This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020O1554
Guideline (EU) 2020/1554 of the European Central Bank of 14 October 2020 amending Guideline ECB/2011/23 with regard to the frequency of reporting to the European Central Bank on the quality of external statistics (ECB/2020/52)
Linja Gwida (UE) 2020/1554 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2020 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 fir-rigward tal-frekwenza tar-rapportar lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kwalità tal-istatistika esterna (BĊE/2020/52)
Linja Gwida (UE) 2020/1554 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2020 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 fir-rigward tal-frekwenza tar-rapportar lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kwalità tal-istatistika esterna (BĊE/2020/52)
ĠU L 354, 26.10.2020, p. 26–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
26.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 354/26 |
LINJA GWIDA (UE) 2020/1554 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-14 ta’ Ottubru 2020
li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 fir-rigward tal-frekwenza tar-rapportar lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kwalità tal-istatistika esterna (BĊE/2020/52)
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 3.1, 3.3, 5.1, 12.1, 14.3 u 16 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-evalwazzjoni tal-kwalità tad-data fil-qasam tal-istatistika esterna ssir skont il-Qafas tal-Kwalità tal-Istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u tinkludi rapport regolari ppreżentat mill-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-monitoraġġ tal-kwalità tad-data huwa essenzjali u għandu jsir fil-ħin. |
(2) |
Madankollu, għandu jinkiseb il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa ta’ monitoraġġ u l-frekwenza tar-rapportar tal-informazzjoni rilevanti lill-Kunsill Governattiv. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi aġġornata l-frekwenza li biha l-Bord Eżekuttiv jirrapporta dwar il-kwalità tal-istatistika esterna lill-Kunsill Governattiv. Sabiex jippermetti l-analiżi tal-kwalità, il-Bord Eżekuttiv għandu jippreżenta l-ewwel rapport dwar il-kwalità lill-Kunsill Governattiv wara l-adozzjoni ta’ din il-Linja Gwida sa tmiem l-2022. |
(3) |
Il-kunċetti sottostanti għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ statistika esterna huma sodi u ankrati sew fis-sitt edizzjoni tal-Manwal dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Pożizzjoni Internazzjonali tal-Investiment tal-Fond Monetarju Internazzjonali (BPM6) (2). Madankollu, dawn il-kunċetti spiss jirrikjedu kjarifiki, li wħud minnhom huma partikolarment importanti għal kumpilazzjoni eżatta tal-aggregati taż-żona tal-euro. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-kunċetti ta’ kont finanzjarju u ta’ pożizzjoni internazzjonali tal-investiment stabbiliti fl-Anness III għal-Linja Gwida 2012/120/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2011/23) (3) jiġu aġġornati; |
(4) |
Meta jiġu identifikati kwistjonijiet serji fil-kwalità tad-data, huwa xieraq li l-Bord Eżekuttiv jingħata l-faċilità li jipprovdi rapporti addizzjonali skont kif iqis meħtieġ lill-Kunsill Governattiv. Għall-istess raġuni, huwa xieraq ukoll li jiġi pprovdut li l-Bord Eżekuttiv ikun jista’ jeżerċita din id-diskrezzjoni mill-2022. |
(5) |
F’konformità mal-Qafas tal-Kwalità tal-Istatistika tal-BĊE, huwa xieraq li ċerta informazzjoni minn rapporti bħal dawn tkun disponibbli għall-pubbliku. |
(6) |
Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-Linja Gwida (UE) 2018/1151 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/19) (4) tippreskrivi li l-Bord Eżekuttiv għandu jirrapporta kull sena lill-Kunsill Governattiv dwar il-kwalità tal-istatistika esterna. Sabiex jinkiseb il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa ta’ monitoraġġ u l-frekwenza tar-rapportar tal-informazzjoni rilevanti lill-Kunsill Governattiv, il-frekwenza stabbilita fil-Linja Gwida BĊE/2011/23 għandha tkun estiża aktar għal rapportar biennali. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ trasparenza, għandu jingħata żmien suffiċjenti bejn l-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ rapportar kull sena skont il-Linja Gwida (UE) 2018/1151 u l-applikazzjoni tar-rekwiżit l-aktar riċenti ta’ rapportar biennali skont din il-Linja Gwida. Għaldaqstant, il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u l-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu meħtieġa jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Lulju 2021. |
(7) |
Għaldaqstant, il-Linja Gwida BĊE/2011/23 għandha tiġi emendata f’dan is-sens, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Emendi
Il-Linja Gwida BĊE/2011/23 hija emendata kif ġej:
1. |
fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
|
2. |
Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 li ġej huwa miżjud:
|
3. |
L-Anness III huwa emendat skont l-Anness għal din il-Linja Gwida. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Lulju 2021.
Artikolu 3
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, L 318, p. 23).
(2) Disponibbli fuq: https://www.imf.org/
(3) Linja Gwida 2012/120/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2011/23) (ĠU L 65, 3.3.2012, p. 1).
(4) Linja Gwida (UE) 2018/1151 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Awwissu 2018 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (BĊE/2018/19) (ĠU L 209, 20.8.2018, p. 2).
