Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0543

    L-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni (2008/2156(INI))

    ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 8–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 16/8


    L-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni

    P6_TA(2008)0543

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni (2008/2156(INI))

    (2010/C 16 E/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2008 dwar l-EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2008)0238) (Komunikazzjoni dwar l-EMU@10),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2008 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU — 2008 (COM(2008)0387),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008, bit-titolu “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2008)0706),

    wara li kkunsidra t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2008, tat-3 ta' Novembru 2008,

    wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 (1),

    wara li kkunsidra s-samit ta' emerġenza tal-Grupp tal-Euro tat-12 ta' Ottubru 2008 dwar garanziji governattivi għas-self bejn il-banek,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2008,

    wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa informali tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tas-7 ta' Novembru 2008,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2006 dwar ir-Rapport Annwali għall-2006 dwar iz-zona tal-euro (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar ir-Rapport Annwali għall-2007 dwar iz-zona tal-euro (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar is-Sitwazzjoni tal-Ekonomija Ewropea: Rapport preparatorju dwar il-linji gwida wesgħin għall-politika ekonomika għall-2007 (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Frar 2005 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU — 2004 (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2007 (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona tal-ewro (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taz-zona tal-euro (11),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009 (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar ir-reviżjoni strateġika tal-Fond Monetarju Internazzjonali (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2005 dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni dwar l-ewro u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (14),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Fondi Spekulattivi u l-kapital privat (15),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Diċembru 1997 dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Istadju III tal-EMU u dwar l-Artikoli 109 u 109b tat-Trattat KE (16),

    wara li kkunsidra l-kontribut mill-Kunsill (ECOFIN) tat-12 ta' Frar 2008 għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2008 dwar rispons koordinat tal-UE għat-tnaqqis ekonomiku,

    wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim tal-1 ta' Ġunju 2008 dwar il-Koperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta' Sorveljanza Finanzjarja, il-Banek Ċentrali u l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istabilità Finanzjarja Transkonfinali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0420/2008),

    A.

    billi fl-1 ta' Jannar 1999 ħdax-il Stat Membru — il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja — adottaw il-munita waħda tal-Unjoni Ewropea,

    B.

    billi sa minn dak iż-żmien, erba' Stati Membri oħra ngħaqdu maż-żona tal-euro: il-Greċja fl-2001, is-Slovenja fl-2007, u Ċipru u Malta fl-2008,

    C.

    billi ż-żona tal-euro għad trid tikber aktar hekk kif il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li attwalment mhumiex parti miż-żona tal-euro qed iħejju biex jingħaqdu f'xi żmien fil-ġejjieni, u billi l-Islovakkja se tissieħeb fiż-żona tal-euro fl-1 ta' Jannar 2009,

    D.

    billi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) kienet suċċess f'ħafna modi, filwaqt li l-munita waħda saħħet l-istabilità ekonomika tal-Istati Membri b'mod partikulari fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali,

    E.

    billi l-adeżjoni maż-żona tal-euro tfisser livell għoli ta' interdipendenza ekonomika bejn l-Istati Membri involuti u għalhekk tirrikjedi koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika u sehem effettiv fil-governanza ekonomika u finanzjarja dinjija sabiex wieħed jibbenefika bis-sħiħ mill-munita waħda u sabiex ikunu affrontati l-isfidi tal-ġejjieni, bħal aktar kompetizzjoni għar-riżorsi naturali, l-iżbilanċi ekonomiċi dinjija, l-importanza ekonomika li qed tikber tas-swieq li qed jitfaċċaw, it-tibdil fil-klima u l-fatt li l-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ,

    F.

    billi l-inflazzjoni medja matul l-ewwel għaxar snin taż-żona tal-euro b'mod ġenerali mxiet mal-objettiv tal-BĊE għall-istabilità tal-prezzijiet li kien joqrob għal, iżda anqas minn, 2 %; billi reċentement l-inflazzjoni qabżet sew dan il-livell minħabba bidliet strutturali globali, b'mod partikulari fir-rigward taż-żidiet tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, l-illaxkar tal-politika monetarja fl-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll in-nuqqas ta' viġilanza minn għadd ta' banek ċentrali ta' pajjiżi terzi,

    G.

    billi t-talba, li qed tikber b'rata mgħaġġla, minn ekonomiji emerġenti għall-enerġija u prodotti bażiċi oħra skarsi imbuttat il-provvista progressivament sal-limiti tal-kapaċità; u billi l-pressjoni li qed tgħolli l-prezzijiet ġiet aggravata minħabba l-fatt li l-prodotti bażiċi qed jitqiesu dejjem aktar bħala assi finanzjarji, tant li jistgħu jintużaw bħala ħażna ta' valur,

    H.

    billi l-versatilità taż-żona tal-euro hi milqugħa tajjeb u l-valur tal-euro, li bħalissa qed jogħla, jista' jkollu kemm effetti negattivi, pereżempju billi jaffettwa ħażin l-esportazzjoni u jħajjar l-importazzjoni fis-suq intern, kif ukoll effetti pożittivi, billi jgħin lill-ekonomija Ewropea taffronta ż-żieda drammatika fil-prezz taż-żejt u l-kriżi finanzjarja attwali,

    I.

    billi l-ambjent ekonomiku globali kien favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi matul l-ewwel għaxar snin tal-euro, bil-ħolqien ta' kważi 16-il miljun impjieg, bla ma wieħed iqis il-kwalità tal-impjiegi maħluqa, u filwaqt li r-rata tal-qgħad naqset minn 9 % fl-1999 għal madwar 7,3 % jew aktar fl-2008,

    J.

    billi l-Unjoni Ewropea dieħla fi tnaqqis ekonomiku b'rati ta' tkabbir li qed jonqsu minn 3,1 % fl-2006 għal rata mbassra ta' 2 sa 1,4 % fl-2008 u 0,2 % fl-2009, filwaqt li l-qgħad u l-esklużjoni soċjali se jkomplu jikbru aktar,

    K.

    billi t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda tal-produttività kienu diżappuntanti, u ż-żieda fil-produzzjoni għal kull ħaddiem naqset bin-nofs minn 1,5 % matul il-perjodu mill-1989 sal-1998 għal madwar 0,75 % matul il-perjodu mill-1999 sal-2008,

    L.

    billi l-euro malajr sar it-tieni munita internazzjonali l-aktar importanti wara d-dollaru Amerikan, u billi l-euro għandu rwol importanti bħala munita ta' referenza għal ħafna pajjiżi fid-dinja; billi, madankollu, il-potenzjal tal-euro mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed fuq il-livell globali, billi ż-żona tal-euro m'għandhiex strateġija definita kif xieraq, u lanqas m'għandha rappreżentanza internazzjonali effettiva,

