Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0837

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/837 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

    ST/15832/2018/REV/1

    ĠU L 138, 24.5.2019, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/837/oj

    Related international agreement

    24.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 138/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/837

    tal-14 ta' Mejju 2019

    dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 74, il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 77(2), il-punt (e) tal-Artikolu 78(2), il-punt (c) tal-Artikolu 79(2), il-punt (d) tal-Artikolu 82(1), l-Artikolu 85(1), il-punt (a) tal-Artikolu 87(2) u l-Artikolu 88(2), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (l-'Aġenzija').

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 jistipula li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni tagħhom, għandhom isiru arranġamenti sabiexjiġu speċifikati, fost l-oħrajn, in-natura u l-ambitu tal-parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen u miżuri relatati mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija, u r-regoli dettaljati għal din il-parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-persunal u d-drittijiet għall-vot.

    (3)

    Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni minn dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (“l-Arranġament”). F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1549 (3), l-Arranġament ġie ffirmat fit-8 ta' Novembru 2018 suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    (4)

    Fl-14 ta' Novembru 2018 ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġie adottat. Ir-Regolament (UE) 2018/1726 ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011. Kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2018/1726, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif stabbilita minn dak ir-Regolament, tissostitwixxi u tissuċċedi l-Aġenzija, kif stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011. F'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li ġie mħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (UE) 2018/1726 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness ta' dak ir-Regolament.

    (5)

    Kif speċifikat fil-premessa 52 tar-Regolament (UE) 2018/1726, ir-Renju Unit qed jieħu sehem f'dak ir-Regolament u huwa marbut bih. L-Irlanda talbet li tipparteċipa f'dak ir-Regolament (UE) 2018/1726 f'konformità mal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u nnotifikat ix-xewqa tagħha li taċċetta r-Regolament (UE) 2018/1726 f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE. Ir-Renju Unit u l-Irlanda jenħtieġ għalhekk li jagħtu effett lill-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1726 billi jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għalhekk qed jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Kif speċifikat fil-premessa 51 tar-Regolament (UE) 2018/1726, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem f'dak ir-Regolament u mhix marbuta bih. Id-Danimarka għalhekk mhijiex qed tieħu sehem f'din id-Deċiżjoni. Minħabba li din id-Deċiżjoni, f'dak li jirrigwarda s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (6), is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE (7), is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hix ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżami ta' talba għall-asil li ssir fid-Danimarka jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u l-'Eurodac' għat-tqabbil tal-marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (10), id-Danimarka trid tinnotifika lill-Kummissjoni dwar jekk hix ser timplimenta l-kontenut ta' din id-Deċiżjoni, f'dak li jirrigwarda l-Eurodac u DubliNet.

    (7)

    L-Arranġament għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni ta' dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (11).

    It-test tal-Arranġament huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. DAEA


    (1)  Kunsens tat-13 ta' Marzu 2019 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1549 tal-11 ta' Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni minn dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 260, 17.10.2018, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

    (10)  ĠU L 66, 8.3.2006, p. 38.

    (11)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Arranġament ser jiġi ppubblikata f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top