Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0615

    Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/615 tal-5 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu ċċarati l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u l-ING

    ST/6769/2022/INIT

    ĠU L 115, 13.4.2022, p. 51–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/615/oj

    13.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 115/51


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2022/615

    tal-5 ta’ April 2022

    li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-Istati Membri u biex jiġu ċċarati l-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u l-ING

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,

    Flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

    Billi:

    (1)

    Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (2) ipprovda bażi solida u stabbli biex fuqha seta’ jitħaddem il-finanzjament tal-Unjoni, hemm bżonn li d-dispożizzjonijiet dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji jittejbu biex tissaħħaħ il-prevedibbiltà tagħha għall-Istati Membri u biex jiġu ċċarati proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    (2)

    Bħalissa, l-Istati Membri biss jimmaniġġaw il-kontijiet tar-riżorsi proprji miftuħa f’isem il-Kummissjoni. Tnaqqis fl-għadd ta’ kontijiet bankarji użati għall-ġbir ta’ riżorsi proprji jkun aktar effiċjenti u jippermetti approċċ komuni għall-ġestjoni tal-flus. Sabiex timmodernizza l-ġestjoni tal-kontijiet tar-riżorsi proprji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi kont ċentralizzat tar-riżorsi proprji. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jagħżlu jekk jużawx dak il-kont ċentralizzat tar-riżorsi proprji jew kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-teżor tagħhom jew mal-bank ċentrali nazzjonali. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi analiżi dettaljata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-użu tal-kont ċentralizzat tar-riżorsi proprji.

    (3)

    Fil-preżent, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 ma jippermettix lill-Istati Membri jħallsu bil-quddiem. Madankollu, fil-passat xi Stati Membri ħallsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom bil-quddiem wara qbil mill-Kummissjoni. Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dak ir-Regolament jipprevedi li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jħallsu bil-quddiem skont il-każ, dment li jinfurmaw lill-Kummissjoni minn qabel. Għal raġunijiet ta’ ġustizzja, fejn Stat Membru jagħmel użu minn dik il-possibbiltà, jenħtieġ li l-Istati Membri l-oħra għal ma jġarrbu l-ebda spiża relatata mal-pagament bil-quddiem, bħall-imgħax negattiv.

    (4)

    Id-data tal-pagament mill-Istati Membri tal-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti jenħtieġ li titmexxa għal Marzu tas-sena ta’ wara biex tittejjeb il-prevedibbiltà għall-proċeduri baġitarji nazzjonali. Id-data tal-pagament mill-Istati Membri tal-aġġustamenti jenħtieġ li tapplika wkoll għal ammonti li dwarhom il-Kummissjoni tkun ipprovdiet informazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (5)

    Sabiex jiġi pprovdut baġit stabbli li jkun meħtieġ għall-finanzjament tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni, jenħtieġ li l-proċedura għall-kalkolu tal-imgħax tiżgura b’mod partikolari li r-riżorsi proprji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-ħin u b’mod sħiħ.

    (6)

    Hemm bżonn li jiġi adattat il-livell limitu attwali li taħtu jiġu rrinunzjati l-ammonti tal-imgħax. Huwa għalhekk meħtieġ li jiżdied l-ammont li għalih l-irkupru tal-imgħax jiġi rrinunzjat biex titjieb il-kosteffettività tal-proċeduri ta’ rkupru.

    (7)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jillimita ż-żieda fl-imgħax ’il fuq mir-rata bażi għal 16-il punt perċentwali. Madankollu, din il-“limitazzjoni massima” sa 16-il punt perċentwali tapplika biss għall-każijiet li saru magħrufa wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 (3). Konsegwentement, każijiet diġà magħrufa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/804, fejn ikunu involuti ammonti partikolarment għoljin ta’ mgħax, ma jistgħux jibbenefikaw minn dak il-limitu irrispettivament minn jekk l-ammont tal-imgħax ikunx diġà ġie nnotifikat lill-Istati Membri. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri xorta huma meħtieġa jħallsu ammonti ta’ imgħax li huma disproporzjonali meta mqabbla mal-ammont tal-kapital dovut. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tas-sistema filwaqt li jinżamm l-effett ta’ deterrent, jenħtieġ li ż-żieda fl-imgħax ’il fuq mir-rata bażi tiġi limitata ulterjorment għal 14-il punt perċentwali. Sabiex jiġu ċċarati u ssimplifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, il-limitazzjoni taż-żieda għal 14-il punt perċentwali jenħtieġ li tiġi applikata għal kwalunkwe ammont ta’ mgħax mhux ikkomunikat lill-Istat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (8)

