Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2118

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2118 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-immaniġġjar ta’ portafolli individwali ta’ self minn fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, li jispeċifikaw l-elementi tal-metodu għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu, l-informazzjoni dwar kull portafoll individwali li għandha tiġi żvelata lill-investituri, u l-politiki u l-proċeduri meħtieġa fir-rigward tal-fondi ta’ kontinġenza (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4841

ĠU L 287, 8.11.2022, p. 50–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2118/oj

8.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/50


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2118

tat-13 ta’ Lulju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-immaniġġjar ta’ portafolli individwali ta’ self minn fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, li jispeċifikaw l-elementi tal-metodu għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu, l-informazzjoni dwar kull portafoll individwali li għandha tiġi żvelata lill-investituri, u l-politiki u l-proċeduri meħtieġa fir-rigward tal-fondi ta’ kontinġenza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Meta jinvestu f’portafoll ta’ self offrut minn fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, l-investituri ma jagħżlux il-proġetti li fihom se jinvestu l-fondi tagħhom, imma jagħżlu għadd ta’ parametri u indikaturi tar-riskju u jħallu f’idejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament biex jalloka l-fondi kif xieraq. Għaldaqstant, il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jenħtieġ li jiżvela l-livelli xierqa ta’ informazzjoni lil investituri prospettivi u attwali, biex ikun possibbli li dawn l-investituri jkollhom biżżejjed għarfien dwar ir-redditi u r-riskji tal-proġetti u jieħdu deċiżjonijiet informati.

(2)

Sabiex titnaqqas l-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament u l-investituri, jenħtieġ li l-investituri jiġu pprovduti bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, inklużi l-proġetti fejn jiġu investiti l-fondi tagħhom, kif ukoll il-kwalità tas-self li jiffinanzja dawn il-proġetti. Jenħtieġ li dan jippermetti lill-investituri jifhmu u jqabblu aħjar il-prestazzjoni u l-livell ta’ riskju ta’ portafolli differenti, kemm jekk offruti fuq l-istess pjattaforma jew fuq pjattaformi alternattivi.

(3)

L-investituri mhumiex esposti biss għal riskji marbuta mal-proġetti jew mas-self li fihom jiġu investiti l-fondi tagħhom, imma anki għall-mod kif il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jivvaluta r-riskju ta’ dak is-self u dawk il-proġetti u kif dak il-fornitur jimmaniġġja l-għażla tas-self għall-portafoll. F’dan ir-rigward, it-twettiq ta’ testijiet tal-istress fuq l-analiżi tal-portafoll u tas-sensittività fuq is-selfa individwali u d-detentur tal-proġett individwali jista’ jkun partikolarment effettiv biex jipprovdi valutazzjoni profonda u kompluta tal-investimenti. Għalhekk huwa xieraq li, meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iwettaq tali testijiet tal-istress, ir-riżultati ta’ dawn l-analiżijiet jiġu żvelati lill-investituri.

(4)

Sabiex tiġi żgurata trasparenza effettiva, l-informazzjoni dwar l-elementi li għandhom jiġu inklużi mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fil-metodu użat biex jitwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-kreditu jenħtieġ li tiġi żvelata kif xieraq. Din tippermetti lill-investituri jifhmu jekk il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jiħdux approċċ adegwat u prudenzjali fil-proċess tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-proġetti li jkunu qed jiġu ffinanzjati, l-affordabilità tas-self għad-detenturi tal-proġett, u l-kompożizzjoni tas-self individwali f’portafoll strutturat.

(5)

Jista’ jagħti l-każ li fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jagħmel użu minn fond ta’ kontinġenza ddedikat biex jikkumpensa lill-investituri għat-telf li dawk l-investituri jistgħu jġarrbu f’każ li d-detenturi tal-proġetti ma jħallsux lura s-self tagħhom. L-investituri jridu jiġu informati li s-sempliċi eżistenza ta’ tali fond ta’ kontinġenza ma tipprovdix garanzija li l-investiment jista’ jitqies bħala mingħajr riskju u li se jiġu rimborżati f’każ li s-selfa li jkunu ffinanzjaw tkun inadempjenti, billi hemm diskrezzjoni assoluta min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv biex jiddeċiedi dwar kwalunkwe pagament. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-investituri, huwa importanti li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikollhom fis-seħħ politiki u arranġamenti ta’ governanza xierqa meta jimmaniġġjaw, jew direttament jew permezz ta’ fornitur terz, fondi ta’ kontinġenza.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-EBA f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u ppreżentati lill-Kummissjoni.

