EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2087

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2087 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva mancozeb, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8805

ĠU L 423, 15.12.2020, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2087/oj

15.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 423/50


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2087

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva mancozeb, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/72/KE (2) inkludiet il-mancozeb bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva mancozeb, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-31 ta’ Jannar 2021.

(4)

Tressqu applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-mancozeb f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu taż-żmien previst f’dak l-Artikolu.

(5)

L-applikanti ressqu d-dossiers supplimentari meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjonijiet kienu kompluti.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Settembru 2017.

(7)

L-Awtorità għamlet is-sommarju tad-dossier supplimentari disponibbli għall-pubbliku. L-Awtorità ċċirkolat ukoll ir-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri għall-kummenti u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni.

(8)

Fl-20 ta’ Ġunju 2019, l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni (6) tagħha dwar jekk jistax ikun mistenni li l-mancozeb jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fil-31 ta’ Jannar 2020, il-Greċja qablet li tieħu r-responsabbiltà bħala Stat Membru relatur.

(10)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, il-Kummissjoni rreferiet abbozz tar-rapport tat-tiġdid lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, biex jiġi eżaminat f’Marzu 2020. Matul id-diskussjonijiet fil-Kumitat Permanenti, il-Greċja, l-Istat Membru relatur il-ġdid, informat li fil-fehma tagħha tqis li jixraq li tevalwa d-data li kienet tħalliet barra mill-Istat Membru relatur preċedenti. Il-Greċja bagħtet l-evalwazzjoni tagħha lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Settembru 2020 fil-forma ta’ rapport aġġornat ta’ valutazzjoni tat-tiġdid. L-evalwazzjoni kienet disponibbli wkoll għall-EFSA, għall-Istati Membri l-oħra u għall-applikant.

(11)

L-abbozz tar-rapport tat-tiġdid ġie ffinalizzat mill-Kumitat Permanenti fit-23 ta’ Ottubru 2020.

(12)

L-Awtorità identifikat ċertu tħassib speċifiku. B’mod partikolari, ikkonkludiet li l-mancozeb ġie kklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni fil-kategorija 1B u li l-kriterji l-ġodda biex jiġu identifikati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali huma ssodisfati għall-bnedmin u huma probabbli ħafna għall-organiżmi li mhumiex fil-mira. Barra minn hekk, ikkonkludiet li l-istimi ta’ esponiment mhux djetetiku jisbqu l-valuri referenzjarji għall-użi rappreżentattivi fit-tadam, fil-patata, fiċ-ċereali u fid-dwieli. Għalhekk, għall-użi rappreżentattivi kkunsidrati, anke l-esponiment mhux djetetiku għall-mancozeb ma jistax jitqies bħala negliġibbli għall-finijiet tal-punti 3.6.4 u 3.6.5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Minħabba t-tħassib identifikat, id-deroga prevista fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ma tistax tapplika.

(13)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid. L-applikanti ressqu l-kummenti tagħhom, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(14)

Madankollu, minkejja l-argumenti li ressqu l-applikanti, it-tħassib rigward is-sustanza attiva ma setax jiġi eliminat.

(15)

B’konsegwenza ta’ dan, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-użi rappreżentattivi ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti ma ġiex stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ġew issodisfati. Għalhekk, jixraq li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva mancozeb ma tiġġeddidx.

(16)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(17)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw żmien biżżejjed biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-mancozeb.

(18)

Rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-mancozeb, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dak il-perjodu jenħtieġ li jiskadi sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Jannar 2022.

(19)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2094 (7) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tal-mancozeb sal-31 ta’ Jannar 2021 sabiex il-proċess tat-tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza. Peress li ttieħdet deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni qabel dik id-data ta’ skadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika malajr kemm jista’ jkun.

(20)

Dan ir-Regolament ma jipprevenix it-tressiq ta’ applikazzjoni ulterjuri għall-approvazzjoni tal-mancozeb skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva mancozeb mhijiex imġedda.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 114 dwar il-mancozeb.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-mancozeb bħala sustanza attiva sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 4

Perjodu ta’ grazzja

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jiskadi sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/72/KE tal-21 ta’ Ottubru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-chlorpyriphos, il-chlorpyrifos-methyl, il-mancozeb, il-maneb u l-metiram bħala sustanzi attivi (ĠU L 279, 22.10.2005, p. 63).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(6)  L-EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2019. Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva mancozeb. EFSA Journal 2019;17(7):5755 DOI: 10.2903/j.efsa.2019,5755

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2094 tad-29 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi benfluralin, dimoxystrobin, fluazinam, flutolanil, mancozeb, mecoprop-P, mepiquat, metiram, oxamyl u pyraclostrobin (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 102).


Top