    Skont il-qafas legali attwali, il-prattika wriet li jista’ jkun diffiċli li tiġi identifikata d-data tal-bidu tal-imgħax ta’ inadempjenza minħabba d-diffikultà biex jiġi ddefinit iż-żmien preċiż li fih l-isforzi ta’ rkupru jistgħu jitqiesu li ma kinux biżżejjed. Għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, jenħtieġ li jkun hemm “perijodu ta’ grazzja” ta’ ħames snin wara d-data ta’ stabbiliment tal-ammont, bil-kondizzjoni li l-ammont ikun ġie stabbilit, iddaħħal fil-ħin fil-kontijiet separati u nżamm fil-kontijiet separati f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014. Għaldaqstant, l-imgħax jenħtieġ li jibda japplika biss wara ħames snin, filwaqt li l-obbligazzjoni għall-ammont ta’ kapital jenħtieġ li tinżamm.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat it-trattament ġust ta’ każijiet fejn l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali stabbiliti jirriżultaw bħala irrekuperabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali stabbiliti, fejn l-Istat Membru jista’ jagħti prova li żball li twettaq mill-Istat Membru wara l-istabbiliment tal-intitolamenti ma kellu ebda influwenza fuq l-irrekuperabbiltà tal-ammont li jikkorrispondi għal dawk l-intitolamenti. Eżempji ta’ tali żball jistgħu jinkludu entrata tardiva fil-kontijiet separati jew nuqqasijiet fil-proċedura ta’ rkupru.

    (10)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fih biss skadenza waħda, li tirrikjedi li l-Kummissjoni tikkomunika l-kummenti tagħha dwar il-każijiet ta’ tħassir irrappurtati lilha lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien sitt xhur minn meta dak l-Istat Membru jirċievi r-rapport. Sabiex is-segwitu tar-rapporti ta’ tħassir jitwettaq fil-ħin u b’mod aktar flessibbli u biex tiġi appoġġata valutazzjoni rapida u kompletament trasparenti tad-deċiżjoni tal-Istat Membru li ma jqigħedx l-ammont irrekuperabbli tar-riżorsi proprji tradizzjonali għad-dispożizzjoni, jenħtieġ li jiġu aġġustati skadenzi proċedurali għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri.

    (11)

    Sabiex tkun possibbli l-interruzzjoni tal-perijodu li matulu jakkumula l-imgħax, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, jenħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet li jirriflettu l-prattika attwali tal-pagament taħt riżerva rigward ammonti ta’ riżorsi proprji dovuti għall-baġit tal-Unjoni, li tiftaħ il-possibbiltà li tinbeda azzjoni għal arrikkiment indebitu kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 268 u l-Artikolu 340, it-tieni paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (12)

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali, jenħtieġ li tiġi prevista proċedura ta’ rieżami fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 biex tittejjeb it-trasparenza u jiġu ċċarati d-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri. Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, l-eżitu tal-proċedura ta’ rieżami, kif ukoll is-sitwazzjoni attwali tal-każijiet pendenti, jenħtieġ li jiġu diskussi mal-Kummissjoni f’laqgħa annwali li tiġi organizzata. Dik il-laqgħa għandha tinżamm f’livell adegwat ta’ rappreżentanza maniġerjali, bil-ħsieb li jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-pożizzjonijiet rispettivi u li jsir sforz biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ rikors għal proċedimenti ta’ ksur, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    (13)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-funzjonament tal-proċedura ta’ rieżami fil-qafas ta’ reviżjoni possibbli tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jew sa mhux aktar tard minn tmiem l-2026, u b’mod partikolari, tivvaluta l-opportunitajiet biex tissimplifika l-proċedura ta’ rieżami, li, fejn ikun xieraq, tista’ tiġi konkluża b’deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    (14)

    L-Artikoli 6 u 10a tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jenħtieġ li jiġu adattati biex titħassar ir-referenza għall-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit u biex il-Ġermanja tiġi inkluża bħala benefiċjarja ta’ korrezzjonijiet ta’ somma f’daqqa f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (4).

    (15)

    F’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, jenħtieġ li l-eżistenza parallela ta’ diversi regolamenti dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tkun biss temporanja u jenħtieġ li tali atti legali jingħaqdu f’regolament uniku mill-aktar fis possibbli.

    (16)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu, is-sentenza tal-introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Madankollu, ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawk ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, għandhom jiġu dokumentati fil-kontijiet kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu kif ġej:”;

    (2)

    L-Artikolu 9 huwa emendat b’dan li ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10, 10a u 10b, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji f’kont magħżul volontarjament minn fost dawn li ġejjin:

    (a)

    kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-teżor tal-Istat Membru;

    (b)

    kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mal-bank ċentrali nazzjonali; jew

    (c)

    kont ċentrali miftuħ għal dan il-għan mill-Kummissjoni fl-istituzzjoni finanzjarja pubblika tal-għażla tagħha.