ANNESS
Taqsima 1, subtaqsima “C. Il-kont finanzjarju u l-qagħda internazzjonali tal-investiment” tal-Anness III għall-Linja Gwida BĊE/2011/23 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“C. Il-kont finanzjarju u l-pożizzjoni internazzjonali tal-investiment
B’mod ġenerali, il-kont finanzjarju jirreġistra tranżazzjonijiet f’assi u obbligazzjonijiet finanzjarji bejn unitajiet istituzzjonali residenti u non-residenti. Madankollu, biex tiġi żgurata l-kumpilazzjoni korretta tal-aggregati taż-żona tal-euro, l-iskambji kollha bejn unitajiet istituzzjonali residenti ta’ strumenti finanzjarji maħruġa minn non-residenti u bejn unitajiet istituzzjonali non-residenti ta’ strumenti finanzjarji maħruġa minn residenti għandhom jiġu rreġistrati bħala tranżazzjonijiet finanzjarji, jiġifieri jsegwu strettament l-approċċ tad-debitur/kreditur.
Il-kont finanzjarju juri tranżazzjonijiet f’termini netti: l-akkwiżizzjonijiet netti ta’ assi finanzjarji jikkorrispondu għal akkwiżizzjonijiet tal-assi nieqes it-tnaqqis fl-assi.
Il-pożizzjoni internazzjonali tal-investiment (IIP) turi, fl-aħħar ta’ kull trimestru, il-valur tal-assi finanzjarji ta’ residenti ta’ ekonomija li jkunu pretensjonijiet fuq non-residenti, u l-obbligazzjonijiet ta’ residenti ta’ ekonomija, lil non-residenti, flimkien ma’ ingotti tad-deheb miżmuma bħala assi ta’ riżerva. Id-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet hija l-pożizzjoni netta fl-IIP, u tirrappreżenta jew pretensjoni netta jew obbligazzjoni netta lill-bqija tad-dinja.
Il-valur tal-IIP fit-tmiem ta’ perijodu jirriżulta minn pożizzjonijiet fit-tmiem tal-perijodu preċedenti, tranżazzjonijiet fil-perijodu kurrenti, u bidliet oħra li jirriżultaw minn raġunijiet oħra għajr tranżazzjonijiet bejn residenti u non-residenti, li jistgħu jiġu attribwiti lil bidliet oħra fil-volum u rivalutazzjonijiet minħabba tibdil fir-rati tal-kambju jew fil-prezzijiet.
Skont is-sottodiviżjoni funzjonali, it-tranżazzjonijiet u l-pożizzjonijiet finanzjarji transfruntiera huma kklassifikati bħala investiment dirett, investiment ta’ portafoll, derivattivi finanzjarji (għajr riżervi) u opzjonijiet ta’ stokk għall-impjegati, investiment ieħor, u assi ta’ riżerva. It-tranżazzjonijiet u l-pożizzjonijiet finanzjarji transfruntiera huma kklassifikati ulterjorment skont it-tip ta’ strument u s-settur istituzzjonali.
Il-prezzijiet tas-suq huma l-bażi għall-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet u tal-pożizzjonijiet. Il-valutazzjoni nominali tintuża għal pożizzjonijiet fi strumenti mhux negozjabbli, jiġifieri self, depożiti u kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli. Madankollu, kwalunkwe tranżazzjoni f’dawn l-istrumenti hija stmata bil-prezzijiet tas-suq. Sabiex jiġġustifika l-inkonsistenza bejn il-valutazzjoni tas-suq tat-tranżazzjonijiet u l-valutazzjoni nominali tal-pożizzjonijiet, il-bejjiegħ jirreġistra r-rivalutazzjonijiet minħabba bidliet oħra fil-prezz matul il-perijodu li fih iseħħ il-bejgħ, ugwali għad-differenza bejn il-valur nominali u l-valur tat-tranżazzjoni, filwaqt li x-xerrej jirreġistra ammont oppost bħala rivalutazzjoni minħabba tibdil ieħor fil-prezz. Reġistrazzjoni simili sseħħ għal tranżazzjonijiet u pożizzjonijiet f’ekwità ta’ investiment dirett fejn il-pożizzjonijiet jirriflettu l-fondi proprji fil-valur kontabilistiku (ara t-taqsima li jmiss).
Il-kont finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti u l-IIP jinkludi partiti ta’ tpaċija għad-dħul akkumulat fuq l-istrumenti kklassifikati fil-kategoriji funzjonali rispettivi.
6.1.
L-investiment dirett huwa assoċjat ma’ resident f’ ekonomija waħda li jkollu kontroll jew grad sinifikanti ta’ influwenza fuq il-ġestjoni ta’ intrapriża li tkun residenti f’ekonomija oħra. Skont standards internazzjonali (BPM6), is-sjieda diretta jew indiretta ta’ 10 % jew aktar tas-saħħa tal-vot ta’ intrapriża residenti f’ekonomija partikolari minn investitur residenti f’ekonomija oħra hija evidenza ta’ tali relazzjoni. Abbażi ta’ dan il-kriterju, tista’ teżisti relazzjoni ta’ investiment dirett bejn numru ta’ intrapriżi relatati, irrispettivament minn jekk ir-rabta tinvolvix katina waħda jew numru ta’ katini. Hija tista’ testendi għas-sussidjarji, is-sub-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati ta’ intrapriża ta’ investiment dirett. Ladarba jiġi stabbilit l-investiment dirett, il-flussi finanzjarji/parteċipazzjonijiet sussegwenti kollha bejn l-entitajiet relatati jiġu rreġistrati bħala tranżazzjonijiet/pożizzjonijiet ta’ investiment dirett.
