EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2286

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2286 tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali Eco-Lighthouse bħala li huma konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) b'konformità mal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (notifikata bid-dokument C(2017) 8082) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/8082

ĠU L 328, 12.12.2017, p. 87–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2286/oj

12.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/87


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2286

tas-6 ta' Diċembru 2017

dwar ir-rikonoxximent tar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali Eco-Lighthouse bħala li huma konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) b'konformità mal-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali

(notifikata bid-dokument C(2017) 8082)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 45 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009,

Billi:

(1)

L-għan tal-EMAS huwa li tippromwovi titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' din is-sistema, l-għoti ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, id-djalogu miftuħ mal-pubbliku u mal-partijiet interessati l-oħra u l-involviment attiv tal-impjegati.

(2)

L-organizzazzjonijiet li jimplimentaw sistemi oħra ta' ġestjoni ambjentali u li jkunu jridu jaqilbu għall-EMAS jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu dan bl-eħfef mod possibbli. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati rabtiet ma' skemi oħra ta' ġestjoni ambjentali sabiex l-implimentazzjoni tal-EMAS tiġi faċilitata mingħajr ma jkun hemm duplikazzjoni tal-prattiki u tal-proċeduri eżistenti.

(3)

Sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-EMAS u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-prattiki u tal-proċeduri eżistenti bbażati fuq sistemi oħra ta' ġestjoni ambjentali ċertifikati bi proċeduri xierqa, il-partijiet rilevanti ta' sistemi ta' ġestjoni ambjentali oħrajn rikonoxxuti mill-Kummissjoni li huma konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS għandhom jitqiesu ekwivalenti għal dawn ir-rekwiżiti.

(4)

Dan ir-rikonoxximent għandu jkun ibbażat fuq analiżi tar-rekwiżiti u tal-proċeduri ta' dawn is-sistemi ta' ġestjoni ambjentali l-oħra, u fuq il-kapaċità tagħhom li jilħqu l-istess għanijiet bħar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

(5)

Fis-26 ta' Jannar 2016, in-Norveġja bagħtet talba bil-miktub lill-Kummissjoni għal rikonoxximent tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali Eco-Lighthouse. Din it-talba kienet segwita b'informazzjoni kumplimentari biex il-Kummissjoni tiġi pprovduta bl-evidenza meħtieġa biex tivvaluta l-ekwivalenza tal-partijiet rilevanti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali għar-rekwiżiti tal-EMAS,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Abbażi tal-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-partijiet mill-iskema Eco-Lighthouse identifikati fl-anness ta' din id-Deċiżjoni huma konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

Artikolu 2

Il-bidliet fir-rekwiżiti tal-iskema Eco-Lighthouse li jħallu impatt fuq ir-rikonoxximent attwali għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni tal-anqas fuq bażi annwali. F'każ ta' bidliet f'dawn ir-rekwiżiti jew fir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirtira d-Deċiżjoni attwali, jew li temendaha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.


ANNESS

Daħla

Ir-Regolament dwar l-EMAS (1) jistabbilixxi sistema ta' ġestjoni ewlenija għall-organizzazzjonijiet biex jevalwaw il-prestazzjoni ambjentali tagħhom u biex jirrappurtaw dwarha u jtejbuha fuq bażi volontarja. L-EMAS hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha li jixtiequ jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom. Hija tkopri b'mod ġenerali s-setturi ekonomiċi u tas-servizzi u hija applikabbli fid-dinja kollha.

L-għan tal-EMAS huwa l-promozzjoni ta' titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ġestjoni ambjentali, l-evalwazzjoni sistematika, oġġettiva u perjodika tal-prestazzjoni ta' dawk is-sistemi, il-forniment ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, il-ħolqien ta' djalogu miftuħ mal-pubbliku u l-involviment b'mod attiv tal-impjegati fl-organizzazzjoni waqt li jkun qed jingħata taħriġ xieraq.

Ir-Regolament dwar l-EMAS jiżgura l-kredibbiltà u t-trasparenza tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet irreġistrati mal-EMAS permezz ta' sistema ta' verifika minn parti terza mwettqa minn verifikaturi akkreditati jew liċenzjati.

Biex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni ta' organizzazzjonijiet li implimentaw sistemi oħra ta' ġestjoni ambjentali u li jkunu jridu jaqilbu għall-EMAS, ir-Regolament jipproponi (2) li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi skemi oħra ta' ġestjoni ambjentali nazzjonali jew reġjonali, jew partijiet minnhom, li jkunu konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi.

L-Artikolu 45 tar-Regolament jistipula li l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw rapport bil-miktub lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta' sistemi eżistenti ta' ġestjoni ambjentali, jew ta' partijiet minnhom, li jkunu ċċertifikati skont proċeduri xierqa ta' ċertifikazzjoni rikonoxxuti fil-livell nazzjonali jew reġjonali bħala li huma konformi mar-rekwiżiti korrispondenti ta' dan ir-Regolament.

Wara li teżamina din it-talba, u filwaqt li taġixxi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi l-partijiet rilevanti tas-sistemi ta' ġestjoni ambjentali u tirrikonoxxi r-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni jew ta' liċenzjar għall-korpi ta' ċertifikazzjoni jekk tkun tal-fehma li Stat Membru jkun wettaq dawn li ġejjin:

fit-talba jkun speċifika b'mod suffiċjenti u ċar biżżejjed il-partijiet rilevanti tas-sistemi ta' ġestjoni ambjentali u r-rekwiżiti korrispondenti ta' dan ir-Regolament;

ikun ta biżżejjed provi dwar l-ekwivalenza tal-partijiet rilevanti kollha tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali kkonċernata, għal dan ir-Regolament.

Il-konsegwenzi tar-rikonoxximent: abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament, l-organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ jiksbu reġistrazzjoni mal-EMAS u li jkollhom sistema ċċertifikata ta' ġestjoni ambjentali rikonoxxuta skont l-Artikolu 45, ma għandhomx ikunu obbligati jwettqu dawk il-partijiet li jkunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament.

Madankollu jenħtieġ li jiġi nnutat li, fiż-żmien tal-verifika għat-tħejjija tar-reġistrazzjoni mal-EMAS jew għat-tiġdid ta' din ir-reġistrazzjoni, għandha tapplika d-dispożizzjoni tal-Artikolu 18.

Verifikatur akkreditat jew liċenzjat tal-EMAS għandu jivvaluta jekk il-proċeduri meħtieġa bħalma huma r-rieżami ambjentali tal-organizzazzjoni u l-politika ambjentali, is-sistema ta' ġestjoni jew il-proċeduri ta' verifika u l-implimentazzjoni tagħhom humiex konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, il-partijiet tas-sistemi l-oħra ta' ġestjoni ambjentali rikonoxxuti skont l-Artikolu 45 bħala konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 għandhom jiġu verifikati wkoll biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħhom hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti bħala ekwivalenti fir-rikonoxximent attwali.

Pereżempju, il-fatt li l-proċedura ta' dokumentazzjoni ta' sistema oħra ta' ġestjoni ambjentali tkun rikonoxxuta bħala ekwivalenti ma jipprekludix li ssir verifika tal-implimentazzjoni xierqa ta' din il-proċedura sabiex jiġi żgurat li tinkludi l-informazzjoni materjali meħtieġa.

Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku (3) wkoll tagħmel referenza għal dan ir-rikonoxximent fl-Artikolu 62(2) tagħha, fejn tistipula li sistemi oħra ta' ġestjoni ambjentali rikonoxxuti skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 huma wieħed mit-tliet tipi ta' ċertifikati li jistgħu jiġu referenzjati minn awtoritajiet kontraenti li jeħtieġu li jingħataw ċertifikati li juru konformità ma' ċerti sistemi jew standards ta' ġestjoni ambjentali fil-kuntest ta' proċedura tal-akkwist pubbliku.

Fis-26 ta' Jannar 2016, in-Norveġja bagħtet applikazzjoni preliminari biex l-iskema ta' ċertifikazzjoni ambjentali nazzjonali tagħha Eco-Lighthouse Foundation (ELH) tiġi rikonoxxuta skont ir-Regolament dwar l-EMAS. Din it-talba kienet segwita minn informazzjoni kumplimentari sabiex ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ċertifikazzjoni ambjentali Eco-Lighthouse jiġu ddettaljati b'mod ċar flimkien mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament dwar EMAS (inklużi l-Annessi), u biex il-Kummissjoni tingħata l-provi meħtieġa biex tistabbilixxi l-ekwivalenza potenzjali tal-partijiet rilevanti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Abbażi ta' dawn il-provi, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-livell ta' konformità bejn ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali kkonċernata u r-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament tal-EMAS kif deskritt fid-dokument li jmiss.

Tabella ta' spjegazzjoni dwar l-ELH – kunċetti

Kunċett ELH (EN)

Kunċett ELH (NO)

Definizzjoni tal-Kunċett mill-ELH

Eco-Lighthouse Foundation (Eco-Lighthouse/ELH)

Stiftelsen Miljøfyrtårn (Miljøfyrtårn)

L-entità legali li tamministra, li timmonitorja u li tiżviluppa l-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-ELH.

Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-ELH

Miljøkartlegging

Rappurtar ibbażat fuq l-Internet iġġenerat minn lista ta' kriterji mħejjija minn konsulent. Il-konformità tad-dokumenti tal-intrapriża mal-kriterji. Min joħroġ iċ-ċertifikat finalment japprova l-Miljøkartlegging u b'hekk jikkonferma l-konformità mal-kriterji tal-ELH.

Kriterji Ġenerali tal-Industrija

Felles kriterier

Il-kriterji li japplikaw għall-intrapriżi kollha li jixtiequ jkunu ċertifikati mill-ELH. L-intrapriża tindika wkoll jekk il-bini fejn hi bbażata huwiex proprjetà tagħha jew jekk huwiex mikri, u tiddeċiedi liema kriterji japplikaw, pereżempju, b'rabta mal-enerġija, ir-rimi tal-iskart, eċċ. Il-Kriterji Ġenerali tal-Industrija jindirizzaw l-aktar aspetti ambjentali importanti li huma komuni għall-intrapriżi kollha.

Il-kriterji speċifiċi tal-industrija

Bransjespesifikke kriterier

Il-kriterji li japplikaw għal intrapriżi f'industriji speċifiċi li jixtiequ jkunu ċertifikati mill-ELH. Il-kriterji tal-industrija speċifiċi għall-intrapriżi jindirizzaw l-aktar aspetti ambjentali importanti fl-industrija.

Maniġer Ambjentali

miljøfyrtårnansvarlig

Il-persuna fl-intrapriża maħtura mill-maniġment bħala persuna responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ELH.

Ir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent

årlig Klima- og miljørapport

L-intrapriża tirrapporta sal-1 ta' April kull sena fuq il-portal tal-Internet tal-ELH. L-indikaturi: xi wħud minnhom huma universali; oħrajn huma ġġenerati mill-kriterji magħżula. Il-pjan ta' azzjoni huwa rrappurtat hawnhekk ukoll. Ir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent għandu jsir disponibbli għall-pubbliku ġenerali:

il-pjan ta' azzjoni/il-programm ambjentali

handlingsplan

Il-pjan ta' azzjoni tal-intrapriża għas-sena li jmiss, li jittratta kull tema ambjentali u dokumentat fir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent. Ir-responsabbiltajiet u l-iskadenzi jistgħu jiġu dokumentati fid-dikjarazzjoni ambjentali (Miljøkartlegging) jew internament fis-sistemi tal-intrapriża stess.

eżami annwali mill-maniġment

ledelsens gjennomgang

Il-maniġers ġenerali u l-maniġers tal-livell tan-nofs jiltaqgħu fuq bażi annwali biex jeżaminaw u jevalwaw is-sistema tas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza (HSE), is-sistema tal-kontroll tal-kwalità, l-implimentazzjoni tal-ELH u kwistjonijiet oħra rilevanti għall-intrapriża

il-grupp tal-ġestjoni ambjentali

miljøgruppe

Il-grupp ta' ħidma maħtur biex jagħti assistenza lill-maniġer ambjentali fl-implimentazzjoni tal-ELH. Jista' jinkludi lid-Diriġent tas-Saħħa u s-Sikurezza (HSE) responsabbli, u lil partijiet rilevanti oħra.

Il-portal tal-Internet Eco-Lighthouse

Miljøfyrtårnportalen

Il-portal tal-Internet li permezz tiegħu tinżamm dokumentazzjoni relatata mal-intrapriżi, il-muniċipalitajiet, il-konsulenti u ċ-ċertifikaturi, u li tinkludi d-dokumentazzjoni kollha b'rabta mal-konformità mal-kriterji u maċ-ċertifikazzjoni.

indikaturi speċifiċi għall-intrapriżi

virksomhetsspesifikke sjekkpunkter

Indikaturi mfasslin apposta fuq talba tal-intrapriża u inkorporati fir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent. Servizz bi ħlas.

Konsulent intern

Internkonsulent

Impjegat f'intrapriża li qed timpenja ruħha li tikseb ċertifikazzjoni tal-ELH. L-impjegat ilesti t-taħriġ biex isir konsulent tal-ELH, u b'hekk jikkwalifika biex jiggwida l-intrapriża biex tikseb iċ-ċertifikazzjoni, filwaqt li tiġi evitata l-ħtieġa li jiġi mqabbad konsulent estern tal-ELH għaċ-ċertifikazzjoni inizjali.

Lista ta' kontroll tal-HSE

HMS sjekkliste

Il-lista ta' kontroll interna tal-intrapriża għall-eżami annwali tal-HSE. Fost il-punti ewlenin insibu: l-aġġornament tar-rekwiżiti legali, it-taħriġ intern tal-persunal u tal-maniġment, il-politika ambjentali, l-għanijiet u l-kisbiet fir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent, it-trattament tan-nuqqas ta' konformità.

Il-politika ambjentali

Miljøpolicy

L-intenzjonijiet u d-direzzjonijiet marbuta mal-prestazzjoni ambjentali, ifformulati f'intrapriża mill-maniġment superjuri

L-aspett ambjentali

miljøaspekt

Elementi tal-attivitajiet, tas-servizzi jew tal-prodotti li twettaq, tipprovdi jew tipproduċi intrapriża u li jistgħu jaffettwaw l-ambjent

Aspett ambjentali dirett

Direkte miljøaspekt

Elementi tal-attivitajiet, tas-servizzi jew tal-prodotti li twettaq, tipprovdi jew tipproduċi intrapriża u li fuqhom l-intrapriża għandha kontroll dirett

Aspett ambjentali indirett

Indirekte miljøaspekt

Elementi tal-attivitajiet, tas-servizzi jew tal-prodotti li twettaq, tipprovdi jew tipproduċi intrapriża u li fuqhom l-intrapriża ma għandhiex kontroll dirett, iżda li tista' tinfluwenzahom

objettiv ambjentali

miljømål

l-għanijiet ambjentali li għandhom jinkisbu fis-sena li jmiss, li huma dokumentati fir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent.

sistema ta' ġestjoni ambjentali

miljøledelsessystem

Sistema ta' ġestjoni integrata li tanalizza l-impatti ambjentali tal-intrapriżi u tuża ġabra ta' kriterji ambjentali għall-ġestjoni ta' dawn l-impatti. L-EMS għandha tkun adattata għat-tmexxija tal-intrapriża, u għandu jkollha għanijiet ċari u pjanijiet ta' azzjoni b'miżuri konkreti maħsuba biex jiġu implimentati, filwaqt li għandha tiżgura li jkun hemm titjib kontinwu.

tibdil sostanzjali

stor endring

kull tibdil fl-attività – inkluż fil-prodotti u s-servizzi – fil-post, fl-organizzazzjoni jew fl-amministrazzjoni tal-intrapriża li għandu impatt sinifikanti fuq is-sistema ta' ġestjoni ambjentali jew fuq aspetti ambjentali relatati mal-intrapriża

Nuqqas ta' konformità

Avvik

Devjazzjoni minn rekwiżit legali jew mill-kriterji tal-ELH, jew mit-tnejn jekk ir-rekwiżit legali huwa kriterju tal-ELH ukoll. Ir-rekwiżiti legali ambjentali ewlenin huma kriterji tal-ELH ukoll. Jekk ikun hemm nuqqas ta' konformità ma' xi kriterju tal-ELH, l-intrapriża ma tistax tiġi ċċertifikata.

Il-metodoloġija użata biex jiġu eżaminati r-referenzi tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali rikonoxxuta

L-għan ta' dan id-dokument huwa li jiddeskrivi r-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali “Eco-Lighthouse” u li jivvaluta l-konformità ta' dawn ir-rekwiżiti mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament dwar l-EMAS. Din il-valutazzjoni għandha żewġ objettivi ewlenin:

1.

li tiffaċilita t-tranżizzjoni ta' organizzazzjoni lejn l-EMAS meta dik l-organizzazzjoni tkun diġà implimentat sistema oħra ta' ġestjoni ambjentali u tkun tixtieq taqleb għall-EMAS.

2.

li tiffaċilita t-tqabbil bejn ir-rekwiżiti tal-Eco-Lighthouse u dawk tal-EMAS.

Biex tħejji din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni wettqet analiżi tad-diskrepanzi bejn ir-rekwiżiti taż-żewġ sistemi. Wara li saret din l-analiżi, ir-rekwiżiti rilevanti ġew miġbura f'rekwiżiti prinċipali li jikkorrispondu għal partijiet differenti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali. Imbagħad ġiet evalwata l-konformità ta' dawn il-partijiet mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament dwar l-EMAS.

Fil-paġni li jmiss ta' dan ir-rapport se jiġu analizzati l-partijiet li ġejjin tas-Sistema ta' Ġestjoni Ambjentali:

1.

L-impenn u l-involviment tal-maniġment superjuri;

2.

L-Istabbiliment ta' Rieżami Ambjentali – analiżi preliminari;

3.

L-istabbiliment ta' politika ambjentali;

4.

L-iżgurar tal-konformità legali;

5.

L-objettivi u l-programm ambjentali stabbiliti biex jiġi żgurat titjib kontinwu;

6.

L-istruttura organizzazzjonali, it-taħriġ, u l-involviment tal-impjegati;

7.

Rekwiżiti marbutin mad-dokumentazzjoni;

8.

Il-kontroll operattiv

9.

It-tħejjija għall-emerġenzi u r-rispons f'każ ta' emerġenza;

10.

