EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0438

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/438 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi tad-depożitarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2015/9160

ĠU L 78, 24.3.2016, p. 11–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/04/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/438/oj

24.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/438

tas-17 ta' Diċembru 2015

li jissupplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi tad-depożitarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (1), u partikolarment l-Artikolu 26b tagħha,

Billi:

(1)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-objettivi tad-Direttiva 2009/65/KE jinkisbu uniformement fl-Istati Membri kollha, biex tissaħħaħ l-integrità tas-suq intern u toffri ċertezza ġuridika għall-parteċipanti tiegħu, inklużi l-investituri bl-imnut u istituzzjonali, l-awtoritajiet kompetenti u partijiet interessati oħra. Il-forma ta' Regolament tiżgura qafas koerenti għall-operaturi tas-suq kollha u hija l-aħjar garanzija possibbli għal kondizzjonijiet ugwali, kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni uniformi u standard ta' protezzjoni għall-investituri komuni u xieraq. Barra minn hekk hija tiżgura l-applikabbiltà diretta ta' regoli uniformi dettaljati dwar l-operat ta' impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u d-depożitarji, li min-natura tagħhom huma direttament applikabbli u għalhekk ma jeħtiġux aktar traspożizzjoni fil-livell nazzjonali. L-adozzjoni ta' Regolament jiżgura wkoll li l-emendi rilevanti għad-Direttiva 2009/65/KE, kif introdotti mid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jistgħu jiġu applikati mill-istess data fl-Istati Membri kollha.

(2)

Id-Direttiva 2009/65/KE tistipula sett estensiv ta' rekwiżiti li jirrigwardaw id-dmirijiet tad-depożitarji, l-arranġamenti ta' delega, u r-reġim ta' responsabbiltà għall-assi UCITS f'kustodja sabiex jiġi żgurat standard għoli ta' protezzjoni għall-investituri, li jqis li UCITS hija skema ta' investiment bl-imnut. Drittijiet u obbligi speċifiċi tad-depożitarju, tal-kumpanija maniġerjali u tal-kumpannija ta' investiment għandhom għalhekk jiġu stipulati b'mod ċar. Il-kuntratt bil-miktub għandu jinkludi d-dettalji kollha meħtieġa għas-salvagwardja xierqa tal-assi kollha UCITS mid-depożitarju jew parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont id-Direttiva 2009/65/KE u għad-depożitarju biex jissodisfa kif suppost is-sorveljanza u l-funzjonijiet tal-kontroll tiegħu.

(3)

Sabiex jippermetti lid-depożitarju jivvaluta u jimmonitorja r-riskju tal-kustodja, il-kuntratt miktub għandu jipprovdi dettall suffiċjenti dwar il-kategoriji tal-assi li fihom l-UCITS jista' jinvesti u jkopri r-reġjuni ġeografiċi li l-UCITS għandu pjanijiet jinvesti fihom. Il-kuntratt għandu jinkludi wkoll dettalji ta' proċedura ta' eskalazzjoni sabiex jispeċifika ċ-ċirkostanzi, l-obbligi ta' notifika u l-passi li għandhom jittieħdu minn membru tal-persunal tad-depożitarju, fi kwalunkwe livell tal-istruttura organizzazzjonali tiegħu, b'rabta ma' kwalunkwe diskrepanzi misjuba, inkluża n-notifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment jew/u lill-awtoritajiet kompetenti, kif mitlub b'dan ir-Regolament. Għalhekk, id-depożitarju għandu javża lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment dwar kwalunkwe riskju materjali identifikat fis-sistema tas-saldu ta' suq partikolari. It-terminazzjoni tal-kuntratt għandha tirrifletti l-fatt li trirrapreżenta l-aħħar għażla tad-depożitarju meta dan ma jkunx issodisfat illi l-assi huma protetti biżżejjed. Għandha wkoll tipprevjeni l-periklu morali li bih l-UCITS jista' jagħmel deċiżjonijiet ta' investiment irrispettivament mir-riskji tal-kustodja abbażi li d-depożitarju jkun responsabbli. Biex jinżamm standard għoli ta' protezzjoni għall-investituri, ir-rekwiżit li jistipula d-dettalji għall-monitoraġġ ta' partijiet terzi għandu jkun applikat tul il-katina tal-kustodja kollha.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li d-depożitarju jkun jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-kompiti previsti fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, u partikolarment il-kontrolli tat-tieni livell li għandhom jitwettqu mid-depożitarju. Tali kompiti ma għandhomx jipprevjenu lid-depożitarju milli jwettaq verifiki ex-ante skont l-UCITS fejn iqis li dan ikun xieraq. Sabiex jiġi żgurat li jkun jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu, id-depożitarju għandu jistabilixxi proċedura proprja ta' eskalazzjoni biex tindirizza sitwazzjonijiet fejn instabu diskrepanzi. Dik il-proċedura għandha tiżgura n-notifika tal-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe ksur materjali. Ir-responsabbiltajiet ta' sorveljanza tad-depożitarju lejn partijiet terzi huma mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet imposti fuq l-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE.