(7)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Preċiżjoni u affidabbiltà tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-investituri

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-investituri skont l-Artikolu 6(2) u (4) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tkun preċiża, affidabbli u tinżamm aġġornata regolarment.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li:

(a)

id-data użata biex jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja msemmija fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament tkun konsistenti, kompluta u xierqa;

(b)

it-tekniki tal-kejl ikunu xierqa għall-kumplessità u għal-livell tar-riskji sottostanti għall-proġetti uniċi u/jew għall-portafolli ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv, ikunu bbażati fuq data affidabbli, u jkunu soġġetti għal validazzjoni perjodika; u

(c)

il-proċeduri relatati mal-ġestjoni tad-data huma robusti, dokumentati sew, affidabbli u aġġornati regolarment.

Artikolu 2

Format tal-informazzjoni li għandha tiġi żvelata

1.   Għall-finijiet tal-Kapitolu II, l-informazzjoni pprovduta lill-investituri għandha tkun faċilment disponibbli fit-taqsima ddedikata tas-sit web tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, li tista’ tintgħaraf b’mod ċar mill-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-Kapitolu III, l-informazzjoni pprovduta lill-investituri individwali dwar il-portafoll tagħhom ta’ self għandha tkun disponibbli fuq paġna sigura tas-sit web tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li għandha tkun aċċessibbli permezz ta’ mezz adegwat ta’ identifikazzjoni personali.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi ppreżentata b’mod li jaġevola l-qari u espressa b’mod u bl-użu ta’ lingwaġġ li jiffaċilita l-fehim tagħha. Fejn jista’ jintuża kliem ordinarju għandhom jiġu evitati termini tekniċi u, meta jintużaw, dawn għandhom ikunu spjegati.

KAPITOLU II

Elementi, inkluż il-format, li għandhom jiġu inklużi fid-deskrizzjoni tal-metodu għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu

Artikolu 3

Riskju ta’ kreditu ta’ proġetti individwali ta’ finanzjament kollettiv

Id-deskrizzjoni pprovduta lill-investituri tal-metodu biex jiġi vvalutat ir-riskju ta’ kreditu ta’ proġetti individwali ta’ finanzjament kollettiv f’portafoll, kif imsemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) 2020/1503, għandu jkun fiha l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

il-kriterji u l-indikaturi finanzjarji ewlenin użati biex jiġu stabbiliti l-fattibbiltà u s-sostenibbiltà tal-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju tal-proġetti individwali ta’ finanzjament kollettiv;

(b)

analiżi tal-flussi ta’ flus mistennija tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv u valutazzjoni ta’ kif ċerti flussi ta’ flus mistennija huma fuq orizzonti ta’ żmien differenti;

(c)

analiżi tal-karatteristiċi, inkluż il-grad ta’ kompetizzjoni, tal-qasam ta’ negozju li fih joperaw id-detenturi tal-proġett;

(d)

valutazzjoni tal-għarfien, tal-esperjenza, tar-reputazzjoni u tal-kapaċità tad-detenturi tal-proġett biex jimmaniġġjaw l-attivitajiet ta’ negozju fis-settur speċifiku tal-proġett;

(e)

il-proċeduri rigward l-aċċettazzjoni u r-rikonoxximent ta’ kollateral jew garanzija u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, jekk rilevanti;

(f)

it-tip tal-iskeda ta’ ħlas lura għas-selfa u l-frekwenza tal-pagamenti parzjali;

(g)

il-proċeduri biex kull selfa assoċjata ma’ proġett tiġi assenjata għal kategorija ta’ riskju xierqa kif definit fil-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju;

(h)

is-sors u t-tip ta’ data użata għall-finijiet tal-punti (a) sa (g).

Artikolu 4

Riskju ta’ kreditu fil-livell ta’ portafoll tal-investitur

1.   Id-deskrizzjoni pprovduta lill-investituri tal-metodu biex jiġi vvalutat ir-riskju ta’ kreditu fil-livell tal-portafoll tal-investitur kif imsemmi fl-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandu jkun fiha spjegazzjoni ta’ kif jitqiesu l-elementi li ġejjin fil-proċess ta’ kompożizzjoni ta’ portafoll:

(a)

id-distribuzzjoni tas-self f’konformità mal-maturità tagħhom fl-istess portafoll;

(b)

ir-rata tal-imgħax għal kull selfa tal-istess portafoll;

(c)

is-sehem tas-self f’portafoll uniku mogħti lill-istess detentur tal-proġett jew lil grupp ta’ detenturi tal-proġetti konnessi;

