Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0718(02)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2018 li twaqqaf il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni ta’ Mard Mhux Komunikabbli” u li tħassar id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mard rari u d-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/4492

    ĠU C 251, 18.7.2018, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Imħassar b' 32022D1212(01)

    18.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 251/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Lulju 2018

    li twaqqaf il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni ta’ Mard Mhux Komunikabbli” u li tħassar id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-mard rari u d-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2018/C 251/07)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 168(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma meħtieġa, b’kuntatt mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-politiki u l-programmi tagħhom fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu. Il-Kummissjoni tista’, b’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tinkoraġġixxi dan il-koordinament, b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi.

    (2)

    Fis-7 ta’ Diċembru 2010 il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-saħħa pubblika u fis-sistemi tal-kura tas-saħħa” (1) li jistiednu lill-Istati Membri jidentifikaw u jaqsmu prattiki tajba fil-kura tal-mard kroniku.

    (3)

    Fl-4 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat “Komunikazzjoni dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti” (2) li stipulat li l-inizjattivi li permezz tagħhom l-Unjoni tkun tista’ tappoġġa lil dawk li jfasslu l-politiki fl-Istati Membri, se jkunu jiffukaw fuq metodi u għodod li jgħinu lill-Istati Membri jiksbu aktar effikaċja, aċċessibbiltà u reżiljenza fis-sistemi tas-saħħa tagħhom.

    (4)

    Fit-22 ta’ Novembru 2016 il-Kummissjoni adottat “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà” (3) fejn ġie ddikjarat li l-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ li tkun minn ta’ quddiem biex timplimenta l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli li ġiet adottata fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod partikolari meta tikkontribwixxi għall-azzjonijiet tal-Għan 3 tal-Iżvilupp Sostenibbli “Jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età” l-Unjoni tkun qed tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri permezz tal-leġiżlazzjoni u inizjattivi oħra dwar is-saħħa pubblika, is-sistemi tas-saħħa u problemi tas-saħħa b’rabta mal-ambjent. Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jaslu għall-miri ta’ dan l-Għan, b’mod partikolari biex inaqqsu l-mortalità mill-mard kroniku.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jwaqqaf it-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) jistipula li waħda mill-prijoritajiet tematiċi tal-Programm hija l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, u t-trawwim ta’ ambjenti li jappoġġaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa. L-azzjonijiet f’din il-prijorità jinkludu l-appoġġ għall-kooperazzjoni u għan-netwerking fl-Unjoni b’rabta mal-prevenzjoni u t-titjib tar-reazzjoni għall-mard kroniku inkluż il-kanċer, il-mard relatat max-xjuħija u l-mard newrodeġenerattiv, permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien u ta’ prattiki tajba u permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet konġunti dwar il-prevenzjoni, is-sejba bikrija u l-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli.

    (6)

    Għalhekk, fid-dawl ta’ dawk l-impenji u l-obbligi fil-qasam tas-saħħa pubblika, jenħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fl-oqsma tal-promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni tal-mard u tal-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli, u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

    (7)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 (5) tistabbilixxi għadd ta’ regoli riveduti għall-gruppi kollha ta’ esperti tal-Kummissjoni. Ir-regoli l-ġodda huma maħsuba biex jinkisbu aktar ċarezza u trasparenza fejn għandu x’jaqsam mal-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ esperti. Għaldaqstant, il-kompiti u l-istruttura tal-grupp ta’ esperti dwar il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli jenħtieġ li jiġu ddefiniti bi qbil ma’ dik id-Deċiżjoni.

    (8)

    Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti jagħti l-pariri u l-għarfien espert lill-Kummissjoni meta din tkun qed tfassal u timplimenta l-attivitajiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni tal-mard u tal-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli, u jrid jinkoraġġixxi l-iskambju ta’ esperjenzi, politiki u prattiki rilevanti bejn l-Istati Membri u l-partijiet diversi involuti.

    (9)

    Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti jagħti l-pariri lill-Kummissjoni għall-għażla ta’ prattiki tajbin u tal-aħjar prattiki biex din tappoġġa t-trasferiment u t-tisħiħ tagħhom fl-Istati Membri billi tuża l-Programm tas-Saħħa tal-UE jew strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

    (10)

    Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-Għan 3 tal-Iżvilupp Sostenibbli, u b’mod partikolari jnaqqsu l-mortalità prematura mill-mard mhux komunikabbli.

