-problemi. Fil-fatt, però, din l-affermazzjoni tqajjem ċerti dubji: il-governanza fiskali waħedha ma tistax tilqa’ l-isfidi tal-ġlieda kontra elementi oħra li jistgħu jkunu marbuta mat-taxxa inkella le, iżda jkunu ġejjin minn sorsi differenti: il-ħasil tal-flus bħala prodott tal-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni.

1.4.1   It-tielet direttiva dwar il-ħasil tal-flus  (1)tqis il-frodi fiskali bħala “reat serju”, li għaldaqstant, għandu jkun suggett għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva nnifisha. Fil-prattika, ma jiġrix hekk: l-evażjoni (jew il-frodi) fiskali hija indirizzata f’sensiela ta’ direttivi speċifiċi li jneħħu din il-kwistjoni mill-kompetenza u s-setgħat tal-awtoritajiet kontra l-ħasil tal-flus u jpoġġuha fil-kompetenza tal-awtoritajiet fiskali biss. Għalhekk, toħroġ fid-dieher il-problema ta’ regoli sovraposti, jew pjuttost il-bżonn ta’ delimitazzjoni ċara tas-setgħat u l-kompetenzi: it-tielet direttiva għandha terġa’ tiffoka fuq l-għan iddikjarat tagħha, u għalhekk jiġu esklużi r-reati fiskali u finanzjarji f’każijiet fejn dawn ma jkunux ta’ oriġini kriminali jew terroristika; Għall-kuntrarju, id-direttivi dwar it-taxxa għandhom jeskludu r-reati ta’ oriġini kriminali jew terroristika mill-kompetenza tal-awtoritajiet fiskali. Ovvjament, dejjem ser jinqalgħu każijiet fejn iż-żewġ problemi jikkoinċidu, iżda almenu jkunu laħqu ġew stabbiliti prinċipji bażiċi ċari.

1.4.2   Attwalment, id-direttivi dwar il-ħasil tal-flus u d-direttivi dwar it-taxxi donnhom ħadu żewġ rotot differenti; iżda, it-tort mhuwiex tal-Kummissjoni, iżda tas-suddiviżjoni tas-setgħat u l-kompetenzi: fil-livell dinji, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huma r-responsabbiltà tal-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja (2), u fil-livell Ewropew huma r-responsabbiltà tal-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni; l-evażjoni tat-taxxa hija indirizzata mill-G-20 u, fil-livell Ewropew, mill-Kunsill ECOFIN. Fl-ebda dokument ma jissemmew il-bżonn ta’ kooperazzjoni, ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ tqassim tal-kompiti bejn l-awtoritajiet differenti. Il-KESE jitlob li din is-sitwazzjoni tissewwa, għaliex inkella l-għan aħħari ta’ “ġlieda globali” jibqa’ wieħed astratt u ma jkunx jista’ jintlaħaq.

1.5   Dan il-kunċett ta’ ġlieda globali jwitti t-triq għall-kwistjoni tar-rifuġji fiskali, li tingħatalhom attenzjoni biss meta jkun qed jiġi diskuss is-suġġett tal-evażjoni tat-taxxi. Il-problema tal-flus marbutin mal-kriminalità organizzata jew maħsuba għall-finanzjament tat-terroriżmu għadha mċajpra. Din il-problema tirrigwarda mhux biss l-aktar ċentri magħrufa, li magħhom l-awtoritajiet fiskali qegħdin jinnegozjaw bħalissa, iżda wkoll u fuq kollox ċerti ċentri finanzjarji emerġenti lokalizzati f’żoni li fihom, ċerti aspetti ġeopolitiċi jistgħu jaffettwaw ir-rieda li jsiru dawn in-negozjati.

1.6   Problema diffiċli li ma tissemmiex hija dik tal-bnadar ta’ konvenjenza  (3), sors ta’ flussi konsiderevoli ta’ kapital perfettament legali anke jekk jinħelsu mit-taxxi. Dawn normalment jispiċċaw temporanjament f’rifuġji fiskali, u mbagħad jitilqu minnhom biex jiġu investiti mill-ġdid. Huma kemm huma dubbjużi għal diversi raġunijiet, il-bnadar ta’ konvenjenza jeżistu bil-kunsens taċitu tal-pajjiżi kollha: fil-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, għandhom jiġu evitati l-konsegwenzi mhux mixtieqa fuq attivitajiet leġittimi u d-devjazzjoni tal-kapital lejn ċentri inqas kooperattivi.