(5)

Id-depożitarju għandu jivverifika li hemm konsistenza bejn l-għadd ta' unitajiet maħruġa u r-rikavati riċevuti mis-sottoskrizzjonijiet. Barra minn hekk, biex jiżgura li l-pagamenti magħmula mill-investituri mas-sottoskrizzjoni jkunu wasslu, id-depożitarju għandu jiżgura wkoll li titwettaq rikonċiljazzjoni oħra bejn l-ordnijiet ta' sottoskrizzjonijiet u r-rikavat mis-sottoskrizzjonijiet. L-istess rikonċiljazzjoni għandha titwettaq fir-rigward tal-ordnijiet tat-tifdija. Id-depożitarju għandu jivverifika wkoll li l-għadd ta' unitajiet fil-kontijiet tal-UCITS jaqbel mal-għadd ta' unitajiet pendenti fir-reġistru tal-UCITS. Id-depożitarju għandu jadatta l-proċeduri tiegħu skont dan, filwaqt li jqis il-fluss tas-sottoskrizzjonijiet u l-amortizzazzjoni.

(6)

Id-depożitarju għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżgura li politiki u proċeduri xierqa tal-valwazzjoni tal-assi tal-UCITS ikunu effettivament implimentati, billi jwettaq kontrolli fuq kampjuni jew billi jqabbel il-konsistenza tal-bidla fil-kalkolu Valur tal-Assi Nett (NAV- Net asset value) tul iż-żmien ma' dak ta' parametru referenzjarju. Meta jistabbilixxi l-proċeduri tiegħu, id-depożitarju għandu jkollu fehim ċar tal-metodoloġiji tal-valwazzjoni użati mill-UCITS biex jagħti valur lill-assi UCITS. Il-frekwenza ta' dawn il-kontrolli għandha tkunu konsistenti mal-frekwenza tal-valwazzjoni tal-assi tal-UCITS.

(7)

Bis-saħħa tal-obbligu tiegħu ta' sorveljanza skont id-Direttiva 2009/65/KE, id-depożitarju għandu jistipula proċedura biex jivverifika fuq bażi ex post il-konformità tal-UCITS mal-liġi u r-regolamenti applikabbli u mar-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tiegħu. Dan għandu jkopri oqsma bħall-kontroll li l-investimenti tal-UCITS huma konsistenti mal-istrateġiji tiegħu tal-investiment kif deskritt fir-regoli u d-dokumenti tal-offerta tal-UCITS u jiżgura li l-UCITS ma jiksirx ir-restrizzjonijiet tal-investiment tiegħu, jekk ikun hemm. Id-depożitarju għandu jimmonitorja t-tranżazzjonijiet tal-UCITS u jinvetsiga kwalunkwe tranżazzjoni mhux tas-soltu. Jekk il-limiti jew ir-restrizzjonijiet stipulati f'liġi jew regolamenti applikabbli jew ir-regoli UCITS u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-UCITS jinkisru, id-depożitarju għandu jaġixxi minnufih biex jirtira t-tranżazzjoni li hija bi ksur ta' dawk il-liġijiet, regolamenti jew regoli.