    L-ewwel għaxar snin tal-euro

    1.   Huwa tal-fehma li l-munita waħda saret simbolu tal-Ewropa u wriet li l-Ewropa kapaċi tieħu deċiżjonijiet importanti għal ġejjieni komuni u prosperu;

    2.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-euro ġab stabilità u rawwem l-integrazzjoni ekonomika fiż-żona tal-euro; jilqa' l-effetti ta' stabilizzazzjoni li għandu l-euro fuq is-swieq dinjija tal-kambju, b'mod speċjali fi żminijiet ta' kriżi; jinnota li d-differenzi ekonomiċi interni għadhom ma naqsux bħalma kien mistenni u l-produttività ma żviluppatx b'mod sodisfaċenti fl-inħawi kollha taż-żona tal-euro;

    3.   Jinnota b'sodisfazzjon li qed jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' unjonijiet monetarji oħra f'partijiet oħra tad-dinja;

    4.   Ifakkar ir-rabta essenzjali li hemm bejn il-politika monetarja u l-politika kummerċjali fil-livell globali, kif juru bosta studji, u f'dan ir-rigward jisħaq dwar l-irwol pożittiv tal-istabilità tar-rati tal-kambju biex ikun żgurat li l-kummerċ internazzjonali jikber b'mod sostenibbli;

    5.   Isemmi li ż-żieda fl-użu tal-euro bħala munita għall-kummerċ internazzjonali hija ta' benefiċċju għall-Istati Membri taż-żona tal-euro b'mod partikulari, billi din tnaqqas ir-riskji tar-rati tal-kambju għall-intrapriżi tagħhom u b'hekk tnaqqas l-ispejjeż tal-kummerċ internazzjonali;

    6.   Ifakkar li matul l-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Parlament kellu rwol attiv, kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll fil-qasam monetarju, u ħadem kemm felaħ biex jiżgura aktar trasparenza u responsabilità demokratika;

    7.   Jenfasizza li jrid isir aktar xogħol biex jitgawdew il-benefiċċji kollha tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, pereżempju li l-Istati Membri u r-reġjuni li għandhom PGD aktar baxx mill-medja jingħataw iċ-ċans li jlaħħqu mal-oħrajn, u biex jissaħħaħ l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-munita waħda u l-impenn tagħhom lejha;

    8.   Jipproponi l-elementi u l-miżuri konkreti li ġejjin għal pjan direzzjonali xieraq għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja:

    Diverġenza ekonomika, riformi strutturali u finanzi pubbliċi

    9.   Jemmen li riformi ekonomiċi aktar simplifikati, koerenti u multi-appoġġ, ikkoordinati fiż-żmien opportun fuq il-bażi tal-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (Linji Gwida Integrati) u approċċ ta' politika mħallta tal-Istrateġija ta' Liżbona jistgħu jnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi u jkunu ta' għajnuna kbira għal irkupru ekonomiku mill-kriżi finanzjarja attwali; jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu u jiġu simplifikati l-proċeduri u l-metodi ta' reviżjoni u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawk il-linji gwida fl-aħħar ta' kull sena;

    10.   Jirrikonoxxi li fil-każ ta' sforzi ta' modernizzazzjoni u ta' rendiment ekonomiku, il-pajjiżi li jirnexxu l-aktar huma dawk li jgħaqqdu riformi strutturali bbilanċjati sew u li jaħsbu fil-ġejjieni ma' investiment li jkun ogħla mill-medja fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tagħlim matul il-ħajja kollha u l-kura tat-tfal, kif ukoll fit-tiġdid ta' netwerks soċjali affidabbli; jinnota li, fil-biċċa l-kbira, l-istess Stati Membri għandhom amministrazzjoni trasparenti u effiċjenti ħafna, b'bilanċi baġitarji pożittivi, b'rati ta' dejn anqas mill-medja u b'infiq pubbliku ta' kwalità tajba, effettiv u mmirat, filwaqt li l-kontribut tagħhom ta' progress tekniku għat-tkabbir nazzjonali huwa kważi darbtejn id-daqs tal-medja tal-UE; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-Istati Membri ta' “referenza”, minħabba r-rati għolja tagħhom ta' impjegar, inkluż l-impjegar tan-nisa u ta' ħaddiema aktar anzjani, u r-rati tat-twelid tagħhom li huma partikolarment għoljin, huma l-Istati mħejjija l-aħjar għal soċjetà li qed tixjieħ kif ukoll biex jiggarantixxu livell għoli ta' kompetittività;

    11.   Jenfasizza l-ħtieġa ta' tisħiħ reċiproku tal-politika makroekonomika orjentata lejn l-istabilità u t-tkabbir, billi l-politika u l-investiment bilanċjati jsiru kwistjoni ta' interess komuni; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed joqgħod attent għall-finanzi pubbliċi permezz tal-immaniġġjar effiċjenti tal-politika tat-taxxi u tal-infiq kif ukoll għall-impatt tagħhom fuq id-domanda u li fl-istess ħin, ikun hemm ftehim dwar il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għal operazzjonijiet transkonfinali mill-intrapriżi;

    12.   Jinnota li l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rivedut wera l-valur tiegħu u jinnota wkoll li għandu jkun hemm konsolidazzjoni tal-baġits, peress li l-bidla demografika u t-tnaqqis possibbli fit-tkabbir ekonomiku jistgħu jwasslu għal problemi baġitarji fl-Istati Membri fiż-żona tal-euro, li jista' jkollhom effetti negattivi fuq l-istabilità taż-żona tal-euro kollha kemm hi; jikkritika, f'dan ir-rigward, in-nuqqas ta' dixxiplina fil-ġlieda kontra d-defiċits baġitarji fi żminijiet ta' tkabbir ekonomiku u jenfasizza li l-Istati Membri jridu jaħdmu b'mod aktar effettiv għal politika fiskali antiċiklika, b'mod partikolari biex ikunu mħejjija aħjar għal daqqiet esterni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' strateġija fuq medda qasira ta' żmien biex jitnaqqsu d-djun nazzjonali u strateġija sostenibbli u b'saħħitha għat-tkabbir, biex jingħata lok għal tnaqqis fid-djun nazzjonali ta' massimu ta' 60 % fuq medda twila ta' żmien;

    13.   Jinnota li l-elementi ewlenin tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir għandhom jinżammu b'mod konsistenti wkoll fil-ġejjieni, peress li l-limiti massimi ta' defiċit nazzjonali ta' 3 % u ta' dejn nazzjonali ta' 60 % meta mqabbla mal-PGD kienu speċifikati fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-snin disgħin; huwa tal-fehma li l-Istati Membri jridu jirrispettaw il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u li dan irid ikun issorveljat mill-Kummissjoni; hu tal-opinjoni li ż-żewġ miri għad-dejn għandhom jiġu trattati bħala limiti massimi li għandhom jiġu evitati; jinnota li koordinazzjoni effettiva tal-politika ekonomika u finanzjarja hija kundizzjoni għas-suċċess ekonomiku tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, għalkemm din il-koordinazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-metodi kollha possibbli sabiex il-fergħa preventiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir tkun tista' tissaħħaħ; jenfasizza li l-istrumenti superviżorji attwali jridu jintużaw aħjar mill-Kummissjoni u li l-evalwazzjoni ta' nofs it-term tal-baġits nazzjonali mill-Grupp tal-Euro trid tissaħħaħ;