1.7   Il-konklużjoni: Fil-fehma tal-KESE, l-Ewropa għamlet u għadha qed tagħmel ħafna xogħol fil-qasam tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u tal-aspetti finanzjarji tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Madankollu, jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-leġiżlaturi għal xi nuqqasijiet serji: ma hemmx koordinazzjoni effettiva bejn il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u dik kontra l-kriminalità, u lanqas ma hemm distinzjoni ċara bejn il-kompiti u l-kompetenzi tal-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni ta’ dawn il-fenomeni differenti. Dawn sikwit ikollhom aspetti marbuta kemm mal-evażjoni fiskali kif ukoll mal-kriminalità jew it-terroriżmu, u għalhekk diffiċilment jiġu attribwiti: din hija raġuni oħra għala hemm bżonn ta’ kooperazzjoni strutturata bejn l-awtoritajiet differenti. Din ix-xorta ta’ kooperazzjoni ma tissemmix fil-programmi tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.

2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1   Id-dokument tal-Kummissjoni jiġbor fih sensiela ta’ ideat fil-qasam tal-governanza fiskali. Dawn l-ideat jirriflettu r-riżultati ta’ sensiela ta’ laqgħat: tal-pajjiżi tal-G-20 f’Novembru 2008, tal-Kunsill ECOFIN f’Diċembru 2008, tal-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G-20 fl-14 ta’ Marzu 2009, tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009, u fl-aħħar nett tas-Summit tal-G-20 fit-2 ta’ April 2009. Il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat jixhdu li teżisti r-rieda li tittieħed azzjoni kontra l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, inklużi r-rifuġji fiskali, u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet bil-għan li jitħarsu l-finanzi pubbliċi u s-sistemi finanzjarji. B’mod partikolari, is-Summit tal-G-20 osserva li: “intemmet l-epoka tas-sigriet bankarju”.

2.2   L-għan tal-komunikazzjoni huwa li jiġi identifikat il-kontribut potenzjali tal-UE għall-governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. Fi tliet kapitli distinti, tanalizza kif din tista’ titjieb; l-istrumenti għall-promozzjoni tagħha fil-prattika; u r-rwol li jaqdu l-Istati Membri biex jappoġġjaw l-inizjattivi meħuda mill-OECD u n-NU permezz ta’ azzjonijiet koordinati fi ħdan l-UE u fil-livell dinji.

2.3   Il-Kummissjoni ilha żmien timmira li tikseb governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa permezz ta’ kooperazzjoni fi ħdan l-UE u, b’mod aktar wiesa’, permezz ta’ kooperazzjoni mal-OECD fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tar-rifuġji fiskali.

B’mod ġenerali, il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni fiskali jista’ jitqies bħala wieħed sodisfaċenti: tfasslu għadd ta’ direttivi – jew inkella qed jiġu dikussi bħalissa – dwar l-għajnuna reċiproka, it-tassazzjoni tad-dħul mit-tfaddil u l-irkupru tat-talbiet tat-taxxa. Għadna ma nafux kif, u b’liema reqqa, l-Istati Membri ser iħaddmu r-regoli Komunitarji fil-prattika.

2.4.1   Fil-qasam tal-kompetizzjoni fiskali dannuża, ġiet ippubblikata Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-tassazzjoni tan-negozji (4), li diġà tat riżultati inkoraġġanti, għalkemm jista’ jsir xi titjib. Il-Kodiċi ġiet adottata mill-Istati Membri u t-territorji dipendenti tagħhom; it-twessigħ ta’ din il-kodiċi bil-għan li tapplika wkoll għall-pajjiżi terzi jagħmel parti mill-programm ta’ ħidma tal-2009–2010. Is-suġġett rikorrenti fost dawn il-kwistjionijiet kollha huwa t-trasparenza; il-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna tal-istat b’rabta mal-miżuri dwar it-tassazzjoni tan-negozji hija ċara wkoll.

Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri biex tiżgura segwitu adegwat għall-inizjattivi tal-OECD fil-livell internazzjonali. Għalissa, qed tistenna bil-ħerqa li “l-impenji importanti li saru dan l-aħħar” jiġu implimentati. Dawn l-impenji huma tnejn: l-ewwel nett, l-OECD beħsiebha tneħħi l-iskemi tat-taxxa preferenzjali tat-30 pajjiż membru tagħha, u t-tieni nett, għamlet pressjoni – u beħsiebha tkompli tagħmel dan – fuq il-pajjiżi mhux membri bil-għan li takkwista mingħandhom il-wegħda ta' impenn politiku li jikkooperaw mal-pajjiżi tal-OECD.

2.5.1   L-OECD ikkuntattjat bosta pajjiżi – prattikament id-dinja kollha – u dan diġà ta l-ewwel frott: 35 pajjiż mhux membru, fosthom bosta rifuġji fiskali, taw l-impenn politiku tagħhom li jikkooperaw fil-qasam tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni. Għadd ta’ pajjiżi oħra (5) dan l-aħħar impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-istandards tal-OECD fil-qasam tal-iskambju ta' informazzjoni fuq talba, indipendentement mill-eżiġenzi nazzjonali u s-sigriet bankarju.

Rigward il-politika internazzjonali, il-Kummissjoni qed taħdem biex jintlaħaq qbil dwar prattiki ta’ governanza fiskali tajba ma’ għadd ta’ pajjiżi (6); b’mod aktar formali, f’Mejju 2008, il-Kunsill ECOFIN talab li jiġi inkluż standard dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni fil-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi terzi. F’Diċembru tal-istess sena, l-introduzzjoni tal-istandard saret aktar ħarxa, peress li saret talba biex il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u kontra l-ġurisdizzjonijiet li jirrifjutaw li jikkooperaw tkun aktar qalila.

2.6.1   Fil-qasam tat-tassazzjoni tat-tfaddil, il-Kummissjoni rnexxielha tikkonvinċi lil ċerti pajjiżi terzi (7), kif ukoll lit-territorji dipendenti jew associati tal-Istati Membri (li xi wħud minnhom qabel kienu klassifikati fost ir-rifuġji fiskali) biex japplikaw miżuri li huma uguali jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-direttivi Komunitarji. Bħalissa għaddejjin taħdidiet esploratorji ma’ pajjiżi oħra (8), iżda n-negozjati formali għadhom ba bdewx.

2.6.2   Bħalissa għaddejjin sensiela ta’ negozjati mal-pajjiżi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (9) u l-Isvizzera. Il-pajjiżi fiż-ŻEE japplikaw b’mod dirett il-prinċipji tas-suq uniku, mentri rigward l-għajnuna mill-Istat japplikaw “regoli simili”. Ir-relazzjonijiet mal-Isvizzera huma regolati mill-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-1972, iżda dan l-aħħar tqajmu dubji dwar ċerti aspetti. Għaddejjin negozjati mal-Liechtenstein dwar ftehim ġdid kontra l-frodi. Il-qasam kollu qiegħed f’fażi ta’ żvilupp.

2.6.3   Il-prinċipji tat-trasparenza, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni ġew inklużi fil-pjani ta’ azzjoni u l-ftehimiet konklużi ma’ bosta pajjiżi fil-qasam tal-politika Ewropea tal-viċinat u l-politika tat-tkabbir. Il-Kummissjoni qed taħdem biex twessa’ dawn il-prinċipji bil-għan li tħaddan ukoll għadd ta’ pajjiżi terzi: l-ewwel diskussjonijiet ma’ xi wħud mill-pajjiżi jidhru inkoraġġanti, iżda jaqbel li jiġi stabbilit x’tip ta’ pożizzjoni għandha tittieħed fil-konfront ta’ dawk il-pajjiżi li sa issa rrifjutaw l-idea.

2.6.4   Qed tingħata attenzjoni partikolari lin-negozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw: mentri ċerti pajjiżi laqgħuhom mingħajr ħabi, oħrajn urew reżistenza, li jeħtieġ li tingħeleb, possibbilment billi l-finanzjament previst skont Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-10 Fond Ewropew ta’ Żvilupp (EDF) jiġi allokat bil-kundizzjoni li jiġu aċċettati r-regoli dwar il-governanza fiskali.

