This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R1041
Commission Implementing Regulation (EU) 2022/1041 of 29 June 2022 making imports of certain lightweight thermal paper originating in the Republic of Korea subject to registration following the re-opening of the investigation in order to implement the judgment of the General Court of 2 April 2020 in Case T-383/17, as upheld by the Court of Justice in Case C-260/20 P, with regard to Commission Implementing Regulation (EU) 2017/763
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1041 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1041 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763
C/2022/4368
ĠU L 173, 30.6.2022, p. 64–67
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 17/03/2023; Imħassar b' 32023R0593
30.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/64 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1041
tad-29 ta’ Ġunju 2022
li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Adozzjoni ta’ miżuri
(1) |
Fit-17 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni (“il-Kummissjoni”) ippubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (2). Fit-3 ta’ Mejju 2017 il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (3) (‘ir-regolament ikkontestat’). |
1.2. Is-Sentenzi fil-kawżi T-383/17 u C-260/20P
(2) |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-20 ta’ Ġunju 2017, il-Hansol Group (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd.) (minn hawn ’il quddiem “Hansol”) ippreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 sa fejn dan kien jikkonċerna lil Hansol (Kawża T-383/17). Hansol ikkontestat il-legalità tar-regolament kontenzjuż għal għadd ta’ raġunijiet. F’wieħed mill-motivi tagħha Hansol ikkontestat il-kostruzzjoni ta’ ċerti valuri normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. F’motiv ieħor, Hansol argumentat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni fl-ippeżar tal-bejgħ fl-Unjoni Ewropea lil klijenti indipendenti meta mqabbel mal-bejgħ lil proċessuri relatati. Hansol sostniet li dan l-iżball ta’ kalkolu allegat kien ta’ distorsjoni fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping kif ukoll, fost l-oħrajn, il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz. |
(3) |
Fit-2 ta’ April 2020, il-Qorti tat is-sentenza tagħha fil-Kawża T-383/17, fejn annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 sa fejn kien jikkonċerna l-prodotti manifatturati minn Hansol (4). Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku meta ddeterminat li taħdem valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku għal tip ta’ prodott mibjugħ minn Hansol Artone Paper Co. Ltd., filwaqt li l-istess tip ta’ prodott kellu bejgħ domestiku rappreżentattiv minn Hansol Paper Co. Ltd. Il-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-allegat żball ta’ teħid inkunsiderazzjoni kien stabbilit u li l-Kummissjoni kellha tqis il-kwantitajiet mibjugħa minn Schades Nordic, wieħed mill-proċessuri relatati tal-Grupp Hansol fl-Unjoni, lil klijenti indipendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku peress li l-kalkoli li saru mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu l-firxa sħiħa tad-dumping ipprattikat minn Hansol. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-iżball ta’ teħid in kunsiderazzjoni affettwa wkoll il-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz, peress li l-Kummissjoni kienet użat l-istess kunsiderazzjoni għal dan il-kalkolu. Il-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta applikat l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija, meta naqqset il-kostijiet SG&A u marġni ta’ profitt għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat mill-entità tal-bejgħ relatata fl-UE, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ dak il-prodott fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu. |
(4) |
Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali billi tippreżenta appell (Kawża C-260/20 P). Fit-12 ta’ Mejju 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell u kkonfermat il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali (5). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet sabet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta applikat l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija f’dan il-każ. |
(5) |
Minħabba f’hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Hansol. |
2. RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI
(6) |
Il-Kummissjoni analizzat jekk huwiex xieraq li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. |
(7) |
L-Artikolu 266 tat-TFUE jistipula li l-istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qrati. Fil-każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-Istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħal investigazzjonijiet anti-dumping, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti tikkonsisti f’sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, li fih l-illegalità identifikata mill-Qorti tiġi eliminata (6). |
(8) |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ tissokta fil-punt eżatt li fih saret l-illegalità (7). Dan jimplika b’mod partikolari li, f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-ftuħ tal-proċedura anti-dumping. F’sitwazzjoni fejn, pereżempju, Regolament li jimponi miżuri anti-dumping definittivi jiġi annullat, dan ifisser li wara l-annullament, il-proċediment anti-dumping ikun għadu miftuħ, minħabba li l-att li jikkonkludi l-proċediment anti-dumping ikun sparixxa mill-ordni legali tal-Unjoni (8), ħlief jekk l-illegalità tkun saret fl-istadju tal-bidu. |
(9) |
Kif spjegat fl-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid, u peress li l-illegalità ma seħħitx fl-istadju tal-bidu iżda fl-istadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni sa fejn tikkonċerna Hansel u tkompliha fil-punt li fih seħħet l-irregolarità. |
(10) |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva u l-impożizzjoni mill-ġdid eventwali tad-dazji ma jistgħux jitqiesu bħala kuntrarji għar-regola ta’ nonretroattività (9). L-Avviż ta’ Ftuħ mill-Ġdid informa lill-partijiet interessati, inklużi l-importaturi, li kull responsabbiltà fil-ġejjieni, jekk tkun meħtieġa, tkun ġejja mis-sejbiet tal-eżami mill-ġdid. |