    14.   Jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rivedut jipprovdi qafas tal-politika importanti fi żminijiet ta' ċirkustanzi ekonomiċi stressjati ħafna, u jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir għandu jiżgura li kwalunkwe deterjorament fil-finanzi pubbliċi jkun akkumpanjat minn miżuri xierqa biex tiġi trattata s-sitwazzjoni, filwaqt li jkun żgurat li qed jerġgħu jiġu stabbiliti pożizzjonijiet sostenibbli; jemmen, barra minn hekk, li l-politiki baġitarji għandhom jużaw bis-sħiħ il-grad ta' flessibilità li jippermetti l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rivedut, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiggwida b'mod ċar lill-Istati Membri dwar kif għandhom jimplimentaw dik il-flessibilità;

    15.   Iqis li ambjent makroekonomiku sostenibbli u stabbli jirrikjedi li tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi anke b'aktar tisħiħ baġitarju, ħafna effiċjenza fl-infiq pubbliku u investiment imtejjeb fl-edukazzjoni, fir-riżorsi umani, fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-infrastruttura li jħeġġeġ it-tkabbir, jagħti spinta lill-impjiegi, u jindirizza kwistjonijiet ewlenin għas-soċjetà, bħat-tibdil fil-klima, skont l-għanijiet tal-pakkett dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija u l-irkupru ekonomiku mill-kriżi finanzjarja attwali;

    16.   Huwa tal-fehma li r-riformi strutturali għandhom jiffukaw fuq iż-żieda fil-produttività permezz ta' taħlita aħjar ta' politika ekonomika u soċjali, filwaqt li jkun żgurat livell tajjeb ta' djalogu soċjali kif definit fl-istrateġija ta' Liżbona;

    17.   Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkumplimenta l-politika strutturali u tħeġġeġ l-appoġġ għar-ristrutturazzjoni tal-ekonomija;

    18.   Iwissi kontra l-moderazzjoni tal-pagi bħala mezz ewlieni biex tinkiseb l-istabilità tal-prezzijiet; ifakkar, f'dan il-kuntest, li kompetizzjoni akbar minħabba l-globalizzazzjoni diġà wasslet għal pressjoni biex jitbaxxew il-pagi, filwaqt li l-inflazzjoni importata kkawżata miż-żieda fil-prezz taż-żejt u ta' prodotti bażiċi oħra diġà wasslet għal tnaqqis fil-kapaċità tax-xiri tal-konsumatur; itenni l-konvinzjoni tiegħu, għal darb'oħra, li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata, b'mod partikulari permezz ta' tqassim aktar ġust tal-ġid;

    19.   Iqis li l-politika tal-pagi u tat-taxxi hija għodda effiċjenti għall-istabilità ekonomika u t-tkabbir; huwa tal-fehma li żidiet reali fil-pagi skont il-livelli tal-produttività għandhom ikunu garantiti u li l-koordinazzjoni tal-politika fiskali għandha tintuża b'mod selettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi; iqis li l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kemm fuq taxxi diretti kif ukoll fuq taxxi indiretti, hija importanti b'mod partikulari, u li din il-ġlieda għandha tingħata spinta; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ kultura ta' inkoraġġament u ta' involviment bħala parti mill-kunċetti tal-governanza korporattiva u tar-responsabilità soċjali korporattiva;

    20.   Jenfasizza l-ħtieġa ta' regoli ġusti għas-suq intern; iqis, għaldaqstant, li t-tellieqa għall-aktar rati baxxi ta' taxxi korporattivi hi kontro-produttiva;

    21.   Jitlob lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro biex jsaħħu l-koordinazzjoni effettiva tal-politika ekonomika u finanzjarja, partikolarment billi jiżviluppaw strateġija komuni koerenti fi ħdan il-Grupp tal-Euro; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri biex ifasslu programmi ta' qafas fuq medda medja ta' żmien għall-politiki ekonomiċi u finanzjarji tagħhom u biex jikkontrollaw l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li kull Stat Membru għandu jassumi r-responsabilità għal kif jaffronta r-riformi strutturali u jtejjeb il-kompetittività tiegħu b'mod koperattiv sabiex tinżamm il-fiduċja fl-euro u l-aċċettazzjoni tal-euro;

    22.   Jinnota li t-tendenzi differenti dwar ir-riformi strutturali u l-gradi ta' ftuħ wasslu għall-prestazzjonijiet diverġenti tal-Istati Membri taż-żona tal-euro; jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-EMU@10 dwar il-fatt li bosta ekonomiji fiż-żona tal-euro ma laħħqux biżżejjed ma' oħrajn u dwar id-diverġenzi dejjem jikbru bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro; jitlob li jkun hemm skambji regolari ta' fehmiet u koperazzjoni fi ħdan il-Grupp tal-Euro biex jinkiseb l-għan komuni li jitħaffef il-proċess tal-konverġenza;

    23.   Jitlob lill-Kummissjoni biex timmaniġġja, b'mod uniformi, il-kriterji komuni fl-evalwazzjoni tad-data ekonomika u fiskali; jirreferi għar-responsabilità tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri rigward l-affidabilità tad-data statistika, u jitlob li deċiżjonijiet futuri jittieħdu biss jekk ma jkunx hemm dubju dwar il-validità u l-eżattezza tad-data disponibbli; jitlob ukoll l-għażla li jitniedu investigazzjonijiet jekk ikun hemm diskrepanza fuq għadd ta' snin bejn id-data pproġettata tal-programmi ta' stabilità u konverġenza u d-data li wieħed jista' jistenna b'mod realistiku;

    Politika monetarja

    24.   Ifakkar fl-impenn qawwi tiegħu għall-indipendenza tal-BĊE;

    25.   Jinnota li r-rapporti regolari tal-BĊE lill-Parlament, b'mod partikulari lill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, jikkontribwixxu għat-trasparenza tal-politika monetarja u jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità li l-Membri tal-Parlament Ewropew jagħmlu mistoqsijiet bil-miktub lill-BĊE dwar il-politika monetarja, sabiex tittejjeb ir-responsabiltà tal-BĊE fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni; jappoġġja t-talba għal dibattitu pubbliku aktar b'saħħtu dwar il-politika ekonomika u monetarja komuni ġejjienija fiż-żona tal-euro;