    Soġġett għall-applikazzjoni ta’ mgħax negattiv kif imsemmi fit-tielet u r-raba’ subparagrafu, kif applikabbli, dak il-kont jista’ jiġi ddebitat biss fuq struzzjoni mill-Kummissjoni.

    Il-kontijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, punti (a) u (b), għandhom jinżammu fil-munita nazzjonali u għandhom ikunu bla ħlas jew imgħax. Meta mgħax negattiv ikun applikat għal dawk il-kontijiet, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkredita l-kont b’ammont li jikkorrispondi għall-imgħax negattiv applikat, sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara l-applikazzjoni tal-imgħax negattiv.

    L-Istati Membri għandhom jikkreditaw il-kont imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (c), b’ammonti fil-munita nazzjonali tagħhom. Meta mgħax negattiv jkun applikat għall-kont ċentrali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkredita l-kont ċentrali b’ammont li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu ta’ riżorsi propji li jiġi kkreditat għal dan il-kont, sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara l-applikazzjoni tal-imgħax negattiv.

    Il-Kummissjoni għandha twettaq l-operazzjonijiet tagħha ta’ maniġġar ta’ flus kontanti fil-kontijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 14(4), l-ewwel subparagrafu.

    Il-Kummissjoni għandha tipproduċi analiżi dettaljata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-użu tal-kont imsemmi fl-ewwel subparagrafu, punt (c), mingħajr dewmien żejjed u għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-kont ċentrali fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Kull xahar, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri tbassir tar-rekwiżiti tar-riżorsi tal-flus kontanti għall-erba’ xhur ta’ wara.”;

    (3)

    L-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10a

    It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING

    1.   Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawk ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar. L-ammonti li għandhom jiġu kkreditati għandhom ikunu parti minn tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

    2.   Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u leġiżlazzjoni tal-Unjoni sussegwenti rilevanti, kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Istati Membri biex iressqu ’l quddiem, sa xahrejn fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja, id-dħul ta’ parti minn tnax, jew frazzjoni minnu, tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawk ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.

    Soġġett għat-tielet subparagrafu, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u leġiżlazzjoni tal-Unjoni sussegwenti rilevanti, kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Istati Membri biex iressqu ’l quddiem, fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, id-dħul sa nofs addizzjonali ta’ parti minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawk ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.

    L-ammont totali li l-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Istati Membri biex iressqu ’l quddiem fl-istess xahar skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandu, f’ebda każ, jaqbeż ammont li jikkorrispondi għal żewġ partijiet addizzjonali minn tnax.

    Wara l-ewwel sitt xhur, id-dħul rikjest ta’ kull xahar ma jistax jaqbeż parti minn tnax tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, filwaqt li jibqa’ fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri minn ferm qabel, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel id-dħul rikjest skont it-tieni subparagrafu, bl-intenzjoni tagħha li jintalab tali dħul.

    Il-paragrafu 4, li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f’Jannar ta’ kull sena, u l-paragrafu 5, applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, għandhom ikunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.

    Stat Membru jista’, f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, jitlob awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING iqegħidhom għad-dispożizzjoni qabel, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ baġits emendatorji fi tmiem is-sena, filwaqt li jitqies l-effett li għandu fuq dawn ir-riżorsi t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja. Kwalunkwe pagament bil-quddiem għandu jkun preċedut minn notifika minn qabel ta’ mill-inqas sebat ijiem ta’ xogħol u t-talba għal dan jenħtieġ li jkun debitament ġustifikat mill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talba filwaqt li tqis il-pożizzjoni tal-flus kontanti u l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-Kummissjoni. Stat Membru jista’ jeżegwixxi l-pagament bil-quddiem biss wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. Kwalunkwe spiża addizzjonali marbuta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn qabel tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING għandha tiġġarrab mill-Istat Membru li jitlobha.

    3.   Kwalunkwe bidla fir-rata uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, fir-rata tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja għandha tirrikjedi l-adozzjoni finali ta’ baġit emendatorju u għandha twassal għal aġġustamenti mill-ġdid tal-partijiet minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.

    Dawk l-aġġustamenti mill-ġdid għandhom jitwettqu meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk dan jiġi adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella dawk l-aġġustamenti għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B’deroga mill-Artikolu 10 tar-Regolament Finanzjarju, dawk l-aġġustamenti mill-ġdid għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju inkwistjoni.

