Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1714

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1714 tas-6 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu

    ST/12606/2018/INIT

    ĠU L 286, 14.11.2018, p. 22–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1714/oj

    14.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 286/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1714

    tas-6 ta' Novembru 2018

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat f'Manila fis-7 ta' Awwissu 2017 u ġie applikat b'mod proviżorju f'parti mill-4 ta' Ottubru 2018.

    (2)

    L-Artikolu 56(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li l-kompitu tiegħu jinkludi inter alia l-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

    (3)

    L-Artikolu 56(4) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu u li jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.

    (4)

    Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u t-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu jenħtieġ li jiġu adottati malajr kemm jista' jkun, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

    (5)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmużin,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmużin ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 237, 15.9.2017, p. 7.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2018 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-AWSTRALJA

    ta' …

    fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt

    IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AUSTRALIA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Partijiet mill-Ftehim ġew applikati b'mod proviżorju mill-4 ta' Ottubru 2018.

    (2)

    Skont l-Artikolu 56(1) tal-Ftehim, huwa stabbilit Kumitat Konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet.

    (3)

    Skont l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni ser issir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Iffirmat fi …,

    Għall-Kumitat Konġunt UE-Awstralja

    Il-Kopresidenti


    (1)  ĠU L 237, 15.9.2017, p. 7.


    ANNESS

    REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT

    Artikolu 1

    Kompiti u kompożizzjoni

    1.   Il-Kumitat Konġunt ser iwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim.

    2.   Il-Kumitat Konġunt ser ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell adatt.

    Artikolu 2

    Presidenza

    Il-Kumitat Konġunt ser jiġi kopresedut mill-Partijiet.

    Artikolu 3

    Laqgħat

    1.   Il-Kumitat Konġunt normalment ser jiltaqa' darba fis-sena, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu msejħa mill-kopresidenti u jinżammu b'mod alternat fi Brussell u f'Canberra, f'data stabbilita bi qbil bejniethom. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru b'talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu bejniethom li jsir hekk.

    2.   Il-Kumitat Konġunt normalment ser jiltaqa' fil-livell ta' uffiċjali anzjani, iżda jista' jiltaqa' fil-livell ministerjali.

    Artikolu 4

    Pubbliċità

    Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt mhux ser ikunu pubbliċi.

    Artikolu 5

    Parteċipanti fil-laqgħat

    1.   Qabel kull laqgħa, il-kopresidenti ser jiġu infurmati, permezz tas-segretarji, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tal-Parti tagħhom.

    2.   Fejn ikun xieraq u bl-approvazzjoni tal-Partijiet, esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

    Artikolu 6

    Segretarji

    Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tad-Dipartiment għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Awstralja ser iservu flimkien bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjonijiet kollha lil u mingħand il-kopresidenti ser jiġu trażmessi lis-segretarji.

    Artikolu 7

    Aġendi għal-laqgħat

    1.   Il-kopresidenti ser ifasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din ser tiġi trażmessa, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra sa mhux iktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa.

    2.   L-aġenda proviżorja ser tinkludi punti li jkunu ppreżentati lill-kopresidenti sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il- laqgħa.

    3.   L-aġenda finali ser tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti apparti dawk li jidhru fuq l-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jiddeċiedu bejniethom li jsir hekk.

    4.   Bl-approvazzjoni tal-Partijiet, il-kopresidenti jistgħu jqassru l-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 7(1) u (2), fejn meħtieġ.

    Artikolu 8

    Minuti

    1.   Is-segretarji ser jipproduċu b'mod konġunt abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa, fi żmien 30 jum kalendarju minn tmiem il-laqgħa. L-abbozz tal-minuti ser ikun ibbażat fuq sinteżi mill-kopresidenti tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat Konġunt.

    2.   L-abbozz tal-minuti ser jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 45 jum kalendarju minn tmiem il-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra approvata b'mod konġunt mill-Partijiet. Malli jkun hemm il-kunsens taż-żewġ naħat għall-abbozz tal-minuti, ser jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-kopresidenti u s-segretarji. Kull Parti ser tirċievi kopja oriġinali waħda.

    Artikolu 9

    Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.   Il-Kumitat Konġunt jista' jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'kunsens mill-Partijiet, skont l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim.

    2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta' proċedura bil-miktub. F'tali każijiet, il-Partijiet ser jiddeċiedu bejniethom dwar limitu ta' żmien għat-tul tal-proċedura. Jekk mal-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien, l-ebda Parti ma tkun esprimiet oppożizzjoni għad-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni proposta, il-kopresidenti ser jiddikjaraw li d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tkun ġiet adottata bil-kunsens taż-żewġ naħat.

    3.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ser jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett. Kull deċiżjoni ser tiddikjara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    4.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt ser jiġu mfassla f'żewġ kopji u ffirmati mill-kopresidenti.