(d)

is-sehem tas-self f’portafoll uniku mogħti lil detenturi tal-proġetti stabbiliti jew li joperaw fl-istess ġuriżdizzjoni jew żona ġeografika;

(e)

is-sehem tas-self f’portafoll uniku mogħti lil detenturi tal-proġetti li joperaw fl-istess settur tan-negozju;

(f)

is-sehem tas-self assenjat għall-istess kategorija ta’ riskju;

(g)

il-metodu użat biex tiġi evalwata l-korrelazzjoni tar-riskji fl-istess portafoll.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(c), grupp ta’ detenturi tal-proġetti konnessi għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar li jikkostitwixxu riskju wieħed għax waħda minnhom, direttament jew indirettament, għandha kontroll fuq l-oħra jew l-oħrajn;

(b)

żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu riskju wieħed minħabba li huma tant interkonnessi li, jekk waħda minnhom kellha tesperjenza problemi finanzjarji, l-oħra jew l-oħrajn kollha x’aktarx li jiltaqgħu wkoll ma’ diffikultajiet ta’ finanzjament jew ta’ ħlas lura.

3.   Fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jirreklama rata fil-mira speċifika ta’ redditu fuq l-investiment għal portafoll għandu jiżvela l-proċedura użata biex jintgħażel is-self individwali li għandu jiġi inkluż fil-portafoll.

Artikolu 5

Riskju ta’ kreditu tad-detenturi tal-proġetti

Id-deskrizzjoni pprovduta lill-investituri tal-metodu użat biex jiġi vvalutat ir-riskju ta’ kreditu tad-detenturi tal-proġett kif imsemmija fl-Artikolu 6(2)(c) tar-Regolament (UE) 2020/1503, għandu jkun fiha l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-kreditu u l-proċessi ta’ monitoraġġ;

(b)

il-proċeduri biex jiġi ddeterminat il-punteġġ tal-kreditu tad-detentur tal-proġett, jekk applikabbli;

(c)

il-proċeduri għall-użu ta’ klassifikazzjonijiet esterni għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ detentur tal-proġett;

(d)

il-proċeduri rigward l-aċċettazzjoni u r-rikonoxximent ta’ kollateral jew garanzija u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, jekk rilevanti;

(e)

il-proċeduri u d-data użati għall-valutazzjoni tal-istorja finanzjarja tad-detentur tal-proġett u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ li d-detentur tal-proġett jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa jew jirrifjuta li jagħmel dan.

Artikolu 6

L-użu ta’ mudelli

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata dwar il-mudelli inklużi fil-metodu użat għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-proġetti ta’ finanzjament kollettiv, għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tad-detenturi tal-proġetti, għall-approvazzjoni tal-kreditu u l-proċessi ta’ monitoraġġ, u għall-kompożizzjoni tal-portafolli, inkluż dan kollu li ġej:

(a)

is-sors tad-data użata bħala input għall-mudelli;

(b)

il-qafas użat biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data tal-input;

(c)

l-eżistenza ta’ arranġamenti ta’ governanza xierqa għat-tfassil u l-użu ta’ tali mudelli;

(d)

il-qafas biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-output tal-mudell tiġi vvalutata u vvalidata regolarment, u fejn xieraq, analizzata.

2.   Meta jintużaw mudelli awtomatizzati bħala parti mill-metodu għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv, fil-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tad-detenturi tal-proġett, fl-approvazzjoni ta’ kreditu u l-proċessi ta’ monitoraġġ, jew fil-kompożizzjoni tal-portafolli, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżvelaw dan kollu li ġej:

(a)

kif l-użu ta’ mudelli awtomatizzati huwa xieraq għad-daqs, għan-natura u għall-kumplessità tat-tipi ta’ proġetti ta’ finanzjament kollettiv magħżula għall-portafoll tal-investitur;

(b)

il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat fl-approvazzjoni tal-kreditu u fil-proċessi ta’ monitoraġġ, inkluż l-identifikazzjoni ta’ self, segmenti u limiti li għalihom huwa permess it-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar l-ittestjar tal-istress u l-analiżi tas-sensittività

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jwettqu testijiet tal-istress u eżerċizzji ta’ analiżi tas-sensittività għandhom jipprovdu lill-investituri informazzjoni dwar dan kollu li ġejjin:

(a)

fil-livell tas-selfa unika u tad-detentur tal-proġett uniku, kwalunkwe analiżi tas-sensittività mwettqa biex tirrifletti events futuri tas-suq u idjosinkratiċi potenzjalment negattivi li huma rilevanti għat-tip u għall-iskop tas-selfa;

(b)

fil-livell tal-portafoll, il-proċeduri u s-sistemi ta’ informazzjoni għall-ittestjar tal-istress li jitwettqu biex tiġi vvalutata r-reżiljenza tal-portafoll matul iċ-ċiklu ekonomiku u f’xenarji differenti.