2.7   Wieħed mill-kapitli tal-komunikazzjoni jelenka l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa: dawk interni, fil-forma tad-direttivi msemmija fil-punt 2.4, u dawk esterni, biex jingħata segwitu prattiku għall-inizjattivi msemmija fil-punt 2.5. Ta’ min jinnota li l-Kummissjoni ġustament titlob lill-Kunsill jagħtiha biżżejjed flessibbiltà fin-negozjati, li hija meħtieġa biex tkun tista’ tadatta l-politika ġenerali għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż. Ingħatat attenzjoni partikolari lill-inċentivi b'rabta mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li qed jiġi propost li jintużaw fil-konfront tal-pajjiżi li juru ċerta reżistenza biex iħeġġuhom ikunu iktar miftuħa (ara l-punt 2.6.4 hawn fuq).

2.8   Il-Kummissjoni tikkonkludi billi tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għall-importanza tal-miżuri proposti u għall-bżonn li tiġi żgurata traspożizzjoni rapida fil-livell nazzjonali tad-direttivi li nħarġu, li jitħaffef il-proċess għal dawk li jkunu qed jiġu analizzati, li jiġu adattati politiki aktar koerenti u kkoordinati b'mod aktar effettiv fil-livell tal-UE, u fl-aħħar nett li tiġi żgurata koerenza akbar bejn il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri individwali u l-prinċipji ta’ governanza li dwarhom intlaħaq qbil.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti

3.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni: kien wasal iż-żmien li jitfassal metodu ta’ azzjoni u ta’ mġiba fil-qasam kumpless tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxi, fil-qafas ta’ governanza fiskali tajba. Il-Kumitat ma jistax ħlief jagħti l-appoġġ u l-kunsens tiegħu rigward kull aspett imsemmi mill-Kummissjoni u l-miżuri proposti minnha. Madankollu, iħoss li huwa fid-dmir tiegħu jiġbed l-attenzjoni għal ċerti problemi fundamentali u għal oħrajn aktar dettaljati li fil-fehma tiegħu jistħoqqilhom analiżi bir-reqqa.

Il-Kummissjoni tqajjem il-problema tal-koerenza bejn l-appoġġ finanzjarju tal-UE għal ċerti pajjiżi u l-livell ta’ kooperazzjoni tagħhom mal-prinċipji tal-governanza fiskali (ara l-punt 2.7 hawn fuq). Tqajjem il-possibbiltà li jittieħdu “miżuri xierqa” fl-okkażjoni tar-reviżjoni intermedja li jmiss tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u li jiġu introdotti miżuri speċifiċi fil-ftehim ta’ Cotonou (10). Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tal-allokazzjoni tal-fondi lill-pajjiżi li ma jikkooperawx u, bil-kontra, jiġu pprovduti inċentivi fil-forma ta’ għajnuna teknika u fondi addizzjonali lil dawk li jkollhom ir-rieda jwettqu l-impenji tagħhom.

3.2.1   Għalhekk, qed jiġi propost li jiġi introdott kunċett fil-politika tal-UE dwar l-appoġġ lill-pajjiżi l-oħra, li jagħmilha possibbli li l-għajnuna trid tkun meritata u trid tintwera evidenza konkreta tar-rieda ta' kooperazzjoni, anke – iżda mhux biss – fil-qasam tat-taxxa. Fil-fehma tal-KESE, l-atti li jistabbilixxu l-mezzi li bihom tingħata l-għajnuna għandu jkollhom klawżola espliċita dwar dan. Hemm bżonn ta’ bidla ċara u espliċita fil-politika dwar l-għoti tal-fondi, li għandha ssir mezz għat-tħeġġiġ ta' proċess konkret u verifikabbli ta' progress etiku, soċjali u ekonomiku. Il-gvernijiet korrotti mhux ser ibiddlu fehmthom għax issir talba għall-kooperazzjoni: l-uniku mod biex jiġu pperswaditi hija li jiġu mhedda l-interessi tagħhom. Għad mhux magħruf sa liema punt il-proposta tal-Kummissjoni tista’ tissarraf fil-prattika: l-eżitazzjonijiet ta' natura politika u soċjali jistgħu jaqdu rwol ewlieni rigward l-implimentazzjoni tagħha.

