Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2105

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 tat-28 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bid-definizzjoni ta’ metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali

    C/2021/8801

    ĠU L 429, 1.12.2021, p. 79–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2105/oj

    1.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 429/79


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2105

    tat-28 ta’ Settembru 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bid-definizzjoni ta’ metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(4), il-punt (b) u l-Artikolu 33 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-għan tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-“Faċilità”) huwa li tipprovdi appoġġ finanzjarju effettiv u sinifikanti biex tiżdied l-implimentazzjoni tar-riformi sostenibbli u tal-investiment pubbliku relatat fl-Istati Membri. Il-Faċilità hija strument dedikat imfassal biex jindirizza l-effetti u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi tal-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni.

    (2)

    Il-Faċilità tappoġġa l-irkupru ekonomiku u soċjali u tikkontribwixxi — fost l-oħrajn — għall-ġlieda kontra l-faqar, għall-inugwaljanzi u l-indirizzar tal-qgħad, għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u stabbli, għal kapaċità mtejba tal-kura tas-saħħa, u għal politiki aħjar għall-ġenerazzjoni li ġejja inkluż dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    (3)

    Il-Faċilità se tappoġġa b’mod partikolari lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri konformi mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u ma’ inizjattivi tal-Unjoni fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u dak soċjali partikolarment il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2) u r-Rakkomandazzjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (3), il-Komunikazzjoni dwar l-Appoġġ għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ (4) u r-Rakkomandazzjoni dwar Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (5), ir-Rakkomandazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (6), ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Ħolqien tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal (7), l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030 (8), l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (9) iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (10) u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (11), il-Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 (12), l-Istrateġija għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni tar-Roma tal-UE (13), l-Istrateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025 (14), l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 (15), il-Komunikazzjoni dwar il-Bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa (16), l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa (17), u l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer (18).

    (4)

    F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed ikun jista’ jirrapporta dwar ir-riformi u l-investimenti b’dimensjoni soċjali u li jiġu ffinanzjati mill-Faċilità. Skont l-Artikolu 29(4), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/241, b’konformità mal-Faċilità l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi metodoloġija għar-rapportar tan-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ.

    (5)

    Skont l-Artikolu 31(3), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/241, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jinkludi informazzjoni dwar in-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità taħt is-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tiegħu, li tinkorpora n-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ.

    (6)

    Il-metodoloġija jenħtieġ li tikkonsisti f’żewġ stadji: l-ewwel nett, kull riforma u investiment inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Stat Membru li jkollhom dimensjoni soċjali primarja jenħtieġ li jkunu assoċjati mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni fejn ikun hemm bżon, ma’ dak l-Istat Membri, ma’ xi wieħed minn disa’ oqsma ta’ politika soċjali taħt l-erba’ kategoriji soċjali usa’ stabbiliti fl-Anness; it-tieni, kull miżura ta’ natura soċjali li tinkludi enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi r-Regolament (UE) 2021/241 ipoġġi enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jenħtieġ li tiġi mmarkata, li jippermetti rapportar speċifiku fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri rispettivament.

    (7)

    Meta jitqies li l-metodoloġija dwar in-nefqa soċjali jenħtieġ li tkun qed titħaddem sal-31 ta’ Diċembru 2021, u sabiex tingħata opportunità lill-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ f’dak il-jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjoni tal-metodoloġija

    1.   Il-metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri skont il-Faċilità għandha tkun ibbażata fuq in-nefqa stmata pprovduta fil-pjanijiet approvati għall-irkupru u r-reżiljenza u fuq il-passi stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   Ir-riformi u l-investimenti b’dimensjoni soċjali primarja għandhom ikunu assoċjati ma’ wieħed mid-disa’ oqsma ta’ politika soċjali stabbiliti fl-Anness. Kull qasam ta’ politika soċjali għandu jkun marbut ma’ kategorija soċjali usa’. Riforma jew investiment jistgħu jkunu assoċjati biss ma’ qasam wieħed ta’ politika soċjali, u għalhekk ma’ kategorija soċjali waħda.