    26.   Iqis li d-djalogu dwar il-politika monetarja bejn il-Parlament u l-BĊE kien suċċess, u huwa djalogu li għandu jkompli jiġi żviluppat; jistenna li d-djalogu monetarju jittejjeb f'diversi aspetti, bħall-koordinazzjoni tad-dati għas-seduti ta' smigħ regolari tal-President tal-BĊE mal-kalendarju tal-BĊE għal deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja sabiex tittejjeb l-analiżi tad-deċiżjonijiet, filwaqt li tinżamm il-possibilità li l-President tal-BĊE jkun mistieden għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet attwali meta jkun meħtieġ;

    27.   Jinnota li l-objettiv ewlieni tal-politika monetarja tal-BĊE huwa li tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, u li l-għan tal-BĊE huwa li r-rati tal-inflazzjoni jkunu ta' madwar, iżda anqas minn, 2 % fuq perjodu medju ta' żmien; jirrimarka li l-objettiv tal-istabilità tal-prezzijiet ma jistax jintlaħaq b'mod effettiv ħlief jekk jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-inflazzjoni; ifakkar li l-Artikolu 105 tat-Trattat KE jinkariga wkoll lill-BĊE sabiex isostni l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Komunità;

    28.   Huwa tal-fehma li l-BĊE għandu jimxi lejn sistema diretta mmirata għall-kontroll tal-inflazzjoni, fejn objettiv perċentwali tal-inflazzjoni jkun supplimentat permezz ta' medda ta' varjazzjonijiet permessi mir-rata fil-mira; jistieden lill-BĊE sabiex jippubblika t-tbassiriet tiegħu dwar l-inflazzjoni; dan it-tip ta' mossa lejn sistema diretta mmirata għall-kontroll tal-inflazzjoni m'għandhiex tagħmel impossibbli l-iffukar fuq id-dinamika tal-ammonti monetarji biex ikun evitat li jinħolqu “bżieżaq” ġodda tal-assi;

    29.   Iqis li l-inflazzjoni hija realtà dinjija u li l-ġlieda kontriha, f'ekonomija miftuħa, ma tistax issir biss permezz tal-politika monetarja tal-UE;

    30.   Jenfasizza r-rieda tiegħu li jesplora x'titjib jista' jsir fil-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-bord eżekuttiv tal-BĊE qabel l-2010; iqis li huwa importanti li l-esperjenza akkademika u/jew professjonali u varjeta ta' sfondi fis-settur ekonomiku, monetarju u finanzajrju jkun rappreżentati fost il-membri tal-bord eżekuttiv; jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet tiegħu biex il-bord eżekuttiv tal-BĊE ikun fih disa' membri b'responsabilità esklussiva li jistipulaw ir-rati tal-interess, u b'hekk tinbidel is-sistema attwali u biex tkun evitata s-soluzzjoni aktar kumplessa li ġiet deċiża għall-ġejjieni; iħeġġeġ li tiġi adottata bidla korrispondenti fit-Trattat;

    Integrazzjoni u sorveljanza tas-swieq finanzjarji

    31.   Jemmen li l-integrazzjoni finanzjarja għandha tfisser aktar tkabbir ekonomiku u kompetittività minbarra aktar stabilità u likwidità fis-suq intern;

    32.   Jinnota li ċ-ċentru finanzjarju ewlieni fl-Unjoni Ewropea jinsab barra miż-żona tal-euro; madankollu jfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-KE tkopri l-Istati Membri u l-parteċipanti attivi kollha fis-suq intern; jemmen li l-Unjoni Ewropea teħtieġ b'mod urġenti li ttejjeb l-istruttura ta' superviżjoni filwaqt li jitqies l-irwol speċifiku tal-BĊE;

    33.   Huwa tal-fehma li għad fadal ħafna x'isir fil-qasam tal-approvazzjoni u l-ħlas ta' tranżazzjonijiet transkonfinali ta' titoli, fejn sal-lum għadha ma teżistix integrazzjoni vera;

    34.   Jenfasizza li, fir-rigward tas-servizzi bl-imnut, tinħtieġ aktar integrazzjoni, bla ma din tkun ta' ħsara għall-ħarsien tal-konsumatur; jemmen li jeħtieġ li jittejbu l-mobilità tal-konsumaturi, l-għarfien finanzjarju, l-aċċess għas-servizzi bażiċi, u l-komparabilità tal-prodotti;

    35.   Iqis li Ewropizzazzjoni tal-istruttura tas-superviżjoni finanzjarja, trasparenza tas-swieq finanzjarji, regoli effettivi tal-kompetizzjoni u regolamentazzjoni adegwata huma meħtieġa fuq medda medja ta' żmien, sabiex jitjiebu l-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-koperazzjoni bejn is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), l-awtoritajiet ta' sorveljanza, il-gvernijiet u l-parteċipanti fis-suq; huwa tal-fehma li qafas ta' sorveljanza integrat, komprensiv (li jkopri s-setturi finanzjarji kollha), konsistenti u koerenti li jibda b'approċċ bilanċjat fir-regolamentazzjoni tat-tifrix trans-konfinali tar-riskji finanzjarji fuq il-bażi ta' leġiżlazzjoni armonizzata, inaqqas l-ispejjeż tal-konformità fil-każ ta' attivitajiet multiġuriżdizzjonali; jinnota li l-“gold plating” (regolamentazzjoni lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-leġiżlazzjoni tal-KE) kif ukoll l-arbitraġġ regolatorju għandhom ikunu evitati; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għar-reviżjoni tal-istruttura ta' sorveljanza attwali skont dawk il-prinċipji; huwa tal-fehma li kull rwol ta' sorveljanza tal-BĊE għandu jkun estiż lil hinn mill-fruntieri taż-żona tal-euro, permezz tal-SEBĊ;

    36.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-Memorandum ta' Ftehim dwar il-Koperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta' Sorveljanza Finanzjarja, il-Banek Ċentrali u l-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istabilità Finanzjarja Transkonfinali miftiehma fir-rebbiegħa tal-2008; jenfasizza, madankollu, li l-Memorandum ta' Ftehim huwa biss liġi li ma torbotx u jiddependi mir-rieda tal-Istati Membri li jikkoperaw ma' xulxin; huwa tal-fehma li anke jekk huwa diffiċli ħafna li jitfasslu ex ante r-regoli dwar il-qsim tal-piż, jeħtieġ li tkompli l-ħidma marbuta mal-immaniġġjar tal-kriżijiet;

    37.   Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar zona ekonomika fid-dinja bl-akbar swieq finanzjarji, għandu jkollha rwol ewlieni f'livell internazzjonali fir-rigward tar-riforma tas-sistema regolatorja għas-servizzi finanzjarji għall-benefiċċju tal-pajjiżi involuti kollha u tal-istabilità globali; iqis li l-istabilità finanzjarja għandha ssir objettiv fundamentali tat-tfassil ta' politika f'dinja fejn is-swieq u l-innovazzjoni finanzjarji qegħdin dejjem aktar ikunu integrati, li jista' wkoll iwassal għal effetti destabbilizzanti fuq l-ekonomija reali u ġġorr riskji sistematiċi; huwa konvint li kull deċiżjoni ambizzjuża adottata f'livell tal-UE tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħra biex jagħmlu l-istess, u f'dan ir-rigward jenfasizza r-responsabilità li jiġu ttrattati l-problemi globali jew “off shore”; huwa tal-fehma li jeħtieġ li r-responsabilità politika tal-korpi regolatorji internazzjonali tkun trattata b'mod parallel ma' din il-ħidma regolatorja;

