Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1867

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1867 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ finanzjament b’rata fissa

    C/2019/6203

    ĠU L 289, 8.11.2019, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1867/oj

    8.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/6


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1867

    tat-28 ta’ Awwissu 2019

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ finanzjament b’rata fissa

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 67(5)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bil-għan li jiġi ssimplifikat l-użu tal-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), tal-Fond Soċjali Ewropew (“FSE”), tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (“FAEŻR”) u tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“FEMS”) u li jitnaqqsu kemm il-piż amministrattiv kif ukoll ir-riskju ta’ żball, huwa xieraq li tiġi stabbilita rata fissa għar-rimborż tal-ispejjeż lil benefiċjarju wieħed jew aktar ta’ operazzjonijiet appoġġati taħt l-assistenza teknika, mingħajr il-ħtieġa li tiġi ġġustifikata r-rata. Dan jinkludi każijiet fejn l-awtorità ta’ ġestjoni jew l-aġenzija tal-pagamenti jew korp ieħor ikunu qed jimplimentaw operazzjonijiet ta’ assistenza teknika.

    (2)

    Il-livell tar-rata fissa huwa bbażat fuq il-limiti massimi u l-allokazzjoni attwali għal assistenza teknika fi programmi kif ukoll fuq id-data dwar l-assorbiment minn perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti. L-użu tal-metodu ta’ rimborż b’rata fissa ma għandux impatt fuq l-allokazzjoni finanzjarja għall-assistenza teknika fil-programmi adottati. Jista’ jintuża wkoll fi programmi appoġġati minn aktar minn fond wieħed anki jekk il-prijorità ta’ assistenza teknika tirċievi appoġġ minn fond differenti minn dak li jipprovdi appoġġ għal prijoritajiet għajr għall-assistenza teknika fl-istess programm.

    (3)

    Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni finanzjarja fl-arranġamenti ta’ pprogrammazzjoni eżistenti, jenħtieġ li jiġi speċifikat għall-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni, kif ukoll għall-FEMS, li l-bażi għall-applikazzjoni tar-rata hija n-nefqa eliġibbli taħt l-assi prijoritarji għajr għall-assi prijoritarju tal-assistenza teknika tal-programm li fih jintuża dan il-metodu b’rata fissa ta’ rimborż. Għalhekk, din ir-rata fissa ma tistax tintuża fejn programm ikun ikopri esklussivament l-assistenza teknika. Barra minn hekk, għall-Fondi msemmija hawn fuq ma hemm l-ebda rekwiżit li jiġi emendat il-programm fejn jintuża dan il-metodu ta’ rimborż b’rata fissa.

    (4)

    Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li l-bażi għall-applikazzjoni tar-rata fissa hija n-nefqa eliġibbli li għaliha l-awtorità ta’ ġestjoni jew il-korp ta’ kontroll rilevanti jkunu lestew il-verifiki ta’ ġestjoni jew, fil-każ tal-FAEŻR, il-verifiki amministrattivi rilevanti.

    (5)

    Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ finanzjament doppju fejn l-Istati Membri jagħmlu użu minn din l-għażla, il-finanzjament b’rata fissa jenħtieġ li jiġi applikat biss għan-nefqa li tkun ġiet soġġetta għal verifika tal-ġestjoni wara li dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ u mbagħad sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà. Għall-istess raġuni, għall-FAEŻR, jenħtieġ li l-finanzjament b’rata fissa jiġi applikat biss għan-nefqa li kienet soġġetta għal kontrolli amministrattivi sa mill-bidu tas-sena finanzjarja agrikola, kif previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament UE (Nru) 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li tibda fis-16 ta’ Ottubru 2019 jew minn kwalunkwe sena finanzjarja agrikola sussegwenti u mbagħad sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà. Sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ammonti rimborżati f’forma ta’ finanzjament b’rata fissa jiġu kkalkulati abbażi tan-nefqa ta’ proġetti ta’ assistenza mhux teknika, li hija legali u regolari.