Il-kapital ta’ ekwità jinkludi l-ekwità fil-fergħat kif ukoll l-ishma kollha fis-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati. Il-qligħ investit mill-ġdid jikkonsisti fil-partita ta’ tpaċija għas-sehem ta’ qligħ tal-investitur dirett li ma jiġix distribwit bħala dividendi mis-sussidjarji jew mill-kumpaniji assoċjati, u l-qligħ ta’ fergħat mhux mibgħut lill-investitur dirett u li jiġi rreġistrat taħt “dħul mill-investiment” (ara 3.2.3).
L-ekwità u d-dejn ta’ investiment dirett huma diżaggregati ulterjorment skont it-tip ta’ relazzjoni bejn l-entitajiet u skont id-direzzjoni tal-investiment. Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet tipi ta’ relazzjonijiet ta’ investiment dirett:
(a) |
Investiment mill-investituri diretti f’intrapriżi ta’ investiment dirett. Din il-kategorija tinkludi flussi ta’ investiment (u stokks) mill-investitur dirett lill-intrapriżi ta’ investiment dirett tiegħu (irrispettivament minn jekk ikunx ikkontrollat jew influwenzat direttament jew indirettament). |
(b) |
Investiment bil-maqlub. Din it-tip ta’ relazzjoni tkopri flussi ta’ investiment (u stokks) mill-intrapriżi ta’ investiment dirett lill-investitur dirett. |
(c) |
Bejn intrapriżi sħab. Din tkopri flussi (u stokks) bejn intrapriżi li ma jikkontrollawx jew ma jinfluwenzawx lil xulxin, iżda li t-tnejn li huma jkunu taħt il-kontroll jew l-influwenza tal-istess investitur dirett. |
Rigward il-valutazzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ investiment dirett, l-istokks ta’ ekwità elenkati fil-Boroż huma vvalutati bil-prezzijiet tas-suq. Bil-maqlub, fil-każ tal-kumpaniji ta’ investiment dirett mhux elenkati, l-istokks ta’ ekwità huma vvalutati abbażi tal-valuri kontabilistiċi billi tintuża definizzjoni komuni li tinkludi l-partiti tal-kontabilità li ġejjin:
(i) |
il-kapital imħallas (esklużi l-ishma proprji u inklużi l-kontijiet tal-primjum tal-ishma); |
(ii) |
it-tipi kollha ta’ riżervi (inklużi l-għotjiet ta’ investiment meta l-linji gwida tal-kontabilità jikkunsidrawhom bħala riżervi ta’ kumpanija); |
(iii) |
il-profitti mhux imqassma wara li jitnaqqas it-telf (inklużi r-riżultati għas-sena kurrenti). |
Għall-ishma ta’ ekwità tal-kumpaniji mhux ikkwotati, it-tranżazzjonijiet irreġistrati fil-kont finanzjarju jistgħu jvarjaw mill-fondi proprji fil-valur kontabilistiku rreġistrat fl-IIP. Tali differenzi jiġu rreġistrati bħala rivalutazzjonijiet minħabba bidliet oħra fil-prezz.
Bħala prattika tajba huwa rrakkomandat li l-Istati Membri kollha għandhom jibdew jikkumpilaw l-istokks ta’ ekwità tal-investiment dirett barrani u l-qligħ investit mill-ġdid fuq il-bażi tar-riżultati ta’ stħarriġ dwar l-investiment dirett barrani li għandu jinġabar tal-anqas darba fis-sena (*).
__________
(*) |
Għandhom jiġu abbandunati l-prattiċi mhux aċċettabbli li ġejjin: (i) li l-għażla tal-kriterju ta’ valutazzjoni titħalla f’idejn l-aġenti tar-rapportar (il-valuri tas-suq jew il-valuri kontabilistiċi); (ii) l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ inventarju perpetwu/l-akkumulazzjoni tal-flussi ta’ BOP għall-kumpilazzjoni tal-istokks. |
6.2.
L-investiment ta’ portafoll jinkludi tranżazzjonijiet u pożizzjonijiet li jinvolvu titoli ta’ dejn jew ta’ ekwità, għajr dawk inklużi f’investiment dirett jew assi ta’ riżerva. L-investiment ta’ portafoll jinkludi titoli ta’ ekwità, ishma ta’ fond ta’ investiment u titoli ta’ dejn, sakemm ma jkunux ikklassifikati bħala investiment dirett jew bħala assi ta’ riżerva. Tranżazzjonijiet bħal ftehimiet ta’ riakkwist u self ta’ titoli huma esklużi mill-investiment ta’ portafoll. It-tranżazzjonijiet u l-pożizzjonijiet ta’ investiment ta’ portafoll jiġu vvalutati bil-prezzijiet tas-suq. Madankollu, fil-każ ta’ investiment ta’ portafoll f’titoli mhux elenkati, jista’ jkun hemm differenzi fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet u tal-pożizzjonijiet bħal fil-każ ta’ investiment dirett f’ishma mhux ikkwotati. Anki f’dan il-każ, dawn id-differenzi għandhom jiġu rreġistrati bħala rivalutazzjonijiet minħabba bidliet oħra fil-prezz.