KAPITOLU III

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta dwar kull portafoll individwali

Artikolu 8

Kalkolu tar-rata tal-imgħax annwali medja ponderata

1.   Għall-kalkolu tar-rata tal-imgħax annwali medja ponderata fuq is-self f’portafoll kif imsemmi fl-Artikolu 6(4)(b) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkalkulaw il-medja, ponderata għall-ammont pendenti ta’ self f’portafoll, tar-rata tal-imgħax annwali ta’ kull selfa li l-portafoll huwa magħmul minnha.

2.   Sabiex jikkalkulaw ir-rata tal-imgħax annwali medja ponderata msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:

(a)

li d-denominatur jikkonsisti fis-somma tal-ammont nozzjonali ta’ kull selfa inkluża fil-portafoll;

(b)

li n-numeratur jikkonsisti fis-somma tal-prodotti ta’:

(i)

l-ammont nozzjonali ta’ kull selfa;

(ii)

ir-rata tal-imgħax annwali ta’ kull selfa inkluża fil-portafoll;

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2(b)(ii), ir-rata tal-imgħax annwali għandha tikkorrispondi għal xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ rata tal-imgħax fissa, ir-rata tal-imgħax annwali kif stabbilita fil-kuntratt tas-self;

(b)

fil-każ ta’ rata varjabbli, ir-rata tal-imgħax fis-seħħ fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-medja ponderata tar-rata tal-imgħax annwali, b’kont meħud ta’ kwalunkwe limitu massimu kif stabbilit fil-kuntratt tas-self;

(c)

f’każijiet fejn is-selfa tinqasam f’segmenti b’rati tal-imgħax differenti, il-medja ponderata tar-rati tal-imgħax kif stabbilit fil-kuntratt tas-selfa.

Artikolu 9

Distribuzzjoni tas-self skont il-kategorija ta’ riskju

1.   Għall-kalkolu tad-distribuzzjoni ta’ self skont il-kategorija ta’ riskju, f’numri assoluti u bħala perċentwal, kif imsemmi fl-Artikolu 6(4)(c) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw li kull selfa individwali tiġi assenjat lill-kategorija ta’ riskju rilevanti stabbilita fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju fuq il-bażi ta’ kriterji sodi u definiti sew, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)(f) tar-Regolament (UE) 2020/1503, u kif speċifikat f’konformità mal-Artikolu 19(7)(d) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, u għal kull kategorija ta’ riskju, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-distribuzzjoni ta’ self skont il-kategorija ta’ riskju f’numri assoluti għandha tirreferi għas-somma tal-ammont nozzjonali ta’ kull selfa fl-istess kategorija ta’ riskju.

(b)

id-distribuzzjoni ta’ self skont il-kategorija ta’ riskju bħala perċentwal għandha tirreferi għall-proporzjon bejn:

(i)

is-somma tal-ammont nozzjonali ta’ kull selfa fl-istess kategorija ta’ riskju;

(ii)

l-ammont nozzjonali totali tas-self kollu fil-portafoll.

3.   Għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-investituri, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jistabbilixxu u jżommu politiki u proċeduri ċari u effettivi għall-ispeċifikazzjoni tal-kategoriji ta’ riskju.

Artikolu 10

Informazzjoni ewlenija għal kull selfa inkluża fil-portafoll

1.   L-informazzjoni ewlenija għal kull selfa li minnha huwa magħmul portafoll imsemmija fl-Artikolu 6(4)(d) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandu jkun fiha dan kollu li ġej:

(a)

l-ammont tas-selfa, inkluż il-bilanċ pendenti l-aktar reċenti;

(b)

il-munita li fiha tingħata s-selfa;

(c)

l-entità responsabbli għall-għoti ta’ service b’rabta mas-selfa, inkluż l-isem ġuridiku, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-post tar-reġistrazzjoni tagħha, l-uffiċċju rreġistrat u d-dettalji ta’ kuntatt, u l-politika tagħha tal-għoti ta’ service;

(d)

l-identità tad-detentur tal-proġett, inkluża l-indikazzjoni tal-isem ġuridiku tiegħu, il-pajjiż tal-inkorporazzjoni u n-numru tar-reġistrazzjoni, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat u s-sit web korporattiv;

(e)

l-istruttura tas-sjieda tad-detentur tal-proġett;