Iċċekkjar, verifika interna u azzjoni korrettiva;

11.

Il-komunikazzjoni (interna u esterna);

12.

L-eżami mill-maniġment;

Barra minn hekk, dan ir-rapport jevalwa wkoll ir-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni jew ta' liċenzjar li jippermettu l-verifika tal-iskemi minn awditur indipendenti kwalifikat.

Għal kull waħda minn dawn il-partijiet, il-valutazzjoni li ġejja tiddeskrivi sa liema punt ir-rekwiżiti tal-ELH huma konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS. Sabiex tevalwa din il-konformità l-Kummissjoni qieset il-kapaċità tar-rekwiżiti tal-ELH li jilħqu l-objettivi tar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS bl-istess livell ta' robustezza u kredibbiltà (4).

F'diversi okkażjonijiet, xi partijiet tar-rekwiżiti tal-ELH jaqblu mar-rekwiżiti tal-EMAS sa ċertu punt, mingħajr ma jkunu konformi magħhom bis-sħiħ. Sabiex tiġi pprovduta evalwazzjoni differenzjata, dawn il-partijiet huma indikati bħala li “Jaqblu b'mod parzjali mar-rekwiżiti tal-EMAS”, u qed jingħataw xi spjegazzjonijiet biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-ELH li jixtiequ jxejnu d-diskrepanzi mal-EMAS.

Wara l-valutazzjoni tagħhom il-partijiet differenti jistgħu jiġu klassifikati fi tliet kategoriji:

Il-parti ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-EMAS

Il-parti tissodisfa r-rekwiżiti tal-EMAS b'mod parzjali

Il-parti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-EMAS

Il-partijiet rikonoxxuti bħala konformi mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS (it-tielet kategorija) għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti.

Deskrizzjoni tal-Eco-Lighthouse

L-iskema ta' ċertifikazzjoni Eco-Lighthouse hija l-aktar sistema ta' ġestjoni ambjentali użata fin-Norveġja, b'aktar minn 5 000 ċertifikat validu mogħti lil organizzazzjonijiet żgħar, ta' daqs medju u kbar (l-ELH mhix maħsuba għall-kumpaniji bi sfidi ambjentali kumplessi (5)). Permezz ta' miżuri li huma faċli biex jiġu implimentati, konkreti, rilevanti u profitabbli (fis-sens l-aktar wiesa': lokali, reġjonali u globali), l-intrapriżi jistgħu jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, jikkontrollaw l-impatt ambjentali tagħhom u jagħtu prova tad-dedikazzjoni tagħhom lejn ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

L-iskema ta' ċertifikazzjoni Eco-Lighthouse tintegra l-ġestjoni ambjentali ta' aspetti ambjentali, kemm interni kif ukoll esterni, fil-qafas legali tar-Regolamenti Norveġiżi dwar Attivitajiet Sistematiċi b'rabta mas-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza fl-Intrapriżi.

Intrapriża li tkun tixtieq ċertifikazzjoni Eco-Lighthouse għandha:

Qabel iċ-ċertifikazzjoni

1.

Tqabbad konsulent kwalifikat tal-Eco-Lighthouse li jkun imħarreġ, approvat u mmonitorjat mill-ELH biex:

a.

iwettaq rieżami ambjentali (miljøanalyse) tal-intrapriża. Abbażi ta' din l-analiżi preliminari, huwa jagħżel l-kriterji tal-industrija speċifiċi għall-intrapriżi (bransjespesifikke kriterier) li huma rilevanti għall-intrapriża, flimkien mal-Kriterji Ġenerali tal-Industrija (6) li huma applikabbli għall-organizzazzjonijiet kollha.

b.

jiġġenera u jgħin biex timtela d-dikjarazzjoni ambjentali (7) (Miljøkartlegging) fuq il-portal tal-Internet tal-ELH.

c.

bl-għajnuna ta' din l-għodda bbażata fuq l-Internet (Miljøkartlegging) imexxi u jiddokumenta l-issodisfar tal-kriterji rilevanti.

d.

iħarreġ lill-maniġer ambjentali intern (miljøfyrtårnansvarlig) maħtur mill-organizzazzjoni fl-użu tal-portal tal-Internet tal-ELH u tad-dikjarazzjoni ambjentali.

e.

iħarreġ lill-maniġer ambjentali intern biex jimla l-ewwel edizzjoni tar-Rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent li jirrapporta fuq bażi annwali (wara li ssir iċ-ċertifikazzjoni) b'rabta mas-sena kalendarja sħiħa ta' qabel

f.

imexxi l-proċess tal-issodisfar tal-kriterji.

2.

Fid-dikjarazzjoni ambjentali, l-organizzazzjoni, permezz tas-sistema ta' awtorappurtar permezz tal-Internet, għandha tikkonferma l-istatus ta' konformità ma' ġabra ta' kriterji ġenerali u speċifiċi tal-industrija qabel jitlesta l-proċess ta' ċertifikazzjoni. Biex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji ġenerali u l-kriterji speċifiċi tal-industrija kollha. Bħala parti mid-dikjarazzjoni ambjentali għandha tinżamm indikazzjoni bil-miktub ta' dan l-eżerċizzju ta' awtorappurtar.

3.

Il-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-industrija huma żviluppati mill-ELH f'kollaborazzjoni ma' korpi governattivi, xjenzati, organizzazzjonijiet ta' interess, klijenti u konsulenti b'esperjenza u ċertifikaturi rilevanti biex jiġu identifikati u indirizzati l-aspetti ambjentali rilevanti u miżuri effettivi tal-industrija kkonċernata. Il-kriterji huma soġġetti għal rieżamijiet li jsiru b'mod regolari kull tant żmien.

4.

Il-kriterji huma s-sinsla tas-sistema ta' ġestjoni, li tiżgura li s-sistema taħdem kif suppost. Il-konformità mal-kriterji kollha għandha tiġi rrappurtata fil-portal tal-Internet tal-Eco-Lighthouse permezz tad-dikjarazzjoni ambjentali.

5.

Ir-rapport dwar il-Klima u l-Ambjent (Klima- og miljørapport) jitlesta u jiġi ppreżentat fil-portal tal-Internet tal-ELH universali, u jintegra indikaturi u parametri universali applikabbli għall-industriji kollha b'indikaturi speċifiċi ġġenerati permezz tal-għażla ta' kriterji rilevanti.

6.

Meta l-intrapriża tqis li l-kriterji kollha jkunu ġew issodisfati, u wara li jiġi ppreżentat l-ewwel rapport dwar il-Klima u l-Ambjent, iċ-ċertifikazzjoni titwettaq minn ċertifikatur/verifikatur. Hu jkollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti fil-portal tal-Internet qabel iżur il-post u qabel isiru l-intervisti u l-kontrolli. Il-verifikatur/ċertifikatur jiċċertifika f'isem il-muniċipalità fejn tkun ibbażata l-intrapriża, iżda jkun imħarreġ, approvat (liċenzjat) u mmonitorjat mill-amministrazzjoni ċentrali tal-Eco-lighthouse, inkluż b'osservazzjoni fuq il-post (mill-2017). Devjazzjonijiet mill-kriterji u l-għeluq ta' devjazzjonijiet huma dokumentati permezz tad-dikjarazzjoni ambjentali.

7.

Ir-riżultati dokumentati tal-proċess kollu jiġu kkontrollati mill-ELH foundation, u jinħareġ ċertifikat. Huwa biss f'dan l-istadju li jinħarġu r-rapport ta' ċertifikazzjoni u l-ittra ta' rikonoxximent korrispondenti.

Wara ċ-ċertifikazzjoni

Wara ċ-ċertifikazzjoni r-rapport dwar il-Klima u l-Ambjent jiġi ppreżentat kull sena sal-1 ta' April, u fih jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ta' għadd ta' parametri, il-ksib tal-għanijiet ambjentali speċifikati qabel u deskrizzjoni dettaljata tal-għanijiet għall-futur. Dan ir-rapport annwali għandu jsir mill-Maniġer Ambjentali.

Iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid issir kull tliet snin.

Il-proċess huwa l-istess, għalkemm għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid ma hemm l-ebda obbligu li jiġi mqabbad konsulent. Minflok, il-Maniġer Ambjentali (Miljøfyrtårnansvarlig) huwa responsabbli għall-organizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, li jikkontrolla li hemm konformità kontinwa mal-kriterji, bil-mili tad-dikjarazzjoni ambjentali u bl-għoti tal-aċċess għad-dokumentazzjoni liċ-ċertifikatur/verifikatur billi jtih aċċess għall-intrapriża permezz tal-portal tal-Internet tal-ELH. Id-dikjarazzjoni ambjentali l-ġdida b'dokumentazzjoni korrispondenti tas-snin preċedenti u r-rapporti dwar il-Klima u l-Ambjent tas-snin ta' qabel jikkostitwixxu l-provi ewlenin imressqa qabel iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, filwaqt li waqt il-laqgħa mal-intrapriża iċ-ċertifikatur/verifikatur iwettaq intervisti, verifiki għal għarrieda u spezzjoni tal-bini, bħalma jkun sar għaċ-ċertifikazzjoni inizjali.

Għandu jiġi nnutata dan li ġej:

Aktar minn 300 muniċipalità Norveġiża minn madwar 430 huma membri bi ħlas tal-iskema ta' ċertifikazzjoni Eco-Lighthouse. Is-sħubija tinvolvi l-faċilitazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-ELH għal intrapriżi lokali billi tiżgura d-disponibbiltà ta' ċertifikatur/verifikatur għall-intrapriżi fiż-żoni partikolari tagħhom. Hemm ukoll l-aspettattiva li l-muniċipalitajiet għandhom jimpenjaw ruħhom biex l-intrapriżi tagħhom stess jiksbu ċ-ċertifikazzjoni.

Il-verifikaturi/ċertifikaturi li jiġu involuti fil-fażi ta' ċertifikazzjoni jistgħu jitqabbdu mill-amministrazzjoni tal-muniċipalità jew tal-kontea, jew minn kumpanija privata, u għandhom ikunu mħarrġa, approvati u mmonitorjati mill-Eco-Lighthouse Foundation. Importanti li wieħed jinnota li fl-iskema Eco-Lighthouse, il-muniċipalità tikkostitwixxi l-korp ta' ċertifikazzjoni, fis-sens li ċ-ċertifikaturi (liċenzjati mill-ELH) joperaw f'isem il-muniċipalità, u mhux f'isem l-amministrazzjoni tal-Eco-Lighthouse.

Eco-Lighthouse Foundation ilha ċċertifikata skont l-istandard ISO-9001:2015 minn Mejju 2016.

L-iskeda ġenerali għall-implimentazzjoni tal-ELH u tal-EMAS

Image

PARTI 1

L-impenn u l-involviment tal-maniġment superjuri

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

Involviment u impenn tal-maniġment superjuri. Fl-EMAS, il-maniġment superjuri għandu jiddefinixxi l-politika ambjentali tal-organizzazzjoni (1.1) u huwa responsabbli għall-implimentazzjoni korretta tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali (1.2), inkluża l-ħatra ta' rappreżentant għall-ġestjoni ambjentali (1.3). Bażi legali: L-Artikolu 2(1) u l-Anness II, A2, A4

2.

Il-maniġment għandu jirrevedi, b'mod regolari, il-progress li jkun sar u għandu jindirizza l-kwistjonijiet identifikati. Jenħtieġ li l-maniġment jinvolvi ruħu b'mod regolari fil-laqgħat u l-inizjattivi li jsiru b'rabta mas-sistema ta' ġestjoni ambjentali. (L-Anness II, A6).

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

1.   Sehem u impenn tal-maniġment superjuri

1.1   Id-definizzjoni tal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni:

Il-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1945 (8) jistipula li l-organizzazzjonijiet għandhom jistabbilixxu Politika Ambjentali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jkun hemm parteċipazzjoni fl-iskema u l-impenn li jkun hemm konformità mad-diversi kriterji għandhom jiġu approvati mill-maniġment.

1.2   Responsabbiltà għall-implimentazzjoni korretta tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali:

Skont il-GIC 6, il-maniġment għandu jwettaq eżami annwali tas-sistema tal-HSE u tal-proċeduri tal-Eco-Lighthouse sabiex jivvaluta jekk dawn humiex jaħdmu kif suppost.

Billi jiffirma t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ELH u l-minuti tal-eżami mill-maniġment fuq bażi annwali, il-maniġment superjuri jkun responsabbli għall-implimentazzjoni korretta tas-sistema ta' ġestjoni u għall-korrettezza tar-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent (Klima- og miljørapport).

1.3   Il-ħatra ta' rappreżentant għall-ġestjoni ambjentali:

Membru wieħed tal-persunal jinħatar maniġer ambjentali (Miljøfyrtårnansvarlig). Dan mhux bilfors għandu jkun rwol full-time, għalkemm għandu jiddependi mid-daqs tal-organizzazzjoni. Il-maniġer ambjentali jista' jiġi mħarreġ mill-konsulent waqt iċ-ċertifikazzjoni inizjali, jew jista' jiġi mgħallem mill-maniġer preċedenti. F'organizzazzjonijiet ta' daqs kbir, hemm drabi meta l-maniġer ambjentali jattendi l-kors għal konsulent tal-ELH (biex jikkwalifika bħala konsulent intern (internkonsulent)). Il-kompiti tiegħu huma speċifikati fir-rekwiżit 6 (l-istruttura organizzazzjonali, it-taħriġ, u l-involviment tal-impjegati).

2.   Il-maniġment jirrevedi, b'mod regolari, il-progress li jkun sar u jindirizza l-kwistjonijiet identifikati.

Dan isir permezz tal-eżami annwali mill-maniġment (9) (ledelsens gjennomgang) approvat mill-maniġment (il-maniġment jiffirma l-minuti tal-laqgħa għall-eżami annwali mill-maniġment). Jiġi ppreżentat rapport dwar in-nuqqas ta' konformità (legali u/jew kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-kriterji tal-ELH) u r-rapport(i) Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent. Dan tal-aħħar jinkludi l-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali u l-għanijiet ambjentali għas-sena li jmiss. Jistgħu jiġu ppreżentati r-rapporti ta' ċertifikazzjoni jew ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid, speċjalment f'każ li jkun seħħ nuqqas ta' konformità.

Għalhekk, din il-valutazzjoni annwali hija kontroll tal-kwalità (sodisfazzjon tal-konsumatur, l-organizzazzjoni, l-identifikazzjoni ta' nuqqas ta' konformità), li tittratta wkoll l-ilħiq tal-miri ambjentali u tal-pjan ta' azzjoni, u sservi biex jiġi eżaminat il-progress fir-rigward ta' kwistjonijiet bħalma huma l-iskart, l-użu tal-enerġija u indikaturi ambjentali rilevanti għall-industrija. Jekk ikun hemm nuqqas ta' konformità b'rabta mal-ELH u/jew li jkollu x'jaqsam mal-ambjent estern, dan jiġi ttrattat hawn (billi jiġu ttrattati f'daqqa jew - jekk dan ma jkunx possibbli - billi jiddaħħlu fil-pjan ta' azzjoni għas-sena li jmiss).

Il-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1950 jistabbilixxi li: “L-intrapriża għandha tistabbilixxi proċeduri għar-rappurtar u għat-trattament tan-nuqqas ta' konformità” (10). Għalhekk, il-maniġment għandu jġedded ir-responsabbiltà għall-politika, l-għanijiet u l-kisbiet ambjentali fl-ELH permezz ta' aġġornament u konferma tal-impenn tiegħu li għandu jsir (mill-inqas) darba fis-sena.

Barra minn hekk, is-sistema addizzjonali tal-HSE meħtieġa mil-Liġijiet Norveġiżi (11) tiżgura li l-miri ambjentali ppreżentati fil-pjan ta' azzjoni u li jkunu saru rapporti dwarhom fit-taqsima dwar il-kisbiet tat-taqsima tar-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent jiġu ssodisfati, u li l-istruzzjonijiet jiġu segwiti.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Il-maniġer superjuri jiffirma t-termini u l-impenji tal-ELH fl-istadju inizjali tal-proċess ta' ċertifikazzjoni (permezz tal-portal tal-Internet). Il-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1945 jistipula li l-organizzazzjonijiet għandhom jistabbilixxu Politika Ambjentali. Għandu jkun hemm involviment dettaljat u ripetittiv min-naħa tal-Maniġment (permezz ta' kontrolli) f'ħinijiet differenti matul is-sena u permezz tal-eżami annwali mill-maniġment. L-organizzazzjoni li timplimenta l-ELH għandha taħtar ukoll maniġer ambjentali li għandu jirrapporta lill-maniġment superjuri (jew li jkun parti mill-maniġment superjuri) u għandha tikkoordina mal-persunal b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mal-ELH. -

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata mal-“Impenn u l-involviment tal-maniġment superjuri” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

PARTI 2

L-Istabbiliment ta' Rieżami Ambjentali (analiżi preliminari)

Ir-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS

Qabel tiġi rreġistrata, organizzazzjoni għandha twettaq rieżami ambjentali abbażi tal-Anness I tar-Regolament - l-Artikolu 4(1)(a), l-Anness I, it-Taqsima A.3.1 tal-Anness II.

Din l-analiżi preliminari għandha tkopri l-oqsma li ġejjin:

1)

L-identifikazzjoni tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli relatati mal-ambjent

2)

L-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali diretti u indiretti kollha b'impatt sinifikanti fuq l-ambjent, ikkwalifikati u kkwantifikati kif xieraq, u l-kumpilazzjoni ta' reġistru ta' dawk identifikati bħala sinifikanti

3)

Deskrizzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni tas-sinifikanza ta l-impatt ambjentali

4)

L-eżami tal-prattiki u tal-proċeduri eżistenti kollha tal-ġestjoni ambjentali.

5)

L-evalwazzjoni tal-feedback mill-investigazzjoni ta' inċidenti preċedenti.

Dan ir-rieżami għandu jiġi verifikat mill-verifikatur estern.