    (6)

    Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament b’rata fissa jista’ jintuża biss fis-snin kontabilistiċi li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikunu għadhom ma ngħalqux. Sabiex ikunu jistgħu jsiru kontrolli fil-kuntest tal-Artikolu 9 u l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-bażi għall-kalkolu tal-finanzjament b’rata fissa, għall-FAEŻR, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament b’rata fissa jista’ jintuża biss għan-nefqa mill-bidu tas-sena finanzjarja agrikola li tibda fis-16 ta’ Ottubru 2019 jew minn kwalunkwe sena finanzjarja agrikola sussegwenti.

    (7)

    Sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, bil-ħsieb li jsir użu minnu kmieni biżżejjed fis-sena kontabilistika attwali, u fil-każ tal-FAEŻR fis-sena finanzjarja agrikola li tibda fis-16 ta’ Ottubru 2019, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi finanzjament b’rata fissa għar-rimborż mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-assi prijoritarju dwar l-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri lil benefiċjarju wieħed jew aktar fi programm.

    2.   Fil-każ tal-FAEŻR, dan ir-Regolament jistabbilixxi finanzjament b’rata fissa għar-rimborż mill-Aġenzija tal-Pagamenti jew korp ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri lil benefiċjarju wieħed jew iktar fil-programm. F’każ li Aġenzija tal-Pagamenti jew korp ieħor ikun qed iwettaq direttament operazzjonijiet ta’ assistenza teknika, ir-rimborż tal-kost ta’ dawn l-operazzjonijiet jista’ jiġi stabbilit ukoll abbażi ta’ dan il-finanzjament b’rata fissa.

    Artikolu 2

    Finanzjament b’rata fissa

    1.   L-ammont globali li għandu jiġi rimborżat għal operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-assi prijoritarju dwar l-assistenza teknika fi programm jista’ jiġi kkalkulat bħala rata fissa tal-ammonti ta’ nfiq tal-operazzjonijiet taħt l-assi prijoritarji tal-programm għajr dak li jikkonċerna l-assistenza teknika. Fil-każ tal-FAEŻR, l-assistenza teknika tista’ tiġi kkalkulata bħala rata fissa tal-ammonti ta’ nfiq tal-operazzjonijiet taħt il-miżuri tal-iżvilupp rurali msemmija fil-Kapitolu I tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    2.   Din ir-rata fissa hija stabbilita fil-livell ta’ 4 % għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE, mill-Fond ta’ Koeżjoni jew mill-FAEŻR u fil-livell ta’ 6 % għall-programmi appoġġati mill-FEMS. Għall-programmi appoġġati mill-FEŻR taħt l-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, ir-rata fissa hija stabbilita fil-livell ta’ 6 %. L-ammont ikkalkulat jista’ jiġi rimborżat lil benefiċjarju wieħed jew jista’ jinqasam għal rimborż lil aktar benefiċjarji.

    3.   In-nefqa li tkun ġiet soġġetta għal verifiki ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 125(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament biss tista’ tiġi inkluża fil-bażi tal-kalkolu tar-rata fissa mis-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2019 jew minn kwalunkwe sena kontabilistika sussegwenti. Fil-każ tal-FAEŻR, in-nefqa biss li kienet soġġetta għal verifiki amministrattivi skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 mis-sena finanzjarja agrikola li tibda fis-16 ta’ Ottubru 2019 jew minn kwalunkwe sena finanzjarja agrikola sussegwenti tista’ tiġi inkluża fil-bażi għall-kalkolu tar-rata fissa.

    4.   Fejn jintuża dan il-finanzjament b’rata fissa, dan għandu jiġi applikat esklussivament sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà għar-rimborż tal-ispejjeż għall-assistenza teknika u, għall-FAEŻR, matul is-sena finanzjarja agrikola rilevanti.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


    Top