Għadd ta’ kummenti oħra huma marbuta mal-affermazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni fl-introduzzjoni tagħha, li tqis il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa bħala mod biex tagħti “tweġiba kkoordinata” għall-problemi marbuta mal-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-terroriżmu. Dan b’hekk jafferma mill-ġdid il-kunċett – li kemm-il darba ġie enfasizzat u li l-Kumitat iħaddan – li ġlieda globali biss tista’ ġġib fis-seħħ strateġija għall-ħarsien tas-soċjetà minn kull tip ta’ reat kriminali – kriminali, terroristiku jew fiskali.

3.3.1   Il-miżuri kollha msemmija mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha huma utli fil-qasam tal-governanza fiskali; iżda, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ma hemmx referenza ċara għal strateġija globali. L-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa jew huma ppjanati fil-qasam tat-tassazzjoni għandhom kemm jimxu b’mod parallel ma’ dawk fl-oqsma tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll ikun konsistenti magħhom. Wieħed mill-ewwel passi li għandu jittieħed huwa li jitneħħew ċerti oqsma dubbjużi u l-inkonsistenzi bejn id-direttivi dwar it-taxxi u dawk dwar il-ħasil tal-flus.

Id-direttivi dwar il-ġlieda kontra l-frodi fiskali ma jirreferux għad-dispożizzjonijiet tat-tielet direttiva dwar il-ħasil tal-flus (MLD) (11), minkejja l-fatt li d-direttiva tinkludi l-frodi fiskali (jew almenu ċerti aspetti tagħha) fost ir-“reati serji (12). Għalhekk, dak li jkun jista’ jiġih dubju dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-MLD japplikawx għall-qasam tat-tassazzjoni, b’mod partikolari rigward l-obbligi marbuta mar-rappurtar, il-funzjonijiet tal-FIUs (13), u l-koinvolġiment ta’ partijiet terzi, fosthom il-professjonijiet liberi (14). Fil-fatt, it-tweġiba hija le: fid-direttivi “fiskali”, il-ġlieda kontra l-frodi hija fdata lill-awtoritajiet fiskali biss, u ma hemm xejn imsemmi la dwar il-kompetenzi tal-FIUs jew xi rabtiet magħhom u lanqas dwar id-dispożizzjonijiet tal-MLD.

3.4.1   Għalhekk, teżisti diskrepanza bejn l-oqsma leġiżlattivi u operattivi fid-direttivi Komunitarji. Fil-prattika, il-konfini bejn il-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus minn attivitajiet kriminali, anke jekk teoretikament jistgħu jiġu ddeterminati, jistgħu jkunu inċerti jew ineżistenti: pereżempju, l-evażjoni tal-VAT tista’ titqies bħala kuntrabandu (ħasil) jew frodi fiskali, u tista’ tixħet dawl fuq rabtiet bejn negozji li milli jidher huma normali u t-traffikar tad-drogi, tal-armi, eċċ.; il-korruzzjoni dejjem timplika evażjoni tat-taxxa, iżda sikwit tostor tipi oħra ta’ reati ferm aktar serji; it-trasferimenti ta’ flus “dubbjuż” mil-lat fiskali jistgħu jostru attivitajiet terroristiċi. Jeżistu bosta dubji rigward interpretazzjoni u kunflitti potenzjali ta’ kompetenzi.

3.5   Għaldaqstant, hemm bżonn li s-suġġett kollu jiġi kkunsidrat mill-ġdid u jiġi eżaminat mill-qiegħ: l-MLD għandu jmur lura għall-għan iddikjarat oriġinali tiegħu, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u jiġu esklużi b’mod espliċitu r-reati fiskali u finanzjarji fil-każijiet fejn dawn mhumiex taoriġini kriminali jew terroristika. Min-naħa l-oħra, id-direttivi dwar il-qasam tat-taxxa għandhom jeskludu mill-kompetenza tal-awtoritajiet fiskali kull reat ta’ natura kriminali jew terroristika ċara. Mingħajr ma noħolqu ġerarkija tavaluri, l-importanza politika u soċjali tal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu hija akbar minn dik tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. Iżda, iż-żewġ oqsma huma marbuta mill-qrib, mhux biss minħabba l-inċertezzi li semmejna qabel rigward il-konfini, iżda wkoll f’dak li huwa l-użu fil-prattika tal-kunċett tal-“ġlieda globali”, li jimplika li l-awtoritajiet differenti għandhom l-obbligu jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni ma’ xulxin. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti tissemma f’komunikazzjoni maħruġa fl-2004 (15), iżda ma tissemma fl-ebda direttiva.