(8)

Id-depożitarju għandu jiżgura li l-introjtu tal-UCITS jiġi kkalkulati bi preċiżjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE. Sabiex jinkiseb dan id-depożitarju jrid jiżgura li d-distribuzzjoni u l-kalkolu tal-introjtu jkunu xierqa u, fejn jidentifika żball, li l-UCITS jieħu azzjoni rimedjali xierqa. Ladarba d-depożitarju jkun żgura dan, għandu jivverifika l-kompletezza u l-preċiżjoni tad-distribuzzjoni tal-introjtu.

(9)

Sabiex id-depożitarju jkollu stampa ċara tal-influssi u l-ħruġ kollha ta' flus tal-UCITS fil-każijiet kollha, l-UCITS għandu jiżgura li d-depożitarju jirċievi mingħajr dewmien żejjed informazzjoni preċiża relatata mal-flussi kollha tal-flus, inkluż minn kwalunkwe parti terza li magħha ikun hemm miftuħ kont tal-flus tal-UCITS.

(10)

Sabiex il-flussi tal-flus tal-UCITS jiġu mmonitorjati tajjeb, id-depożitarju għandu jiżgura li hemm fis-seħħ proċeduri u li huma effettivament implimentati biex jimmonitorjaw adegwatament il-flussi tal-flus tal-UCITS u li dawn il-proċeduri jiġu rieżaminati perjodikament. Partikolarment, id-depożitarju għandu jistudja l-proċedura ta' rikonċiljazzjoni sabiex jissodisfa ruħu illi l-proċedura hija adattata għall-UCITS u mwettqa f'intervalli xierqa li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-UCITS. Tali proċedura għandha pereżempju tqabbel kull fluss ta' flus wieħed wieħed kif irrappurtat fir-rapporti tal-kont tal-bank mal-flussi tal-flus irreġistrati fil-kontijiet tal-UCITS. Fejn jitwettqu rikonċiljazzjonijiet fuq bażi ta' kuljum, kif jiġri fil-biċċa l-kbira ta' UCITS, id-depożitarju għandu jwettaq ir-rikonċiljazzjoni tiegħu fuq bażi ta' kuljum ukoll. Id-depożitarju għandu jimmonitorja partikolarment id-diskrepanzi ssottolineati mill-proċeduri ta' rikonċiljazzjoni u l-miżuri korrettivi meħuda sabiex jiġi nnotifikat mingħajr dewmien żejjed l-UCITS bi kwalunkwe anomalija li ma tkunx ġiet irrimedjata u biex iwettaq reviżjoni sħiħa tal-proċeduri ta' rikonċiljazzjoni. Tali reviżjoni għandha titwettaq mill-inqas darba fis-sena. Id-depożitarju għandu jidentifika wkoll fuq bażi tempestiva flussi sinifikanti ta' flus u partikolarment dawk li jistgħu jkunu inkonsistenti mal-operazzjonijiet tal-UCITS, bħal tibdil fil-pożizzjonijiet fl-assi, is-sottoskrizzjonijiet u t-tifdijiet tal-UCITS, u għandu jirċievi perjodikament rapporti tal-kontijiet tal-flus u jivverifika l-konsistenza tar-rekords tiegħu stess tal-pożizzjonijiet tal-flus ma' dawk tal-UCITS. Id-depożitarju għandu jżomm ir-rekord tiegħu aġġornat skont l-Artikolu 22(5)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE.

(11)

Id-depożitarju jrid jiżgura li l-pagamenti kollha li jsiru minn jew għan-nom tal-investituri mas-sottoskrizzjoni ta' ishma jew unitajiet tal-UCITS ikunu wasslu u ġew irreġistrati f'kont ta' flus wieħed jew aktar skont id-Direttiva 2009/65/KE. L-UCITS għandha għalhekk tiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni rilevanti meħtieġa li għandu bżonn biex jimmonitorja sew il-wasla tal-pagamenti tal-investituri. L-UCITS trid tiżgura li d-depożitarju jikseb din l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed meta l-parti terza tirċievi ordni biex tifdi jew toħroġ unitajiet ta' UCITS. L-informazzjoni għandha għalhekk tiġi trażmessa fit-tmiem il-jum ta' negozju mill-entità responsabbli għas-sottoskrizzjoni u t-tifdija jew unitajiet ta' UCITS lid-depożitarju sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin mill-pagamenti tal-investituri.