Approċċ komuni għall-ġbir ta’ data dwar l-investiment ta’ portafoll huwa ddefinit fl-Anness VI.
6.2.1. TITOLI TA’ EKWITÀ
L-ekwità tikkonsisti fl-istrumenti kollha li jirrappreżentaw pretensjonijiet fuq il-valur residwu ta’ korporazzjoni jew kważi-korporazzjoni, wara li jkunu ġew issodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri kollha. B’kuntrast mad-dejn, l-ekwità ġeneralment ma tipprovdix id-dritt lis-sid għal ammont predeterminat jew ammont determinat skont formula fissa. It-titoli ta’ ekwità jikkonsistu f’ishma kkwotati u ishma mhux ikkwotati.
L-ishma kkwotati huma titoli ta’ ekwità kkwotati f’Borża rikonoxxuta jew kwalunkwe forma oħra ta’ suq sekondarju. L-ishma mhux ikkwotati huma titoli ta’ ekwità mhux ikkwotati f’Borża.
6.2.2. ISHMA TA’ FOND TA’ INVESTIMENT
L-ishma ta’ fond ta’ investiment huma maħruġa minn fondi ta’ investiment. Huma magħrufa bħala “unitajiet” jekk il-fond ikun fiduċjarju. Il-fondi ta’ investiment huma intrapriżi ta’ investiment kollettiv li permezz tagħhom l-investituri jiġbru flimkien fondi għall-investiment f’assi finanzjarji u/jew mhux finanzjarji. L-ishma ta’ fond ta’ investiment għandhom rwol speċjalizzat fl-intermedjazzjoni finanzjarja bħala tip ta’ investiment kollettiv f’assi oħra, u għalhekk huma identifikati separatament minn ishma oħra ta’ ekwità. Barra minn hekk, it-trattament tad-dħul tagħhom huwa differenti minħabba li l-qligħ investit mill-ġdid irid jiġi imputat.
6.2.3 TITOLI TA’ DEJN
It-titoli ta’ dejn huma strumenti negozjabbli li jservu bħala evidenza ta’ dejn. Huma jinkludu kontijiet, bonds, noti, ċertifikati ta’ depożitu negozjabbli, karti kummerċjali, obbligazzjonijiet, titoli appoġġjati minn assi, strumenti tas-suq monetarju, u strumenti simili normalment innegozjati fis-swieq finanzjarji. It-tranżazzjonijiet u l-qagħdiet fit-titoli ta’ dejn huma maqsuma skont il-maturità inizjali fuq terminu qasir u fuq terminu twil.
6.2.3.1. TITOLI TA’ DEJN B’TERMINU QASIR
It-titoli ta’ dejn b’terminu qasir huma pagabbli fuq talba jew jinħarġu b’maturità inizjali ta’ sena jew anqas. Huma ġeneralment jagħtu lid-detentur id-dritt mhux kondizzjonat li jirċievi somma ta’ flus fissa ddikjarata, f’data speċifika. Dawn l-istrumenti ġeneralment jiġu nnegozjati, bi skont, fi swieq organizzati; l-iskont jiddependi fuq ir-rata tal-imgħax u ż-żmien li jkun fadal sal-maturità.
6.2.3.2. TITOLI TA’ DEJN B’TERMINU TWIL
It-titoli ta’ dejn b’terminu twil jinħarġu b’maturità inizjali ta’ iżjed minn sena waħda jew bl-ebda maturità ddikjarata (għajr meta tintalab, li hija inkluża fuq terminu qasir). Huma ġeneralment jagħtu lid-detentur (a) id-dritt mhux kondizzjonat għal dħul monetarju fiss jew dħul monetarju varjabbli stabbilit b’kuntratt (il-ħlas tal-imgħax ikun indipendenti mill-qligħ tad-debitur), u (b) id-dritt mhux kondizzjonat għal somma fissa bi ħlas lura għall-kapital f’data jew dati speċifikati.
Ir-reġistrazzjoni ta’ tranżazzjonijiet fil-bilanċ tal-pagamenti sseħħ meta l-kredituri jew id-debituri jdaħħlu l-pretensjoni jew l-obbligazzjoni fil-kontijiet tagħhom. It-tranżazzjonijiet jiġu rreġistrati bil-prezz effettiv riċevut jew imħallas, esklużi l-kummissjoni u l-ispejjeż. Għalhekk, fil-każ tat-titoli bil-kupuni, jiġi inkluż l-imgħax mill-aħħar ħlas tal-imgħax u, fil-każ tat-titoli maħruġa bi skont, jiġi inkluż l-imgħax akkumulat mill-ħruġ. L-inklużjoni tal-imgħax dovut hija meħtieġa kemm għall-kont finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti kif ukoll għall-IIP; dawn ir-reġistrazzjonijiet irid ikollhom partiti ta’ tpaċija fil-kontijiet tad-dħul rispettivi tagħhom.