3.6   Is-suddiviżjoni jew l-irduppjar tal-kompetenzi jirrifletti t-tqassim tas-setgħat fil-livell tal-Kunsill: il-problemi tal-evażjoni fiskali u tar-rifuġji fiskali jiġu ttrattati mill-Kunsill ECOFIN, filwaqt li l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu hija fdata f’idejn il-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni. L-istess suddiviżjoni tinstab fil-livell dinji: il-G-20 u l-FATF (16) qishom ġejjin minn żewġ dinjiet differenti. Teżisti rabta fi ħdan l-OECD, iżda fil-livell ċentrali biss: il-kuntatti fil-livell nazzjonali jvarjaw skont il-kompetenzi ministerjali.

Id-dikjarazzjonijiet uffiċjali jagħtu l-impressjoni li teżisti r-rieda politika biex titmexxa ’l quddiem ġlieda globali effettiva; iżda ma jidhirx li ser jinstabu soluzzjonijiet prattiċi fil-ġejjieni qarib, sakemm l-aktar livelli politiċi u finanzjarji għoljin ma jkunux konxji tal-problema b’mod ċar. Taħt kull ċirkustanza, għandu jsir eżami preliminari urġenti ta’ ċerti aspetti fundamentali mill-aktar fis. Dan l-eżami bla dubju għandu jevalwa l-fenomenu tar-rifuġji fiskali  (17) inġenerali. Bis-saħħa tal-azzjoni tal-OECD u tal-Kummissjoni, bosta rifuġji fiskali dan l-aħħar qablu li jaħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali (18), billi jabolixxu jew jillimitaw is-sigriet bankarju, tant illi l-ebda pajjiż ma għadu jidher fl-hekk imsejħa “lista sewda” (19). Il-ġejjieni qarib jurina jekk u sa liema punt dawn il-wegħdiet inżammux.

3.7.1   Iżda, il-listi mhumiex eżawrjenti, jew almenu jagħtu lok għall-inċertezzi. Iċ-ċentri finanzjarji emerġenti huma kkaratterizzati minn ċertu nuqqas ta’ trasparenza; uħud minn dawn iċ-ċentri għandhom – jew jista’ jkollhom fil-futur – il-karatteristiċi ta’ “rifuġju”, jew saħansitra “ġenna”, għall-finijiet ta’ taxxa jew ta’ skopijiet oħra: ċerti pajjiżi tal-Asja tax-Xlokk, il-pajjiżi tal-Golf, iżda wkoll sa ċertu punt l-Indja, Singapor u ċ-Ċina (Ħong Kong huwa biss il-pajjiż li jinsab fuq quddiem nett tal-qasam finanzjarju Ċiniż). Għalkemm il-finanzjament tat-terroriżmu huwa inkluz fost il-klawżoli “standard”, it-trattativi sikwit jindirizzawh biss b’mod superfiċjali, minħabba li jgħaddi minn kanali li ċertament ma jridux joħorġu fid-dieher, u wisq anqas iridu jinnegozjaw. Dawn il-problemi u oħrajn huma tant delikati li wieħed jifhem id-diskrezzjoni li biha huma ttrattati, iżda b’daqshekk m’għandhomx jiġu injorati.

3.7.2   Hemm aspetti oħra wkoll li ma jissemmewx: it-traffikar tal-armi, li sikwit jinbiegħu legalment u bl-awtorazzizzjonijiet uffiċjali meħtieġa, li mbagħad, permezz ta’ mezzi sigrieti, jintużaw fil-gwerer u f’atti ta’ terroriżmu f’ħafna pajjiżi. Dan it-traffikar spiss jiġi ffinanzjat mill-qligħ tal-bejgħ tad-drogi: dan kollu jalimenta fluss kbir ta’ flus li donnu jisparixxi f’“abbiss iswed” bla qiegħ. Dan il-fenomenu huwa magħruf tajjeb, iżda żgur ma jistax jiġi indirizzat bis-sħiħ permezz tad-direttivi, il-ftehimiet jew l-inkjesti: huwa ta’ natura kompletament differenti u jinvolvi l-politika dinjija.