(f)

l-iskop tas-selfa, billi tiżdied deskrizzjoni qasira tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv;

(g)

ir-rata tal-imgħax jew kwalunkwe kumpens ieħor stipulat fis-selfa, għal kull sena sal-maturità, u jekk ir-rata tal-imgħax jew kwalunkwe kumpens ieħor ma jkunx disponibbli, il-metodu tal-kalkolu;

(h)

id-data ta’ maturità tas-selfa;

(i)

il-kategorija ta’ riskju rilevanti li għaliha tiġi assenjata s-selfa f’konformità mal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 4(4)(f) tar-Regolament (UE) 2020/1503;

(j)

l-iskeda ta’ ħlas lura tal-kapital u għall-ħlas tal-imgħax fuq is-selfa;

(k)

il-konformità tad-detentur tal-proġett mal-iskeda tal-ħlas parzjali tas-selfa billi jiġi indikat kwalunkwe ħlas wara d-data tal-għeluq jew kwalunkwe inadempjenza kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 (4);

(l)

il-perċentwal tal-ammont tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv li qed jiġi ffinanzjat mill-investitur permezz tas-selfa, espress bħala l-proporzjon bejn:

(i)

l-ammont nozzjonali tas-selfa;

(ii)

l-ammont totali tal-proġett ta’ finanzjament kollettiv.

2.   L-informazzjoni pprovduta għal kull selfa inkluża f’portafoll għandha tirrapporta jekk detentur tal-proġett għandux aktar minn proġett ta’ finanzjament kollettiv wieħed fis-seħħ iffinanzjat permezz ta’ kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, u trid tingħata l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

it-tip ta’ offerta u l-istrument użat għall-finanzjament tal-proġett;

(b)

id-data tat-tlestija (fil-passat jew mistennija);

(c)

l-ammont nozzjonali li d-detentur tal-proġett qed jissellef;

(d)

informazzjoni rilevanti oħra, inklużi l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti l-oħra kollha.

3.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jirrikjedi li d-detentur tal-proġett jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jieħdu passi xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tal-proġetti f’konformità mal-paragrafu 3 tkun preċiża, affidabbli u aġġornata.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(4)(e) tar-Regolament (UE) 2020/1503, “miżura ta’ mitigazzjoni tar-riskju” għandha tfisser teknika użata minn detentur tal-proġett biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ selfa, li jista’ jkollha waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

“protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu”, li tfisser teknika ta’ mitigazzjoni tar-riskju fejn it-tnaqqis tar-riskju tal-kreditu assoċjat ma’ selfa jirriżulta mid-dritt tal-investitur, f’każ ta’ inadempjenza tas-selfa jew jekk iseħħu events ta’ kreditu speċifiċi oħra relatati mal-proġett jew mad-detentur tal-proġett, li jillikwida jew jikseb trasferiment jew approprjazzjoni ta’ ċerti assi jew ammonti, jew li jżommhom, jew li jnaqqas l-ammont tas-selfa;

(b)

“protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata”, li tfisser teknika ta’ mitigazzjoni tar-riskju fejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ selfa jirriżulta mill-obbligu ta’ parti terza li tħallas ammont f’każ ta’ inadempjenza tas-selfa jew jekk iseħħu events ta’ kreditu speċifiċi oħra relatati mal-proġett jew mad-detentur tal-proġett.

2.   Jekk self jiġi ggarantit minn “protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu” kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

it-tip ta’ assi(jiet);

(b)

il-valwazzjoni l-aktar reċenti ta’ tali assi(jiet) u l-ammont(i) li jistgħu jiġu likwidati, trasferiti, miżmuma jew approprjati;

(c)

il-metodu ta’ valwazzjoni;

(d)

il-proporzjon bejn l-ammont imsemmi fil-punt (b) u l-ammont nozzjonali totali tas-selfa, espress bħala perċentwal.

3.   Jekk self jiġi ggarantit minn “protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata” kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jipprovdi, bħala minimu, l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-natura legali tal-parti terza li taġixxi bħala fornitur jew garanti tal-protezzjoni;

(b)

il-proporzjon bejn:

(i)

l-ammont nozzjonali tas-selfa kopert mill-parti terza;

(ii)

l-ammont nozzjonali totali tas-selfa, espress bħala perċentwal.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw dan kollu li ġej:

(a)

li l-eliġibbiltà u l-valwazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni tar-riskju tiġi vvalutata f’konformità ma’ politiki u proċeduri adegwati fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)(f) tar-Regolament (UE) 2020/1503 u kif speċifikat f’konformità mal-Artikolu 19(7)(d) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

li l-valwazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni tar-riskju tqis il-kostijiet kollha tad-disponiment li jirriżultaw mill-kisba u l-bejgħ tal-kollateral.