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

Valutazzjoni ġenerali: L-analiżi preliminari tal-ELH, imsejħa “dikjarazzjoni ambjentali” (Miljøkartlegging) issir minn konsulent (imħarreġ, approvat u mmonitorjat mill-ELH). Wara li ssir analiżi tal-organizzazzjoni, huwa jagħżel il-kriterji rilevanti li magħhom għandha tikkonforma l-organizzazzjoni biex tikseb iċ-ċertifikazzjoni tal-ELH. Abbażi ta' din l-analiżi, id-dikjarazzjoni ambjentali online (Miljøkartlegging) tiġi ġġenerata bħala lista ta' kriterji li għandhom jiġu ssodisfati, u tiggwida l-organizzazzjoni fl-identifikazzjoni tal-qasam fejn għandu jsir progress. Bħala l-pass li jmiss, il-proċedura interattiva li tinsab fuq il-portal tal-Internet (Miljøfyrtårnportalen) tippermetti lill-organizzazzjoni ddaħħal informazzjoni dwar il-progress u timmonitorja l-lista sħiħa ta' kriterji li għandhom jiġu ssodisfati.

L-ELH toffri kriterji ġenerali tal-industrija applikabbli għas-setturi kollha, kif ukoll kriterji speċifiċi definiti minn qabel għal industriji speċifiċi b'rabta ma' 14-il settur differenti tal-industrija (12).

(1)   L-identifikazzjoni tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli relatati mal-ambjent

Il-kriterji ġenerali tal-industrija jinkludu wkoll kriterji dwar il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti legali. Din issir skont il-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1944: L-intrapriża għandha tiżgura aċċess  (13) għal ħarsa ġenerali aġġornata tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti b'rabta mas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza. L-aċċess u l-elenkar huma faċilitati mis-sit web tal-gvern Norveġiż Regelhjelp (14), li fih l-intrapriża tista' ddaħħal il-kodiċi uniku tal-organizzazzjoni tagħha biex tiġi ġġenerata lista ta' rekwiżiti legali applikabbli b'rabta mal-intrapriża, inklużi dawk relatati mal-ambjent. Fil-Kriterji Ġenerali u Speċifiċi, il-kriterji kollha li ġejjin minn liġijiet u regolamenti huma mmarkati b'mod ċar bis-simbolu §, bħala dikjarazzjoni speċifika tal-fatt li l-intenzjoni wara l-kriterju hija li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti legali.

(2)   L-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali diretti u indiretti kollha b'impatt sinifikanti fuq l-ambjent, ikkwalifikati u kkwantifikati kif xieraq, u l-kumpilazzjoni ta' reġistru ta' dawk identifikati bħala sinifikanti

Permezz tal-proċess ta' żvilupp tal-kriterji tal-industrija, jiġu identifikati u elenkati aspetti ambjentali ta' importanza ċentrali għall-industriji koperti mill-kriterji speċifiċi tal-ELH. Il-kriterji stabbiliti minn qabel jiġu żviluppati f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-industrija, ma' gruppi ta' interess, mal-gvern, ma' xjenzati/riċerkaturi u ma' konsumaturi prinċipali rilevanti. Il-ġenerazzjoni b'mod interattiv ta' ġabra ta' kriterji definiti minn qabel għandha l-għan li tgħin u li tiggwida lill-organizzazzjonijiet biex joħolqu punt ta' riferiment ċar mingħajr diffikultajiet. Jidher b'mod ċar li dan il-proċess huwa wieħed mid-differenzi ewlenin li jeżistu bejn il-metodi tal-EMAS u dawk tal-ELH. Filwaqt li l-ewwel wieħed jiffoka fuq l-identifikazzjoni tal- aspetti ambjentali fil-livell tal-organizzazzjoni, it-tieni wieħed jidentifikahom fil-livell tal-industrija.

Minn 31 Kriterji Ġenerali tal-Industrija, 35 % huma kriterji dwar is-sistema u 4 % jikkonċernaw l-ambjent tax-xogħol, filwaqt li 52 % huma identifikati mill-ELH bħala li huma relatati mal-ambjent estern (15). Mill-Kriterji Speċifiċi tal-Industrija, skont l-ELH, bħala medja 10 % huma kriterji dwar is-sistema u 20 % jikkonċernaw l-ambjent tax-xogħol, filwaqt li 70 % huma identifikati mill-ELH bħala li huma relatati mal-ambjent estern (16). Ħarsa mill-qrib lejn il-kriterji bl-akbar għadd ta' ċertifikati (li bħala konsegwenza jiġu riveduti u aġġornati l-aktar ta' spiss), bħal-lukandi jew ħwienet tal-merċa bl-imnut (17) tikkonferma li dawn il-kriterji jinkludu għadd ta' aspetti ambjentali prinċipali rilevanti.

Fost il-Kriterji Ġenerali tal-Industrija (GIC) hemm ukoll il-kriterju 1963 “Aspetti Ambjentali Oħrajn”, li jobbliga lill-intrapriża tevalwa u tindirizza l-aspetti ambjentali rilevanti kollha li mhumiex koperti mill-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-industrija: “L-intrapriża għandha tidentifika aspetti ambjentali sinifikanti oħrajn tal-intrapriża, u tikkunsidra kwalunkwe azzjoni u/jew inklużjoni meħtieġa fir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent u/jew monitoraġġ permezz tal-pjan ta' azzjoni.” Madankollu, l-ELH ma tiddefinix kif għandu jiġi applikat dan il-kriterju, pereżempju liema tip ta' aspetti għandhom jiġu kkunsidrati (diretti jew indiretti), u kif għandha tiġi evalwata s-sinifikanza tal-impatt tagħhom (18). Barra minn hekk, mhuwiex ċar kif tista' tiġi evalwata l-konformità ma' dan il-kriterju, inter alia fuq liema bażi ċ-ċertifikatur tal-ELH jista' jiżgura li ġew identifikati l-aspetti ambjentali sinifikanti kollha (19).

Il-kriterji elenkati huma verifikati matul il-verifika/iċ-ċertifikazzjoni u għandu jkun hemm konformità magħhom kollha qabel (20) tingħata ċ-ċertifikazzjoni. Il-kriterji jiġu verifikati mill-ġdid/ċertifikati mill-ġdid għal ċertifikazzjoni mill-ġdid kull tliet snin.

(3)   Deskrizzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni tas-sinifikanza ta l-impatt ambjentali

Il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali titwettaq permezz tal-proċess tal-iżvilupp tal-kriterji tal-industrija. Għalhekk, din il-valutazzjoni ma titwettaqx mill-organizzazzjoni iżda tiġi kkunsidrata fil-livell settorjali mill-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-industrija. L-Anness I(3) tal-EMAS jinkludi gwida u kriterji speċifiċi sabiex tiġi vvalutata s-sinifikanza tal-impatti ambjentali fil-livell tal-organizzazzjoni. L-ELH ma tagħtix gwida ta' dan it-tip meta l-valutazzjoni ssir fil-livell tal-industrija minn gruppi esperti ta' konsultazzjoni.

(4) u (5).   Il-prattika u l-proċedura eżistenti ta' ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-feedback mill-investigazzjoni ta' inċidenti preċedenti.

Il-prattika u l-proċedura eżistenti ta' ġestjoni jiġu eżaminati u evalwati permezz tal-kriterji tal-industrija. Qabel iċ-ċertifikazzjoni jsir abbozz inizjali ta' rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent, li jiġi miżjud mad-Dikjarazzjoni Ambjentali. Dan ir-rapport jinkludi l-punti pożittivi u negattivi tal-ġestjoni ambjentali fi ħdan l-organizzazzjoni. Huwa jqis b'mod espliċitu “l-inizjattivi li saru” (Gjennomførte tiltak) biex jiġu kkoreġuti sitwazzjonijiet li ma kinux/li mhumiex ideali. Abbażi ta' din l-informazzjoni jiġi abbozzat Pjan ta' Azzjoni (Handlingsplan med mål).

Konklużjoni tal-Kummissjoni

L-analiżi preliminari tal-ELH tistrieħ fuq ġabra ta' kriterji bbażati fuq aspetti ambjentali identifikati fil-livell settorjali. Parti sinifikanti mill-aspetti ambjentali potenzjali tal-organizzazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati b'mod dovut mill-ELH waqt id-definizzjoni tal-kriterji tal-industrija. L-organizzazzjoni mbagħad tindirizza dawn l-aspetti meta tivvalutata l-konformità tagħha mal-kriterji definiti bi tħejjija għaċ-ċertifikazzjoni

L-EMAS teħtieġ analiżi individwalizzata tal-aspetti ambjentali speċifiċi diretti u indiretti tal-organizzazzjoni u teħtieġ li l-organizzazzjoni tistabbilixxi kriterji biex tiġi ddeterminata s-sinifikanza tal-impatti relatati mal-aspetti identifikati fil-kuntest speċifiku tal-organizzazzjoni. Dan l-approċċ iċċentrat fuq l-organizzazzjoni għandu l-għan li jidentifika aspetti li huma sinifikanti fil-kuntest speċifiku tal-organizzazzjoni, u mhux għas-settur kollu kemm hu. Din l-individwalizzazzjoni tal-approċċ hija waħda mid-differenzi prinċipali bejn iż-żewġ skemi.

L-eżistenza tal-kriterju ġenerali tal-ELH 1963 li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll “Aspetti ambjentali oħrajn” rilevanti tista' tintuża biex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi u biex jinkiseb rieżami aktar speċifiku. Permezz tal-gwida għall-kriterju, l-ELH tirrakkomanda li dan jista' jiġi applikat b'rabta mal-analiżi tar-riskju. Madankollu, hija ma tiddefinix kif għandha tiġi vvalutata s-sinifikanza ta' dawn l-aspetti addizzjonali.

Għalkemm iż-żewġ approċċi huma siewja u joffru l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom, il-metodoloġiji li japplikaw huma ferm differenti. It-tnejn li huma għandhom l-għan li jiksbu l-istess objettiv, jiġifieri l-identifikazzjoni ta' aspetti ambjentali sinifikanti, iżda jagħmlu użu minn metodi differenti. L-ELH tiffoka fuq l-identifikazzjoni ta' aspetti ambjentali fil-livell settorjali, filwaqt li l-EMAS għandha l-għan li tidentifika aspetti sinifikanti speċifiċi fil-livell tal-organizzazzjoni. Għal din ir-raġuni, iż-żewġ approċċi ma setgħux jitqiesu bħala ekwivalenti (21).

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-parti tal-ELH dwar “L-Istabbiliment ta' Rieżami Ambjentali” taqbel b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS.

Miżuri potenzjali biex jingħalaq id-distakk mal-EMAS

Għalkemm din il-parti tal-ELH ma tistax titqies bħala ekwivalenti, l-analiżi turi li hemm qbil mill-qrib ma' bosta rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS. Sabiex tinkiseb konformità mar-rekwiżiti kollha korrispondenti, għandhom jiġu implimentati l-elementi addizzjonali li ġejjin:

Bidla minn approċċ ta' analiżi tar-riskju lejn approċċ u metodu bbażati fuq l-Anness I tal-EMAS, ukoll bl-għan li jiġi identifikati aspetti ambjentali sinifikanti li mhumiex koperti mill-kriterji tal-industrija.

F'din il-kuntest, il-GIC 1963 għandu jiġi applikat abbażi tal-għoti tar-rieżami ambjentali tal-EMAS.

Iċ-ċertifikatur tal-ELH, permezz tal-metodu xieraq, għandu jiżgura li l-aspetti ambjentali, l-indikaturi u r-rekwiżiti legali addizzjonali kollha li jista' jkun hemm jiġu identifikati u indirizzati.

PARTI 3

L-Istabbiliment ta' Politika Ambjentali

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

Il-maniġment superjuri għandu jiddefinixxi l-politika ambjentali tal-organizzazzjoni. Din il-politika għandha tinkludi l-elementi differenti msemmija fl-Anness II tar-Regolament dwar l-EMAS. (L-Artikolu 4(1)(b) u l-Anness II A2)

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

ELH tinkludi rekwiżit formali għall-istabbiliment tal-objettivi permezz tal-kriterju 1945 (“L-intrapriża trid tistabbilixxi politika ambjentali (22) u miri b'rabta mas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza. Dawn għandhom jiġu ddokumentati fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali jew fil-pjan ta' azzjoni għar-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent tal-Eco-Lighthouse”). Il-politika ambjentali u miri ambjentali speċifiċi l-ewwel jiġu ttrattati permezz tal-iffissar tal-kriterji qabel iċ-ċertifikazzjoni, u jintwerew fid-dikjarazzjoni ambjentali (Miljøkartlegging). Fit-tieni fażi, isir kontroll tal-prestazzjoni ambjentali billi din tiġi mqabbla ma' indikaturi magħżula fir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent, li jinkludi wkoll pjan ta' azzjoni għal titjib kontinwu.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Il-Kriterju 1945 li għadu kemm ġie rivedut jobbliga lill-impriża biex jiddefinixxu politika ambjentali. Il-kombinament tad-dikjarazzjoni ambjentali, l-istabbiliment ta' kriterji, ir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent, il-kontroll tal-indikaturi u l-iffissar ta' objettivi jkomplu jżidu ma' din il-politika ambjentali u jgħinu biex tiġi implimentata.

Ir-rieda li tinkiseb ċertifikazzjoni permezz tal-Eco-lighthouse u l-iffirmar tat-termini u l-impenji tal-ELH juru intenzjoni favur it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-aspetti ambjentali u favur it-titjib kontinwu tal-prestazzjonijiet ambjentali. Permezz tal-“Pjan ta' Azzjoni”, ir-rapport Annwali dwar il-Klima u l-Ambjent huwa xprun għal titjib kontinwu.

Ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent huwa soġġett għal ratifika waqt l-eżami annwali mill-maniġment.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata ma' “L-Istabbiliment ta' Politika Ambjentali” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

PARTI 4

L-iżgurar tal-konformità legali

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

L-EMAS teħtieġ li l-organizzazzjonijiet:

1.

jidentifikaw l-obbligu legali tagħhom b'rabta mal-ambjent

2.

jipprovdu għal konformità ma' dawn ir-rekwiżiti,

3.

jistabbilixxu l-proċeduri xierqa biex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti fuq bażi kontinwa

4.

jipprovdu materjal u dokumenti ta' prova b'rabta ma' din il-konformità.

L-Artikolu 4(1)(b) u (4), l-Anness II A3.2, B2, A5.2)

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

1.

Qabel iċ-ċertifikazzjoni tal-ELH il-konsulent iħejji lista ta' kriterji. Permezz tal-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1944 (23) l-intrapriża għandha l-obbligu li tiżgura li ċ-ċertifikatur/il-verifikatur (u barra minn hekk, il-kumpaniji kollha kemm hi) ikollu aċċess għal ħarsa ġenerali aġġornata tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti għall-intrapriża.

Il-konformità ma' dan l-obbligu hija faċilitata permezz tas-sit web tal-gvern Norveġiż Regelhjelp  (24), fejn l-intrapriża tista' tikseb lista tal-leġiżlazzjoni rilevanti bbażata fuq in-numru uniku tagħha tal-organizzazzjoni. Ir-regoli u r-regolamenti li huma l-aktar rilevanti għall-industrija jiffurmaw parti mill-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-industrija (immarkati bi §), li għandu jkun hemm konformità magħhom għal ċertifikazzjoni u għal ċertifikazzjoni mill-ġdid. L-aġġornament annwali tal-ħarsa ġenerali jiġi żgurat permezz tal-eżami annwali mill-maniġment (permezz tal-eżami annwali tal-HSE).

Il-lista ta' kriterji tinkludi wkoll kriterji relatati mal-obbligi legali speċifiċi li trid tikkonforma magħhom l-organizzazzjoni.

Eżempji:

Il-kriterju ġenerali legali 42: “l-iskart perikoluż (u …) għandu jinħażen b'mod sikur u jintbagħat lejn faċilità (…) b'konformità mar-Regolamenti dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart”.

Il-kriterju ġenerali legali 311: “Għandhom jittieħdu kampjuni tal-ilma mormi, li għandu jiġi analizzat b'konformità mar-regolamenti lokali u mar-regolament dwar it-tniġġis 15 A-3 u 4”. (traduzzjoni)

2.

Permezz ta' awtovalutazzjoni qabel iċ-ċertifikazzjoni, l-intrapriża tikkonferma l-konformità ma' dawn il-kriterji. Wara, il-kriterji jiġu eżaminati mill-ġdid mill-verifikatur/ċertifikatur indipendenti waqt iċ-ċertifikazzjoni. Qabel jinħareġ iċ-ċertifikat tal-ELH, l-ELH Foundation terġa' twettaq kontroll fuq ix-xogħol li jkunu wettqu l-konsulent, l-intrapriża u ċ-ċertifikatur/verifikatur, u tapprovah. Il-kontrolli jerġgħu jsiru waqt iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid kull tliet snin. Jeħtieġ li jkun hemm konformità mal-kriterji kollha qabel tkun tista' ssir iċ-ċertifikazzjoni, inklużi mal-kriterji ġenerali u speċifiċi li huma inkorporati direttament mil-leġiżlazzjoni Norveġiża fil-kriterji tal-ELH (immarkati b'“§”). Nuqqas ta' konformità ma' rekwiżit legali li mhuwiex kriterju tal-ELH jiġi trattat permezz tal-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1950, li jobbliga lill-intrapriżi jistabbilixxu proċeduri għar-rapportar u t-trattament ta' dan in-nuqqas ta' konformità. Abbażi ta' dan il-kriterju, l-intrapriża tista' tiġi ċertifikata jekk turi li għandha sistema għat-trattament ta' nuqqas ta' konformità. Iċ-ċertifikatur/il-verifikatur jivverifika l-konformità mal-kriterji tal-ELH u jivverifika li l-intrapriża stabbilixxiet proċedura biex tirrettifika n-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet legali ġenerali.

B'kuntrast mal-EMAS, l-ELH ma teħtieġx li l-organizzazzjonijiet jipprovdu liċ-ċertifikatur b'evidenza ta' konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni ambjentali (25) lil hinn mill-kriterji (legali) speċifiċi.

3.

Iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid issir kull tliet snin, u f'dak iż-żmien il-kriterji kollha jiġu kkontrollati mill-ġdid, inkluż GIC 1950 li jindirizza n-nuqqas ta' konformità. Ma tinħareġ l-ebda ċertifikazzjoni mill-ġdid meta jkun hemm nuqqas ta' konformità mal-kriterji.

Il-provi tal-konformità legali jiġu evalwati miċ-ċertifikatur waqt l-evalwazzjoni taċ-ċertifikazzjoni (mill-ġdid), iżda huma limitati għall-kompetenzi taċ-ċertifikatur (ara r-rekwiżit dwar l-akkreditazzjoni). Madankollu, il-kriterji legali huma fformulati b'tali mod li l-verifikatur/iċ-ċertifikatur ikun jista' jivvaluta l-konformità u jiddokumenta l-istat ta' konformità. Il-verifikatur/iċ-ċertifikatur jiċċekkja wkoll li l-impriża jkollha ħarsa ġenerali aġġornata tal-liġijiet u r-regolamenti disponibbli, u li teżisti sistema għat-trattament tan-nuqqas ta' konformità.