3.7.3   Il-fenomenu tar-rifuġji fiskali inġenerali huwa problema li trid tiġi indirizzata, filwaqt li nżommu quddiem għajnejna l-aspetti ġeopolitiċi li jaffettwaw kwalunkwe soluzzjoni. Fir-rigward ta’ x’inhuwa possibbli fil-prattika, il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u t-terroriżmu (iżda qabel kollox kontra t-terroriżmu) għandha tkun globali, safejn hu possibbli; jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna li r-rebħa totali hija mira li għadha ’l bogħod wisq biex tintlaħaq. L-ewwel u qabel kollox, huwa importanti li nkomplu noqogħdu attenti li ma nħallux li l-attivitajiet jiġu żvijati minn ċentri magħrufa għal oħrajn li huma inqas magħrufa, li forsi jistgħu jkunu wkoll ostili jew inqas disposti li jinnegozjaw. Il-kriżi attwali qed taċċelera l-bidla gradwali fl-ekwilibriju politiku fost iċ-ċentri finanzjarji dinjija: l-Asja u d-dinja Iżlamika huma l-poteri emerġenti l-ġodda, li t-twemmin u l-imġiba tagħhom mhux bilfors jixbhu lil dawk li tradizzjonalment jikkaratterizzaw id-dinja Oċċidentali.

Problema oħra, li b’xi mod hija marbuta mar-rifuġji fiskali, hija dik tal-bnadar ta’ konvenjenza (FOC – flags of convenience), li taħthom huma rreġistrati 63 % tal-flotta merkantili dinjija, kif ukoll numru ġmielu ta’ inġenji tal-baħar kbar użati għad-divertiment: il-biċċa l-kbira ta' dawn huma bbażati f'rifuġji fiskali u jipprovdulhom ammonti sostanzjali ta’ fondi minn sorsi perfettament legali, anke jekk igawdu minn eżenzjoni sħiħa jew kważi mit-taxxi. Fost il-pajjiżi li jospitaw reġistri ta’ din ix-xorta nsibu xi pajjiżi tal-UE.. Il-flotot li jbaħħru taħt bnadar ta’ konvenjenza għandhom vantaġġ kompetittiv fuq dawk li jtajru bnadar nazzjonali, u n-nollijiet iċċarġjati jirrappreżentaw ħrib, iżda zgur mhux evażjoni, mit-taxxi “uffiċjali”. Barra minn hekk, mhumiex soġġetti għall-obbligi stabbiliti fil-ftehim kollettiv dwar il-baħħara.

3.8.1   Ma hemm l-ebda intervent fiskali ppjanat fil-konfront tal-bnadar tal-konvenjenza, mhux biss għax ma hemm l-ebda bażi legali għal azzjoni ta’ din ix-xorta, iżda wkoll għaliex kwalunkwe intervent fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet fiskali biss iġib miegħu ir-riskju li, fost affarijiet oħra, jagħmel ħsara lill-attività ekonomika li hija fundamentali għad-dinja kollha u li jdgħajjef fluss importanti ta’ investimenti fl-ekonomija dinjija. Apparti konsiderazzjonijiet morali serji, il-bnadar tal-konvenjenza iservu ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u jevitaw ir-regoli stabbiliti fil-ftehim kollettiv – u dan kollu bil-kunsens taċitu, jew rassenjazzjoni taċita, tal-gvernijiet dinjija. Fil-livell Komunitarju, l-uniċi regoli li jikkonċernawhom huma dawk dwar is-sigurtà fuq il-baħar u t-traffiku.

3.8.2   Dawn l-aspetti qed jissemmew sabiex jiġi enfasizzat il-fatt li mhux il-fondi kollha li jgħaddu għar-rifuġji fiskali, u mbagħad joħorġu minnhom u jiġu investiti f’ċentri finanzjarji dinjija (20), jikkostitwixxu evażjoni fiskali, ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-azzjonijiet fil-qasam fiskali proposti mill-G-20 u ppreżentati mill-Kummissjoni jistħoqqilhom jiġu appoġġjati: dawn għandhom ikopru wkoll l-aspetti tal-ħasil tal-flus u t-terroriżmu, iżda għandhom joqogħdu attenti biex jevitaw riperkussjonijiet mhux mixtieqa fuq l-attivitajiet u l-flussi finanzjarji leġittimi jew tal-anqas mhux illegali.