Artikolu 12

Informazzjoni dwar inadempjenzi fuq ftehimiet ta’ kreditu mid-detentur tal-proġett

1.   Sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 6(4)(f) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jeżiġu li d-detenturi tal-proġetti jipprovdu informazzjoni dwar l-inadempjenzi li seħħew skont il-ftehimiet ta’ kreditu fl-aħħar 5 snin.

2.   Meta “ftehim ta’ kreditu” jirreferi għal ftehim li bih investitur jagħti kreditu lil detentur tal-proġett fil-forma ta’ selfa għal proġett ta’ finanzjament kollettiv speċifiku, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“inadempjenza” tfisser “inadempjenza” kif definit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2115;

(b)

“ftehim ta’ kreditu” tfisser ftehim li bih investitur jagħti kreditu lil detentur tal-proġett fil-forma ta’ selfa għal proġett ta’ finanzjament kollettiv speċifiku.

3.   L-informazzjoni dwar l-inadempjenzi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata mid-detentur tal-proġett lill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fil-każijiet kollha:

(a)

fil-punt tal-oriġinazzjoni tas-self;

(b)

immedjatament wara li jseħħ event ta’ inadempjenza;

(c)

sad-data ta’ maturità tal-ftehim ta’ kreditu inkluż fil-portafoll.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jieħdu passi xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tal-proġetti f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 tkun preċiża, affidabbli u aġġornata.

5.   Jekk “ftehim ta’ kreditu” jkun ifisser kwalunkwe strument finanzjarju kif definit fl-Artikolu 4(1)(50) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u ma tkunx disponibbli informazzjoni dwar inadempjenzi passati, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jeżiġu li d-detenturi tal-proġetti jipprovdu l-informazzjoni kollha li ġejja għall-aħħar 5 snin:

(a)

jiem wara d-data tal-għeluq;

(b)

ammont ta’ arretrati

6.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżvelaw lill-investituri jekk is-sors tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafi 2 u 5 huwiex inkluż f’wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin u jispeċifikaw liema:

(a)

dikjarazzjoni ġuramentata mid-detentur tal-proġett;

(b)

informazzjoni disponibbli fir-reġistri ta’ kreditu;

(c)

informazzjoni disponibbli pubblikament, inkluż minn kumpaniji tal-ġbir tad-dejn jew aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu;

(d)

tip ieħor ta’ informazzjoni.

7.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw dan kollu li ġej:

(a)

li l-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tal-proġetti f’konformità mal-paragrafu 5 tkun preċiża, affidabbli u aġġornata;

(b)

li l-iżvelar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 lill-investituri ikun f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 13

Informazzjoni dwar tariffi mħallsa fir-rigward tas-selfa mill-investitur, mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jew mid-detentur tal-proġett

L-informazzjoni dwar it-tariffi mħallsa fir-rigward ta’ self kif imsemmi fl-Artikolu 6(4)(g) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandu jkun fiha dan kollu li ġej:

(a)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tħallas it-tariffi, inkluż jekk dik il-persuna hijiex l-investitur, il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, id-detentur tal-proġett, jew parti terza;

(b)

l-ammont monetarju tat-tariffi;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi t-tariffi, inkluż jekk dik il-persuna tkunx il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jew, f’każ li l-funzjonijiet operazzjonali jiġu esternalizzati, parti terza;

(d)

kwalunkwe servizz remunerat b’tariffi, inklużi tariffi ta’ abbonament, tariffi ta’ ġestjoni, tariffi għal proċessi ta’ ġbir ta’ dejn u tariffi ta’ ħruġ;

(e)

il-metodu ta’ kalkolu għat-tariffi, inkluż jekk l-ammont tat-tariffi jirrappreżentax perċentwal tal-ammont nozzjonali tas-selfa jew kwalunkwe varjabbli ieħor, jew ammont fiss;

(f)

l-iskeda ta’ ħlasijiet tat-tariffi.