    4.   Il-kalkolu tal-partijiet minn tnax għal Jannar ta’ kull sena finanzjarja għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti previsti fl-abbozz tal-baġit imsemmija fl-Artikolu 314, il-paragrafu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u għandhom jiġu kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta’ wara l-15 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena baġitarja. L-aġġustament għandu jsir mad-dħul għax-xahar ta’ wara.

    5.   Jekk l-adozzjoni finali tal-baġit ma tkunx seħħet sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul għal Jannar tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar, inkluż Jannar, parti waħda minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett fuq dawk ir-riżorsi tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, li jkun iddaħħal fl-aħħar baġit finalment adottat. L-aġġustament għandu jsir fl-ewwel jum dovut wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk ikun adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni data ta’ maturità wara l-adozzjoni finali tal-baġit.

    6.   Ma għandu jkun hemm ebda reviżjoni sussegwenti tal-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja fil-każ ta’ modifiki tad-data tal-ING skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608)."

    (*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320)."

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (ir-Regolament GNI) (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 19).”;"

    (4)

    fl-Artikolu 10b(5), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun ġiet ipprovduta d-data għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru għandu jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Marzu tas-sena ta’ wara dik li fiha l-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri bl-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu.

    L-iskadenza għall-Istati Membri biex iħallsu l-aġġustamenti għandha tapplika wkoll għal ammonti li dwarhom il-Kummissjoni tkun ipprovdiet informazzjoni qabel it-3 ta’ Mejju 2022.”;

    (5)

    l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jinżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    Għar-riżorsi proprji tradizzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 2(1), punt (a), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (*4), l-imgħax għandu jkun dovut għall-perijodu li jibda mill-mument li l-ammont kellu jitqiegħed għad-dispożizzjoni sal-mument meta l-ammont fil-fatt tħallas fil-kont tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 9.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(1), u bil-kondizzjoni li l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2, iddaħħal fil-ħin fil-kont separat skont l-Artikolu 6 u nżamm fil-kontijiet separati f’konformità mal-Artikolu 13(2), ebda mgħax ma għandu jkun dovut għal perijodu ta’ ħames snin mid-data tal-istabbiliment tal-ammont.

    Fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, il-perijodu ta’ ħames snin għandu jibda wara li d-deċiżjoni finali tingħata, tiġi nnotifikata jew tiġi ppubblikata. Jekk ikunu saru pagamenti parzjali, il-perijodu ta’ ħames snin għandu jibda sa mhux aktar tard mid-data tal-aħħar pagament li jkun sar, fejn dan ma jtemmx id-dejn.

    (*4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).”"

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-irkupru ta’ ammonti ta’ mgħax li jkunu inqas minn EUR 1 000 għandu jiġi rrinunzjat.”;

    (c)

    fil-paragrafu 4, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż il-14-il punt perċentwali. Il-limitazzjoni taż-żieda sa 14-il punt perċentwali għandha tapplika għal kwalunkwe każ li fih l-ammont tal-imgħax ma jkunx ġie kkomunikat lill-Istat Membru kkonċernat qabel it-3 ta’ Mejju 2022. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1.”;

    (d)

    fil-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż il-14-il punt perċentwali. Il-limitazzjoni taż-żieda sa 14-il punt perċentwali għandha tapplika għal kwalunkwe każ li fih l-ammont tal-imgħax ma jkunx ġie kkomunikat lill-Istat Membru kkonċernat qabel it-3 ta’ Mejju 2022. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1.”;

    (6)

    L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

    “L-Istati Membri għandhom bl-istess mod jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 fejn jagħtu prova li żball li twettaq mill-Istat Membru wara l-istabbiliment ta’ dawn l-intitolamenti, bħal żball li jwassal għal entrata tardiva fil-kontijiet separati, ma kellu ebda influwenza fuq l-irrekuperabbiltà tal-ammont li jikkorrispondi għall-intitolamenti skont l-Artikolu 2.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Jekk ikunu saru pagamenti parzjali, il-perijodu ta’ ħames snin għandu jibda sa mhux aktar tard mid-data tal-aħħar pagament li jkun sar, fejn dan ma jtemmx id-dejn.”;

    (c)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Fi żmien tliet xhur mill-wasla tar-rapport previst fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat il-kummenti tagħha. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-limitu ta’ żmien darba bi tliet xhur oħra u tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan.

    Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali. F’każijiet bħal dawn, il-limitu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu għandu jibda mid-data tal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali mitluba. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali fi żmien tliet xhur. Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, dak il-limitu ta’ żmien għandu jiġi estiż darba bi tliet xhur oħra.

