Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0229

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/229 tas-7 ta’ Jannar 2022 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward taż-żieda tal-Burkina Faso, il-Gżejjer Kajman, il-Haiti, il-Ġordan, il-Mali, il-Marokk, il-Filippini, is-Senegal u s-Sudan t’Isfel mat-tabella fil-punt I tal-Anness u t-tħassir tal-Bahamas, il-Botswana, il-Ghana, l-Iraq, u Mauritius minn din it-tabella (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/4335

ĠU L 39, 21.2.2022, pp. 4–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/229/oj

21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/229

tas-7 ta’ Jannar 2022

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward taż-żieda tal-Burkina Faso, il-Gżejjer Kajman, il-Haiti, il-Ġordan, il-Mali, il-Marokk, il-Filippini, is-Senegal u s-Sudan t’Isfel mat-tabella fil-punt I tal-Anness u t-tħassir tal-Bahamas, il-Botswana, il-Ghana, l-Iraq, u Mauritius minn din it-tabella

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni trid tiżgura protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għaldaqstant, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprovdi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika l-pajjiżi li jippreżentaw defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”) li huma ta’ theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi rieżaminat fejn adatt fid-dawl tal-progress li jkun sar minn dawk il-pajjiżi terzi b’riskju kbir biex ineħħu n-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li fil-valutazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni tqis l-informazzjoni ġdida li tasal mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet li jistabbilixxu l-istandards, bħal dawk maħruġa mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).

(3)

Minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-livell ta’ ftuħ tas-suq, huwa kkunsidrat li kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni tqis l-informazzjoni reċenti disponibbli, b’mod partikolari Dikjarazzjonijiet Pubbliċi reċenti tal-FATF, il-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali b’rabta mar-riskji ppreżentati minn pajjiżi terzi individwali, f’konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(5)

Fi Frar 2021, il-Burkina Faso ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u l-GIABA (West Africa Money Laundering Group) biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Sa Mit-tlestija tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni Reċiproka (MER) tagħha fl-2019, il-Burkina Faso għamlet progress fuq għadd ta’ azzjonijiet rakkomandati mill-MER tagħha biex ittejjeb il-konformità teknika u l-effettività, inkluż billi adottat strateġija nazzjonali dwar l-AML/CFT f’Diċembru 2020. Il-Burkina Faso se taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha, inkluż billi: (1) tadotta u timplimenta mekkaniżmi ta’ segwitu għall-azzjonijiet ta’ monitoraġġ fl-istrateġija nazzjonali; (2) tfittex assistenza legali reċiproka (MLA) u forom oħra ta’ kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mal-profil tar-riskju tagħha; (3) issaħħaħ il-kapaċitajiet tar-riżorsi tal-awtoritajiet superviżorji kollha tal-AML/CFT u timplimenta superviżjoni bbażata fuq ir-riskju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u Negozji u Professjonijiet Mhux Finanzjarji Maħtura (DNFBPs); (4) iżżomm informazzjoni komprensiva u aġġornata dwar is-sjieda bażika u benefiċjarja u t-tisħiħ tas-sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-obbligi ta’ trasparenza; (5) iżżid id-diversità tar-rappurtar tar-Rapport dwar it-Tranżazzjonijiet Suspettużi (STR); (6) issaħħaħ ir-riżorsi umani tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) permezz ta’ reklutaġġ, taħriġ u baġit addizzjonali; (7) twettaq taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (LEAs), il-prosekuturi u awtoritajiet rilevanti oħra; (8) turi li l-awtoritajiet qed isegwu l-konfiska bħala objettiv ta’ politika; (9) issaħħaħ il-kapaċità u l-appoġġ għal-LEAs u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni involuti fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (FT), f’konformità mal-Istrateġija Nazzjonali tal-FT; u (10) timplimenta reġim effettiv ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament tal-proliferazzjoni kif ukoll il-monitoraġġ u s-superviżjoni bbażati fuq ir-riskju ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (NPOs). Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Burkina Faso titqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(6)