Artikolu 14

Informazzjoni dwar il-valwazzjoni tas-selfa

1.   Għal kull selfa individwali, il-valwazzjoni tas-selfa msemmija fl-Artikolu 6(4)(h) għandha tirrifletti r-redditu reali probabbli, iddefinit bħala r-redditu annwali skontat fuq l-investiment mistenni mill-investitur f’data ta’ valwazzjoni partikolari, fuq il-bażi tal-aktar informazzjoni reċenti disponibbli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kalkolu tar-redditu attwali probabbli għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

ir-rata tal-imgħax jew kwalunkwe kumpens ieħor stabbilit fis-selfa;

(b)

ir-rendiment sal-maturità;

(c)

l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe tariffa kif imsemmija fl-Artikolu 6(4)(g) tar-Regolament (UE) 2020/1503;

(d)

ir-rati ta’ inadempjenza mistennija, iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2115;

(e)

kwalunkwe kostijiet oħra mħallsa mid-detentur tal-proġett jew mill-investitur jew mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fir-rigward tas-selfa.

3.   Il-valwazzjoni tas-selfa kif imsemmija fl-Artikolu 6(4)(h) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandha tinkludi l-valwazzjoni tal-portafoll li fih hija inkluża s-selfa, espressa bħala l-proporzjon bejn dawn li ġejjin:

(a)

in-numeratur li jinkiseb bis-somma tal-prodotti ta’:

(i)

l-ammont nozzjonali ta’ kull selfa fil-portafoll;

(ii)

ir-redditu attwali probabbli rispettiv ta’ kull selfa li minnha huwa magħmul il-portafoll

(b)

id-denominatur li jinkiseb bis-somma tal-ammont nozzjonali ta’ kull selfa li minnha huwa magħmul il-portafoll

KAPITOLU IV

Politiki, proċeduri u arranġamenti organizzattivi meħtieġa fir-rigward tal-fondi ta’ kontinġenza

Artikolu 15

Rekwiżiti ġenerali

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li stabbilew u joperaw fond ta’ kontinġenza għall-attivitajiet tagħhom relatati mal-immaniġġjar ta’ portafolli individwali ta’ self għandu jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri adegwati u arranġamenti ta’ organizzazzjoni biex jiżguraw li l-fond ta’ kontinġenza jiġi mmaniġġjat b’mod prudenti u jkun jista’ jissodisfa l-objettivi tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti organizzazzjonali relatati mal-fond ta’ kontinġenza għandhom jiġu approvati mill-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u għandhom ikunu bil-miktub, aġġornati, u dokumentati sew.

Artikolu 16

Arranġamenti ta’ organizzazzjoni

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jiżguraw struttura organizzazzjonali u operazzjonali robusta u trasparenti għal kwalunkwe fond ta’ kontinġenza li jaf ikollhom u għandu jkollhom deskrizzjoni bil-miktub tagħha.

2.   Il-korp maniġerjali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza u ta’ organizzazzjoni tal-fond ta’ kontinġenza.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-membri kollha tal-korp maniġerjali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(a)

għandu jkollhom għarfien sħiħ tal-istruttura legali, organizzattiva u operazzjonali tal-fond ta’ kontinġenza u jiżguraw li dik l-istruttura tkun konformi mal-għanijiet approvati tagħha;

(b)

għandhom ikunu konxji għalkollox tal-istruttura, tar-responsabbiltajiet u tad-diviżjoni tal-kompiti fil-fond ta’ kontinġenza.

4.   L-istruttura organizzazzjonali tal-fond ma għandhiex timpedixxi l-kapaċità tal-korp maniġerjali li jidentifika, jissorvelja u jimmaniġġja b’mod effettiv ir-riskji li se jiffaċċa l-fond b’riżultat tal-operazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 17

Politika ta’ governanza

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollhom politika ta’ governanza biex jirregolaw il-fond ta’ kontinġenza. Dik il-politika għandha tiżgura li l-arranġamenti ta’ governanza, il-proċessi u l-mekkaniżmi interni jkunu konsistenti, integrati sew u adegwati biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-fond ta’ kontinġenza.

2.   Il-politika ta’ governanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi u l-informazzjoni kollha li ġejjin:

(a)

l-iskop tal-fond ta’ kontinġenza;

(b)

l-istruttura legali u operazzjonali tal-fond ta’ kontinġenza, inkluż jekk huwiex operat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv innifsu jew minn parti terza;

(c)

id-durata tal-fond ta’ kontinġenza, inklużi każijiet li fihom il-fond għandu terminu mhux limitat.