6.3.
Kuntratt dwar derivattiv finanzjarju huwa strument finanzjarju li huwa marbut ma’ strument finanzjarju jew indikatur jew komodità speċifiku/speċifika ieħor/oħra u li permezz tiegħu riskji finanzjarji speċifiċi (bħar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax, ir-riskju tal-kambju, ir-riskju tal-ekwità u tal-prezzijiet tal-komoditajiet, ir-riskju ta’ kreditu, u l-bqija) jistgħu jiġu nnegozjati waħedhom fis-swieq finanzjarji. Din il-kategorija hija identifikata separatament minn kategoriji oħra minħabba li tirrigwarda t-trasferiment tar-riskju pjuttost milli l-provvista ta’ fondi jew riżorsi oħra. Kuntrarju għal kategoriji funzjonali oħra, ma jakkumula l-ebda dħul primarju fuq id-derivattivi finanzjarji. Il-flussi netti assoċjati ma’ derivattivi mir-rata tal-imgħax jiġu rreġistrati bħala derivattivi finanzjarji, mhux bħala dħul mill-investiment. It-tranżazzjonijiet u l-pożizzjonijiet fid-derivattivi finanzjarji huma ttrattati separatament mill-valuri ta’ kwalunkwe partita sottostanti li jkunu marbuta magħha. Fil-każ tal-opzjonijiet, jiġi rreġistrat il-primjum sħiħ (jiġifieri l-prezz tax-xiri/bejgħ tal-opzjonijiet u t-tariffa għas-servizz implikata). Il-ħlasijiet tal-marġini ripagabbli jikkonsisti fi flus jew kollateral iddepożitati sabiex kontroparti tiġi protetta kontra r-riskju ta’ inadempjenza. Huma kklassifikati bħala depożiti taħt investiment ieħor (jekk l-obbligazzjonijiet tad-debitur ikunu inklużi fi flus ġenerali) jew f’kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli. Il-ħlasijiet tal-marġini mhux ripagabbli (magħrufa wkoll bħala l-marġini ta’ varjazzjoni) inaqqsu l-obbligazzjoni finanzjarja maħluqa permezz ta’ derivattiv; għalhekk huma kklassifikati bħala tranżazzjonijiet f’derivattivi finanzjarji.
Il-valutazzjoni tad-derivattivi finanzjarji għandha ssir “skont is-suq”. It-tibdil fil-prezzijiet tad-derivattivi jiġi rreġistrat bħala qligħ jew telf tal-parteċipazzjoni (rivalutazzjonijiet minħabba tibdil fil-prezzijiet). Ir-reġistrazzjoni ta’ tranżazzjonijiet f’derivattivi finanzjarji sseħħ meta l-kredituri u d-debituri jdaħħlu l-pretensjoni jew l-obbligazzjoni fil-kontijiet tagħhom. Minħabba problemi prattiċi involuti fis-separazzjoni tal-flussi tal-assi u tal-obbligazzjonijiet għal ċerti strumenti derivattivi, it-tranżazzjonijiet kollha ta’ derivattivi finanzjarji fil-bilanċ tal-pagamenti taż-żona tal-euro huma rreġistrati netti. Il-pożizzjonijiet tal-assi u l-obbligazzjonijiet tad-derivattivi finanzjarji fl-istatistika dwar l-IIP huma rreġistrati fuq bażi grossa, ħlief għal dawk id-derivattivi finanzjarji li jaqgħu fil-kategorija tal-assi ta’ riżerva, li huma rreġistrati fuq bażi netta. Għal raġunijiet prattiċi, id-derivattivi inkorporati mhumiex distinti mill-istrument sottostanti li miegħu jkunu marbuta.
L-opzjonijiet ta’ stokk għall-impjegati huma opzjonijiet sabiex tinxtara l-ekwità ta’ kumpanija li jiġu offruti lill-impjegati ta’ kumpanija bħala forma ta’ remunerazzjoni. Jekk opzjoni ta’ stokk mogħtija lill-impjegati tista’ tiġi nnegozjata fis-swieq finanzjarji mingħajr restrizzjoni, hija tiġi kklassifikata bħala derivattiv finanzjarju.
6.4.
Investiment ieħor huwa kategorija residwa li tinkludi pożizzjonijiet u tranżazzjonijiet differenti minn dawk inklużi f’investiment dirett, investiment ta’ portafoll, derivattivi finanzjarji u opzjonijiet ta’ stokk għall-impjegati jew assi ta’ riżerva. Sakemm il-kategoriji ta’ assi u obbligazzjonijiet li ġejjin ma jkunux inklużi taħt investiment dirett jew assi ta’ riżerva, investiment ieħor jinkludi: (a) ekwità oħra; (b) munita u depożiti; (c) self (inkluż l-użu ta’ kreditu mill-FMI u self mill-FMI); (d) assigurazzjoni, pensjoni u skemi standardizzati ta’ garanzija, (e) kreditu kummerċjali u ħlas bil-quddiem, (f) kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli; u (g) allokazzjonijiet ta’ drittijiet speċjali ta’ prelevament (SDR) (il-parteċipazzjonijiet SDR huma inklużi fl-assi ta’ riżerva).