Barra minn hekk, il-konformità mar-rekwiżiti legali tiġi żgurata permezz tal-verifika interna annwali tal-HSE, li hija parti mil-eżami annwali mill-maniġment. Il-verifika tal-HSE tindirizza kull forma ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti legali.

Il-portal tal-ELH jagħmel disponibbli gwida u kampjuni għall-indirizzar ta' proċeduri ta' nuqqas ta' konformità (GIC 1950).

4.

Skont l-ispjegazzjoni mogħtija fil-punt 2 ta' din it-taqsima, id-dokumentazzjoni li tiġi pprovduta se tkun limitata għar-rekwiżiti legali speċifiċi koperti mill-kriterji tal-ELH u mhux se tkopri r-rekwiżiti legali applikabbli kollha marbuta mal-ambjent. Id-dokumentazzjoni se tiġi pprovduta u maħżuna permezz tal-interfaċċa diġitali tal-ELH.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Simili għall-proċess li ġie stabbilit għad-dikjarazzjoni ambjentali (analiżi preliminari) l-ELH tagħmel użu minn sistema bbażata fuq kriterji biex tivvaluta l-konformità legali tal-organizzazzjonijiet. Din is-sistema, flimkien mas-sit web tal-gvern Regelhjelp  (26), hija meqjusa bħala li tipprovdi ħarsa ġenerali tajba tar-rekwiżiti legali li għandhom jiġu ssodisfati kif mitlub skont l-EMAS.

Il-konformità mal-kriterji kollha tal-ELH, inklużi l-kriterji legali, l-ewwel tgħaddi minn proċess ta' awtovalutazzjoni qabel iċ-ċertifikazzjoni, u tiġi verifikata mill-verifikatur/miċ-ċertifikatur fil-ħin taċ-ċertifikazzjoni. F'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' wieħed mill-kriterji elenkati, ma jkunx jista' jinħareġ iċ-ċertifikat.

Il-provi ta' konformità mal-kriterji (legali) tal-ELH jiġu magħmula disponibbli permezz tas-sistema. L-ELH teħtieġ ukoll li l-organizzazzjoni jkollha fis-seħħ proċedura għar-rappurtar u t-trattament ta' każijiet pendenti ta' nuqqas ta' konformità (27) mad-dispożizzjonijiet legali. L-osservanza tal-liġijiet u r-regolamenti l-aktar importanti marbuta mal-Attivitajiet b'rabta mas-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza hija kkontrollata kull sena permezz ta' lista ta' kontroll li hija kkonfermata u ffirmata mill-maniġer ġenerali, u li hija soġġetta għall-eżami mill-maniġment. Il-gwida dwar il-GIC 1944 tiddikjara b'mod espliċitu li hija meħtieġa l-osservanza, u mhux biss ħarsa ġenerali tar-rekwiżiti legali.

Madankollu, b'kuntrast mal-EMAS, l-ELH ma tinkludix kriterju li jeħtieġ li l-organizzazzjoni tipprevedi li jkun konformità mar-rekwiżiti legali kollha relatati mal-ambjent. Minflok, ELH tenfasizza l-aktar leġiżlazzjoni ambjentali importanti permezz ta' kriterji rilevanti tal-industrija, u tirriformula l-iktar leġiżlazzjoni rilevanti sabiex din tkun tista' tiġi mifhuma bis-sħiħ mill-intrapriża u miċ-ċertifikatur.

Barra minn hekk, f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti legali li mhumiex koperti mill-kriterji legali tal-ELH, iċ-ċertifikazzjoni tista' tingħata bil-kundizzjoni li jkun hemm fis-seħħ proċeduri għar-rappurtar u għat-trattament ta' nuqqas ta' konformità mar-regolamenti tal-HSE (28).

Hemm differenza notevoli oħra b'rabta mal-kompetenza tal-verifikatur. Il-verifikaturi tal-EMAS għandhom ikunu kapaċi li jindunaw f'każ li titħalla barra kwalunkwe leġiżlazzjoni, u għalhekk għandhom ikunu kkwalifikati b'mod formali f'dan ir-rigward. B'kuntrast għal dan, il-verifikaturi tal-ELH jiġu mħarrġa bħala verifikaturi ġenerali. L-ELH dan tantiċipah billi tifformula l-kriterji (legali) b'mod ċar u li jiftiehem, għalkemm il-kompetenza taċ-ċertifikatur li jidentifika nuqqas ta' konformità legali li tmur lil hinn mill-kriterji legali stabbiliti minn qabel tista' titqiegħed taħt skrutinju.

Fl-aħħar nett, meta mqabbel mal-EMAS, hemm ukoll differenza fil-frekwenza ta' din il-verifika esterna. Skont l-ELH, iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid trid issir kull tliet snin. F'dak iż-żmien, il-kriterji kollha, inklużi l-kriterji marbuta mar-rekwiżiti legali, jiġu kkontrollati mill-ġdid. Skont l-EMAS, it-tqabbil tal-prestazzjoni mad-dispożizzjoni legali huwa wkoll parti mill-validazzjoni ta' kull sena tad-dikjarazzjoni ambjentali mill-verifikatur tal-EMAS. Madankollu, għandu jiġi nnutat li, li kieku kienu ċerifikati mill-EMAS, 98 % tal-intrapriżi tal-ELH kienu jkunu eliġibbli għal Deroga għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar skont l-Artikolu 7, li kieku tqarreb aktar il-frekwenza tal-verifika annwali (kull sentejn) u taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid (kull erba' snin) ma' dawk tal-ELH.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-parti tal-ELH dwar “L-iżgurar tal-konformità legali” taqbel b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS.

Miżuri potenzjali biex jingħalaq id-distakk mal-EMAS

Għalkemm din il-parti tal-ELH ma tistax titqies bħala ekwivalenti, l-analiżi turi li hemm qbil mill-qrib ma' bosta rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS. Sabiex tinkiseb konformità mar-rekwiżiti kollha korrispondenti, għandhom jiġu implimentati l-elementi addizzjonali li ġejjin:

Isir adattament tat-test tal-GIC 1944 b'mod li fih jissemma li l-organizzazzjonijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm identifikazzjoni tar-rekwiżiti legali kollha relatati mal-ambjent qabel iċ-ċertifikazzjoni, u li jkun hemm konformità magħhom.

Jenħtieġ li l-intrapriża tagħti provi tal-konformità mar-rekwiżiti ambjentali legali rilevanti, jekk tintalab tagħmel hekk.

Tiġi żgurata l-validazzjoni tal-konformità legali minn awditur indipendenti akkreditat jew liċenzjat kull sena għall-organizzazzjonijiet imdaqqsin, u kull sentejn għall-SMEs

PARTI 5

L-objettivi u l-programm ambjentali stabbiliti biex jiġi żgurat titjib kontinwu

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

L-għanijiet għandhom jiġu definiti fi ħdan l-organizzazzjoni sabiex jiġi żgurat titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali (l-Artikolu 1, l-Anness II, B3, B4(3)).

2.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għandu jiġi stabbilit u implimentat programm ta' azzjoni ambjentali. (L-Artikolu 18(7), l-Anness II, A2, A3 (3)).

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

Il-proċeduri tal-ELH jeħtieġu li għandha tiġi abbozzata dikjarazzjoni ambjentali dettaljata qabel organizzazzjoni tiġi ċertifikata (Miljøkartlegging, lista ta' kontroll ta' kriterji ġenerali rilevanti u kriterji speċifiċi rilevanti li għandhom jintużaw għaċ-ċertifikazzjoni). Għandu jiġi abbozzat ukoll ir-rapport annwali inizjali dwar il-Klima u l-Ambjent, li jkun jinkludi l-għanijiet u l-azzjonijiet ambjentali previsti għas-sena li jmiss, kif ukoll il-prestazzjonijiet ambjentali attwali.

Kull sena ta' wara (sal-1 ta' April) għandu jiġi ppreżentat rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent permezz tal-portal tal-Internet tal-ELH. Il-prestazzjoni ambjentali tiġi mqabbla ma' dik tas-sena ta' qabel. Ir-rapport jiġbor fil-qosor l-inizjattivi li ttieħdu, kif ukoll il-miri u l-għanijiet li nkisbu, filwaqt li fih jitressaq pjan ta' azzjoni għas-sena li jmiss. Ir-rapport(i) annwali dwar il-Klima u l-Ambjent jiġi eżaminat/jiġu eżaminati miċ-ċertifikatur/mill-verifikatur fi żmien l-ewwel ċertifikazzjoni, u ma' kull ċertifikazzjoni mill-ġdid li ssir kull tliet snin. Huwa jiġi eżaminat kull sena waqt l-Eżami Annwali mill-Maniġment.

Ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent jiġi ġġenerat fil-portal tal-Internet tal-ELH minn ġabra ta' indikaturi universali u minn indikaturi li jikkorrispondu għal kriterji speċifiċi tal-industrija. L-għanijiet ambjentali u l-pjan ta' azzjoni fir-rapport dwar il-Klima u l-Ambjent għandhom jiddokumentaw titjib kontinwu. Il-proċedura hija stabbilita fil-linji gwida tal-Kriterju Ġenerali tal-Industrija (GIC) 7 (29), fil-gwida assoċjata u fil-portal tal-Internet tal-ELH.

Barra minn hekk, il-GIC 1963 (Aspetti ambjentali addizzjonali) jistabbilixxi li: “L-intrapriża għandha tidentifika aspetti ambjentali sinifikanti oħrajn tal-intrapriża, u tikkunsidra kwalunkwe azzjoni u/jew inklużjoni meħtieġa fir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent u/jew monitoraġġ permezz tal-pjan ta' azzjoni.” Għalhekk, il-pjan ta' azzjoni jista' jinkludi kwalunkwe mill-aspetti speċifiċi għall-intrapriża li mhumiex koperti permezz tal-kriterji ġenerali jew speċifiċi.

L-impriżi li jkunu jixtiequ jkomplu jestendu r-rapport tagħhom dwar il-klima u l-ambjent jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tal-ELH imsemmi “indikaturi speċifiċi għall-intrapriżi” (virksomhetsspesifikke sjekkpunkter), li bħala parti minnu fir-rapport jiġu miżjuda mistoqsijiet u indikaturi personalizzati definiti mill-intrapriża.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Fil-ħin taċ-ċertifikazzjoni jiġi stabbilit programm ta' ġestjoni ambjentali inizjali li jkun fih kriterji u objettivi ta' valutazzjoni. Permezz tar-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent iġġenerat fil-portal tal-Internet tal-ELH, kull sena ssir valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, jiġi indikat il-progress li jkun sar u jiġu stabbiliti l-għanijiet ambjentali.

Il-programm ambjentali jiġi aġġornat u vvalutat mill-ġdid permezz ta' dikjarazzjoni ambjentali li tiġi mġedda kull tliet snin meta ssir iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid.

Għalkemm dawn il-proċessi jiffokaw fuq l-aspetti koperti minn ġabra ta' kriterji meta tiġi stabbilita s-sistema ta' mmaniġġjar ambjentali (inklużi l-aspetti addizzjonali koperti mill-GIC 1963 (30)), dawn għandhom il-kapaċità li jiżguraw it-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali b'rabta ma' dawn l-aspetti.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata ma' “L-objettivi u l-programm ambjentali stabbiliti biex jiġi żgurat titjib kontinwu” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

PARTI 6

L-istruttura organizzazzjonali (rwoli u responsabbiltajiet), it-taħriġ, u l-involviment tal-impjegati

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

Il-maniġment għandu jiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi (inklużi r-riżorsi umani) sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet għandhom ikunu definiti, dokumentati u komunikati (L-Anness II, A.4.1).

2.

Il-maniġment superjuri għandu jaħtar rappreżentant(i) maniġerjali speċifiku/speċifiċi bi rwol, responsabbiltajiet u awtorità definiti biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni korretta tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali u r-rappurtar lill-maniġment superjuri b'rabta mal-prestazzjoni ta' dik is-sistema (L-Anness II, A.4.1).

3.

L-impjegati għandhom jingħataw taħriġ bl-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali (l-Artikolu 1, Anness II, A.4.2)

4.

L-impjegati għandhom jiġu involuti b'mod attiv fit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni. (l-Artikolu 1, Anness II, A.4.2 u B4).

1.   L-impenn tal-maniġment b'rabta mal-implimentazzjoni korretta tas-sistema u mal-forniment tar-riżorsi meħtieġa:

Skont il-GIC 1946: “L-intrapriża trid tħejji skeda organizzazzjonali jew deskrizzjoni ġenerali simili tar-rwoli ewlenin fl-organizzazzjoni, bħall-punt ta' kuntatt tal-Eco-Lighthouse, ir-rappreżentant tas-sikurezza, il-president tal-kumitat tal-ambjent tax-xogħol, il-maniġer tas-Sistema ta' Ġestjoni Ambjentali, il-kap tal-akkwisti pubbliċi u l-uffiċjal tas-sikurezza kontra n-nirien.”

Skont il-liġijiet tan-Norveġja, il-maniġment superjuri huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-intrapriża, li tinkludi s-Sistema ta' Ġestjoni Ambjentali, u b'hekk, b'mod impliċitu mill-implimentazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali. Jekk ma jiġux ipprovduti r-riżorsi meħtieġa, in-nuqqasijiet jidhru b'mod awtomatiku fir-rapport li jkun imiss dwar l-HSE u fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent. Dawn in-nuqqasijiet imbagħad jiġu kkunsidrati waqt l-eżami annwali mill-maniġment. Dan il-każ jista' wkoll ikun ta' xkiel għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid li jkun jmiss.

2.   Rappreżentanti speċifiċi għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali:

Membru wieħed tal-persunal jinħatar maniġer ambjentali (Miljøfyrtårnansvarlig). Dan mhux bilfors għandu jkun rwol full-time, għalkemm għandu jiddependi mid-daqs tal-organizzazzjoni. Il-maniġer ambjentali jista' jiġi mħarreġ mill-konsulent waqt iċ-ċertifikazzjoni inizjali, jew jista' jiġi mgħallem mill-maniġer preċedenti. Il-kompiti tiegħu huma dawn li ġejjin:

li jkun il-kelliem li jikkomunika mal-konsulent (fil-bidu tal-proċess)

li jkun il-kelliem għaċ-ċertifikatur/għall-verifikatur waqt iċ-ċertifikazzjoni inizjali u ċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid

li jiżgura l-konformità mal-kriterji tal-industrija

li jħarreġ u jimmotiva lill-kollegi tiegħu.

li jipproduċi u jippreżenta r-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent fuq il-portal tal-Internet tal-ELH.

li jiddiskuti dan ir-rapport mal-maniġment waqt l-eżami annwali mill-maniġment (ledelsens gjennomgang), kif ukoll mal-persunal waqt il-laqgħat tal-persunal, u li jxerred ir-rapport annwali fl-organizzazzjoni, permezz tal-intranet jew permezz ta' kanali interni oħra ta' komunikazzjoni

jikkomunika lill-kollegi, b'mod partikolari, il-politika ambjentali globali tal-organizzazzjoni (u l-għanijiet u l-objettivi għas-sena li jmiss) kif stabbilit fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent

jikkontribwixxi lejn it-titjib fuq bażi permanenti.

L-ELH implimentat taħriġ ibbażat fuq l-Internet immirat lejn it-taħriġ tal-maniġer ambjentali (Miljøfyrtårnansvarlig) b'rabta ma' kif għandu jimtela r-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent, u b'mod speċifiku dwar kif għandha tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid.

L-ELH speċifikat struzzjoni għall-maniġer ambjentali, kif jeħtieġ il-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1947: “L-intrapriża trid tħejji struzzjonijiet bil-miktub għall-impjegat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Eco-Lighthouse. Il-maniġer ambjentali għandu jinvolvi, jimmotiva u jinkludi lill-impjegati tal-organizzazzjoni. Fil-fehma tal-ELH, l-involviment b'mod attiv tal-impjegati huwa wieħed mill-fatturi prinċipali tas-sistema tal-ELH”

F'organizzazzjonijiet ta' daqs kbir jistgħu jiġu involuti membri addizzjonali tal-persunal permezz ta' grupp ta' ġestjoni ambjentali (31) (Miljøgruppe – EMG). Il-grupp ta' ġestjoni ambjentali jista' jiġi integrat fil-Grupp dwar is-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza (HSE), li huwa obbligatorju skont il-liġi għal organizzazzjonijiet b'aktar minn 50 impjegat.

3.   It-taħriġ:

Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet huma marbuta bil-Kriterju Ġenerali tal-Industrija (GIC) 1951: “L-intrapriża għandu jkollha fis-seħħ proċeduri għat-taħriġ tal-impjegati b'rabta mas-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza f'livell bażiku, kif ukoll proċeduri biex tinfurmahom dwar il-bidliet. It-taħriġ għandu jinkludi proċeduri sodi relatati mal-ambjent estern.”

L-għan hu li jiġi żgurat li l-impjegati jkollhom biżżejjed għarfien u ħiliet biex iwettqu l-ħidma tagħhom b'mod xieraq u skont ir-regolamenti dwar l-HSE. Il-kamp ta' applikazzjoni tat-taħriġ għall-impjegati għandu jiddependi fuq ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet tal-intrapriża. Il-filosofija ewlenija tal-ELH hija li l-organizzazzjoni għandha l-aħjar għarfien dwarha nnifisha u dwar il-kompetenzi/il-ħtiġijiet tal-persunal tagħha stess, u għalhekk tinsab fl-aqwa pożizzjoni biex tkun taf liema taħriġ huwa meħtieġ. Il-verifika tal-kriterju ssir bil-fomm (miċ-ċertifikatur/mill-verifikatur) billi jiġi mistoqsi liema proċeduri għandha l-intrapriża biex tħarreġ lill-impjegati tagħha u lil rekluti ġodda f'suġġetti relatati mal-HSE.