Fi Frar 2021, il-Gżejjer Cayman ħadu impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdmu mal-FATF u t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja tal-Karibew (CFATF) biex isaħħu l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħhom. Jenħtieġ li l-Gżejjer Cayman ikomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqasijiet strateġiċi tagħhom, inkluż billi: (1) jimponu sanzjonijiet adegwati u effettivi f’każijiet fejn il-partijiet rilevanti (inklużi l-persuni ġuridiċi) ma jippreżentawx informazzjoni preċiża, adegwata u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti; u (2) juru li qed jipprosegwixxu t-tipi kollha ta’ każijiet ta’ ħasil tal-flus f’konformità mal-profil tar-riskju tal-ġuriżdizzjoni u li tali prosekuzzjonijiet qed jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dissważivi, effettivi u proporzjonati. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Ġżejjer Cayman jitqiesu bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(7)

F’Ġunju 2021, il-Haiti ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u s-CFATF biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Il-Haiti se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu, inkluż billi: (1) jiżviluppa l-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju ĦF/FT tagħha u xxerred is-sejbiet; (2) jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-kontropartijiet barranin rilevanti; (3) jindirizza n-nuqqasijiet tekniċi fil-qafas legali u regolatorju tiegħu li jimpedixxu l-implimentazzjoni tal-miżuri preventivi tal-AML/CFT u l-implimentazzjoni tas-superviżjoni tal-AML/CFT ibbażata fuq ir-riskju għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u d-DNFBPs meqjusa li jikkostitwixxu riskju ogħla ta’ ĦF/FT; (4) jiżgura li l-informazzjoni bażika u dwar is-sjieda benefiċjarja tinżamm u tkun aċċessibbli fil-ħin; (5) jiżgura l-użu aħjar tal-intelligence finanzjarja u informazzjoni rilevanti oħra mill-awtoritajiet kompetenti għall-ġlieda kontra l-ĦF u l-FT; (6) jindirizza n-nuqqasijiet tekniċi fir-reat tal-ĦF tiegħu u juri li l-awtoritajiet qed jidentifikaw, jinvestigaw u jipprosegwixxu każijiet ta’ ĦF b’mod konsistenti mal-profil tar-riskju ta’ Haiti; (7) juri żieda fl-identifikazzjoni, it-traċċar u l-irkupru tar-rikavat minn reati; (8) jindirizza n-nuqqasijiet tekniċi fir-reat ta’ TF tiegħu u r-reġim ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati; (9) iwettaq monitoraġġ xieraq ibbażat fuq ir-riskju tal-NPOs vulnerabbli għall-abbuż tat-TF mingħajr ma jiġu mfixkla jew skoraġġuti attivitajiet leġittimi tal-NPO. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Haiti jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(8)

F’Ottubru 2021, il-Ġordan ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja għal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENAFATF) biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tiegħu tal-AML/CFT. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Novembru 2019, il-Ġordan għamel progress fuq għadd ta’ azzjonijiet rakkomandati mill-MER biex itejjeb is-sistema tiegħu, inkluż billi jiffinalizza l-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju (NRA) tiegħu. Il-Ġordan se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-FATF billi: (1) ilesti u jxerred il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-ĦF/FT tal-NPOs, il-persuni ġuridiċi u l-assi virtwali; (2) itejjeb is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità; (3) iwettaq programmi ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni għad-DNFBPs dwar l-obbligi tagħhom tal-AML/CFT, b’mod partikolari fir-rigward tal-preżentazzjoni u s-sottomissjoni tal-STRs; (4) iżomm informazzjoni komprensiva u aġġornata dwar is-sjieda bażika u benefiċjarja fuq persuni ġuridiċi u arranġamenti ġuridiċi; (5) iwettaq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet finanzjarji paralleli, għal reati predikati f’konformità mar-riskju identifikat fl-NRA; (6) joħloq obbligu legali għall-konfiska ta’ mezzi strumentali użati jew maħsuba biex jintużaw f’reati tal-ĦF; (7) jiżviluppa u jimplimenta qafas legali u istituzzjonali għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati; u (8) jiżviluppa u jimplimenta approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tas-settur tal-NPO biex jiġi evitat l-abbuż għal skopijiet ta’ FT. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Ġordan jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(9)