Għas-self, id-depożiti u kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli mibjugħa bi skont, il-valuri tat-tranżazzjonijiet irreġistrati fil-kont finanzjarju jistgħu jkunu differenti mill-valuri nominali rreġistrati fl-IIP. Tali differenzi jiġu rreġistrati bħala rivalutazzjonijiet minħabba bidliet oħra fil-prezz.
6.4.1. EKWITÀ OĦRA
Ekwità oħra tinkludi ekwità mhux fil-forma ta’ titoli, għalhekk mhijiex inkluża fl-investiment ta’ portafoll. Il-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ xi organizzazzjonijiet internazzjonali mhijiex fil-forma ta’ titoli u għalhekk hija kklassifikata bħala ekwità oħra.
6.4.2. MUNITA U DEPOŻITI
Il-munita u d-depożiti jinkludu l-munita fiċ-ċirkolazzjoni u d-depożiti. Id-depożiti huma kuntratti standardizzati, mhux negozjabbli ġeneralment offruti mill-istituzzjonijiet li jieħdu d-depożiti, li jippermettu t-tqegħid u l-irtirar aktar tard ta’ ammont varjabbli ta’ flus mill-kreditur. Id-depożiti ġeneralment jinvolvu garanzija mid-debitur sabiex jirritorna l-ammont prinċipali lill-investitur.
Id-distinzjoni bejn “self” u “munita u depożiti” tiddependi fuq in-natura tal-mutwatarju. Dan jimplika li, min-naħa tal-assi, il-flus mogħtija mis-settur taż-żamma tal-flus residenti lil banek non-residenti għandhom jiġu kklassifikati bħala “depożiti” u l-flus mogħtija mis-settur taż-żamma tal-flus residenti lil istituzzjonijiet mhux banek non-residenti (jiġifieri unitajiet istituzzjonali għajr banek) għandhom jiġu kklassifikati bħala “selfiet”. Min-naħa tal-obbligazzjonijiet, il-flus meħuda minn istituzzjonijiet mhux bankarji residenti, jiġifieri istituzzjonijiet finanzjarji mhux monetarji (MFIs) għandhom jiġi kklassifikati dejjem bħala “selfiet”. Fl-aħħar nett, din id-distinzjoni timplika li t-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu MFIs u banek non-residenti għandhom jiġu kklassifikati bħala “depożiti”.
6.4.3. SELFIET
Is-selfiet huma assi finanzjarji li (a) jinħolqu meta kreditur jislef fondi direttament lil debitur, u (b) li d-dokumenti juru li mhumiex negozjabbli. Din il-kategorija tinkludi s-selfiet kollha, inklużi l-ipoteki, il-kirjiet finanzjarji u l-operazzjonijiet tat-tip repo. L-operazzjonijiet kollha tat-tip repo, jiġifieri l-ftehimiet ta’ riakkwist, l-operazzjonijiet ta’ bejgħ/riakkwist u s-self ta’ titoli (bi skambju ta’ flus bħala kollateral), huma ttrattati bħala selfiet kollateralizzati, mhux bħala xiri/bejgħ dirett ta’ titoli, u jiġu rreġistrati taħt “investiment ieħor”, fi ħdan is-settur residenti li jwettaq l-operazzjoni. Dan it-trattament, li huwa konformi wkoll mal-prattika kontabilistika tal-banek u ta’ korporazzjonijiet finanzjarji oħra, huwa maħsub sabiex jirrifletti b’mod aktar preċiż ir-raġunament ekonomiku wara dawn l-istrumenti finanzjarji.
6.4.4. ASSIGURAZZJONI, SKEMI TA’ PENSJONI, U SKEMI TA’ GARANZIJA STANDARDIZZATI
Din tinkludi dawn li ġejjin: (a) ir-riżervi tekniċi ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja; (b) l-assigurazzjoni tal-ħajja u d-drittijiet ta’ annwalità; (c) id-drittijiet għal pensjoni, it-talbiet ta’ fondi tal-pensjoni fuq l-amministraturi tal-pensjonijiet, u d-drittijiet għal fondi mhux tal-pensjoni; u (d) provvedimenti għal sejħiet taħt garanziji standardizzati.
6.4.5. KREDITU KUMMERĊJALI U PAGAMENTI BIL-QUDDIEM
Il-kreditu kummerċjali u l-pagamenti bil-quddiem huma pretensjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-estensjoni diretta tal-kreditu mill-fornituri ta’ prodotti u servizzi lill-konsumaturi tagħhom, u pagamenti bil-quddiem għal xogħol li jkun qiegħed isir jew li jkun għad irid jitwettaq, fil-forma ta’ prepagament mill-konsumaturi għal prodotti u servizzi li jkunu għadhom ma ġewx ipprovduti. Il-kreditu kummerċjali u l-pagamenti bil-quddiem jinħolqu meta l-ħlas għall-prodotti jew is-servizzi ma jsirx fl-istess ħin tal-bidla fis-sjieda ta’ prodott jew l-għoti ta’ servizz.