    38.   Jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-ħolqien ta' bonds Ewropej u li tiżviluppa strateġija għal medda twila ta' żmien li tippermetti l-ħruġ ta' bonds bħal dawn fi ħdan iż-żona tal-euro, minbarra l-bonds nazzjonali tal-Istati Membri; jirreferi għall-ħtieġa ta' evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta' dan kemm għas-swieq finanzjarji internazzjonali kif ukoll għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

    It-tkabbir taż-żona tal-euro

    39.   Jitlob li l-Istati Membri kollha li mhumiex parti miż-żona tal-euro jirrispettaw il-kriterji ta' Maastricht u l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, li hu rivedut u ġeneralment flessibbli; iqis li interpretazzjoni stretta tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-użu tal-kriterji ta' esklużjoni qabel kull adeżjoni possibbli, iridu jkunu żgurati mill-Kummissjoni; iqis li jrid ikun żgurat it-trattament indaqs tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro u tal-Istati Membri li jridu jingħaqdu; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-istabilità fuq medda twila ta' żmien taż-żona tal-euro trid titqies bħala għan ta' interess komuni u li t-tkabbir u l-istabilità jridu jmorru id f'id; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk bi status speċjali jissodisfaw l-obbligi tagħhom għalkollox u li ma jħallux dubju dwar l-għanijiet komuni tal-istabilità tal-prezzijiet, l-indipendenza tal-BĊE, id-dixxiplina baġitarja jew dwar il-fatt li jrawmu t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

    40.   Iqis li l-Istati Membri barra ż-żona tal-Euro li jissodisfaw il-kriterji ta' Maastricht u li ma jgawdu minn ebda deroga fit-Trattat għandhom jadottaw il-munita komuni mal-ewwel ċans li jkollhom;

    41.   Jenfasizza l-fatt li s-sħubija fiż-żona tal-euro tirrikjedi adeżjoni sħiħa mal-kriterji ta' Maastricht, kif speċifikat fit-Trattat u fil-Protokoll għall-Artikolu 121 tat-Tratatt, partikolarment: livell għoli ta' stabilità meqjusa tal-prezzijiet, kif ukoll is-sostenibilità ta' din l-istabilità tal-prezzijiet, finanzi pubbliċi mingħajr defiċit eċċessiv, adeżjoni mal-ERM II għal mill-anqas sentejn, ir-rispett tal-marġni normali ta' varjazzjoni, aġġustament tar-rati tal-interess fuq medda twila ta' żmien, il-kompatibilità tar-regoli legali mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Maastricht relatati mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u bank ċentrali indipendenti;

    42.   Huwa tal-fehma li wieħed mill-aspetti l-aktar impenjattivi tal-għaqda maż-żona tal-euro hu li tkun żgurata s-sostenibilità tal-kriterji ta' Maastricht; jenfasizza, madankollu, li, fl-istess ħin, il-kriterji ta' Maastricht huma wkoll l-ewwel pass fit-triq biex il-proċessi ta' riforma jibgħu għaddejjin kif jixraq, inklużi impenji u sforzi ulterjuri li jikkonċernaw ir-riformi strutturali, l-investiment u l-koordinazzjoni ekonomika;

    43.   Jilqa' b'sodisfazzjon is-sorveljanza aktar b'saħħitha u effiċjenti tal-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-ERM II u li jixtiequ jingħaqdu maż-żona tal-euro, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku tagħhom; jinnota li l-parteċipazzjoni b'suċċess fl-ERM II trid tibqa' prekundizzjoni reali, u mhux biss rekwiżit sekondarju għall-adeżjoni maż-żona tal-euro; l-istess rekwiżiti ta' adeżjoni jrid jiġu applikati għall-Istati Membri kollha li jingħaqdu maż-żona tal-euro;

    44.   Iqis it-tkabbir dejjiemi u b'suċċess taż-żona tal-euro bħala sfida ewlenija għas-snin li ġejjin, u li kemm l-istandards istituzzjonali għall-BĊE kif ukoll il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu jridu jkunu adattati għal din il-bidla, u l-mudell ta' rotazzjoni jrid iqis il-piż ekonomiku ta' Stati Membri individwali;

    45.   Jenfasizza, b'konnessjoni mat-tkabbir taż-żona tal-euro, li hu mixtieq li jkun hemm livell għoli ta' konverġenza fl-ekonomija reali sabiex tkun limitata l-pressjoni involuta, kemm għaż-żona tal-euro kif ukoll għall-Istati Membri li jixtiequ jingħaqdu magħha; iqis, f'dan il-kuntest, li għandhom jitwaqqfu faċilitajiet favur dawk l-Istati Membri li qed jieħdu sehem fiż-żona tal-euro, fejn il-politika monetarja waħdanija jista' jkollha effett ta' kontrazzjoni partikulari;

    46.   Jenfasizza l-importanza, fl-interess ta' tkabbiriet ġejjiena, li jiġu stabbiliti interventi ffukati biex jappoġġaw lill-Istati Membri barra miż-żona tal-euro li ġew milquta b'mod aprtikulari mill-kriżi finanzjarja attwali;

    Komunikazzjoni

    47.   Jenfasizza li filwaqt li sal-lum inżamm livell għoli ta' stabilità tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro, “l-inflazzjoni kif tidher” varjat sostanzjalment mir-rati reali ta' inflazzjoni fl-Istati Membri fl-aħħar 10 snin, li kienu aktar baxxi; jitlob, għaldaqstant, informazzjoni aħjar u kjarifika tal-fatti għall-popolazzjoni dwar il-ħtieġa u l-operat tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, partikolarment fir-rigward tal-istabilità tal-prezzijiet, tas-swieq finanzjarji internazzjonali, u tal-vantaġġi tal-istabilità fi ħdan iż-żona tal-euro waqt kriżijiet finanzjarji internazzjonali;

    48.   Iqis li l-munita unika għada prijorità ta' komunikazzjoni għall-Unjoni Ewropea; jemmen li l-benefiċċji tal-euro u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja — l-istabilità tal-prezzijiet, rati baxxi ta' interessi fuq self, vjaġġar iffaċilitat, protezzjoni kontra l-varjazzjonijiet tal-kambju u skossaturi esterni — għandhom jibqgħu jiġu ppreżentati u spjegati lill-pubbliku fid-dettall; jemmen li għandha titqiegħed enfasi partikulari fuq il-punt li ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-konsumaturi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li m'għandhomx kapaċità biżżejjed li jaġġustaw mill-ewwel għall-iżviluppi u l-isfidi l-ġodda tal-euro, għandhom jinżammu infurmati u għandhom ikunu aġġornati dwar l-iżviluppi;