    Fejn l-Istat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi xi informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni, huwa jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tikkomunika l-kummenti finali tagħha fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla ta’ dik in-notifika abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-limitu ta’ żmien darba bi tliet xhur oħra u tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan.”;

    (d)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Jekk l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jkunux jistgħu jaqblu dwar ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-kummenti tagħha f’konformità mal-Artikolu 13b.”;

    (7)

    jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

    “KAPITOLU IIIa

    PAGAMENT TAĦT RIŻERVA U PROĊEDURA TA’ RIEŻAMI

    Artikolu 13a

    Pagament taħt riżerva

    1.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Stat Membru u l-Kummissjoni dwar ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali dovuti lill-baġit tal-Unjoni jew dwar ammonti tal-VAT soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 12(2), punt (c), l-Istat Membru jista’, meta jħallas l-ammont ikkontestat, jesprimi riżervi dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dawk ir-riżervi, għall-ammonti relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali, flimkien mad-dikjarazzjoni tagħhom ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 6(4) u, għall-ammonti relatati mar-riżorsa proprji tal-VAT, flimkien mad-dikjarazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 10b(1). L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw it-tneħħija tar-riżervi lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli.

    2.   Jekk nuqqas ta’ qbil kif imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi solvut favur l-Istat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun awtorizzat mill-Kummissjoni biex inaqqas l-ammont imħallas mill-pagament jew il-pagamenti tar-riżorsi proprji tiegħu li jkun imiss.

    3.   Id-dħul fil-kont skont l-Artikolu 9 tal-pagament taħt riżerva għandu jinterrompi l-perijodu li matulu jakkumula l-imgħax, kif imsemmi fl-Artikolu 12.

    4.   Sal-aħħar ta’ Settembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tipprovdi nota ta’ informazzjoni annwali li tagħti ħarsa ġenerali lejn l-ammont totali mħallas taħt riżerva u l-ammont totali ta’ riżervi mneħħija matul is-sena preċedenti.

    Artikolu 13b

    Proċedura ta’ rieżami

    1.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Stat Membru u l-Kummissjoni dwar ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali dovuti lill-baġit tal-Unjoni, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-valutazzjoni tagħha fi żmien sitt xhur minn meta jirċiviha. Tali talba għandha tipprovdi raġunijiet għar-rieżami mitlub, u tinkludi l-evidenza u d-dokumenti ta’ sostenn li fuqhom tkun ibbażata. It-talba u l-proċedura li tirriżulta ma għandhomx ibiddlu l-obbligu tal-Istati Membri li jqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji meta jkunu dovuti għall-baġit tal-Unjoni.

    2.   Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi talba msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat il-kummenti tagħha dwar ir-raġunijiet mogħtija fit-talba. F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-limitu ta’ żmien darba bi tliet xhur oħra u tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan.

    3.   Fejn il-Kummissjoni tara li huwa neċessarju li tintalab informazzjoni addizzjonali, il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jibda jgħodd mid-data meta tasal l-informazzjoni addizzjonali mitluba. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali fi żmien tliet xhur mill-wasla tat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni addizzjonali. Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha testendi dak il-limitu ta’ żmien darba bi tliet xhur oħra.

    4.   Meta l-Istat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali, huwa jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tinnotifika l-kummenti tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 għandu f’dak il-każ jibda jgħodd mid-data tal-wasla ta’ dik in-notifika.

    5.   Il-proċedura ta’ rieżami għandha tintemm mhux aktar tard minn sentejn wara li l-Istat Membru jkun bagħat it-talba tiegħu għar-rieżami msemmija fil-paragrafu 1.

    6.   Darba fis-sena, Stat Membru jista’ jitlob li ssir laqgħa ta’ livell għoli mal-Kummissjoni biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni attwali tal-każijiet li huma jew li kienu soġġetti għall-proċedura ta’ rieżami u biex isir skrutinju fuq dawn bil-ħsieb li jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-pożizzjonijiet rispettivi u jsir sforz biex jintlaħaq ftehim.

    7.   Fil-qafas ta’ reviżjoni possibbli ta’ dan ir-Regolament jew sa mhux aktar tard minn tmiem l-2026, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-funzjonament tal-proċedura ta’ rieżami msemmija f’dan l-Artikolu. Din il-valutazzjoni għandha tinkludi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u għandha tqis il-konklużjonijiet u l-pożizzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun xieraq, proposti bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura ta’ rieżami.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ April 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LE MAIRE


    (1)  ĠU C 402 I, 5.10.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 tas-17 ta’ Mejju 2016 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 85).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).


    Top