Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2046

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2046 tal-24 ta’ Ottubru 2022 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fir-rigward tal-adattament tagħhom biex jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Protokoll tiegħu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq

    C/2022/7454

    ĠU L 275, 25.10.2022, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2046/oj

    25.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/55


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2046

    tal-24 ta’ Ottubru 2022

    li jemenda l-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fir-rigward tal-adattament tagħhom biex jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Protokoll tiegħu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 108(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

    Billi:

    (1)

    L-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (2) jistabbilixxu l-ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 3(3a) ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), li l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali minnu, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

    (3)

    Il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni baqa’ fil-biċċa l-kbira applikabbli għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih, intemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

    (4)

    Madankollu, l-Artikolu 10 tal-Protokoll jipprevedi li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni elenkati fl-Anness 5 ta’ dak il-Protokoll għandhom japplikaw għar-Renju Unit fir-rigward ta’ miżuri li jaffettwaw il-kummerċ fi prodotti agrikoli bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huwa elenkat fost dawk id-dispożizzjonijiet.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Protokoll, jeħtieġ li l-ammonti kumulattivi massimi għar-Renju Unit kollu stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġu sostitwiti bl-ammonti korrispondenti għall-Irlanda ta’ Fuq biss.

    (7)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, l-ammonti kumulattivi massimi għall-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-istess metodu ta’ kalkolu bħal dak li ntuża għall-Istati Membri fiż-żmien meta ġew stabbiliti dawk l-Annessi.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1(1) (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    għajnuna għall-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri (*1), l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ network ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

    (*1)  Billi f’konformità mal-Artikolu 10 u l-Anness 5 tal-Protokoll tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 384, I, 12.11.2019), ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ miżuri li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit, kwalunkwe referenza għal Stat Membru f’dan ir-Regolament għandha tinftiehem bħala referenza għal Stat Membru jew għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq”"

    (2)

    fl-Anness I, ir-ringiela li tistabbilixxi l-ammont kumulattiv massimu tal-għajnuna de minimis għar-Renju Unit hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Ir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq 29 741 417”;

    (3)

    fl-Anness II, ir-ringiela li tistabbilixxi l-ammont kumulattiv massimu tal-għajnuna de minimis għar-Renju Unit hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Ir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq 35 689 700.”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).

    (3)  ĠU C 384I, 12.11.2019.


    Top