6.4.6. KONTIJIET OĦRA RIĊEVIBBLI/PAGABBLI
Din il-kategorija tikkonsisti f’kontijiet riċevibbli jew pagabbli għajr dawk inklużi fi kreditu kummerċjali u pagamenti bil-quddiem jew strumenti oħra. Hija tinkludi assi u obbligazzjonijiet finanzjarji maħluqa bħala kontropartijiet għal tranżazzjonijiet fejn ikun hemm differenza ta’ żmien bejn dawn it-tranżazzjonijiet u l-ħlasijiet korrispondenti. Hija tinkludi l-obbligazzjonijiet għat-taxxi, ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli, it-tariffi għas-self ta’ titoli, it-tariffi għas-self ta’ deheb, il-pagi u s-salarji, id-dividendi, u l-kontribuzzjonijiet soċjali li jkunu akkumulaw iżda li jkunu għadhom ma tħallsux.
6.4.7. ALLOKAZZJONIJIET TA’ DRITTIJIET SPEĊJALI TA’ PRELEVAMENT (SDRs)
L-allokazzjoni ta’ SDRs lill-membri tal-FMI hija murija bħala obbligazzjoni mġarrba mir-riċevitur taħt SDRs f’investiment ieħor, b’partita korrispondenti taħt SDRs fl-assi ta’ riżerva.
6.5.
L-assi ta’ riżerva huma dawk l-assi esterni li jkunu faċilment disponibbli għal, u kkontrollati minn, l-awtoritajiet monetarji sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti, għal intervent fis-swieq tal-kambju sabiex tiġi mmaniġġata r-rata tal-kambju tal-munita, u għal għanijiet oħra relatati (bħaż-żamma tal-fiduċja fil-munita u l-ekonomija, jew biex iservu bħala bażi għas-self barrani). L-assi ta’ riżerva jridu jkunu assi f’munita barranija, pretensjonijiet fil-konfront ta’ non-residenti u assi li fil-fatt jeżistu. L-assi potenzjali huma esklużi. Il-bażi tal-kunċett tal-assi ta’ riżerva huma l-kunċetti ta’ “kontroll” u “disponibbiltà għall-użu” mill-awtoritajiet monetarji.
L-assi ta’ riżerva taż-żona tal-euro jikkonsistu mill-assi ta’ riżerva tal-Eurosistema, jiġifieri l-assi ta’ riżerva tal-BĊE u l-assi ta’ riżerva miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) taż-żona tal-euro.
L-assi ta’ riżerva jridu (i) ikunu taħt il-kontroll effettiv ta’ awtorità monetarja tal-Eurosistema, jiġifieri jew il-BĊE jew BĊN taż-żona tal-euro, u (ii) ikunu pretensjonijiet likwidi ħafna, kummerċjabbli u ta’ affidabbiltà kreditizja miżmuma mill-Eurosistema fuq residenti mhux fiż-żona tal-euro denominati f’muniti konvertibbli għajr l-euro, flimkien ma’ deheb monetarju, pożizzjonijiet ta’ riżerva fil-FMI u L-SDRs.
Din id-definizzjoni teskludi espressament il-pretensjonijiet ta’ valuta barranija fuq residenti taż-żona tal-euro, u l-pretensjonijiet denominati fl-euro, milli jitqiesu bħala assi ta’ riżerva fuq livell nazzjonali jew fuq livell taż-żona tal-euro. Bl-istess mod, il-pożizzjonijiet tal-kambju tal-gvernijiet ċentrali u/jew tal-ministeri tal-finanzi mhumiex inklużi fid-definizzjoni tal-assi ta’ riżerva għaż-żona tal-euro skont l-arranġamenti istituzzjonali fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-assi ta’ riżerva tal-BĊE huma miġburin skont l-Artikolu 30 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u għalhekk jitqiesu li huma taħt il-kontroll dirett u effettiv tal-BĊE. Sakemm ma jseħħ l-ebda trasferiment ulterjuri tas-sjieda, l-assi ta’ riżerva miżmuma mill-BĊNi huma taħt il-kontroll dirett u effettiv tagħhom u huma ttrattati bħala assi ta’ riżerva ta’ kull BĊN individwali.
Ir-riżervi tal-Eurosistema huma kkumpilati fuq bażi grossa mingħajr ebda nnettjar tal-obbligazzjonijiet relatati mar-riżervi ħlief għal dawk l-assi ta’ riżerva inklużi fis-sottokategorija “derivattivi finanzjarji”, li huma rreġistrati fuq bażi netta.
Il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-prezzijiet tas-suq billi jintużaw (a) għat-tranżazzjonijiet, il-prezzijiet tas-suq prevalenti fiż-żmien meta sseħħ it-tranżazzjoni u (b) għall-parteċipazzjonijiet, il-prezzijiet kif jagħlqu f’nofs is-suq fit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza. Ir-rati tal-kambju prevalenti fis-suq fiż-żmien meta sseħħ it-tranżazzjoni u r-rati tal-kambju kif jagħlqu f’nofs is-suq fit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza jintużaw rispettivament għall-konverżjoni f’euro ta’ tranżazzjonijiet u parteċipazzjonijiet ta’ assi ddenominati f’munita barranija.