(11) |
Abbażi tal-konstatazzjonijiet il-ġodda tagħha u l-eżitu tal-investigazzjoni miftuħa mill-ġdid, li f’dan l-istadju mhijiex magħrufa, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolament li jirrevedi, fejn meħtieġ, ir-rata tad-dazju applikabbli. Dik ir-rata riveduta, jekk ikun hemm, tidħol fis-seħħ mid-data li fiha r-Regolament inkwistjoni daħal fis-seħħ. |
(12) |
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali biex jistennew l-eżitu tar-rieżaminazzjoni qabel jiddeċiedu dwar xi pretensjoni ta’ ħlas lura dwar id-dazju tal-antidumping annullati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Hansol. B’hekk l-awtoritajiet doganali huma ordnati li jżommu kwalunkwe pretensjoni għar-rimborż tad-dazji annullati sakemm l-eżitu tal-eżami mill-ġdid jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali. |
(13) |
Barra minn hekk, jekk l-investigazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid twassal għall-impożizzjoni mill-ġdid ta’ miżuri, id-dazji jeħtieġ li jinġabru wkoll għall-perjodu li matulu titwettaq l-investigazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid. |
(14) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li r-reġistrazzjoni hija għodda pprovduta fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku sabiex sussegwentement il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati kontra l-importazzjonijiet mid-data tar-reġistrazzjoni (10). F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġu rreġistrati l-importazzjonijiet li jikkonċernaw lil Hansol bl-għan li jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-dazji anti-dumping ladarba l-livelli tagħhom jiġu riveduti f’konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
(15) |
F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), għall-kuntrarju tar-reġistrazzjoni li sseħħ matul il-perjodu qabel l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku mhumiex applikabbli għal dan il-każ. Tabilħaqq, l-għan tar-reġistrazzjoni fil-kuntest ta’ implimentazzjoni tal-Qorti mhuwiex li jippermetti l-ġbir retroattiv possibbli tad-dazji imposti minn miżuri ta’ difiża tal-kummerċ kif previst f’dawk id-dispożizzjonijiet. L-għan huwa pjuttost li tiġi ssalvagwardjata l-effettività tal-miżuri fis-seħħ, mingħajr interruzzjoni żejda mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti inkwistjoni sal-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji kkoreġuti, billi jiġi żgurat li l-ġbir tal-ammont korrett ta’ dazji jkun possibbli fil-futur. |
(16) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
3. REĠISTRAZZJONI
(17) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd.) għandhom ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
(18) |
Kif indikat fl-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid, l-obbligazzjoni finali għall-ħlas ta’ dazju anti-dumping, jekk ikun hemm, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament anti-dumping inkwistjoni toħroġ mis-sejbiet tal-eżaminazzjoni mill-ġdid. |
(19) |
Ma jista’ jinġabar l-ebda dazju ogħla mid-dazju stabbilit fir-regolament anti-dumping inkwistjoni għall-perjodu bejn il-pubblikazzjoni tal-avviz ta’ ftuħ mill-ġdid u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-riżultati tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni. |
(20) |
Id-dazju antidumping attwali applikabbli għal Hansol huwa ta’ EUR 104,46 għal kull tunnellata netta. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet Doganali għandhom, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas; f’rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 40 cm jew aktar (‘rombli jumbo’); b’kisja ta’ taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b’sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha, li bħalissa taqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u prodotti mill-Grupp Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd) (Kodiċi TARIC addizzjonali C874).
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Ir-rata tad-dazju antidumping li tista’ tinġabar fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa, li bħalissa taqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u prodotti mill-Grupp Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd) bejn il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-riżultati tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ma għandhomx jaqbżu dawk imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763.
4. L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti li jimponi mill-ġdid id-dazju qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għar-rimborż u l-maħfra ta’ dazji anti-dumping f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ Hansol Group (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd)
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 310, 17.11.2016, p. 1.
(4) ECLI:EU:T:2020:139.
(5) ECLI:EU:C:2022:370.
(6) Il-kawżi magħquda 97, 193, 99 u 215/86 Asteris AE u oħrajn u r-Repubblika Ellenika vs il-Kummissjoni [1988] Ġabra 2181, il-paragrafi 27 u 28; u l-Kawża T-440/20 Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:318.
(7) Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs Il-Kunsill [2000] I-8147, paragrafi 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs il-Kummissjoni [2008] II-1753, paragrafi 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Région Nord-Pas de Calais vs il-Kummissjoni [2011] II-0000, paragrafu 83.
(8) Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs Il-Kunsill [2000] I-8147, paragrafi 80 sa 85;
(9) Il-kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, Sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Marzu 2018, punt 79 u C & J Clark International Ltd vs. Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, is-sentenza tat-19 ta’ Ġunju 2019, il-paragrafu 5.
(10) Il-Kawża T-440/20 Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:318, il-paragrafi 154 – 159.
(11) Il-Kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, il-punt 79 u l-kawża C-612/16, C & J Clark International Ltd v Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, sentenza tat-19 ta’ Ġunju 2019, punt 58.