    (11)

    Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti jagħti l-pariri lill-Kummissjoni meta tkun qed tfittex li tikkoordina l-attivitajiet li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-mortalità prematura mill-mard mhux komunikabbli.

    (12)

    Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti jagħti l-pariri lill-Kummissjoni dwar kif tħeġġeġ l-użu tar-riżultati tar-riċerka fl-oqsma tal-promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni tal-mard u tal-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli.

    (13)

    Jenħtieġ li l-grupp ta’ esperti jikkoordina l-attivitajiet tiegħu ma’ dawk tal-grupp ta’ esperti dwar l-informazzjoni dwar is-saħħa (EGHI) li jagħti l-pariri lill-Kummissjoni dwar il-ħtiġiet ta’ informazzjoni dwar is-saħħa, soluzzjonijiet tekniċi u prijoritajiet għat-tfassil ta’ politiki dwar is-saħħa bbażati fuq l-evidenza. B’mod partikolari, il-grupp ta’ esperti jenħtieġ li juża l-għarfien tal-EGHI meta jkun qed jivvaluta l-proċessi u r-riżultati tat-trasferiment u tal-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki.

    (14)

    Biex jiġu żgurati t-trasferiment u l-implimentazzjoni effikaċi tal-aħjar prattiki u tal-interventi ta’ politika fost il-pajjiżi, il-grupp ta’ esperti jenħtieġ li jkun magħmul minn awtoritajiet tal-Istati Membri.

    (15)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-grupp ta’ esperti.

    (16)

    Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata mill-grupp ta’ esperti skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (17)

    Billi l-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni “Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni ta’ mard mhux komunikabbli” se jittratta kwistjonijiet li fil-preżent huma fil-mandat tal-grupp ta’ esperti dwar il-mard rari, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2013 li tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar Mard Rari u li tħassar id-Deċiżjoni 2009/872/KE (“id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar mard rari”) (7) u tal-grupp ta’ esperti dwar il-kontroll tal-kanċer stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer u li tħassar id-Deċiżjoni 96/469/KE (“id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer”) (8), jenħtieġ li dawk id-Deċiżjonijiet jitħassru.

    (18)

    Jixraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni.

    IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Twaqqaf il-grupp ta’ esperti “Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni ta’ mard mhux komunikabbli” (“il-grupp”).

    Artikolu 2

    Kompiti

    Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

    (a)

    li jgħin u jagħti l-pariri lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi li jippromwovu l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi li jġib miegħu il-mard mhux komunikabbli fl-Unjoni;

    (b)

    li jgħin lill-Kummissjoni biex tagħżel l-aħjar prattiki u tgħin lill-Istati Membri biex jittrasferixxuhom u jkomplu jimplimentawhom fl-oqsma tal-promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni tal-mard u tal-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli billi jużaw il-Programm tas-Saħħa tal-UE jew strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni;

    (c)

    li jappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-progress biex jintlaħaq l-Għan 3 tal-Iżvilupp Sostenibbli skont l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli “Jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età”, u b’mod partikolari l-progress biex titnaqqas il-mortalità mill-mard mhux komunikabbli;

    (d)

    li jagħti l-pariri lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tikkoordina l-attivitajiet li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-mortalità prematura mill-mard mhux komunikabbli;

    (e)

    li jagħti l-pariri lill-Kummissjoni dwar kif tħeġġeġ żieda fl-użu tar-riżultati tar-riċerka fl-oqsma tal-promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni tal-mard u tal-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli;

    (f)

    li jivvaluta r-riżultati tat-trasferiment u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki b’kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Informazzjoni dwar is-Saħħa li se jagħti pariri dwar id-data rilevanti tas-saħħa fl-oqsma tal-promozzjoni tas-saħħa, tal-prevenzjoni tal-mard u tal-ġestjoni tal-mard mhux komunikabbli.

    Artikolu 3

    Konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Grupp dwar kull suġġett imsemmi fl-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    Sħubija

    1.   Il-Grupp għandu jkun magħmul minn membru wieħed kull Stat Membru. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar liema awtorità jkun għażel biex tkun il-membru tal-grupp ta’ esperti.