3.8.3   Il-ġurnata li r-rifuġji jikkooperaw u jkunu trasparenti tkun avveniment storiku; l-oqsma dubbjużi – l-hekk imsejħa “grey areas” – li baqa’, u li probabbilment ser jibqgħu magħna, juru li, minbarra li nimmiraw lejn prinċipji ġenerali, jeħtieġ ukoll nimmiraw lejn għanijiet raġonevoli, anke jekk mhux perfetti. Meta wieħed jikkunsidra kollox, toħroġ fid-dieher il-ħtieġa li l-inizjattivi fil-qasam finanzjarju u fiskali jkunu ggwidati u kkontrollati mill-awtoritajiet politiċi bħala parti mill-istrateġija tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. F’dan l-aħħar qasam, l-Unjoni Ewropea teħtieġ politika komuni: għan li l-gvernijiet għandhom iqisu bħala prijorità, iżda li, fiċ-ċirkustanzi preżenti, għadu ’l bogħod milli jintlaħaq.

Brussell, 17 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Id-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU L 309, 25.11.2005.

(2)  Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja, korp fi ħdan l-OECD.

(3)  Il-bastimenti jtajru “bandiera ta’ konvenjenza” (magħrufa bl-Ingliż bħala FOC – flag of convenience) meta jkunu reġistrati f’pajjiż li ma tantx għandu regoli bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi jew li jiġu evitati r-regolamenti meqjusa bħala piż żejjed. Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema fil-qasam tat-Trasport fasslet lista ta’ 32 “reġistru” li fil-fehma tagħha huma “FOC”.

(4)  Ftehim milħuq fi ħdan il-Kunsill ECOFIN tal-1 ta’ Diċembru 1997.

(5)  Fost l-oħrajn, l-Isvizzera, l-Awstrija, il-Belġju, Ħong Kong, il-Makaw, Singapor, iċ-Ċili, Andorra, il-Liechtenstein u Monako.

(6)  Il-pajjiżi tal-Karibew u l-gżejjer tal-Paċifiku.

(7)  L-Isvizzera, il-Liechtenstein, San Marino, Monako u Andorra.

(8)  Ħong Kong, il-Makaw u Singapor.

(9)  L-Islanda, il-Liechstenstein u n-Norveġja.

(10)  Ftehim ta’ sħubija bejn, minn naħa, il-membri tal-grupp tal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u min-naħa l-oħra, l-UE u l-Istati Membri, iffirmat f’Cotonou fit-23.6.2000.

(11)  Id-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15, magħrufa bħala t-3rd Money Laundering Directive (MLD).

(12)  Ara l-Artikolu 3(5)(d) tal-MLD: “‘reati serji’ tfisser, għall-inqas:..frodi, għall-inqas serja, kif definita f’Artikolu 1 (1) u Artikolu 2.tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej”; l-evażjoni fiskali, almenu fil-qasam tal-VAT, hija għalhekk espliċitament inkluża fost ir-reati koperti mill-MLD.

(13)  Unitajiet tal-informazzjoni finanzjarja, ara l-Artikolu 21 tal-MLD.

(14)  Ara l-Artikolu 2(3) tal-MLD.

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra mġiba ħażina korporattiva u finanzjarja”, COM(2004) 611 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  FATF: Financial Affairs Task Force (Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja), korp fi ħdan l-OECD.

(17)  Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fat li, fil-biċċa l-kbira tal-lingwi, il-frażi Ingliża “tax haven” ġiet tradotta fis-sens ta’ “ġenna fiskali”. Ma jidhirx li d-differenza bejn “haven” (rifuġju) u “heaven” (ġenna) hija sempliċement żball tat-traduzzjoni: din id-differenza tirrifletti mentalità diversa.

(18)  Fil-verità, l-“istandard clause” dwar il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu tissemma fil-ftehimiet konklużi mar-rifuġji fiskali, iżda l-aspett “fiskali” huwa prevalenti xorta waħda.

(19)  Jeżistu żewġ listi oħra, “griża ċara” u “griża skura” skont il-livell tal-kooperazzjoni mwiegħed.

(20)  Ġie kkalkulat li 35 % tal-flussi finanzjarji dinjija jgħaddu mir-rifuġji fiskali; iżda, mhuwiex magħruf fuq liema bażi sar dan il-kalkolu.


Top