3.   F’każ li l-fond ta’ kontinġenza jitħaddem minn parti terza, il-politika ta’ governanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi wkoll dan kollu li ġej:

(a)

il-kompożizzjoni tal-korp maniġerjali tal-fond ta’ kontinġenza;

(b)

ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet tal-korp maniġerjali tal-fond ta’ kontinġenza;

(c)

deskrizzjoni tal-kompetenzi u l-ħiliet ta’ kull membru tal-korp maniġerjali tal-fond ta’ kontinġenza;

(d)

il-frekwenza tal-laqgħat tal-korp maniġerjali tal-fond ta’ kontinġenza;

(e)

l-obbligi ta’ rapportar bejn il-korp maniġerjali tal-fond ta’ kontinġenza u l-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(f)

ir-responsabbiltajiet għad-dokumentazzjoni, għall-maniġment u għall-kontroll tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni;

(g)

l-identifikazzjoni ta’ membru wieħed jew iżjed tal-persunal superjuri li huwa kontabbli direttament għall-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u responsabbli għall-ġestjoni u għas-sorveljanza tar-riskji tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni, inkluża d-dokumentazzjoni rispettiva.

Artikolu 18

Politika ta’ finanzjament

1.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollu politika ta’ finanzjament biex jiddetermina kif il-fond ta’ kontinġenza jiġi ffinanzjat u kif jiġu ġestiti r-rikavati miġbura.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-politika ta’ finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi u l-informazzjoni kollha li ġejjin:

(a)

kwalunkwe kontribuzzjoni inizjali magħmula mill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fil-fond ta’ kontinġenza;

(b)

it-tip ta’ tariffi miġbura sabiex jiġi akkumulat il-fond ta’ kontinġenza;

(c)

il-kriterji li jqis il-maniġment tal-fond ta’ kontinġenza meta jiddeċiedi dwar it-tip ta’ tariffi li se jiġu imposti;

(d)

il-kriterji li jqis il-maniġment tal-fond ta’ kontinġenza meta jiddeċiedi l-ammont ta’ tariffi li se jiġu imposti għal kull selfa;

(e)

il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għad-determinazzjoni tal-ammont u tan-natura tat-tariffi li se jiġu imposti;

(f)

l-istrateġija ta’ investiment adottata mill-fond ta’ kontinġenza għall-investiment tal-fondi mmaniġġjati;

(g)

is-sjieda legali tal-fondi;

(h)

kif il-fondi se jitħallsu f’każ ta’ maturità tal-fond ta’ kontinġenza;

(i)

kif il-fondi jiġu segregati minn assi oħra li huma fil-pussess tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv;

(j)

kif il-flus imħallsa fil-fond ta’ kontinġenza jiġu ttrattati fil-każ ta’ insolvenza tal-operatur tal-fond ta’ kontinġenza.

Artikolu 19

Politika ta’ żborż

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollu politika li tiddetermina kif l-elementi kollha li ġejjin jiġu kkunsidrati fid-deċiżjoni dwar l-iżborż lill-investituri mill-fond ta’ kontinġenza:

(a)

bilanċ aġġornat tal-fondi disponibbli;

(b)

is-sehem tas-self li jkun sar inadempjenti f’portafoll speċifiku;

(c)

ir-rati tal-imgħax u l-maturità tas-self li jkun sar inadempjenti f’portafoll partikolari;

(d)

il-proċedura li trid tiġi segwita meta jiġi kkunsidrat jekk għandux isir pagament diskrezzjonali mill-fond ta’ kontinġenza;

(e)

iċ-ċirkostanzi li fihom il-fond ta’ kontinġenza jista’ jiġi attivat għall-ħlas;

(f)

il-kriterji li jridu jiġu kkunsidrati fil-każ ta’ pretensjonijiet li jikkompetu jew simultanji ta’ investituri fuq l-istess self inadempjenti.

Artikolu 20

Politika għall-kontinwità tal-operat

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jistabbilixxu politika ta’ kontinwità tan-negozju soda għall-fond ta’ kontinġenza biex jiżguraw il-kapaċità tiegħu li jopera fuq bażi kontinwa u biex jillimitaw it-telf possibbli f’każ ta’ falliment temporanju jew definittiv.

Artikolu 21

Trasparenza u żvelar lill-investituri

1.   Il-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jinforma u jaġġorna lill-persunal tiegħu dwar il-politiki u l-proċeduri tal-fond ta’ kontinġenza b’mod ċar u konsistenti, tal-anqas sal-livell meħtieġ biex jitwettqu d-dmirijiet tal-fond ta’ kontinġenza.

2.   Il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti organizzattivi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandu jkollu f’konformità mal-Artikolu 6(7)(c) tar-Regolament (UE) 2020/1503 għandhom jiġu riflessi b’mod konsistenti fil-politika tal-fond ta’ kontinġenza msemmija fl-Artikolu 6(5)(b) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2115 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta’ inadempjenza ta’ self offrut fuq pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv (Ara l-paġna 33 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


Top