Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0101

    Il-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE rigward l-Esportazzjoni ta' l-Armi
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Marzu 2008 dwar il-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE rigward l-Esportazzjoni ta' l-Armi - In-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta l-Pożizzjoni Komuni u jibdel dan il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment

    ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 48–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 66/48


    Il-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE rigward l-Esportazzjoni ta' l-Armi

    P6_TA(2008)0101

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE rigward l-Esportazzjoni ta' l-Armi — In-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta l-Pożizzjoni Komuni u jibdel dan il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment

    (2009/C 66 E/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fl-2008 l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi (“il-Kodiċi”)se tiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħha,

    B.

    billi iktar minn sentejn ilu, fit-30 ta' Ġunju 2005, il-COREPER qabel fil-livell tekniku dwar it-test tal-Pożizzjoni Komuni bħala riżultat ta' proċess magħmul bir-reqqa ta' reviżjoni tal-Kodiċi bil-għan li l-Kodiċi jinbidel fi strument effikaċi għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi mit-territorju ta' l-UE u minn kumpaniji ta' l-UE,

    C.

    billi bl-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni l-Kodiċi se ssir strument għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi li jkun jorbot legalment lill-Istati Membri kollha,

    D.

    billi l-Parlament laqa' b'sodisfazzjon kbir din il-Pożizzjoni Komuni f'diversi okkażjonijiet, fost l-oħrajn fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar is-Seba' u t-Tmien Rapporti Annwali tal-Kunsill skond id-Dispożizzjoni Operattiva 8 tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi (1),

    E.

    billi madankollu il-Kunsill Ewropew sa mill-2005 naqas milli jadotta din il-Pożizzjoni Komuni fil-livell politiku,

    F.

    billi r-raġunijiet għal dan qatt ma ġewx spjegati b'mod uffiċjali imma huma marbuta b'mod ċar max-xewqa ta' wħud mill-Istati Membri li jneħħu l-embargo attwali ta' l-UE fuq l-esportazzjonijiet ta' l-armi li hemm fis-seħħ min-naħa ta' l-UE kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,

    G.

    billi din il-kwistjoni saret aktar urġenti minħabba dawn l-iżviluppi li ġejjin:

    (i)

    l-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona, li jobbliga lill-UE li jkollha sehem bħala parteċipanta responsabbli b'mod globali,

    (ii)

    il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (l-ESDP) li qiegħda tiżviluppa, u li permezz tagħha qegħdin jintbagħtu missjonijiet esterni militari u ċivili ta' l-UE, u b'hekk l-istaff ta' l-UE jista' jkun mhedded b'armi li jkunu ġew ipprovduti mill-Istati Membri,

    (iii)

    dikjarazzjonijiet reċenti mill-Istati Membri li juru r-rieda min-naħa tagħhom li jżidu l-esportazzjoni ta' l-armi bħala għodda għall-promozzjoni ta' l-interessi ekonomiċi,

    (iv)

    diversi inizjattivi sabiex jiġu armonizzati l-politiki nazzjonali għall-akkwist ta' l-armi kif ukoll it-trasferimenti u l-bejgħ intrakomunitarji ta' l-armi,

    H.

    billi, minkejja l-isforzi pożittivi tal-COARM (Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Armi) sabiex ikomplu jittejbu l-Kodiċi u l-applikazzjoni tagħha, dan ix-xogħol qiegħed jiġi mfixkel sew mill-esportazzjonijiet ta' l-armi mill-Istati Membri lejn pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' kunflitt, f'instabilità jew nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u li huma meqjusa bħala “destinazzjonijiet irresponsabbli” skond il-Kodiċi,

    I.

    billi n-nuqqas ta' rieda politika biex il-Kodiċi jinbidel f'Pożizzjoni Komuni jmur kontra l-irwol ta' tmexxija ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-promozzjoni ta' strumenti legali li għandhom l-għan li jikkontrollaw it-trasferimenti kollha ta' l-armi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, b'mod partikolari t-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi,

    1.

    Jiddeplora l-impass politiku attwali rigward l-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni, fid-dawl ta' l-għaxar anniversarju tal-Kodiċi;

    2.

    Jistieden lill-Presidenza Slovena biex tqiegħed l-adozzjoni ta' dik il-Pożizzjoni Komuni bħala punt permanenti fl-aġenda tal-laqgħa ta' kull Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali sakemm din il-kwistjoni tiġi riżolta;

    3.

    Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri ta' l-UE li jopponu Kodiċi li jkun torbot legalment sabiex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom;

    4.

    Jemmen li l-kredibilità tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għal Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi li jorbot b'mod internazzjonali tiżdied sew hekk kif ir-reġim tagħha stess dwar il-kontroll ta' l-armi jsir jorbot legalment;

    5.

    Hu konvint ukoll li, flimkien ma' l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, għandha tittieħed azzjoni sabiex, fost l-oħrajn:

    (a)

    jiġu evitati trasferimenti irresponsabbli ta' armi permezz ta' applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Kodiċi kemm għall-kumpaniji u kif ukoll għall-forzi armati nazzjonali;

    (b)

    jiġu mtejba u applikati l-kontrolli ta' l-intermedjarji, u jiġi evitat li jkun hemm traffikar illegali ta' armi bl-ajru u bil-baħar;

    (c)

    tiġi żgurata investigazzjoni immedjata ta' allegazzjonijiet reċenti dwar il-ksur ta' embargos ta' l-armi;

    (d)

    jiġi evitat li jsir bejgħ, lil intermedjarji privati, ta' armi miġbura matul operazzjonijiet ta' l-ESDP u r-Riforma tas-Settur tas-Sigurta' (SSR) u matul inizjattivi oħra ta' l-UE, u t-trasferiment sussegwenti tagħhom;

    (e)

    jiġu mtejba t-trasparenza u l-kwalità tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri fil-kuntest tar-Rapport Annwali fuq il-Kodiċi;

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali kollha ta' l-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 210.


    Top