Il-kwistjoni prinċipali hija jekk dan it-taħriġ huwiex orjentat lejn it-titjib tal-prestazzjonijiet ambjentali jew jekk huwiex iffukat biss fuq punti proċedurali tal-ELH u fuq il-ġestjoni tar-riskju b'rabta mal-HSE. Il-lista ta' kontroll użata mill-ELH biex jiġi vvalutat jekk ir-rutini tal-ELH humiex magħrufa fost l-impjegati tikkonferma li l-kamp ta' applikazzjoni tat-taħriġ imur lil hinn mill-proċeduri u li jindirizza oqsma ambjentali ewlenin bħalma huma l-ġestjoni tal-iskart, l-effiċjenza enerġetika jew it-trattament ta' sustanzi perikolużi.

4.   Involviment tal-impjegati

Sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-EMAS, l-impjegati għandhom ikunu involuti fil-proċess immirat lejn it-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni.

Jenħtieġ li jinħatar grupp ambjentali fi ħdan l-organizzazzjoni u li jkun hemm parteċipazzjoni b'mod attiv tal-impjegati fl-attivitajiet ambjentali (32). L-impjegati għandhom jiġu infurmati dwar il-kontenut tar-rapport dwar il-Klima u l-Ambjent u għandhom ukoll jiġu involuti b'mod speċifiku fi proċessi li jikkontribwixxu lejn it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, bħal pereżempju s-separazzjoni tal-iskart. Diversi kriterji (1953, 1962 u 36) jappoġġaw it-titjib kontinwu permezz tal-użu ta' “bank tal-ideat”. Dawn il-banek tal-ideat li tipprovdi l-Eco-Lighthouse Foundation fihom diversi miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni f'oqsma relatati mal-ambjent bħal pereżempju t-trasport, l-iskart jew l-enerġija f'kollaborazzjoni mal-impjegati tal-organizzazzjoni.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Il-maniġment huwa obbligat bil-liġi li jipprevedi r-riżorsi umani meħtieġa għall-funzjonament korrett tal-proċeduri tal-HSE u, skont ir-regoli tal-ELH, għandu wkoll jaħtar rappreżentant tal-ELH bħalma jsir fil-każ tal-EMAS. Għalhekk, ir-riżorsi meħtieġa biex ikun hemm funzjonament tajjeb għandhom isiru disponibbli għall-persuni responsabbli.

L-organizzazzjonijiet jintalbu wkoll iħarrġu lill-impjegati tagħhom fil-kompetenzi b'rabta mal-HSE, li jinkludu t-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, u li jinvolvu lill-impjegati fl-implimentazzjoni tal-EMS u f'attivitajiet ambjentali.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata ma' “L-istruttura organizzazzjonali, it-taħriġ, u l-involviment tal-impjegati:” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

PARTI 7

Rekwiżiti marbutin mad-dokumentazzjoni

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

L-EMAS teħtieġ dokumentazzjoni dwar il-politika ambjentali, l-għanijiet, il-pjanijiet ta' azzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni u l-elementi prinċipali tagħha bħal pereżempju r-rekords meħtieġa għall-ippjanar u l-kontroll effettivi tal-proċessi relatati mal-impatti ambjentali sinifikanti tagħha.

L-Artikolu A.4.4 tal-Anness II

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

Id-dokumentazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċeduri u l-għanijiet tal-EMS għandha tkun disponibbli.

Fuq is-sit web tagħha, l-ELH tippreżenta lista estensiva ta' dokumenti obbligatorji meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni, flimkien ma' formoli oħra u għodod utli (verktøy) kif ukoll informazzjoni (33) marbuta mas-setturi differenti għaċ-ċertifikazzjoni. Bosta dokumenti rilevanti huma maħżuna fuq il-portal tal-Internet tal-ELH (34) (Miljøfyrtårnportal). L-ELH tirrakkomanda wkoll struttura ta' arkivjar tad-dokumentazzjoni.

Fil-linji gwida għaċ-ċertifikatur/għall-verifikatur fil-Kriterju Ġenerali tal-Industrija (GIC) 1944, iċ-ċertifikatur/il-verifikatur jintalab jivverifika li d-dokumentazzjoni u s-sistema tal-HSE huma maħżuna b'mod faċli u sistematiku, u jekk l-intrapriża tafx kif taċċessa l-informazzjoni. Id-dokumentazzjoni marbuta mal-kriterji tal-industrija hija maħżuna fid-dikjarazzjoni ambjentali (Miljøkartlegging) u fuq il-portal tal-Internet tal-ELH. L-intrapriża tista' tagħżel li turiha liċ-ċertifikatur/lill-verifikatur waqt il-laqgħa proprja, u ma hemm l-ebda obbligu li din tittella' fuq il-portal. Iċ-ċertifikatur/il-verifikatur jieħu impressjoni ta' kemm is-sistema hija magħrufa fost l-impjegati permezz tal-laqgħa dwar iċ-ċertifikazzjoni jew dwar iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Din il-parti tiffoka fuq id-disponibbiltà ta' dokumentazzjoni xierqa. Minkejja li l-kampi ta' applikazzjoni taż-żewġ sistemi mhumiex identiċi, l-istruttura tal-informazzjoni proposta mill-ELH u l-istruttura ta' arkivjar tal-arkivju jistgħu jitqiesu bħala sodisfaċenti.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata mar-“Rekwiżiti Marbutin mad-Dokumentazzjoni” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

Nota: skont id-definizzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura ta' dokumentazzjoni tal-ELH huwa mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tas-sistema ta' ġestjoni tal-ELH b'rabta mad-dokumentazzjoni. Jekk organizzazzjoni tkun tixtieq tapplika għar-reġistrazzjoni mal-EMAS, il-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura ta' dokumentazzjoni għandu jiġi adattat biex ikopri r-rekwiżiti kollha tal-EMAS, inklużi dawk li bħalissa mhumiex issodisfati mill-ELH.

PARTI 8

Kontroll operattiv

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

L-operazzjonijiet assoċjati mal-aspetti ambjentali sinifikanti identifikati għandhom jitwettqu b'kundizzjonijiet speċifiċi. Biex dan jiġi żgurat, l-organizzazzjoni għandha:

1.

tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura/i dokumentata/i sabiex tikkontrolla s-sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas tagħhom jista' jwassal għal devjazzjoni mill-politika ambjentali, mill-għanijiet u mill-miri;

2.

tistipula l-kriterji operattivi fil-proċedura/i;

3.

tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċeduri relatati mal-aspetti ambjentali sinifikanti identifikati tal-oġġetti u s-servizzi użati mill-organizzazzjoni u tikkomunika proċeduri u rekwiżiti applikabbli lill-fornituri, inklużi l-kuntratturi.

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

1 u 2.

L-ELH teżiġi li l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi politika ambjentali u tiddefinixxi objettivi speċifiċi b'rabta mal-prestazzjoni ambjentali. Barra minn hekk, l-intrapriżi Norveġiżi għandhom jiffissaw miri globali għall-HSE skont ir-Regolament dwar il-Kontroll Intern. Il-GIC 1945 u 1947 tal-ELH jispeċifikaw li s-sistema ta' ġestjoni għandha tinkludi proċeduri dokumentati biex jintlaħqu dawn l-għanijiet dwar is-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza, inkluża konformità mal-kriterji b'mod kontinwu. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għat-trattament tan-nuqqas ta' konformità (GIC 1950). Kriterji oħra tal-ELH (1949) jobbligaw lill-intrapriżi biex iwettqu valutazzjoni tar-riskju (aġġornat), flimkien ma' abbozz ta' pjan ta' azzjoni korrispondenti.

Għandhom jiġu pprovduti proċeduri speċifiċi għal industriji speċifiċi b'rabta mat-trattament ta' prodotti perikolużi li tipikament jintużaw mill-industrija speċifika. (fost l-oħrajn SIC 983, 984 għall-industrija tat-tindif, SIC 1931, 1932, 1933 għall-istabbilimenti fejn jissewwew u jinżebgħu l-karrozzeriji ta' vetturi, SIC 14 għall-istabbilimenti fejn jissewwew il-karozzi).

3.

Wara ċ-ċertifikazzjoni, l-intrapriża għandha tinforma lill-klijenti u lill-fornituri tagħha dwar l-attivitajiet ambjentali tagħha (GIC 5). Għandhom jiġu stabbiliti kriterji ambjentali għall-akkwisti sinifikanti kollha (GIC 1954) u l-intrapriża għandha tinfluwenza lill-aktar fornituri sinifikanti tagħha biex jgħaddu minn ċertifikazzjoni ambjentali. L-intrapriża għandha wkoll tinfluwenza lill-fornituri tagħha sabiex jipprovdu informazzjoni dwar prodotti ta' partijiet terzi mmarkati b'mod ambjentali fil-katalgu tal-prodotti tagħhom, u dwar statistika rigward il-prodotti bl-ekotikketta li takkwista mingħandhom (GIC 1956).

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Din il-parti tiffoka fuq proċeduri fis-seħħ għal kontroll operattiv xieraq. L-istruttura tal-proċeduri proposti mill-ELH flimkien mar-Regolament dwar il-Kontroll Intern Norveġiż, u l-flussi ta' informazzjoni relatati jistgħu jitqiesu sodisfaċenti.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata mal-“Kontroll operattiv” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

PARTI 9

It-tħejjija għall-emerġenzi u r-rispons f'każ ta' emerġenza

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura/i sabiex tidentifika sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza u inċidenti u modi kif tirreaġixxi għalihom.

2.

L-organizzazzjoni trid tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet u inċidenti ta' emerġenza effettivi u tipprevjeni jew ittaffi l-impatti ambjentali avversi assoċjati.

3.

L-organizzazzjoni għandha tirrevedi perjodikament u, fejn meħtieġ, tirrevedi l-proċeduri tagħha ta' tħejjija u ta' rispons għall-emerġenzi.

4.

L-organizzazzjoni għandha teżamina perjodikament ukoll dawn il-proċeduri fejn prattikabbli.

(L-Anness II, A.4.7).

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

Din hija rregolata permezz tal-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1949: “L-intrapriża trid tipprovdi valutazzjoni tar-riskju aġġornata li tkopri l-ambjenti tax-xogħol u esterni, kif ukoll pjan ta' azzjoni korrispondenti.”

L-industriji speċifiċi fejn din id-dispożizzjoni hija aktar rilevanti għandhom liġijiet u regolamenti speċifiċi. L-intrapriżi Norveġiżi jistgħu faċilment jivverifikaw liema leġiżlazzjoni tapplika għalihom billi jiċċekkjaw is-sit web tar-regoli u r-regolamenti tal-gvern Regelhjelp  (35), fejn l-intrapriża ddaħħal in-numru uniku tagħha tal-organizzazzjoni biex tikseb lista tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Eżempji ta' liġijiet u regolamenti rilevanti li jikkonċernaw it-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi għall-industriji differenti jistgħu jinstabu fuq l-Internet, fuq is-sit tal-Protezzjoni Ċivili (DSB) (36). Madankollu għandu jiġi nnutat li ġeneralment l-ELH ma tiċċertifikax organizzazzjonijiet attivi fl-industrija tqila jew lil intrapriżi li l-operat tagħhom jinvolvi sfidi ambjentali kumplessi.

Il-kriterji speċifiċi tal-ELH dwar l-industrija jinkludu wkoll dispożizzjonijiet b'rabta mat-tħejjija u r-rispons, għalkemm f'xi każijiet, bħalma huwa l-każ fil-bini tad-dgħajjes, dan jidher li hu limitat għal listi ta' sustanzi perikolużi u għal dispożizzjonijiet dwar l-ewwel għajnuna. Fil-każ tal-impriżi li jużaw sustanzi kimiċi jew sustanzi oħra (bħas-servizzi tal-ħasil tal-ħwejjeġ kriterji speċifiċi tal-industrija), dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati mill-kriterji speċifiċi tal-industrija.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

It-Tħejjija u r-Rispons għall-Emerġenzi huma rregolati b'mod strett (37) mil-liġi Norveġiża. Fejn rilevanti, l-ELH tikkumplimentahom permezz tal-Kriterji Ġenerali tal-Industrija u l-kriterji speċifiċi tal-industrija.

Waqt iċ-ċertifikazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, u waqt il-proċess li jwassal għall-eżami annwali mill-maniġment, isiru kontrolli b'rabta mar-regoli dwar l-għarfien tar-riskji, it-tħejjija u r-rispons, u l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom, filwaqt li jsir ukoll kontroll tal-proċeduri.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata ma' “It-Tħejjija u r-Rispons għall-Emerġenzi” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

PARTI 10

Iċċekkjar, verifika interna u azzjoni korrettiva

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

Bħala parti mill-politika tagħha dwar is-Sistema ta' Ġestjoni Ambjentali u b'mod konsistenti mal-objettivi tagħha, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura/i sabiex tikkontrolla, fuq bażi regolari, il-karatteristiċi ewlenin tal-operazzjonijiet tagħha li jista' jkollhom impatt ambjentali sinifikanti u sabiex tieħu azzjonijiet korrettivi meta jkun meħtieġ. (L-Anness II, A.5.1)

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifika interna bl-objettiv li ssir valutazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni fis-seħħ u biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-politika u mal-programm tal-organizzazzjoni (inkluża l-konformità legali) b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(c), fl-Artikolu 9 u fl-Anness III. Il-verifika għandha ssir minn awdituri kompetenti tal-inqas darba fis-sena u ċ-ċiklu tal-awditjar li jkopri l-attivitajiet kollha tal-organizzazzjoni għandu jiġi kkompletat f'intervalli mhux itwal minn tliet snin (jew erba' snin għall-SMEs).

2.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura/i sabiex tidentifika, tikkoreġi u tinvestiga nuqqasijiet ta' konformità reali jew potenzjali u sabiex tieħu azzjoni korrettiva u ta' prevenzjoni. Ir-riżultati tal-azzjonijiet korrettivi u preventivi għandhom jiġu rreġistrati u l-effikaċja tagħhom għandha tiġi analizzata. (l-Anness II A.5.3)

3.

Ir-riżultat tal-verifika interna għandu jkun rapport lill-maniġment dwar il-konklużjoni u s-sejbiet tal-verifika.

Il-bażi ġuridika (l-Artikolu 4(1)(b) u 4(1)(c), l-Artikolu 6(2)(a), l-Artikolu 9, l-Anness II A.5 u l-Anness III)

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

1.   Twettiq ta' kontrolli rigward il-karatteristiċi ewlenin tal-operazzjonijiet u twettiq ta' valutazzjoni tal-konformità tal-EMS mal-politika u mal-programm tal-organizzazzjoni permezz ta' verifika interna

Skont il-Kriterju Ġenerali tal-Industrija (GIC) 6, “il-maniġment għandu jwettaq eżami annwali tas-sistema tal-HSE u tal-proċeduri tal-Eco-Lighthouse sabiex jivvaluta jekk dawn humiex jaħdmu kif suppost.” Innota li dan il-kriterju huwa mmarkat b'§, li jindika li għandu funzjoni ta' bażi ġuridika.

Il-linji gwida tal-GIC 6 jistabbilixxu wkoll li “l-awtorità legali għal dan il-kriterju hija t-Taqsima 5.8 tar-Regolamenti dwar l-Attivitajiet Sistematiċi b'rabta mas-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza fl-Intrapriżi (ir-Regolamenti dwar il-Kontroll Intern) L-intrapriża trid timmonitorja s-sistema tal-HSE u timplimenta, darba fis-sena, il-verifika tas-sistema u l-verifika interna biex tiżgura li s-sistema tal-HSE taħdem kif suppost. Il-proċeduri tal-Eco-Lighthouse għall-ambjenti esterni għandhom jiġu integrati mas-sistema tal-HSE u għandhom isiru parti inerenti tal-verifika interna. Il-maniġment għandu r-responsabbiltà ewlenija tas-sistema tal-HSE u tal-proċeduri integrati tal-Eco-Lighthouse, u għandu jwettaq eżami tagħhom kull sena sabiex jiġi żgurat li dawn jaħdmu kif suppost. Il-mod li bih il-maniġment iwettaq l-eżami fil-prattika se jvarja minn intrapriża għal oħra. Il-punt importanti huwa li jinstabu soluzzjonijiet prattiċi. (…)

Nota: Minbarra li jiġu eżaminati l-kriterji relatati mal-HSE, huwa importanti li l-konsulent/l-intrapriża jeżaminaw ukoll is-sistema tal-HSE tal-intrapriża kollha kemm hi. Il-konsulent/l-intrapriża jridu jeżaminaw jekk is-sistema tal-HSE hix taħdem sew fil-prattika, u jekk hix strutturata tajjeb”.

Għaldaqstant, l-eżami annwali mill-maniġment u d-dokumentazzjoni u l-proċeduri addizzjonali li teħtieġ iċ-ċertifikazzjoni tal-ELH jaħdmu id f'id mal-obbligu legali li tiġi kostitwita verifika annwali tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet b'rabta mal-HSE skont ir-Regolamenti Norveġiżi dwar il-Kontroll Intern (38) (ICR). Permezz ta' dan il-proċess ta' eżami integrat, l-intrapriża trid teżamina jekk is-sistema tal-HSE hix taħdem sew fil-prattika, u jekk hix strutturata tajjeb.

Dan jirriżulta fl-integrazzjoni tal-proċeduri ambjentali tas-sistema tal-ELH fis-sistema diġà eżistenti tal-HSE, u fit-tisħiħ tas-sistema ta' ġestjoni kollha kemm hi fir-rigward tal-ambjent tax-xogħol u tal-ambjent estern.

Il-verifiki/il-kontrolli huma bbażati fuq listi ta' kontroll settorjali speċifiċi, fuq mudelli u fuq eżempji mogħtija mill-ELH foundation u jirriflettu l-livell ta' riskju ambjentali tas-setturi differenti. Il-kontroll għandu jinkludi eżami tal-proċeduri tal-Eco-Lighthouse u tal-miri, l-għanijiet u l-kisbiet ambjentali awtodefiniti, kif definiti fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent.

Skont id-daqs tal-kumpanija, is-sistema tista' tiġi verifikata minn awditur intern qabel l-eżami annwali mill-maniġment jew, fil-każ ta' negozji żgħar, matul il-laqgħa stess. Waqt l-eżami annwali mill-maniġment jiġu evalwati d-devjazzjonijiet, il-kisbiet, il-miri u l-għanijiet, filwaqt li jiġu stabbiliti oħrajn ġodda.