    5.   Kull Parti tista' tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

    Artikolu 10

    Korrispondenza

    1.   Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt ser tintbagħat lis-segretarju tal-Parti li lilu jappartjeni l-awtur, li min-naħa tiegħu ser jgħarraf lis-segretarju l-ieħor.

    2.   Is-segretarji ser jiżguraw li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tingħadda lill-kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont l-Artikolu 11.

    3.   Il-korrispondenza mill-kopresidenti ser tintbagħat lill-Partijiet mis-segretarji u tiġi ċċirkolata,, fejn xieraq, skont l-Artikolu 11.

    4.   Il-korrispondenza lil u mill-kopresidenti tista' ssir permezz ta' kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

    Artikolu 11

    Dokumenti

    Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ikunu bbażati fuq dokumenti, dawk id-dokumenti ser jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-segretarji lill-parteċipanti tal-laqgħat.

    Artikolu 12

    Spejjeż

    1.   Kull Parti ser tieħu ħsieb kwalunkwe spejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien, kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

    2.   L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti ser jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħa.

    Artikolu 13

    Emendi għar-regoli ta' proċedura

    Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu bejniethom li jemendaw ir-regoli ta' proċedura, skont l-Artikolu 9.

    Artikolu 14

    Sottokumitati u gruppi ta' ħidma

    1   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitati u gruppi ta' ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jibdel il-qasam tar-responsabbilità ta' sottokumitat jew grupp ta' ħidma jew li jabolixxi kwalunkwe sottokumitat jew grupp ta' ħidma li huwa jkun stabbilixxa.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2018 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-AWSTRALJA

    ta' …

    dwar l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma tiegħu

    IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AUSTRALIA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu, u l-Artikolu 14 tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt,

    Billil-Artikolu 14(1) tar-regoli ta' proċedura tal-Kmitat Konġunt jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-termini ta' referenza tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni ser issir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Iffirmat fi …,

    Għall-Kumitat Konġunt UE-Awstralja

    Il-Kopresidenti


    (1)  ĠU L 237, 15.9.2017, p. 7.


    ANNESS

    TERMINI TA' REFERENZA TAS-SOTTOKUMITATI U L-GRUPPI TA' ĦIDMA TAL-KUMITAT KONĠUNT

    Artikolu 1

    Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma jistgħu jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Ftehim fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom. Huma jistgħu jiddiskutu wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi relatati m al-qasam rilevanti ta' kooperazzjoni bilaterali.

    Artikolu 2

    1.   Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt. Huma ser jirrapportaw u jibagħtu l-minuti u l-konklużjonijiet tagħhom lill-kopresidenti fi żmien 30 jum kalendarju mit-tmiem ta' kull laqgħa.

    2.   Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma mhux ser ikollhom setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 3

    1.   Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser ikunu komposti minn rappreżentanti tal-Partijiet.

    2.   Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom u jistgħu jisimgħuhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda.

    Artikolu 4

    Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser ikunu kopreseduti mill-Partijiet.

    Artikolu 5

    Rappreżentant ta' kull Parti ser jaġixxi b'mod konġunt bħala segretarji ta' kull sottokumitat u grupp ta' ħidma.

    Artikolu 6

    1.   Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser jiltaqgħu kull meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, fuq il-bażi ta' talba bil-miktub minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Kull laqgħa ser issir f'post u f'data li jiddeċiedu dwarhom il-Partijiet flimkien.

    2.   Meta waħda mill-Partijiet tagħmel talba għal laqgħa ta' sottokumitat jew grupp ta' ħidma, is-segretarju tal-Parti l-oħra ser iwieġeb fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievi dik it-talba. F'każijiet ta' urġenza partikolari, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jitlaqqgħu fi żmien iqsar, jekk ikun hemm il-kunsens taż-żewġ Partijiet.

    3.   Il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma ser ikunu msejħa b'mod konġunt miż-żewġ segretarji.

    Artikolu 7

    1.   Kull Parti tista' titlob lill-kopresidenti biex iqiegħdu punt fuq l-aġenda għal laqgħa. Dawn it-talbiet ser jitressqu quddiem is-segretarji mill-inqas 15-il jum ta' xogħol qabel il-laqgħa, u kull dokumentazzjoni titressaq mill-inqas 10 ijiem ta' xogħol qabel il-laqgħa.

    2.   Is-segretarji ser jikkomunikaw l-aġenda proviżorja lill-Partijiet mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' xogħol qabel il-laqgħa. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu flimkien li jżidu punti fuq l-aġenda fi żmien qasir.

    Artikolu 8

    Is-Segretarji ser iħejju b'mod konġunt abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa.

    Artikolu 9

    Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma mhux ser ikunu pubbliċi.


    Top