    3.   Kull miżura ta’ natura soċjali li tinkludi enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ għandha tiġi mmarkata, li jippermetti rapportar speċifiku sussegwenti dwar in-nefqa mill-Faċilità fuq it-tfal u ż-żgħażagħ.

    4.   Kull miżura ta’ natura soċjali li tinkludi enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiġi mmarkata, li jippermetti rapportar sussegwenti speċifiku dwar in-nefqa mill-Faċilità fuq l-ugwaljanza bejn is-ġeneri.

    5.   L-oqsma ta’ politika soċjali u l-kategoriji soċjali, u l-marki biex jiġu identifikati miżuri ta’ natura soċjali li jinkludu enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif imsemmi fil-paragrafi 2, 3, u 4 għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tuża din il-metodoloġija fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tipprovdi informazzjoni dwar in-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ffinanzjata mill-Faċilità.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

    (2)  COM(2021) 102 finali, 4.3.2021)

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).

    (4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss(COM(2020) 276 final, 1.7.2020)

    (5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1)

    (6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1)

    (7)  Adozzjoni pendenti mill-Kunsill (COM (2021) 137 final, 24.3.2021)

    (8)  COM(2021) 101 finali, 3.3.2021)

    (9)  COM(2020) 274 finali, 1.7.2020)

    (10)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1)

    (11)  COM(2020) 624 finali, 30.9.2020)

    (12)  COM(2020) 565 finali, 18.9.2020)

    (13)  COM(2020) 620 finali, 7.10.2020)

    (14)  COM(2020) 152 finali, 5.3.2020)

    (15)  COM(2020) 698 finali, 12.11.2020)

    (16)  COM(2020) 724 finali, 11.11.2020)

    (17)  COM(2020) 761 finali, 25.11.2020)

    (18)  COM(2021) 44 finali, 3.2.2021)


    ANNESS

    Metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

    1.   

    Il-Kummissjoni għandha tassenja kull miżura b’dimensjoni soċjali primarja esklussivament lil wieħed mid-disa’ oqsma tal-politika soċjali li ġejjin:

    Disa’ oqsma ta’ politika fl-erba’ kategoriji soċjali ewlenin

    Kategorija soċjali: L-impjiegi u l-ħiliet

    1.

    It-tagħlim għall-adulti, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi; Ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet

    2.

    L-appoġġ għall-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi, inklużi inċentivi għall-impjegar u għat-tranżizzjoni tal-impjiegi u appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom

    3.

    Il-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, inklużi l-infrastruttura, is-servizzi tal-impjiegi u t-tbassir tal-ħiliet u l-ispettorati tax-xogħol; il-ħarsien u l-organizzazzjoni tal-impjiegi; id-djalogu soċjali u mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi; l-adattament tal-postijiet tax-xogħol

    Kategorija soċjali: L-edukazzjoni u t-tħaris tat-tfal

    4.

    L-edukazzjoni u t-tħaris bikri tat-tfal: L-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà, il-kwalità u l-inklużività, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura

    5.

    L-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u ogħla: L-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà, il-kwalità u l-inklużività, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura

    Kategorija soċjali: Il-kura tas-saħħa u kura fit-tul

    6.

    Il-kura tas-saħħa: ir-reżiljenza, is-sostenibbiltà, l-adegwatezza, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura

    7.

    Il-kura fit-tul: ir-reżiljenza, is-sostenibbiltà, l-adegwatezza, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità, inklużi d-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura

    Kategorija soċjali: Il-politiki soċjali

    8.

    L-akkomodazzjoni soċjali u infrastruttura soċjali oħra

    9.

    Il-protezzjoni soċjali, inklużi s-servizzi soċjali u l-integrazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli

    2.   

    Għal kull miżura ta’ natura soċjali li tinkludi enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, il-Kummissjoni għandha tattribwixxi marka li tippermetti r-rapportar speċifiku tan-nefqa fil-kuntest tal-Faċilità għat-tfal u ż-żgħażagħ.

    3.   

    Għal kull miżura ta’ natura soċjali li tinkludi enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-Kummissjoni għandha tattribwixxi marka li tippermetti r-rapportar speċifiku fil-kuntest tan-nefqa tal-Faċilità fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.


    Top