    49.   Jistieden lill-BĊE sabiex, jew fir-rapport annwali tiegħu jew f'rapport speċjali, iwettaq analiżi kwantitattiva annwali tal-benefiċċji li l-euro ġab liċ-ċittadini komuni, b'eżempji konkreti ta' kif l-użu tal-euro kellu effetti pożittivi fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies;

    50.   Iqis li l-komunikazzjoni hija ta' importanza mill-akbar fit-tħejjija tad-dħul tal-euro fl-Istati Membri li qed jippjanaw li jingħaqdu maż-żona tal-euro; jinnota li l-komunikazzjoni dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro hija importanti wkoll għall-Istati Membri kollha li jinsabu fiż-żona tal-euro;

    51.   Iqis li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra l-isforzi tagħha sabiex tgħin lill-Istati Membri l-ġodda biex iħejju liċ-ċittadini tagħhom għall-adozzjoni tal-euro billi jmexxu kampanja intensiva ta' tagħrif, jew, f'każ li dil-kampanja diġà qed issir, billi jissorveljaw l-implimentazzjoni tagħha, u billi jirrapportaw regolarment dwar l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni għall-adozzjoni tal-euro; iqis ukoll li l-aħjar prattiki u l-kompetenza miksuba mill-qalbiet preċedenti għall-euro x'aktarx li jkunu siewja għall-qalba li se jagħmlu l-Istati Membri l-ġodda u għat-tkabbir li ġej u għat-tħejjija tal-pajjiżi applikanti l-ġodda;

    L-irwol internazzjonali tal-euro u r-rappreżentanza esterna

    52.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp mgħaġġel tal-euro bħala t-tieni l-aktar munita importanti ta' riżerva u ta' tranżazzjoni wara d-Dollaru Amerikan, b'sehem ta' 25 % ta' riżervi globali tal-kambju; jinnota li b'mod partikulari fil-pajjiżi ġirien taż-żona tal-euro, l-euro għandu rwol importanti bħala munita ta' finanzjament u li r-rati tal-kambju rispettivi ta' dawk il-pajjiżi huma allinjati mal-euro; espressament japprova l-opinjoni tal-BĊE li d-dħul tal-Ewro huwa l-aħħar pass lejn proċess ta' konverġenza strutturat fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li għalhekk id-dħul tal-euro huwa possibbli biss skont it-Trattat KE;

    53.   Huwa tal-fehma li l-aġenda tal-politika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) għall-għaxar snin li ġejjin se tkun ikkaratterizzata, fost l-oħrajn, mill-isfidi ppreżentati mill-ekonomiji li għadhom qed jiżviluppaw tal-Ażja u l-kriżi finanzjarja dinjija attwali; jiddispjaċih li minkejja l-irwol dejjem jikber tal-euro fid-dinja kollha, it-tentattivi sabiex tittejjeb ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fi kwistjonijiet finanzjarji u monetarji ma tantx għamlu progress; jisħaq li ż-żona tal-euro għandha tibni strateġija internazzjonali li tkun proporzjonata mal-istatus internazzjonali tal-munita tagħha;

    54.   Ifakkar li l-aktar mod effettiv biex l-influwenza taż-żona tal-euro tiġi konformi mal-piż ekonomiku tagħha huwa permezz tal-iżvilupp ta' pożizzjonijiet komuni u tal-konsolidazzjoni tar-rappreżentanza tagħha, biex fl-aħħar mill-aħħar tikseb siġġu waħdieni fl-istituzzjonijiet u l-fora finanzjarji internazzjonali relevanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri taż-żona tal-euro sabiex, fost l-oħrajn jitkellmu b'vuċi waħda dwar il-politika tar-rati tal-kambju;

    55.   Jenfasizza li l-euro qiegħed jintuża bħala munita nazzjonali barra ż-żona tal-euro; iqis li l-implikazzjonijiet ta' dan l-użu jeħtieġ li jkunu analizzati;

    56.   Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-irwol importanti tal-euro fis-swieq finanzjarji internazzjonali jġib miegħu obbligi, u li l-effetti tal-politika monetarja kif ukoll tal-politika tat-tkabbir fiż-żona tal-euro għandhom impatt globali; jenfasizza l-importanza akbar li għandu l-euro għall-kummerċ u s-servizzi internazzjonali bħala stabilizzatur fl-ambjent globali, bħala mutur għall-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u bħala bażi sabiex jiżdiedu l-investimenti diretti u l-merġers bejn kumpaniji transkonfinali, peress li l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jistgħu jitnaqqsu b'mod sostanzjali; jitlob li jsir studju dwar l-iżbilanċi globali u dwar l-irwol tal-euro u sitwazzjonijiet possibbli li jirrikjedu aġġustament sabiex l-Unjoni Ewropea titħejja aħjar biex taffronta skossaturi esterni kbar;

    57.   Jissuġġerixxi li jkun hemm koperazzjoni aktar b'saħħitha u li tħares “il quddiem u djalogu internazzjonali msaħħaħ bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-blokki ta' muniti l-aktar importanti, biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-kriżijiet internazzjonali, u biex ikunu jistgħu jiġu affrontati l-konsegwenzi li l-movimenti tal-muniti jkollhom fuq l-ekonomija reali; ifakkar fl-immaniġġjar komuni tal-kriżi li sar b'suċċess fil-bidu tal-”kriżi tal-kreditu “sub-prime” tal-Istati Uniti li seħħet dan l-aħħar kif ukoll il-kriżi li seħħet immedjatament wara l-ġrajjiet tal-11 ta' Settembru 2001, immaniġġjar li għen biex ikun evitat li “jdub” id-Dollaru Amerikan;

    58.   Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali b'pożizzjoni komuni tal-UE rappreżentata minn rappreżentanti magħżula, bħal m'huma l-president tal-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-president tal-BĊE; jinnota li fil-prattika l-president tal-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-president tal-BĊE diġà jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-aktar importanti; jitlob b'insistenza, madankollu, li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-pożizzjonijiet Ewropej sabiex fil-ġejjieni l-politika monetarja Ewropea komuni tkun irrappreżentata mir-rappreżentanti leġittimi tagħha; jistenna li ż-żona tal-euro tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar il-politika tar-rati tal-kambju tas-sħab ewelenin tagħha; jistieden lill-president tal-Grupp tal-Euro biex jirrappreżenta liż-żona tal-euro fil-Forum dwar l-Istabilità Finanzjarja (FSF); jissuġġerixxi li l-istatuti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jiġu emendati sabiex jippermettu li jkun hemm ir-rappreżentanza ta' blokki u organizzazzjonijiet ekonomiċi;