F’Ottubru 2021, il-Mali ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u l-GIABA biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Novembru 2019, il-Mali għamel progress fuq għadd ta’ azzjonijiet rakkomandati mill-MER biex itejjeb is-sistema tiegħu, inkluż bl-adozzjoni tal-Valutazzjoni Nazzjonali tar-Riskju (NRA) tiegħu. Il-Mali se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-FATF billi: (1) ixerred ir-riżultati tal-NRA lill-partijiet interessati rilevanti kollha inkluż billi jitwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mas-setturi tal-ogħla riskju; (2) jiżviluppa u jibda jimplimenta approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tal-AML/CFT tal-FIs kollha u DNFBPs b’riskju ogħla u li juri sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità; (3) iwettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskji ta’ ĦF/FT assoċjati mat-tipi kollha ta’ persuni ġuridiċi; (4) iżid il-kapaċità tal-UIF u l-LEAs u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom dwar l-użu tal-intelliġenza finanzjarja; (5) jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jkunu involuti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ĦF; (6) isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet rilevanti responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ FT; (7) jistabbilixxi qafas u proċeduri legali għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati; u (8) jimplimenta approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tas-settur tal-NPO għall-prevenzjoni tal-abbuż għal skopijiet ta’ FT. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Mali jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(10)

Fi Frar 2021, il-Marokk ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u l-MENAFATF biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Il-Marokk ħa passi biex itejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tiegħu, inkluż billi jipprovdi lill-UIF b’riżorsi finanzjarji u umani biex itejjeb il-kapaċitajiet analitiċi sabiex iwettaq il-mandat ewlieni tiegħu ta’ analiżi operazzjonali u strateġika. Il-Marokk għandu jkompli jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex jindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tiegħu, inkluż billi: (1) itejjeb is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju u t-teħid ta’ azzjonijiet ta’ rimedju u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità; (2) jiżgura li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, inkluża l-informazzjoni ta’ persuni ġuridiċi u arranġamenti legali barranin tkun adegwata, preċiża u vverifikata; (3) iżid id-diversità tar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi; (4) jagħti prijorità lill-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-tipi kollha ta’ ĦF f’konformità mal-profil tar-riskju tal-pajjiż; u (5) jissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-FIs u d-DNFBPs mal-obbligi ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Marokk titqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(11)

F’Ġunju 2021, il-Filippini ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u l-Grupp tal-Asja/Paċifiku kontra l-Ħasil tal-Flus biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Filippini ħa passi lejn it-titjib tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu, billi żviluppa u implimenta gwida dwar it-tneħħija mil-listi u t-tneħħija tal-iffriżar tal-assi għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-PF. Il-Filippini se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha, inkluż billi: (1) turi li qed isseħħ superviżjoni effettiva bbażata fuq ir-riskju tad-DNFBPs; (2) turi li s-superviżuri qed jużaw il-kontrolli tal-AML/CFT biex itaffu r-riskji assoċjati mal-junkets tal-każinò; (3) timplimenta r-rekwiżiti l-ġodda ta’ reġistrazzjoni għall-MVTS u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal operaturi ta’ rimessi mhux reġistrati u illegali; (4) ittejjeb u tissimplifika l-aċċess tal-LEA għall-informazzjoni BO u t-teħid ta’ passi biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tal-BO tkun preċiża u aġġornata; (5) turi żieda fl-użu tal-intelligence finanzjarja u żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ĦF f’konformità mar-riskju; (6) turi żieda fl-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ TF; (7) turi li jittieħdu miżuri xierqa fir-rigward tas-settur tal-NPOs (inklużi NPOs mhux irreġistrati) mingħajr ma tiġi mfixkla l-attività leġittima tal-NPOs; u (8) issaħħaħ l-effettività tal-qafas ta’ sanzjonijiet finanzjarji fil-mira kemm għat-FT kif ukoll għall-PF. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Filippini jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(12)