B'mod komplemetari għal-eżami mill-maniġment, ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent jikkostitwixxi dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-miri u l-kisbiet ambjentali. Fih jiġu vvalutati l-punti ta' hawn fuq, isiru kontrolli dwar jekk ikunx sar progress u dwar jekk intlaħqux xi għanijiet, u jiġu stabbiliti għanijiet ġodda għal titjib għas-sena li jmiss. Dan jiġi evalwat mill-maniġment kull sena waqt l-eżami annwali mill-maniġment.

2.   Il-korrezzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità

L-għan tal-eżami tal-HSE hu li jiġu identifikati d-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet u li jsir pjan għal rettifika. Kull nuqqas iwassal għal pjan ta' azzjoni li jkollu l-għan li jelimina n-nuqqas (sa skadenza speċifika).

Jeħtieġ li jkun hemm konformità mal-kriterji kollha qabel tkun tista' ssir iċ-ċertifikazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, b'mod partikolari mal-kriterji ġenerali u speċifiċi li huma inkorporati direttament mil-leġiżlazzjoni Norveġiża. Nuqqas ta' konformità (anki ma' dispożizzjonijiet legali barra l-ELH) jiġi trattat permezz tal-Kriterju Ġenerali tal-Industrija 1950, li jobbliga lill-intrapriżi jistabbilixxu proċeduri għar-rapportar u t-trattament ta' dan in-nuqqas ta' konformità.

Kull nuqqas ta' konformità ma' kriterju li jiġi identifikat matul il-proċess ta' ċertifikazzjoni jew ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid iwassal għal sospensjoni mill-ġdid taċ-ċertifikazzjoni tal-ELH.

3.   Rapport lill-maniġment dwar il-konklużjoni u s-sejbiet tal-verifika

Ir-rapport annwali dwar l-HSE u l-pjan ta' azzjoni li jirriżulta, flimkien mar-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent, jiġu ppreżentati lill-maniġment fl-okkażjoni tal-eżami annwali mill-maniġment.

Konklużjoni tal-Kummissjoni:

Il-fażi ta' kontroll tintegra l-proċeduri tal-ELH, il-konformità mar-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti tar-Regolamenti dwar il-Kontroll Intern Norveġiżi (ICR) (39). Wara, ir-riżultati tal-kontrolli jiġu eżaminati waqt l-Eżami mill-Maniġment. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess, il-kamp ta' applikazzjoni tal-kontrolli mwettqa jiġi ddefinit permezz tal-lista ta' kontroll ipprovduta mill-ELH foundation.

Il-kombinazzjoni ta' dawn il-proċeduri – il-verifika tal-HSE, l-analiżi tar-riskju, il-kontroll u l-mitigazzjoni ta' nuqqasijiet ta' konformità – flimkien jiffurmaw il-verifika interna li tirriżulta f'kontroll konsegwenzjali tal-aspetti tal-HSE u tas-sistema tal-ELH. Ir-riżultat huwa soġġett għal eżami mill-maniġment. Waqt iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, iċ-ċertifikatur ambjentali għandu jikkonferma wkoll li l-verifika twettqet kif xieraq u li l-elementi rilevanti kollha ġew verifikati u rrappurtati.

Minħabba d-differenza bejn iż-żewġ sistemi, il-kamp ta' applikazzjoni kopert mill-verifika jista' jkun differenti, għalkemm jiġu applikati proċeduri komparabbli biex jintlaħqu għanijiet simili. Madankollu l-proċeduri fis-seħħ għandhom il-kapaċità li japplikaw għal kamp ta' applikazzjoni modifikat (pereżempju l-inklużjoni ta' aspetti ambjentali speċifiċi addizzjonali) f'każ li l-organizzazzjoni tkun tixtieq tirreġistra mal-EMAS.

Il-maniġer ambjentali għandu r-responsabbiltà li jikkompila r-rapport mill-kontribut tal-komponenti differenti tal-verifika interna u jressqu għall-eżami mill-maniġment, biex b'hekk jappoġġa s-sistema ambjentali u l-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet ambjentali fid-dawl tal-politika u tal-programm ambjentali.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-parti tal-ELH relatata mal-“Iċċekkjar, verifika interna u azzjoni korrettiva” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

Nota: skont id-definizzjoni, il-proċeduri ta' verifika tal-ELH fis-seħħ bħalissa huma mfasslin biex jiżguraw kontroll konsegwenzjali tas-sistema ta' ġestjoni tal-ELH. Jekk organizzazzjoni tkun tixtieq tapplika għar-reġistrazzjoni mal-EMAS, il-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika interna għandu jiġi adattat biex ikopri r-rekwiżiti kollha tal-EMAS, inklużi dawk li bħalissa mhumiex issodisfati mill-ELH.

PARTI 11

Il-komunikazzjoni (interna u esterna)

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

Bħala parti mill-EMS, l-organizzazzjonijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' komunikazzjoni interna u esterna. Permezz tal-proċedura ta' komunikazzjoni esterna, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru l-kapaċità ta' djalogu miftuħ mal-pubbliku u ma' partijiet oħra interessati, inklużi l-komunitajiet u l-konsumaturi lokali, rigward l-impatt ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom.

2.

L-organizzazzjonijiet għandhom jipprovdu trasparenza u l-forniment perjodiku ta' informazzjoni ambjentali lill-partijiet interessati esterni abbażi tar-rekwiżiti tal-Anness IV (Rappurtar Ambjentali).

Fost l-oħrajn, din l-informazzjoni tkun tinkludi l-elementi li ġejjin: il-politika ambjentali tal-organizzazzjoni, deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali sinifikanti kollha, deskrizzjoni tal-objettivi u l-miri ambjentali, rappurtar dwar l-indikaturi definiti fl-Anness, il-prestazzjoni meta mqabbla ma' dispożizzjonijiet legali u referenza għar-rekwiżiti legali applikabbli.

Din l-informazzjoni għandha tiġi vvalidata kull sena minn verifikatur ambjentali akkreditat jew liċenzjat (jew kull sentejn fil-każ tal-SMEs).

L-Artikolu 4(1)(d), l-Artikolu 5(2)(a), l-Artikolu 6(2)(b), l-Anness II B.5, l-Anness IV

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

1.

Il-komunikazzjoni hija bbażata fuq ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent.

Ir-rieżami ambjentali inizjali tal-ELH (Miljøkartlegging), li jistabbilixxi l-lista ta' kriterji ta' konformità, jittella' fuq il-portal tal-Internet tal-ELH, iżda ma jsir disponibbli għall-pubbliku. Din mhix intiża bħala għodda ta' komunikazzjoni, iżda pjuttost bħala għodda ta' valutazzjoni għall-organizzazzjoni. Huma biss ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent u l-politika ambjentali li għandhom ikunu ppubblikati skont il-GIC 7.

Ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent huwa għodda ta' ġestjoni għall-attivitajiet ambjentali li għandha tiġi ppreżentata sal-1 ta' April ta' kull sena. L-għan hu li l-intrapriżi jiddokumentaw kull sena it-titjib tal-prestazzjonijiet tagħhom f'rapport ambjentali.

Ir-rapport jikkonsisti minn żewġ partijiet: rapport dwar il-prestazzjoni ambjentali tas-sena preċedenti u pjan ta' azzjoni għas-sena li jmiss.

Dan huwa bbażat fuq għadd ta' indikaturi, bħal:

l-għadd ta' impjegati, l-assenza mix-xogħol (liv tal-mard), id-dħul finanzjarju, l-akkwist ekoloġiku u l-għadd ta' prodotti bl-ekotikketta akkwistati għal użu proprju, il-fornituri ċertifikati, l-użu tal-karta, l-użu totali ta' enerġija, id-daqs tas-superfiċje msaħħna, il-klassifikazzjoni enerġetika, il-klassifikazzjoni tat-tisħin (it-tip ta' tisħin użat), l-użu ta' fjuwil, il-kilometri misjuqa, it-tip u n-numru ta' vetturi, l-ivvjaġġar bl-ajru, il-volum ta' skart magħżul u mhux magħżul, kif ukoll aspetti ambjentali oħra b'rabta mal-kriterji tal-industrija magħżula. Parti minn dawn l-indikaturi hija definita b'mod parallel mal-istabbiliment tal-kriterji tal-industrija, u għalhekk tvarja skont is-settur ta' attività.

Għalkemm l-ELH mhix maħsuba għall-organizzazzjonijiet industrijali, għadd ta' indikaturi ewlenin tal-EMAS huma koperti mir-rappurtar. Bħala eżempju, fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent li għamel il-bejjiegħ tal-ikel bl-ingrossa “Arne Sjule”, ġew irrappurtati indikaturi dwar l-effiċjenza enerġetika, l-effiċjenza materjali fil-kuntest tal-akkwist, l-iskart u l-emissjonijiet tas-CO2 permezz tal-evalwazzjoni tal-użu tal-karburant u tal-vjaġġi bl-ajru.

Madankollu, mhux l-indikaturi ewlenin kollha elenkati fl-Anness IV jiġu rrappurtati, u r-rappurtar mhuwiex kwantitattiv daqs kemm indikat mill-EMAS. Dan, mingħajr ebda dubju, huwa marbut mas-sistema ta' kriterji definiti minn qabel, li hija msejsa fuq l-approċċ tal-ELH b'indikaturi definiti minn qabel imfassla biex jakkomodaw l-ispeċifiċitajiet settorjali. Bħala eżempju, fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent li għamel l-istess distributur tal-ikel, l-indikaturi dwar l-emissjonijiet ta' sustanzi kimiċi fl-arja (bħal pereżempju NOx, PM), l-emissjonijiet tal-ilma u l-bijodiversità ma kinux preżenti fir-rapport. Madankollu, għalkemm il-ġabra ta' indikaturi meħtieġa mill-EMAS hija usa', għandu jiġi nnutat li organizzazzjoni tal-EMAS tista' wkoll tiddeċiedi li ma tirrappurtax rigward ċerti indikaturi jekk tkun tista' tiġġustifika li dawk l-indikaturi mhumiex rilevanti għall-aspetti ambjentali diretti sinifikanti tagħha.

Skont l-ELH, aspetti sinifikanti addizzjonali jiġu indirizzati permezz tal-GIC 1963 (“l-intrapriża għandha tidentifika u tindirizza aspetti ambjentali oħra”) u r-rappurtar dwar dan għandu jsir fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent. L-intrapriżi jistgħu jmorru lil hinn fl-eżerċizzju ta' rappurtar u jżidu l-indikaturi fir-rapport dwar il-Klima u l-Ambjent, permezz tal-indikaturi speċifiċi għall-intrapriżi mfasslin apposta (Virksomhetsspesifikke sjekkpunkter).

Il-pjan ta' azzjoni għas-sena li ġejja huwa inkluż fir-rapport, li jiġi ġġenerat permezz tal-gwida tal-portal tal-Internet. Il-portal jobbliga lill-utent idaħħal l-informazzjoni mitluba kollha; informazzjoni oħra hija fakultattiva. Jekk ikun hemm oqsma li mhumiex rilevanti għall-intrapriża jew li ma jistgħux jiġu mwieġba, trid tiddaħħal spjegazzjoni fil-kaxxa għall-kummenti.

Il-prestazzjoni mqabbla mad-dispożizzjoni legali u r-referenza għal rekwiżit legali applikabbli mhumiex inklużi b'mod formali fir-rapport dwar il-Klima u l-Ambjent. Fir-rapport tista' ssir referenza għal azzjonijiet korrettivi minħabba l-identifikazzjoni ta' nuqqas ta' konformità.

2.

Ir-rapport jiġi abbozzat minn impjegat tal-organizzazzjoni (il-maniġer ambjentali) (bħal fil-każ tal-EMAS). Dan jiġi kkontrollat miċ-ċertifikatur/mill-verifikatur waqt iċ-ċertifikazzjoni u waqt iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid li ssir kull tliet snin.

Jiġi rrappurtat lill-persunal (il-GIC 1952) (matul il-laqgħat u permezz tal-intranet) u lill-maniġment (waqt l-eżami annwali mill-maniġment). Ir-reviżjoni tal-GIC 7 (40) (li ġiet implimentata f'Mejju 2017) żiedet it-trasparenza tas-sistema billi daħħlet il-ħtieġa li l-intrapriża tippubblika r-rapport għall-pubbliku ġenerali, għall-klijenti, għall-fornituri u għas-sħab fil-kooperazzjoni. Il-pubblikazzjoni għandha ssir fl-okkażjoni tal-ewwel ċertifikazzjoni, u mbagħad kull sena.

Il-pubblikazzjoni trid tkun konformi mar-regolamenti Norveġiżi dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-liġijiet tal-privatezza, filwaqt li ma hemmx għalfejn jiġu żvelati indikaturi bħal-liv tal-mard u l-fatturat annwali.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Ir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent huwa l-bażi tar-rappurtar tal-ELH (kemm dak intern kif ukoll dak immirat lejn il-pubbliku). Huwa jipprovdi ħarsa ġenerali trasparenti dwar il-prestazzjoni tal-organizzazzjoni f'taqbil ma' indikaturi definiti. Bħas-sistema kollha tal-ELH, dan ir-rapport huwa bbażat fuq metodu fejn il-listi ta' kriterji/indikaturi huma identifikati minn qabel fil-livell settorjali. Dan il-metodu jvarja mis-sistema tal-EMAS fejn l-aspetti kollha jiġu identifikati u jsir rappurtar dwarhom abbażi ta' analiżi f'livell individwali.

Hemm ukoll differenzi fir-rigward tal-kontenut tar-rapporti. Bħal fl-EMAS, ir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent tal-ELH jinkludi deskrizzjoni tal-organizzazzjoni u tal-EMS tagħha, deskrizzjoni tal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni kif ukoll referenza għal liema kriterji ġew applikati u għall-istatus taċ-ċertifikat. Madankollu jeżistu differenzi rigward ir-referenza għall-indikaturi ewlenin applikabbli għall-organizzazzjonijiet kollha, għar-rekwiżiti tar-rappurtar bi tqabbil mar-rekwiżiti legali u l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni b'taqbil mar-rekwiżiti legali.

L-impjegati u l-partijiet interessati jiġu mgħarrfa dwar ir-rapport annwali b'konformità mal-GIC 1952. Ir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent għandu jiġi ppreżentat lill-impjegati kollha waqt il-laqgħat jew permezz tal-intranet. L-intrapriża trid ukoll tippubblika r-rapport għall-pubbliku ġenerali, għall-klijenti, għall-fornituri u għas-sħab fil-kooperazzjoni. Il-pubblikazzjoni għandha ssir fl-okkażjoni tal-ewwel ċertifikazzjoni, u mbagħad kull sena. Permezz tal-pubblikazzjoni tiegħu, ir-rapport se jkun disponibbli mhux biss għall-persunal iżda wkoll għal atturi esterni.

Ir-rapport tal-ELH għandu jiġi vvalidat minn ċertifikatur maċ-ċertifikazzjoni, kif ukoll wara kull tliet snin (ċertifikazzjoni mill-ġdid). Għall-EMAS, il-validazzjoni minn verifikatur indipendenti tad-“dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS” hija meħtieġa kull sena, jew kull sentejn fil-każ tal-SMEs. Għandu jiġi nnutat li 98 % tal-intrapriżi ċċertifikati mill-ELH jibbenefikaw minn din id-deroga li kieku kienu rreġistrati mal-EMAS.

Iż-żewġ skemi ta' rappurtar għandhom l-għan li jipprovdu ħarsa ġenerali u imparzjali dwar il-prestazzjoni tal-organizzazzjoni bi tqabbil ma' indikaturi relatati ma' aspetti ambjentali definiti. It-tnejn huma xierqa għall-metodoloġija li tappoġġa s-sistema ta' ġestjoni ambjentali rispettiva tagħhom. Madankollu, id-differenzi metodoloġiċi bejn dawn is-sistemi japplikaw ukoll għall-partijiet dwar ir-rappurtar. Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-EMAS tinkludi wkoll rekwiżit ta' konferma ta' konformità legali, u għandha tiġi vvalidata minn verifikatur estern fuq bażi annwali, jew kull sentejn fil-każ tal-SMEs. Minħabba dawn id-differenzi din il-parti ma tistax titqies bħala konformi mar-rekwiżiti kollha tal-EMAS.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-parti tal-ELH dwar “Il-komunikazzjoni (interna u esterna)” taqbel b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS.

Miżuri potenzjali biex jingħalaq id-distakk mar-rekwiżiti tal-EMAS

Għalkemm din il-parti tal-ELH ma tistax titqies bħala ekwivalenti, l-analiżi turi li hemm qbil mill-qrib ma' bosta rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS. Sabiex tinkiseb konformità mar-rekwiżiti kollha korrispondenti, għandhom jiġu implimentati l-elementi addizzjonali li ġejjin:

Ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent ippubblikat minn organizzazzjoni tal-ELH għandu jinkludi l-elementi kollha meħtieġa skont l-Anness IV tar-Regolament dwar l-EMAS, b'mod partikolari:

deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali sinifikanti tal-organizzazzjoni identifikata, ibbażata fuq il-proċedura definita fl-Anness I tar-Regolament dwar l-EMAS

l-indikaturi ewlenin u speċifiċi rrappurtati kif xieraq

referenza għar-rekwiżiti legali applikabbli relatati mal-ambjent u l-prestazzjoni bi tqabbil ma' dawn ir-rekwiżiti legali

Ir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent għandu jiġi vvalidat minn ċertifikatur akkreditat jew liċenzjat fuq bażi annwali, jew kull sentejn fil-każ tal-SMEs. Iċ-ċertifikatur, permezz tal-metodu xieraq, għandu jiżgura li l-aspetti ambjentali, l-indikaturi u r-rekwiżiti legali rilevanti kollha jkunu ġew identifikati u indirizzati.

PARTI 12

L-Eżami mill-Maniġment;

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

Abbażi ta' verifiki interni, evalwazzjonijiet tal-konformità, djalogu mal-partijiet interessati (inklużi l-ilmenti), il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni f'dak li jirrigwarda l-objettivi, azzjonijiet korrettivi u preventivi u eżaminazzjonijiet preċedenti mill-maniġment, il-maniġment superjuri għandu jeżamina s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, sabiex jiżgura l-adegwatezza u l-effettività kontinwa tagħha. L-eżamijiet għandhom jivvalutaw l-opportunitajiet għal titjib u l-ħtieġa ta' tibdil fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi l-politika ambjentali u l-għanijiet u l-miri ambjentali. (L-Anness II, A6).