L-idea li likwidità oħra f’munita barranija mhux inkluża fil-partita tal-assi ta’ riżerva tal-bilanċ tal-pagamenti u fl-istatistiċi dwar il-pożizzjoni internazzjonali tal-investiment tista’ tkun ukoll indikatur importanti tal-kapaċità ta’ pajjiż li jilħaq l-obbligi tiegħu tal-kambju saret iżjed mifruxa u ġiet adottata fl-Istandard Speċjali tad-Disseminazzjoni tad-Data tal-FMI. Sabiex tiġi kkalkulata l-likwidità f’munita barranija, id-data dwar ir-riżervi grossi jeħtieġ li tiġi ssupplimentata b’informazzjoni dwar assi oħra f’munita barranija u obbligazzjonijiet relatati mar-riżervi. Għalhekk, id-data ta’ kull xahar dwar l-assi ta’ riżerva (grossi) tal-Eurosistema hija ssupplimentata b’informazzjoni dwar assi oħra f’munita barranija u t-tneħħija netta determinata minn qabel u kontinġenti fuq terminu qasir fuq l-assi ta’ riżerva grossi kklassifikati skont il-maturità residwa. Barra minn hekk, hija meħtieġa wkoll distinzjoni fil-munita bejn l-assi ta’ riżerva grossi denominati f’muniti SDR (totali) u muniti oħra (totali) b’intervall ta’ trimestru.
6.5.1. DEHEB MONETARJU
Id-deheb monetarju huwa deheb li għalih l-awtoritajiet monetarji (jew oħrajn li jkunu soġġetti għall-kontroll effettiv tal-awtoritajiet monetarji) ikollhom dritt u li jinżamm bħala assi ta’ riżerva. Dan jinkludi l-ingotti tad-deheb u l-kontijiet tad-deheb mhux allokati ma’ non-residenti li jagħtu dritt għat-talba tal-konsenja tad-deheb.
Il-parteċipazzjonijiet f’deheb monetarju għandhom jibqgħu mhux mibdula fit-tranżazzjonijiet riversibbli kollha bid-deheb (swaps ta’ deheb, repos, self u depożiti).
6.5.1.1. |
L-ingotti tad-deheb jieħdu l-forma ta’ muniti, ingotti, jew blokok b’purità ta’ mill-anqas 995 parti għal kull 1 000, inklużi l-ingotti tad-deheb miżmuma f’kontijiet tad-deheb allokati. |
6.5.1.2. |
Il-kontijiet tad-deheb mhux allokati jirrappreżentaw pretensjoni kontra l-operatur tal-kont biex jikkonsenja d-deheb. Għal dawn il-kontijiet, il-fornitur tal-kont iżomm id-dritt għal bażi ta’ riżerva ta’ deheb fiżiku allokat u joħroġ pretensjonijiet lil detenturi tal-kontijiet denominati f’deheb. Il-kontijiet tad-deheb mhux allokati li ma jkunux ikklassifikati bħala deheb monetarju huma inklużi bħala munita u depożiti f’investiment ieħor. |
6.5.2. SDRs
L-SDRs huma assi ta’ riżerva internazzjonali maħluqa mill-FMI u allokati lill-membri sabiex jissupplimentaw ir-riżervi uffiċjali eżistenti. L-SDRs jinżammu biss mill-awtoritajiet monetarji tal-membri tal-FMI u minn numru limitat ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jkunu detenturi awtorizzati.
6.5.3. POŻIZZJONI TAR-RIŻERVA FIL-FMI
Din hija s-somma ta’ (a) is-“segment ta’ riżerva”, jiġifieri l-ammonti ta’ munita barranija, inkluż l-SDR, li pajjiż membru jista’ jiġbed mill-FMI mingħajr ma javża ħafna qabel; u (b) kwalunkwe dejn tal-FMI taħt ftehim ta’ self fil-Kont tar-Riżorsi Ġenerali li jkun faċilment disponibbli għall-pajjiż membru.
6.5.4. ASSI OĦRA TA’ RIŻERVA
Dawn jinkludu l-valuti u d-depożiti, it-titoli, id-derivattivi finanzjarji u pretensjonijiet oħra. Id-depożiti jirreferu għal dawk disponibbli meta jintalbu. It-titoli jinkludu l-ekwità likwida u kummerċjabbli u t-titoli ta’ dejn maħruġa minn non-residenti, inklużi l-ishma jew unitajiet ta’ fondi ta’ investiment. Id-derivattivi finanzjarji jiġu rreġistrati fl-assi ta’ riżerva biss jekk id-derivattivi marbuta mal-ġestjoni tal-assi ta’ riżerva jkunu integrali għall-valutazzjoni ta’ dawk l-assi. Pretensjonijiet oħra jinkludu self lil istituzzjonijiet mhux bankarji non-residenti, self fuq terminu twil lil kont Fiduċjarju tal-FMI u assi finanzjarji oħra mhux inklużi qabel iżda li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ assi ta’ riżerva.”.