F’Frar 2021, is-Senegal ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF u l-GIABA biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Jenħtieġ li s-Senegal ikompli jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu biex jindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tiegħu, inkluż billi: (1) jiżgura fehim konsistenti tar-riskji ta’ ĦF/FT (b’mod partikolari relatati mas-settur tad-DNFBP) fost l-awtoritajiet rilevanti permezz ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni; (2) ifittex l-MLA u forom oħra ta’ kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mal-profil tar-riskju tagħha; (3) jiżgura li l-Istituzzjonijiet Finanzjarji u d-DNFBPs ikunu soġġetti għal superviżjoni adegwata u effettiva; (4) jaġġorna u jżomm informazzjoni komprensiva dwar is-sjieda benefiċjarja dwar persuni u arranġamenti ġuridiċi u t-tisħiħ tas-sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-obbligi ta’ trasparenza; (5) ikompli t-tisħiħ tar-riżorsi umani tal-UIF biex jiġi żgurat li żżomm kapaċitajiet effettivi ta’ analiżi operattiva; (6) juri li l-isforzi mmirati lejn it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ detezzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità li jitwettqu investigazzjonijiet u attivitajiet ta’ prosekuzzjoni ta’ reati relatati mal-ML/predikati huma sostnuti b’mod konsistenti f’konformità mal-profil tar-riskju tas-Senegal; (7) jistabbilixxi politiki u proċeduri komprensivi u standardizzati għall-identifikazzjoni, l-intraċċar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità f’konformità mal-profil tar-riskju tiegħu; (8) isaħħaħ il-fehim tal-awtoritajiet dwar ir-riskji tat-FT u jsaħħaħ il-kapaċità u l-appoġġ għal-LEAs u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni involuti fit-FT f’konformità mal-Istrateġija Nazzjonali tat-FT tal-2019; u (9) jimplimenta reġim effettiv ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament tal-proliferazzjoni kif ukoll il-monitoraġġ u s-superviżjoni bbażati fuq ir-riskju tal-NPOs. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li s-Senegal jitqies bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(13)

F’Ġunju 2021, is-Sudan t’Isfel ħa impenn politiku ta’ livell għoli biex jaħdem mal-FATF biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Is-Sudan t’Isfel se jaħdem biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha, inkluż billi: (1) japplika u jinvolvi l-Grupp Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESAAMLG) għal sħubija u jimpenja li ssir evalwazzjoni reċiproka mill-ESAAMLG jew korp ieħor ta’ valutazzjoni; (2) iwettaq reviżjoni komprensiva tal-Att dwar l-AML/CFT (2012), bl-appoġġ tas-sħab internazzjonali, inkluża l-assistenza teknika, biex jikkonformaw mal-Istandards tal-FATF; (3) jaħtar awtorità/awtoritajiet responsabbli mill-koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskji tal-ML/TF nazzjonali; (4) isir parti mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1988, il-Konvenzjoni ta’ Palermo tal-2000, u l-Konvenzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-1999 u timplimentahom; (5) jistruttura awtoritajiet kompetenti kapaċi jimplimentaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tal-AML/CFT għall-istituzzjonijiet finanzjarji; (6) jiżviluppa qafas legali komprensiv biex tinġabar u tivverifika l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għal persuni ġuridiċi; (7) joperazzjonalizza UIF indipendenti u li tiffunzjona bis-sħiħ; (8) jistabbilixxi u timplimenta tal-qafas legali u istituzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni; u (9) jibda l-implimentazzjoni ta’ superviżjoni/monitoraġġ immirati bbażati fuq ir-riskju tal-NPOs f’riskju ta’ abbuż minn TF. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li s-Sudan t’Isfel jitqiesu bħala pajjiż b’nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(14)

F’konformità mal-aħħar informazzjoni rilevanti, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-Burkina Faso, il-Gżejjer Cayman, il-Haiti, il-Ġordan, il-Mali, il-Marokk, il-Filippini, is-Senegal, u s-Sudan t’Isfel jitqiesu bħala ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim AML/CFT tagħhom li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Qiegħed jiġi nnutat li dawn il-pajjiżi taw impenji politiċi ta’ livell għoli bil-miktub li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni mal-FATF.

(15)

Huwa tassew importanti li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ permanenti ta’ pajjiżi terzi u tivvaluta l-iżviluppi fil-qafas legali u istituzzjonali tagħhom, tas-setgħat u tal-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti, u tal-effettività tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom, bil-għan tal-aġġornament tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(16)

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi assistenza teknika, fejn xieraq, lil pajjiżi terzi inklużi fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 sabiex tgħinhom jirrimedjaw in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati.

(17)

Il-Kummissjoni rrevediet il-progress fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi tal-pajjiżi elenkati fir-Regolament (UE) 2016/1675 li tneħħew mil-lista f’Ġunju jew f’Ottubru 2021 mill-FATF jew ġew rieżaminati mill-Kummissjoni f’konformità mal-metodoloġija riveduta tagħha biex tidentifika pajjiżi terzi b’riskju għoli abbażi tar-rekwiżiti l-ġodda tad-Direttiva (UE) 2015/849, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 (3). Il-Kummissjoni kkonkludiet ir-rieżami tal-progress li sar mill-Bahamas, il-Botswana, il-Ghana, l-Iraq, u Mauritius.