    2.   Kull membru għandu jaħtar ir-rappreżentant permanenti tiegħu u rappreżentant alternattiv wieħed, u dawn għandhom ikunu impjegati taċ-ċivil jew uffiċjali pubbliċi. Il-membri għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert.

    3.   Il-membri jistgħu wkoll jaħtru r-rappreżentanti fuq bażi ad hoc, skont l-aġenda tal-laqgħa tal-grupp.

    Artikolu 5

    Presidenza

    Il-President tal-grupp għandu jkun rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni.

    Artikolu 6

    Ħidma

    1.   Il-grupp għandu jaġixxi meta jintalab jagħmel dan mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, jew minn xi dipartiment ieħor tal-Kummissjoni, jekk dan jiġi miftieħem mad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, bi qbil mar-regoli orizzontali.

    2.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-Grupp għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni.

    3.   Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari għandu jipprovdi s-servizzi segretarjali. Jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu uffiċjali tal-Kummissjoni minn dipartimenti oħrajn li jkollhom interess fil-proċedimenti.

    4.   Bi qbil mad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.

    5.   Il-minuti tad-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u tal-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-Segretarjat taħt ir-responsabbilità tal-President.

    6.   Il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. Meta ssir votazzjoni, ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.

    Artikolu 7

    Sottogruppi

    1.   Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni jista’ jistabbilixxi s-sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza ddefiniti mill-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom jaħdmu skont ir-regoli orizzontali u jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.

    2.   Il-membri jistgħu jaħtru impjegati taċ-ċivil jew uffiċjali pubbliċi li mhumiex ir-rappreżentanti permanenti tagħhom fil-grupp ta’ esperti biex jirrappreżentawhom fis-sottogruppi.

    Artikolu 8

    Esperti mistiedna

    Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari jista’ jistieden esperti b’kompetenza speċifika dwar suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogruppi fuq bażi ad hoc.

    Artikolu 9

    Osservaturi

    1.   Ir-rappreżentanti tal-istati tal-EFTA li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-grupp.

    2.   Il-President jista’ jagħti l-istatus ta’ osservaturi lill-pajjiżi kandidati u lil pajjiżi terzi oħrajn meta jkun fl-interess tal-Unjoni li ċerti pajjiżi jkunu involuti fil-ħidma tal-grupp ta’ esperti, b’mod partikolari abbażi ta’ ftehim internazzjonali, ftehim amministrattiv jew leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-entitajiet pubbliċi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom.

    3.   L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot u ma għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ pariri tal-grupp.

    Artikolu 10

    Regoli ta’ proċedura

    Fuq proposta mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u bi qbil miegħu, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri, abbażi tar-regoli ta’ proċedura standard għall-gruppi ta’ esperti, bi qbil mar-regoli orizzontali.

    Artikolu 11

    Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni kklassifikata

    Il-membri tal-grupp u tas-sottogruppi, kif ukoll l-esperti mistiedna, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li bis-saħħa tat-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (9) u (UE, Euratom) 2015/444 (10). Fil-każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

    Artikolu 12

    Trasparenza

    1.   Il-grupp u s-sottogruppi għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.

    2.   Id-data li ġejja dwar il-kompożizzjoni tal-grupp (il-grupp ta’ esperti u s-sottogruppi tiegħu) għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

    (a)

    l-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri;

    (b)

    l-ismijiet tal-entitajiet pubbliċi li jkunu osservaturi.

    3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, bħalma huma l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti inkella permezz ta’ link bejn ir-Reġistru u sit web apposta, fejn tkun tista’ tinstab din l-informazzjoni. L-aċċess għas-siti web apposta ma għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew għal xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. Għandha tiġi prevista eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni biss meta jitqies li d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ xi interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

    Artikolu 13

    Spejjeż tal-laqgħat

    1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

    2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Artikolu 14

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar mard rari u d-Deċiżjoni li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer tħassru.

    Artikolu 15

    Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 74, 8.3.2011, p. 4.

    (2)  COM(2014) 215 final, 4.4.2014.

    (3)  COM(2016) 739 final, 22.11.2016.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2013 li tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar Mard Rari u li tħassar id-Deċiżjoni 2009/872/KE (ĠU C 219, 31.7.2013, p. 4).

    (8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer u li tħassar id-Deċiżjoni 96/469/KE (ĠU C 167, 4.6.2014, p. 4).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    (11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top