    59.   Jisħaq li jinħtieġ approċċ komuni tal-UE fir-rigward tar-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, li għandu jqis l-isfidi ta' ekonomija globali inkluża l-miġja ta' potenzi ekonomiċi ġodda;

    60.   Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi iktar dettaljata u preċiża tal-irwol internazzjonali tal-euro fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-EMU@10; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ rapport dettaljat dwar id-dimensjoni esterna tal-politika monetarja komuni u dwar ir-riperkussjonijiet tagħha għall-prestazzjoni ekonomika u kummerċjali taż-żona tal-euro;

    61.   Jenfasizza li l-politika monetarja li qegħdin iħaddnu xi wħud mis-sħab tal-Unjoni Ewropea huma mfassla biex jissottovalutaw il-munita tagħhom, ħaġa li għandha impatt negattiv fuq il-kummerċ u tista' titqies bħala ostaklu mhux tariffarju għall-kummerċ internazzjonali;

    L-istrumenti ekonomiċi u l-governanza tal-EMU

    62.   Iqis li l-partijiet relevanti kollha — il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Grupp tal-Euro, u l-imsieħba soċjali fil-livell ta' UE u f'dak nazzjonali — għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu t-tħaddim ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fir-rigward tal-governanza ekonomika fuq il-bażi tas-suġġerimenti li ġejjin:

    a)

    bħala komponent essenzjali tal-Istrateġija ta' Liżbona u l-istrument ekonomiku ċentrali, il-Linji Gwida Integrati, bil-għan li jkun hemm “approċċ ta' taħlita ta' linji politiċi” bbilanċjat, għandhom isegwu riformi li jkunu ta' ispirazzjoni reċiproka fl-oqsma tal-impjiegi, l-ambjent u s-sigurtà soċjali;

    b)

    il-Linji Gwida Integrati għandhom jistabbilixxu qafas wiesa' għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika biex il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) jiġu konformi, filwaqt li jitqiesu, madankollu, id-diversità ekonomika u t-tradizzjonijiet nazzjonali li huma differenti minn xulxin; għandha tiġi stabbilita konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali rigward il-programmi ta' stabilità u konverġenza u l-PNR;

    c)

    għandha tiġi stabbilita rabta aktar mill-qrib bejn il-Linji Gwida Integrati, b'mod partikulari l-Linji Gwida Wiesgħa tal-Politika Ekonomika (LGWPE), u l-programmi ta' stabilità u konverġenza; il-programmi ta' stabilità u konverġenza u l-PNR jkunu jistgħu jiġu ppreżentati fl-istess ħin (kull sena fil-bidu tal-ħarifa) wara dibattitu fil-parlamenti nazzjonali; il-LGWPE jkunu jistgħu jinkludu objettivi baġitarji komuni f'konformità mal-fergħa preventiva tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (PST);

    (d)

    Il-gvernijiet tal-Istati Membri, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-baġits nazzjonali tagħhom, għandhom iqisu l-Linji Gwida Integrati u r-rakkomandazzjonijiet li jkunu speċifiċi għall-pajjiż partikulari kif ukoll is-sitwazzjoni baġitarja ġenerali fiż-żona tal-euro; il-kalendarji fiskali nazzjonali differenti u s-suppożizzjonijiet ewlenin fit-tbassiriet sottostanti għandhom ikunu armonizzati sabiex ikunu evitati d-disparitajiet ikkawżati mill-użu ta' tbassiriet makroekonomiċi differenti (tkabbir globali, tkabbir tal-UE, prezz ta' barmil taż-żejt, rati tal-interessi) u minn parametri oħra; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Eurostat u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu lejn id-definizzjoni ta' għodda biex il-baġits nazzjonali jkunu jistgħu jitqabblu aħjar mil-lat ta' infiq fil-kategoriji differenti;

    e)

    rakkomandazzjonijiet aktar formali għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, bħall-iffissar ta' miri dwar in-nefqa f'perjodu ta' żmien medju, riformi strutturali speċifiċi, investimenti, il-kwalità tal-finanzjament pubbliku, għandhom jintużaw kull meta jkun possibbli. għandha tkun segwita wkoll struttura aktar standardizzata ta' rappurtaġġ fil-kuntest tal-PNR, bla ma jkunu ostakolati l-prijoritajiet nazzjonali ta' riforma; l-impenji, il-miri u l-benchmarks kollha għandhom ikunu inkorporati għalkollox fil-Linji Gwida Integrati u fil-PNR sabiex jittejbu l-koerenza u l-effiċjenza tal-governanza ekonomika;

    (f)

    Strateġija fit-tul, fi żminijiet tajba, biex id-djun nazzjonali jitnaqqsu għal inqas minn massimu ta' 60 % tal-PGD għandha tkun inkluża fil-qafas għall-governanza ekonomika peress li tnaqqas l-ispiża tal-manutenzjoni tad-djun u tnaqqas l-ispiża tal-kapital għall-investimenti privati;

    g)

    għandu jitwaqqaf qafas li jorbot li fih l-Istati Membri taż-żona tal-euro jikkonsultaw lil xulxin u lill-Kummissjoni qabel ma jieħdu deċiżjonijiet ewlenin dwar politika ekonomika, bħal fil-każ ta' miżuri biex ikunu affrontati l-prezzijiet ogħla tal-ikel u l-enerġija;

    h)

    il-koordinazzjoni ekonomika għandha tieħu l-forma ta' “Strateġija Ewropea għall-Ekonomija u l-Impjiegi” li tkun waħda integrata u bażata fuq l-istrumenti eżistenti ta' politika ekonomika — b'mod partikulari l-Istrateġija ta' Liżbona, il-Linji Gwida Integrati, l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli, u l-programmi ta' stabilità u ta' konverġenza; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, taħt it-tmexxija tal-President tal-Grupp tal-Euro, biex jappoġġjaw l-attività ekonomika b'mod koerenti, fl-istess ħin u fl-istess direzzjoni;

    i)

    l-Istrateġija Ewropea għall-Ekonomija u l-Impjiegi msemmija fil-punt (h) għandha tirrikonoxxi l-potenzjal tat-teknoloġija ġdida u ekoloġika bħala pedament tat-tkabbir ekonomiku flimkien ma' taħlita ta' linji politiċi makroekonomiċi;

    j)

    il-finanzjament ta' intrapriżi innovattivi, b'mod partikulari SMEs, għandu jkun iffaċilitat, inter alia billi jkun stabbilit “Fond Ewropew Għal Tkabbir Intelliġenti” mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

    k)

    ir-Rapport Annwali dwar iż-żona tal-euro għandu jipprovdi firxa aktar prattika ta' strumenti u evalwazzjonijiet sabiex isir possibbli li jkun hemm djalogu f'aktar dettall bejn id-diversi korpi tal-UE li huma mdaħħla fil-governanza ekonomika;

    l)

    jeħtieġ li jitwaqqaf kodiċi ta' mġiba bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jkun jiggarantixxi koperazzjoni xierqa u involviment sħiħ ta' dawk it-tliet istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati fit-tkomplija tal-immaniġġjar xieraq tal-Linji Gwida Integrati, bħala strumenti ekonomiċi ewlenin;

    m)

    l-istruttura istituzzjonali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għandha tkun imsaħħa kif ġej:

    Formazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro għandhom ikunu stabbiliti wkoll fil-qasam tal-kompetittività/industrija, tal-ambjent, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni;

    il-Grupp tal-Euro għandu jingħata struttura istituzzjonali aktar b'saħħitha u aktar riżorsi umani;

    il-mandat tal-President tal-Grupp tal-Euro għandu jkun konformi maċ-ċikli ekonomiċi tal-Linji Gwida Integrati;

    il-Kumitat għall-Politika Ekonomika għandu jkun assorbit fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju sabiex ikun kostitwit korp waħdieni u koerenti għall-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u għall-Grupp tal-Euro;

    rappreżentant tal-Parlament għandu jingħata status ta' osservatur fi ħdan il-Grupp tal-Euro u fil-laqgħat informali tal-Kunsill;

    laqgħat bejn it-Trojka, il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ikunu organizzati erba' darbiet fis-sena u, meta jkun meħtieġ, mal-Grupp tal-Euro;

    n)

    għandu jkun stabbilit li mhux inqas minn kull tliet xhur isir djalogu aktar regolari u strutturat dwar kwistjonijiet makroekonomiċi bejn il-Parlament, il-Kumissjoni u l-Grupp tal-Euro, simili għad-djalogu monetarju bejn il-Parlament u l-BĊE, sabiex jissaħħew l-oqfsa attwali u jkun hemm dibattitu dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-ekonomija taż-żona tal-euro; u

    o)

    jeħtieġ li jkun stabbilit djalogu attiv bejn il-Parlament, il-Grupp tal-Euro, il-BĊE u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bil-għan li jitmexxew diskussjonijiet dwar it-taħlita xierqa ta' linji politiċi

    63.   Hu tal-fehma li l-aġenda tal-politika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għall-għaxar snin li ġejjin se tkun ikkaratterizzata, b'mod partikulari, mill-isfidi ppreżentati mit-taqlib tas-suq finanzjarju li seħħ dan l-aħħar u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-ekonomija reali; jinnota b'mod pożittiv, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri fi ħdan iż-żona tal-euro huma mgħammra biex jiffaċċjaw skussaturi mill-akbar aħjar milli kienu fl-imgħoddi bis-saħħa tal-politika monetarja komuni u r-riforma li twettqu f'dawn l-aħħar snin; madankollu, bil-għan li l-majnar ekonomiku u l-inflazzjoni għolja jiġu kkumbattuti kemm jista' jkun, jitlob li jkun hemm:

    a)

    rispons koordinat fil-livell ta' UE, ibbażat fuq fehim komuni tal-problemi u miżuri ta' segwitu komuni filwaqt li jkunu aċċettati xi elementi speċifiċi nazzjonali inkluża l-koordinazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma;

    (b)

    PNR ambizzjużi u aġġustati u impenn għall-implimentazzjoni tagħhom, inkluża reviżjoni tal-baġits nazzjonali biex jirreaġixxu għall-aktar tbassiriet ekonomiċi riċenti, jiġġieldu r-riċessjoni ekonomika u jrawmu t-tkabbir, filwaqt li jistabbilixxu djalogi b'saħħithom mal-imsieħba soċjali;

    c)

    miżuri li jappoġġjaw l-SMEs, b'mod partikulari, biex jikkumplimentaw l-azzjoni riċenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment u biex jiżguraw linji ta' kreditu sostnuti lill-SMEs mis-sistema bankarja;

    d)

    definizzjoni ta' miżuri mmirati biex jipproteġu l-gruppi vulnerabbli mill-effetti tal-kriżi finanzjarja attwali;

    e)

    implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-pjan direzzjonali tas-Servizzi Finanzjarji, inklużi azzjonijiet ta' segwitu u effettività akbar tas-superviżjoni fir-rigward tat-taqlib finanzjarju li għaddej fil-preżent;

    f)

    it-tisħiħ tal-arranġamenti tar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet billi jittejbu r-regoli tal-UE dwar l-istralċ u billi jkunu stabbiliti arranġamenti li jkunu definiti b'mod ċar u aċċettabbli unanimament dwar il-qsim tal-piż fost l-Istati Membri relevanti fil-każ ta' insolvenza fi ħdan il-gruppi finanzjarji transkonfinali;

    g)

    it-tlestija tal-għodod monetarji u ekonomiċi użati għat-tfassil tal-politika monetarja permezz ta' analiżi bir-reqqa ta' fatturi li jinfluwenzaw l-istabilità u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja, fost oħrajn fir-rigward tat-trasferiment tal-politika monetarja, l-iżvilupp ta' assi ta' kreditu u assi finanzjarji, il-karatteristiċi ta' prodotti ġodda u l-konċentrazzjoni tar-riskji u l-likwidità;

    h)

    reazzjoni Ewropea proattiva fi ħdan fora internazzjonali, notevolment il-Forum dwar l-Istabilità Finanzjarja u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u għaż-żieda fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi komuni; u

    i)

    l-ifformular ta' vuċi tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-G8 u r-riflessjoni tal-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala korp dinji effiċjenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi filwaqt li dan l-irwol ikun aġġustat għall-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u swieq finanzjarji globali aktar dominanti;

    j)

    koordinament aħjar u aktar effiċjenti bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-istituzzjonijiet tal-Bretton Woods (il-FMI u l-Grupp tal-Bank Dinji) sabiex tkun miġġielda l-ispekulazzjoni u jkunu affrontati l-isfidi ppreżentati minn din il-kriżi serja;

    k)

    minħabba t-taqlib monetarju attwali serju, l-organizzazzjoni ta' konferenza monetarja dinjija taħt l-awspiċi tal-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex isiru konsultazzjonijiet globali dwar kwistjonijiet monetarji; kif ukoll kunsiderazzjoni tal-fattibilità tal-ħolqien ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta' tilwim monetarju fi ħdan il-qafas tal-FMI.

    *

    * *

    64.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-president tal-Grupp tal-Euro, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0506.

    (2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 125.

    (3)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 569.

    (4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0057.

    (5)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 422.

    (6)  ĠU C 287 E, 29.1.2007, p. 535.

    (7)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 132.

    (8)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 780.

    (9)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0357.

    (10)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.

    (11)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 251.

    (12)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0287.

    (13)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 118.

    (14)  ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 73.

    (15)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0425.

    (16)  ĠU C 35, 2.2.1998, p. 1.


    Top