(18)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Bahamas indirizza n-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu identifikati mill-Kummissjoni f’konformità mal-metodoloġija tagħha għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli. Il-Bahamas reċentement ħa għadd ta’ miżuri sabiex isaħħaħ il-qafas AML/CFT tiegħu u b’mod partikolari l-aspetti ta’ trasparenza tar-reġim tas-sjieda benefiċjarja tiegħu. Dawn il-miżuri jindirizzaw il-punti ta’ riferiment addizzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’kollaborazzjoni mal-FATF u s-CFATF biex timmonitorja l-evoluzzjoni tar-reġim AML/CFT tal-Bahamas.

(19)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iraq għamel progress suffiċjenti fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tiegħu identifikati mill-Kummissjoni f’konformità mal-metodoloġija tagħha għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli. Dan l-aħħar l-Iraq ħa għadd ta’ miżuri sabiex isaħħaħ il-qafas tal-AML/CFT tiegħu. Dawn il-miżuri jindirizzaw it-tħassib identifikat mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’kollaborazzjoni mal-FATF u l-MENAFATF biex timmonitorja l-evoluzzjoni tar-reġim AML/CFT tal-Iraq.

(20)

L-FATF laqgħet il-progress sinifikanti li sar mill-Botswana, il-Ghana, u Mauritius fit-titjib tar-reġim tal-AML/CFT tagħhom u nnotat li l-Botswana, il-Ghana, u Mauritius stabbilixxew il-qafas legali u regolatorju biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom rigward in-nuqqasijiet strateġiċi li l-FATF kienet identifikat. Għaldaqstant il-Botswana, il-Ghana, u Mauritius ma għadhomx suġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF skont il-proċess ta’ konformità globali dwar l-AML/CFT li jinsab għaddej. Il-Botswana, il-Ghana, u Mauritius se jissoktaw jaħdmu mal-Entitajiet Reġjonali Simili għall-FATF biex ikompli jtejbu r-reġim tal-AML/CFT tagħhom.

(21)

L-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Bahamas, il-Botswana, il-Ghana, l-Iraq, u Mauritius m’għadhomx għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim tal-AML/CFT tagħhom meta wieħed iqis l-informazzjoni disponibbli. Il-Bahamas, il-Botswana, il-Ghana, l-Iraq, u Mauritius saħħew l-effettività tar-reġim AML/CFT tagħhom u indirizzaw nuqqasijiet tekniċi relatati biex jissodisfaw l-impenji fil-pjan ta’ azzjoni tagħhom fir-rigward tan-nuqqasijiet strateġiċi li l-FATF identifikat u l-punti ta’ riferiment addizzjonali jew tħassib preliminari stabbiliti mill-Kummissjoni.

(22)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fit-tabella taħt il-punt “I. Pajjiżi terzi b’riskju kbir li taw impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF”, jiżdiedu l-linji li ġejjin:

“il-Burkina Faso

il-Gżejjer Cayman

il-Haiti

il-Ġordan

il-Mali

il-Marokk

il-Filippini

is-Senegal

is-Sudan t’Isfel”

Artikolu 2

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fit-tabella taħt il-punt “I. Pajjiżi terzi b’riskju kbir li taw impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF”, jitħassru l-linji li ġejjin:

“il-Bahamas

il-Botswana

il-Ghana

l-Iraq

Mauritius”

Artikolu 3

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, it-tabella taħt il-punt “I. Pajjiżi terzi b’riskju kbir li taw impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u li żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF” tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir

“1

l-Afganistan

2

il-Barbados

3

il-Burkina Faso

4

il-Kambodja

5

il-Gżejjer Cayman

6

il-Haiti

7

il-Ġamajka

8

il-Ġordan

9

il-Mali

10

il-Marokk

11

Il-Myanmar

12

in-Nikaragwa

13

il-Pakistan

14

il-Panama

15

Il-Filippini

16

is-Senegal

17

is-Sudan t’Isfel

18

is-Sirja

19

Trinidad u Tobago

20

l-Uganda

21

il-Vanwatu

22

il-Jemen

23

iż-Żimbabwe’

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Mairead MCGUINNESS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).


Top