(12)

Id-depożitarju għandu jżomm fil-kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UCITS li jistgħu jiġu reġistrati jew miżmuma f'kont direttament jew indirettament f'isem depożitarju jew parti terza li lilha jkunu ddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja, notevolment fil-livell ta' depożitarju ċentrali tat-titoli. Addizzjonalment id-depożitarju għandu jkollu fil-kustodja tiegħu dawk l-istrumenti finanzjarji għandhom jinżammu f'kustodja li huma biss direttament reġistrati mal-emittent innifsu jew l-aġent tiegħu f'isem id-depożitarju jew parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja. Dawk l-istrumenti finanzjarji li skont il-liġi nazzjonali applikabbli huma rreġistrati biss f'isem l-UCITS mal-emittent jew l-aġent tiegħu ma għandhomx jinżammu f'kustodja. L-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jkunu fiżikament ikkonsenjati lid-depożitarju għandhom jinżammu f'kustodja. Sakemm il-kondizzjonijiet li l-istrumenti finanzjarji għandhom jinżammu taħthom jiġu ssodisfati, strumenti finanzjarji li huma pprovduti bħala kollateral lil parti terza jew huma pprovduti minn parti terza għall-benefiċċju tal-UCITS għandhom jinżammu f'kustodja wkoll mid-depożitarju nnifisu jew minn parti terza li lilha jkunu delegati funzjonijiet ta' salvagwardja sakemm dawn ikunu l-propjetà tal-UCITS.

(13)

L-istrumenti finanzjarji li jinżammu f'kustodja għandhom ikunu soġġetti għall-attenzjoni u l-protezzjoni dovuti l-ħin kollu. Sabiex jiġi żgurat li r-riskju tal-kustodja jiġi vvalutat kif xieraq, fl-eżerċitar tal-attenzjoni dovuta, għandhom ikunu stabbiliti obbligi ċari għad-depożitarju, li għandu partikolarment ikun jaf liema partijiet terzi jikkostitwixxu l-katina tal-kustodja, jiżgura li l-obbligi tad-diliġenza dovuta u s-segregazzjoni nżammu tul il-katina tal-kustodja kollha, jaċċerta li għandu dritt adegwat għall-aċċess għall-kotba u r-reġistri ta' partijiet terzi li lilhom ikunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja, jiżgura l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta u segregazzjoni, bid-dokumenti u jagħmel dawn id-dokumenti disponibbli għall-kumpanija maniġerjali jew għall-kumpanija ta' investiment.

(14)

Id-depożitarju għandu dejjem ikollu stampa komprensiva tal-assi kollha li mhumiex strumenti finanzjarji li għandhom jinżammu f'kustodja. Dawk l-assi jkunu soġġetti għall-obbligu li jivverifikaw is-sjieda u jżommu rekord skont id-Direttiva 2009/65/KE. Eżempji ta' assi bħal dawn huma assi fiżiċi li ma jikkwalifikawx bħala strumenti finanzjarji skont id-Direttiva 2009/65/KE jew li ma jistgħux jiġu kkonsenjati fiżikament lid-depożitarju, kuntratti finanzjarji bħal ċerti derivattivi u depożiti ta' flus.

(15)

Sabiex ikun żgurat grad suffiċjenti ta' ċertezza li l-UCITS huwa tabilħaqq sid l-assi, id-depożitarju għandu jiżgura li jirċievi l-informazzjoni kollha li jqis meħtieġa biex ikun issodisfat li l-UCITS ikollu d-dritt tas-sjieda fuq l-assi. Dik l-informazzjoni tista' tkun kopja ta' dokument uffiċjali li jixhed li l-UCITS huwa sid l-assi jew kwalunkwe evidenza formali u affidabbli li d-depożitarju jqis xierqa. Jekk meħtieġ, id-depożitarju għandu jitolb prova addizzjonali mingħand l-UCITS jew skont il-każ mingħand parti terza.