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

L-eżami mill-maniġmentt huwa kopert b'mod formali mill-GIC 6, li jistabbilixxi li: “il-maniġment għandu jwettaq eżami annwali tas-sistema tal-HSE u tal-proċeduri tal-Eco-Lighthouse sabiex jivvaluta jekk dawn humiex jaħdmu kif suppost”.

Informazzjoni mill-ELH (41) turi li fil-biċċa l-kbira din il-parti tiddependi fuq l-eżami annwali mill-maniġment tal-ELH, li tiċċentralizza l-eżami tas-sistema tal-HSE u tal-proċeduri tal-ELH, u tinkludi l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali kif indikat fir-rapport annwali dwar il-Klima u l-Ambjent.

Il-maniġer ġenerali u l-impjegat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Eco-Lighthouse, flimkien mar-rappreżentant tas-sikurezza u rappreżentant tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, għandhom jiltaqgħu fuq bażi annwali biex jeżaminaw u jevalwaw is-sistema.

Abbażi tal-eżempju pprovdut, l-eżami annwali mill-maniġment ta' organizzazzjoni tal-ELH ikopri l-elementi li ġejjin:

Opportunitajiet għal titjib tas-sistema. It-twaqqif u r-rieżami tal-pjanijiet ta' azzjoni.

L-evalwazzjoni ta' kwalunkwe ksur ta' leġiżlazzjoni jew ta' regolamenti identifikat matul il-perjodu ta' rappurtar

L-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali kif indikat fir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent

L-istabbiliment ta' miri u għanijiet ambjentali ġodda fil-pjan ta' azzjoni għar-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent.

Konklużjonijiet tal-Kummissjoni

L-idea prinċipali tal-eżami mill-maniġment tal-ELH tixbah ħafna lill-EMAS għax fil-biċċa l-kbira tirrifletti d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-eżami mill-maniġment.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-parti tal-ELH relatata ma' “L-Eżami mill-Maniġment” tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS u għalhekk tista' titqies bħala ekwivalenti.

Ir-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni jew ta' liċenzjar għall-korpi ta' ċertifikazzjoni

Din l-analiżi tevalwa r-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni jew ta' liċenzjar li jippermettu l-verifika tal-iskemi minn awditur indipendenti kwalifikat.

Ir-rekwiżit korrispondenti tal-EMAS

1.

L-EMAS teħtieġ li ssir verifika tal-elementi ewlenin tas-sistema ta' ġestjoni minn verifikatur akkreditat jew liċenzjat indipendenti. L-elementi soġġetti għal verifika huma deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-EMAS.

2.

Qabel ir-reġistrazzjoni - l-Artikolu 4(5) - ir-rieżami ambjentali inizjali, is-sistema ta' ġestjoni ambjentali, il-proċedura ta' verifika u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu verifikati minn verifikatur ambjentali akkreditat jew liċenzjat u d-dikjarazzjoni ambjentali għandha tiġi validata minn dak il-verifikatur.

3.

Biex isir it-tiġdid ta' reġistrazzjoni - l-Artikolu 6 - organizzazzjoni rreġistrata, tal-inqas kull tliet snin, għandha:

(a)

twettaq verifika tas-sistema kollha ta' ġestjoni ambjentali u tal-programm kollu ta' verifika, kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħhom;

(b)

tħejji d-dikjarazzjoni ambjentali skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV, u jivvalidaha verifikatur ambjentali,

u, mingħajr preġudizzju għall-punti preċedenti, fis-snin tan-nofs, organizzazzjoni rreġistrata għandha tħejji dikjarazzjoni ambjentali aġġornata skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV, u għandu jivvalidaha verifikatur ambjentali,

L-Artikolu 7 tar-Regolament jagħti d-deroga li ġejja lill-organizzazzjonijiet żgħar: il-frekwenza msemmija hawn fuq għandha tiġi estiża minn 3 snin sa 4 snin, u minn kull sena għal kull sentejn, sakemm jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi.

4.

Il-verifika u l-validazzjoni għandhom jitwettqu minn verifikatur akkreditat jew liċenzjat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 u l-Artikolu 26.

5.

Il-verifikaturi ambjentali għandhom ikunu akkreditati jew liċenzjati abbażi tar-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-EMAS. Il-verifikatur ambjentali għandu, b'mod partikolari, juri evidenza xierqa dwar il-kompetenza tiegħu, inkluż dwar l-għarfien, l-esperjenza rilevanti u l-kapaċitajiet tekniċi rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditazzjoni jew tal-liċenzja mitluba.

Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti korrispondenti tal-ELH

1.

Verifikatur indipendenti: L-ELH teżiġi li ssir verifika tal-implimentazzjoni tas-sistema minn ċertifikatur/verifikatur indipendenti. Iċ-ċertifikatur/verifikatur għandu jkun ġie mħarreġ u approvat mill-ELH Foundation, u għandu jkun ġie maħtur formalment mill-muniċipalità. Iċ-ċertifikatur/verifikatur għandu jiffoka l-valutazzjoni tiegħu fuq il-konformità tal-organizzazzjoni mal-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-industrija magħżula mill-konsulent fis-sistema tal-ELH. Il-ħidma taċ-ċertifikatur/verifikatur għandha tiġi kkontrollata mill-ELH waqt kull ċertifikazzjoni (kull 3 snin).

2.

Valutazzjoni esterna qabel iċ-ċertifikazzjoni: Wara li jsir l-awtorappurtar mill-intrapriża, iċ-ċertifikazzjoni tal-ELH issir minn ċertifikatur/verifikatur. Iċ-ċertifikazzjoni tal-ELH timplika li għandha ssir verifika tal-konformità ma' kriterji determinati minn qabel (ġenerali u speċifiċi għall-industrija), li tinvolvi wkoll li jiġi verifikat li l-organizzazzjoni għandha ħarsa ġenerali aġġornata tar-rekwiżiti legali li hija soġġetta għalihom, kif ukoll sistema biex tittratta n-nuqqas ta' konformità. L-aktar rekwiżiti legali rilevanti huma tradotti fi kriterji tal-ELH li jsiru kontrolli fuqhom b'mod speċifiku. Konsegwentement, il-proċess ta' verifika fl-aħħar mill-aħħar jikkonsisti minn verifika ta' lista ta' kontroll bl-użu ta' dikjarazzjoni ambjentali permezz ta' għodod ibbażati fuq l-Internet b'linji gwida speċifiċi għal kull kriterju (42). Wara l-valutazzjoni mwettqa miċ-ċertifikatur, l-ELH Foundation twettaq kontrolli fuq kull ċertifikazzjoni b'mod individwali, u tapprovahom qabel ma ċ-ċertifikat jinħareġ jew jiġi mġedded.

3.

Tiġdid tar-reġistrazzjoni: Il-liċenzja tal-ELH trid tiġġedded fi tmiem kull perjodu ta' tliet snin.

Qabel iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, l-organizzazzjoni għandha tkun irrevediet il-kriterji, u għandha tkun iċċekkjat jekk l-organizzazzjoni għadhiex tikkonforma mal-kriterji validi. Id-dokumentazzjoni dwar dan il-proċess għandha ssir disponibbli fuq il-portal tal-Internet.

Waqt iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, il-verifikatur jivverifika jekk ir-rapporti annwali dwar il-Klima u l-Ambjent ġewx ippreżentati kull sena kif meħtieġ. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-rapporti annwali intermittenti jridu jiġu magħmula mill-ġdid bl-aħjar mod possibbli, possibbilment b'mod retroattiv.

Il-proċess ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid huwa identiku għall-proċess ta' ċertifikazzjoni. Iċ-ċertifikatur/il-verifikatur għandu jagħti attenzjoni lil progress (ambjentali) kontinwu.

Ma ssir l-ebda verifika esterna fis-snin tan-nofs. Ir-rapporti intermedji dwar il-Klima u l-Ambjent għandhom jiġu abbozzati internament. Meta jitqies li 98 % tal-intrapriżi ċertifikati mill-ELH huma organizzazzjonijiet żgħar, u abbażi tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7, skont l-EMAS din il-frekwenza għandha tiġi mqabbla ma' verifika kull sentejn.

4.

Rekwiżiti dwar il-verifika u l-validazzjoni: Il-verifika għandha ssir skont il-proċess deskritt fil-punt 2 hawn fuq.

Iċ-ċertifikaturi huma ċertifikaturi ġenerali, li joperaw fi ħdan ambitu ta' liċenzja wiesgħa (l-ebda settur speċifiku ta' liċenzjar). Bħall-verifikaturi tal-EMAS, iċ-ċertifikaturi tal-ELH għandhom jiddefinixxu b'mod ċar u jaqblu mal-organizzazzjoni rigward il-kamp ta' applikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni (il-partijiet tal-organizzazzjoni soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni), u għandhom jeżaminaw id-dokumentazzjoni, iżuru l-organizzazzjoni, u jagħmlu intervisti u jwettqu verifiki għal għarrieda. Skont il-manwal taċ-ċertifikaturi tal-ELH, iċ-ċertifikatur jista' jiddipendi b'mod parzjali fuq l-assigurazzjoni pprovduta mill-konsulent li jkun ħejja ċ-ċertifikazzjoni (43). Iċ-ċertifikatur għandu wkoll ikun jista' jiddokumenta l-analiżi tiegħu permezz ta' noti u permezz ta' kwalunkwe listi ta' kontroll li jaf ikunu saru.

Meta ċ-ċertifikatur japprova l-intrapriża, l-ittra ta' aċċettazzjoni finali tiġi ġġenerata miċ-ċertifikatur li japprova l-Miljøkartlegging flimkien ma' rapport dwar kull nuqqas ta' konformità identifikat u rettifikat. It-tnejn li huma jiġu maħżuna fuq il-portal tal-Internet. L-Eco-Lighthouse imbagħad tivverifika d-dokumentazzjoni u tiżgura li l-proċedura hija skont ir-regoli u l-linji gwida. Ladarba jsir dan, l-ELH toħroġ iċ-ċertifikat.

L-approvazzjoni, it-taħriġ u s-superviżjoni tal-ħidma taċ-ċertifikatur huma żgurati mill-Eco-Lighthouse Foundation permezz tal-portal tal-Internet tagħha, filwaqt li l-istruzzjonijiet għat-twettiq taċ-ċertifikazzjoni huma ddefiniti fil-manwal taċ-ċertifikaturi tal-ELH. Dan jiżgura l-indipendenza u l-professjonalità tal-verifikatur abbażi tar-rekwiżiti ta' liċenzjar tal-ELH.

Kif imsemmi fil-punt 2 ta' hawn fuq, l-ELH ma tinkludix proċess speċifiku ta' validazzjoni annwali.

5.

Ir-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni jew ta' liċenzjar:

L-ELH stabbiliet sistema awtonoma ta' “liċenzjar” tal-awdituri u taċ-ċertifikaturi/tal-verifikaturi tagħha. Iċ-ċertifikatur/il-verifikatur huwa approvat, imħarreġ u mmonitorjat mill-ELH, u jopera f'isem il-muniċipalità fejn hija stabbilita l-organizzazzjoni. Ix-xogħol tiegħu jiġi mmonitorjat mill-qrib mill-ELH, iżda b'mod ġenerali ma jiġi akkreditat mill-ebda sistema ta' akkreditazzjoni standardizzata u rikonoxxuta. L-ELH Foundation hija ċċertifikata skont l-istandard ISO 9001, iżda ma tissodisfax l-Istandard għat-twassil ta' ċertifikazzjoni (ISO 17021). Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-ELH għandhom jitqabblu mar-rekwiżit ta' liċenzjar stabbilit mill-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-EMAS.

Iċ-ċertifikatur liċenzjat jinħatar mill-muniċipalità. B'hekk tinżamm iċ-ċertifikazzjoni indipendenti, kif tinżamm ukoll ir-rabta mal-muniċipalitajiet, li għandha sehem attiv. Permezz ta' din is-sistema tiġi evitata l-kumplessità, filwaqt li jiġi żgurat li l-ispejjeż jibqgħu baxxi. L-aċċess għal verifikaturi disponibbli lokalment huwa fattur ta' suċċess ewlieni fis-sistema tal-ELH għax permezz tiegħu, l-intrapriżi (li l-biċċa l-kbira minnhom huma żgħar u ta' daqs medju) b'għadd żgħir ta' aspetti ambjentali serji jistgħu jiksbu ċ-ċertifikazzjoni bi spiża raġonevoli.

Ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ELH rigward il-kwalifika tal-verifikaturi/taċ-ċertifikaturi jiffokaw fuq l-elementi li ġejjin:

Il-verifikaturi/iċ-ċertifikaturi tal-ELH huma mħarrġa biex ikollhom għarfien tajjeb dwar l-EMS li jiċċertifikaw (ELH) u dwar s-sistema ta' kriterji tagħha;

Il-verifikaturi/iċ-ċertifikaturi tal-ELH ma jkunux akkreditati skont settur partikolari, iżda jiġu approvati għal taħriġ fuq il-bażi ta' kompetenza ġenerali fl-oqsma tal-ambjent, tal-HSE, u tal-kontroll/l-analiżi tal-kwalità. L-ELH tiddependi b'mod qawwi fuq il-preċiżjoni tal-kriterji li għandhom jiġu verifikati. Dan l-approċċ huwa maħsub biex iżomm l-ispejjeż baxxi għall-kumpaniji billi jżid l-għadd ta' ċertifikaturi u jnaqqas l-ivvjaġġar;

B'mod simili, l-għarfien legali jinbidel b'referenza għal kriterji speċifiċi tal-industrija, bi gwida speċifika għall-verifikatur;

L-għarfien ta' aspetti tekniċi huwa ffukat fuq l-aktar temi ambjentali importanti (it-trasport, l-enerġija, l-iskart, eċċ.). L-Eco-Lighthouse tiċċertifika intrapriżi b'impatti ambjentali bażiċi.

Sabiex tkun tista' twettaq dawn il-kompiti, l-ELH tiżgura li ċ-ċertifikaturi/il-verifikaturi jkunu kisbu l-kwalifika (A) u t-taħriġ (B) li ġejjin:

A.

Rekwiżiti ta' kwalifika għall-verifikaturi/għaċ-ċertifikaturi:

Għarfien dwar kwistjonijiet ambjentali (l-enerġija, it-trasport, l-iskart, l-akkwisti, l-emissjonijiet)

Kwalifiki fil-qasam tal-awditjar u/jew esperjenza professjonali

Esperjenza professjonali rilevanti (relatata mal-ambjent, HSE, ISO 14001, EMAS, eċċ.)

Sfond professjonali rilevanti (suġġetti relatati max-xjenza u mal-ambjent, HSE, ISO 14001, EMAS, eċċ.)

Sfond professjonali ieħor jew esperjenza professjonali rilevanti oħra

B.

Taħriġ taċ-ċertifikatur/tal-verifikatur:

Ladarba jiġi aċċettat, iċ-ċertifikatur/il-verifikatur jiġi mħarreġ mill-ELH b'mod individwali. It-taħriġ jinkludi:

Introduzzjoni għall-Eco-Lighthouse. L-istorja fil-qosor, in-netwerk u l-istruttura tal-organizzazzjoni.

Ir-rwoli differenti u r-responsabbiltajiet tagħhom: il-konsulent, il-verifikatur, il-koordinatur tal-muniċipalità, l-amministrazzjoni u l-persuna mill-Eco-Lighthouse responsabbli fl-intrapriża.

Jekk ikun hemm disponibbli konsulent estern: introduzzjoni qasira mogħtija mingħandu stess biex jiġu spjegati l-aspetti prattiċi tal-proċess lejn iċ-ċertifikazzjoni, sabiex jinftiehmu aħjar

Il-portal tal-Internet tal-Eco-Lighthouse li jinkludi r-rieżami ambjentali, ir-rapport ta' ċertifikazzjoni

Ir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent

Il-proċess ta' ċertifikazzjoni u ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid tal-Eco-Lighthouse

Il-metodi ta' verifika

Dawn li ġejjin huma l-miżuri addizzjonali li għandhom jiġu implimentati fl-2017:

Eżaminazzjoni

Approvazzjoni għal operat limitata biż-żmien

L-osservazzjoni ta' ċertifikaturi/verifikaturi minn korp estern

L-ELH għandha l-intenzjoni li tintensifika d-djalogu tagħha ma' korpi ta' Akkreditazzjoni fin-Norveġja, u beħsiebha tissodisfa l-istandards u r-rekwiżiti tagħhom, għalkemm ma twassalx akkreditazzjoni proprja ta' ċertifikaturi/verifikaturi minħabba ż-żieda drastika fl-ispejjeż li din tinvolvi għall-intrapriżi li jixtiequ jiġu ċertifikati mill-ELH.

Konklużjoni tal-Kummissjoni

Il-valutazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-ELH ikkonfermat li jistgħu jiġu osservati differenzi bejn il-metodu (ibbażat fuq il-kriterji), il-kamp ta' applikazzjoni (setturi mingħajr aspetti ambjentali kumplessi) u l-mira (prinċipalment SMEs) tal-EMAS u l-istess elementi tal-ELH. Anki r-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni u ta' liċenzjar jirriflettu dawn id-differenzi, kif ukoll xi speċifiċitajiet tas-sistema tal-ELH bħalma huma l-kollaborazzjoni mal-muniċipalitajiet jew ir-rieda li l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni jinżammu baxxi.

L-approċċ tal-ELH jinkludi ċertifikazzjoni minn ċertifikatur indipendenti li dan jaqdi l-objettivi tal-iskema sew. Id-differenzi ewlenin, meta mqabbla mal-verifika tal-EMAS, huma dawn li ġejjin:

Il-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-ELH jiffoka fuq il-valutazzjoni tal-konformità mal-ġabra ta' kriterji li jiffurmaw il-qalba tas-sistema tal-ELH, inkluża l-osservanza tal-aktar rekwiżiti legali rilevanti. Approċċ strutturat bħal dan ma jeżistix fl-EMAS, fejn il-verifikatur irid jivvaluta l-implimentazzjoni korretta tar-rekwiżiti tar-Regolament fil-każ speċifiku ta' kull organizzazzjoni, inkluża l-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali rilevanti u l-konformità mar-rekwiżiti legali.

Il-kompetenza taċ-ċertifikatur tal-ELH hija ċċentrata fuq il-valutazzjoni tal-kriterji. Fis-sistema tal-EMAS il-kompetenza hija ċċentrata fuq għarfien usa' dwar l-aspetti ambjentali u fuq għarfien speċifiku tas-settur industrijali kkonċernat.

Il-verifikaturi tal-ELH huma mħarrġa u approvati mill-ELH Foundation u l-ħidma tagħhom tiġi ssorveljata b'mod individwali. Il-verifikaturi tal-EMAS huma akkreditati jew liċenzjati u ssorveljati minn korpi amministrattivi maħtura mill-gvernijiet abbażi tar-rekwiżit tar-Regolament dwar l-EMAS u/jew tal-Istandard ISO 17021.

L-EMAS tinkludi verifika esterna annwali biex tiġi żgurata l-validazzjoni tad-dikjarazzjoni ambjentali (kull sentejn għall-SMEs, li jirrapreżentaw il-maġġoranza vasta tal-organizzazzjonijiet tal-ELH). Iċ-ċertifikazzjoni tal-ELH issir kull tliet snin, mingħajr ma jsiru verifiki intermedjarji.

Is-sistema tal-ELH, bil-ġabriet ta' kriterji predefiniti tagħha, l-enfasi tagħha fuq organizzazzjonijiet żgħar (biss ftit intrapriżi li jħaddmu iktar minn 250 impjegat, l-ebda intrapriża attiva fl-industrija tqila), u s-sistema ta' ċertifikazzjoni tagħha li hija ssorveljata mill-ELH foundation u mmexxija mill-muniċipalitajiet, tipprovdi approċċ effiċjenti u prammatiku għal SMEs li jkollhom ix-xewqa li jivvalutaw u jtejbu l-prattiki tagħhom b'rabta mas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza.

Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' sistema strutturata madwar il-ġabriet ta' kriterji, il-verifikatur/iċ-ċertifikatur tal-ELH mhux meħtieġ li jkun kompetenti biex jidentifika kwistjonijiet ambjentali oħra jew nuqqas ta' konformità li ma jkunux parti mill-kriterji. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' għarfien settorjali speċifiku jew ta' għarfien legali jista' jxekklu milli jwettaq verifiki speċifiċi fuq il-post jew li jivverifika l-affidabbiltà ta' dejta teknika speċifika ta' status legali. Analiżi speċifika bħal din tista' tkun meħtieġa sabiex jiġu vvalutati aspetti li jmorru lil hinn mill-kriterji tal-industrija, b'mod partikolari aspetti addizzjonali identifikati skont il-GIC 1963 (44), u għall-verifika tal-konformità legali.

Minn din l-analiżi jista' jiġi konkluż li l-ELH tinkludi sistema koerenti ta' ċertifikazzjoni minn ċertifikatur indipendenti li takkomoda sew l-istruttura u l-ispeċifiċitajiet tas-sistema. Madankollu, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kompetenzi tal-verifikatur tal-ELH ma jaqblux bis-sħiħ mar-rekwiżiti korrispondenti tar-Regolament dwar l-EMAS.

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-parti tal-ELH dwar “Ir-rekwiżiti ta' akkreditazzjoni jew ta' liċenzjar” taqbel b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS.

Konklużjoni

L-ELH tikkostitwixxi skema strutturata sew, moderna u ġusta, li tipprovdi ċertifikazzjoni ambjentali verifikata indipendenti lil bosta organizzazzjonijiet ta' diversi daqsijiet minn setturi differenti. Din hija msejsa madwar ġabra ta' kriterji ġenerali u speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-organizzazzjoni li teħtieġ ċertifikazzjoni. Din l-istrutturazzjoni tvarja mill-approċċ tal-EMAS, li jeħtieġ identifikazzjoni preliminari tal-aspetti ambjentali sinifikanti speċifiċi għall-organizzazzjoni bħala bażi li tappoġġa l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni.

Barra minn hekk, iż-żewġ skemi jindirizzaw miri differenti. Filwaqt li ELH tiffoka b'mod ċar fuq l-SMEs, l-EMAS tista' tiġi implimentata minn organizzazzjonijiet ta' kull daqs, inkluż minn organizzazzjonijiet industrijali kbar. F'termini ta' governanza, l-ELH foundation tħaddem l-iskema u tiddefinixxi r-rekwiżiti tagħha. L-ELH foundation topera wkoll bħala korp ta' liċenzjar responsabbli għat-taħriġ u l-approvazzjoni taċ-ċertifikaturi li joperaw fil-muniċipalitajiet differenti. Il-governanza tal-EMAS hija bbażata fuq att leġiżlattiv (Regolament tal-UE), tinvolvi korpi maħtura mill-awtoritajiet u teħtieġ verifika minn verifikatur akkreditat jew liċenzjat.

Kif ġie enfasizzat tul dan id-dokument, iż-żewġ sistemi għandhom l-għan li jiksbu l-istess objettiv ġenerali (it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet) permezz ta' metodi differenti. Ir-rekwiżiti mhumiex identiċi. Uħud mill-partijiet tal-ELH jaqblu b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS, filwaqt li oħrajn jiġu rikonoxxuti bħala li huma konformi ma' dawn ir-rekwiżiti. Partijiet tal-ELH li ma jikkonformawx bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-EMAS ma jistgħux jiġi rikonoxxuti bħala li huma ekwivalenti. Madankollu, organizzazzjonijiet li jkunu jixtieq jirreġistraw mal-EMAS jistgħu jużaw dan id-dokument biex jadattaw dawn il-partijiet qabel japplikaw għar-reġistrazzjoni mal-EMAS.

Abbażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li:

il-partijiet li ġejjin tal-Eco-Lighthouse jikkonformaw mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS. Għalhekk dawn il-partijiet jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS:

L-impenn u l-involviment tal-maniġment superjuri;

L-Istabbiliment ta' Politika Ambjentali;

L-objettivi u l-programm ambjentali stabbiliti biex jiġi żgurat titjib kontinwu;

L-istruttura organizzazzjonali, it-taħriġ, u l-involviment tal-impjegati;

Rekwiżiti marbutin mad-dokumentazzjoni;

Il-kontroll operattiv

It-tħejjija għall-emerġenzi u r-rispons f'każ ta' emerġenza;

Iċċekkjar, verifika interna u azzjoni korrettiva;

L-Eżami mill-Maniġment;

il-partijiet li ġejjin tal-Eco-Lighthouse jaqblu b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS:

L-Istabbiliment ta' Rieżami Ambjentali – analiżi preliminari;

L-iżgurar tal-konformità legali;

Il-komunikazzjoni (interna u esterna);

ir-rekwiżiti tal-Eco-Lighthouse li jirrigwardaw l-akkreditazzjoni jew il-liċenzjar għall-korpi ta' ċertifikazzjoni jaqblu b'mod parzjali mar-rekwiżiti korrispondenti tal-EMAS.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

(2)  L-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

(3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(4)  Dan il-livell għoli ta' konformità meħtieġ għandu jinftiehem fil-kuntest tal-Artikolu 4 tar-Regolament li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet biex tinkiseb ir-reġistrazzjoni mal-EMAS. It-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu jeżenta lill-organizzazzjonijiet li jkollhom sistema ċertifikata ta' ġestjoni ambjentali rikonoxxuta skont l-Artikolu 45 milli jwettqu dawk il-partijiet li jkunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament. Għalhekk, il-partijiet rikonoxxuti bħala ekwivalenti għandhom ikunu kapaċi jiżguraw l-istess funzjoni bħall-partijiet korrispondenti tal-EMAS fid-dawl ta' implimentazzjoni tal-EMAS u reġistrazzjoni magħha.

(5)  Ara s-sit web tal-ELH http://eco-lighthouse.org/certification-scheme/

(6)  Għal traduzzjonijiet bl-Ingliż tal-kriterji: http://eco-lighthouse.org/statistikk/ (ġew tradotti l-kriterji ġenerali tal-industrija, flimkien ma' għadd żgħir ta' settijiet magħżula ta' kriterji speċifiċi). Għall-verżjonijiet bin-Norveġiż: http://www.miljofyrtarn.no/dette-er-miljøfyrtårn/bransjekriterier/9-miljt/miljt/55-bransjekriterier-gruppert

(7)  Din ma għandhiex tiġi konfuża mad-“dikjarazzjoni ambjentali” tal-EMAS, li tingħata definizzjoni tagħha fl-Artikoli 2 u 18 u fl-Anness IV, B tar-Regolament dwar l-EMAS.

(8)  Li jistabbilixxi: “L-intrapriża trid tistabbilixxi politika ambjentali u miri b'rabta mas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza. Dawn għandhom jiġu ddokumentati fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali jew fil-pjan ta' azzjoni għar-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent tal-Eco-Lighthouse”.

(9)  L-obbligu li jinżamm kontroll intern: “L-obbligu li jiġi introdott u li jsir kontroll intern jaqa' f'idejn “il-persuna responsabbli” għall-intrapriża. Dan ifisser il-maniġer jew sid l-intrapriża. Għalkemm il-kontroll intern għandu jsir fil-livelli kollha tal-intrapriża, ir-responsabbiltà ewlenija għat-tnedija tas-sistema (u għaż-żamma tagħha) hija f'idejn il-ġestjoni superjuri tal-intrapriża. Din it-taqsima tiċċara, madankollu, li l-kontroll intern għandu jiġi introdott u għandu jsir f'kollaborazzjoni mal-impjegati, mal-kumitat tal-ambjent tax-xogħol, mad-delegat(i) tas-sikurezza u/jew mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, fejn dawn ikunu preżenti”

(10)  L-awtorità legali għal dan il-kriterju hija t-Taqsima 5.7 tar-Regolamenti dwar l-Attivitajiet Sistematiċi b'rabta mas-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza fl-Intrapriżi (ir-Regolamenti dwar il-Kontroll Intern).

(11)  Rabta legali https://www.arbeidstilsynet.no/hms/internkontroll/ u għal referenza ulterjuri: http://www.hse.gov.uk/.

(12)  http://eco-lighthouse.org/statistikk/

(13)  Liċ-ċertifikatur u lill-organizzazzjoni b'mod ġenerali

(14)  www.regelhjelp.no

(15)  http://www.miljofyrtarn.no/dokumenter/bransjekrav/844-general-industry-criteria/file u http://www.miljofyrtarn.no/dokumenter/bransjekrav/866-guidance-to-the-general-industry-criteria/file

(16)  Statistika dwar il-lukandi kif mogħtija mill-ELH: http://miljofyrtarn.no/dokumenter/bransjekrav/864-industry-criteria-hotel/file u dwar il-ħwienet tal-merċa bl-imnut: http://miljofyrtarn.no/dokumenter/bransjekrav/863-industry-criteria-retail-grocery-store/file

(17)  http://eco-lighthouse.org/statistikk/

(18)  Gwida tal-Eco-Lighthouse dwar il-Kriterji Ġenerali tal-Industrija tal-4 Mejju 2017 – Kriterju 1963: “meta intrapriża tqis li għandhom jiġu implimentati miżuri addizzjonali, Valutazzjoni separata ta' aspetti ambjentali oħra għandha tkun biżżejjed. L-intrapriża hija ħielsa li tagħżel liema metodu tixtieq li timplimenta sabiex tindirizza dawn l-aspetti ambjentali, iżda tista' tkun marbuta mal-analiżi tar-riskju għall-ambjent estern”.

(19)  Iċ-ċertifikaturi tal-ELH huma mħarrġa biex jivvalutaw il-konformità ma' kriterji fattwali, mhux biex iwettqu valutazzjoni speċifika tad-diversi aspetti ambjentali.

(20)  Ara wkoll ir-rekwiżit 4: Konformità legali

(21)  Li jiġu enfasizzati dawn id-differenzi metodoloġiċi huwa partikolarment rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 4 tar-Regolament. Is-sostituzzjoni tar-Rieżami Ambjentali tal-EMAS bid-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-ELH ma taħdimx fil-kuntest ta' implimentazzjoni tal-EMAS.

(22)  b'konformità mal-Anness II, il-punt A 2 tal-EMAS

(23)  GIC 1944: L-intrapriża għandha tiżgura aċċess għal ħarsa ġenerali aġġornata tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti b'rabta mas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza.

(24)  http://www.regelhjelp.no/ u http://www.miljofyrtarn.no/dette-er-milj%C3%B8fyrt%C3%A5rn/bransjekriterier

(25)  Ir-Regolament dwar l-EMAS, Anness II, B2(2)

(26)  http://www.regelhjelp.no/

(27)  GIC 1950 “L-intrapriża għandha tistabbilixxi proċeduri għar-rappurtar u għat-trattament tan-nuqqas ta' konformità”.

(28)  http://eco-lighthouse.org/statistikk/ il-gwida għall-kriterji tinsab fl-aħħar tad-dokument

(29)  http://eco-lighthouse.org/statistikk/ il-gwida għall-kriterji tinsab fl-aħħar tad-dokument

(30)  GIC 1933: L-intrapriża għandha tidentifika aspetti ambjentali sinifikanti oħrajn tal-intrapriża, u tikkunsidra kwalunkwe azzjoni u/jew inklużjoni meħtieġa fir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent u/jew monitoraġġ permezz tal-pjan ta' azzjoni.

(31)  Għandu jiġi nnutat li l-grupp tal-HSE (Arbeidsmiljøutvalg) u l-grupp tal-ELH (Miljøgruppe) huma entitajiet differenti. Il-Grupp dwar is-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza (HSE) huwa obbligatorju skont il-liġi meta jkun hemm aktar minn 50 impjegat. Ma jeżisti l-ebda obbligu li jkun hemm grupp tal-ELH, iżda l-ELH tirrakkomanda li jsir hekk f'organizzazzjonijiet b'aktar minn għadd speċifiku ta' impjegati. Jista' jkun l-istess grupp, bl-għan li jiġu żgurati l-organizzazzjoni u l-integrazzjoni effiċjenti tal-ELH fi strutturi ta' ġestjoni eżistenti.

(32)  Il-manwal taċ-ċertifikazzjoni tal-Eco-Lighthouse tal-2016 - 3.2.4 It-twaqqif u l-ħatra ta' grupp ambjentali/grupp tal-proġetti

(33)  http://miljofyrtarn.no/nyeverktoy u (eżempju) http://www.miljofyrtarn.no/2015-11-18-23-56-21/avfall

(34)  https://rapportering.miljofyrtarn.no/Account/Login?ReturnUrl=%2F Ikkuntattja lill-ELH għall-aċċess.

(35)  http://www.regelhjelp.no/

(36)  https://www.dsb.no/ Link għal lovdata (nirien, splużjonijiet, sustanzi perikolużi, eċċ.): https://lovdata.no/dokument/NL/lov/2002-06-14-20#KAPITTEL_2

(37)  https://www.dsb.no/

(38)  Silta mil-linji gwida tar-Regolamenti dwar il-Kontroll Intern (ICR) “rieżami perjodiku tal-attivitajiet b'rabta mas-saħħa, l-ambjent u s-sikurezza. Apparti l-azzjonijiet regolari ta' segwitu (eż. l-ispezzjonijiet tas-sikurezza, il-laqgħat tal-persunal, eċċ.), l-intrapriża, tal-inqas darba fis-sena, għandha twettaq eżami aktar komprensiv tal-attivitajiet tal-HSE u għandha tevalwa jekk humiex qed jaħdmu fil-prattika. L-intrapriża għandu jkollha rutina bil-miktub għall-eżami. Ir-riżultati tal-eżami għandhom ikunu aċċessibbli faċilment. L-għan hu li jiġu identifikati d-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet, u li dawn jiġu rettifikati. Huwa importanti li jinstabu l-kawżi, u li jiġi żgurat li dawn ma jerġgħux iseħħu. Wara li jsir l-eżami, apparti l-objettiv ġenerali għandhom jiġu stabbiliti għanijiet konkreti għal titjib”. Silta meħuda minn: www.arbeidstilsynet.no/binfil/download2.php?tid=77839 (verżjoni pdf tal-linji gwida u tar-regolament dwar l-Attivitajiet Sistematiċi b'rabta mas-Saħħa, l-Ambjent u s-Sikurezza (HES). Għar-regolament sħiħ żur http://www.arbeidstilsynet.no/fakta.html?tid=78950 u għall-verżjoni bl-Ingliż żur: http://www.arbeidstilsynet.no/artikkel.html?tid=78622

(39)  http://www.arbeidstilsynet.no/artikkel.html?tid=78622

(40)  GIC 7: Mal-ewwel ċertifikazzjoni l-intrapriża trid tħejji rapport dwar il-klima u l-ambjent. Wara l-ewwel ċertifikazzjoni r-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent għas-sena kalendarja preċedenti kollha għandu jitlesta u jiġi ppreżentat fuq il-portal tal-Eco-Lighthouse sal-1 ta' April. Ir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent għandu jkun magħmul disponibbli għall-pubbliku ġenerali, għall-klijenti, għall-fornituri u għas-sħab fil-kooperazzjoni.

(41)  fost l-oħrajn http://miljofyrtarn.no/nyeverktoy

(42)  ara l-parti 7

(43)  Il-manwal taċ-ċertifikazzjoni tal-ELH – il-proċess ta' ċertifikazzjoni: “Il-kriterji kollha ma jistgħux jiġu verifikati bl-istess reqqa, iżda l-kriterji immarkati b'“D” (dokumentazzjoni) iridu jiġu dokumentati. Ir-rieżamijiet ambjentali għandhom jispiraw fiduċja u għandhom ikunu jistgħu jitqiesu bħala li jkunu saru bir-reqqa, u b'hekk għandhom jikkostitwixxu l-bażi prinċipali skont liema jiġi deċiż x'għandu jiġi verifikat. Iċ-ċertifikatur jiddeċiedi liema kundizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u liema kriterji jistgħu jiġu verifikati permezz ta' verifiki għal għarrieda. Jekk il-konsulent li jwettaq ir-rieżami ambjentali jagħti assigurazzjoni li jkunu ntlaħqu l-kriterji tal-industrija, fil-prinċipju ċ-ċertifikatur jista' jserraħ fuq din l-informazzjoni sakemm ma jkunx hemm sinjali li jindikaw il-kontra (rieżami ambjentali li ma jkunx sar sew, konklużjonijiet mhux affidabbli, ċirkostanzi oħrajn)”.

(44)  GIC 1963: “L-intrapriża għandha tidentifika aspetti ambjentali sinifikanti oħrajn tal-intrapriża, u tikkunsidra kwalunkwe azzjoni u/jew inklużjoni meħtieġa fir-rapport annwali dwar il-klima u l-ambjent u/jew monitoraġġ permezz tal-pjan ta' azzjoni.”


Top