(16)

Id-depożitarju għandu wkoll iżomm rekord tal-assi kollha li għalihom ikun issodisfat li l-UCITS għandu s-sjieda. Jista' jistabbilixxi proċedura biex jirċievi informazzjoni minn partijiet terzi, fejn proċeduri li jiżguraw li l-assi ma jistgħux jiġu ttrasferiti mingħajr ma d-depożitarju jew il-parti terza li lilha jkunu ddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja ma tkunx infurmata dwar tali tranżazzjonijiet.

(17)

Meta jiġu ddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja lil parti terza, bi qbil mal-Artikolu 22a tad Direttiva 2009/65/KE, id-depożitarju huwa meħtieġ li jimplimenta u japplika proċedura xierqa u dokumentata sabiex jiżgura li d-delegat jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 22a(3) ta' din id-Direttiva f'kull ħin. Sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta' protezzjoni tal-assi, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ċerti prinċipji li għandhom jiġu applikati f'relazzjoni mad-delega ta' funzjonijiet ta' salvagwardja.

(18)

Dawk il-prinċipji ma għandhomx jitqiesu li huma eżawrjenti, kemm f'termini ta' stipular tad-dettalji kollha tal-eżerċizzju tal-attenzjoni u d-diliġenza dovuti tad-depożitarju, u lanqas f'termini ta' stipular tal-passi kollha li depożitarju għandu jieħu f'relazzjoni ma' dawn il-prinċipji stess. L-obbligu li tiġi mmonitorjata fuq bażi kontinwa l-parti terza, li ġiet iddelegata bil-funzjonijiet ta' salvagwardja għandu jikkonsisti fil-verifika li l-parti terza twettaq korrettament il-funzjonijiet delegati kollha u tikkonforma mal-kuntratt tad-delega u rekwiżiti legali oħra bħar-rekwiżiti ta' indipendenza u projbizzjoni ta' użu mill-ġdid. Id-depożitarju għandu jirrieżamina wkoll l-elementi vvalutati matul il-proċess tal-għażla u jqabbilhom mal-iżvilupp tas-suq. Id-depożitarju fi kwalunkwe waqt għandu jkun f'pożizzjoni li jivvaluta kif xieraq ir-riskji relatati mad-deċiżjoni li assi jiġu fdati lil parti terza. Il-frekwenza tar-reviżjoni għandha tiġi adattata sabiex tiqba' dejjem konsistenti mal-kondizzjonijiet tas-suq u mar-riskji assoċjati. Biex id-depożitarju jirrispondi b'mod effettiv għal insolvenza possibbli tal-parti terza, għandu jħejji pjan ta' kontinġenza, inklużi l-għażla possibbli ta' fornituri alternattivi kif jista' jkunu rilevanti. Filwaqt li dawn il-miżuri jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-kustodja ffaċċjat minn depożitarju, huma ma jbiddlux l-obbligu tar-radd lura ta' strumenti finanzjarji jew il-pagament tal-ammont korrispondenti jekk jintilfu, li jiddependi fuq jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/65/KE humiex issodisfati jew le.

(19)

Sabiex ikun issodisfat li l-assi UCITS u d-drittijiet UCITS huma protetti kontra l-insolvenza ta' parti terza, id-depożitarju għandu jifhem il-liġi tal-insolvenza tal-pajjiż terz fejn parti terza tinsab u jiżgura l-eżegwibilità tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom. Qabel jiddelega funzjonijiet ta' salvagwardja lil parti terza li tinsab barra l-Unjoni, id-depożitarju għandu jirċievi opinjoni ġuridika indipendenti dwar l-eżegwibilità tal-ftehim kuntrattwali mal- parti terza skont il-liġi applikabbli ta' insolvenza u l-każistika tal-pajjiż fejn tinsab il-parti terza, sabiex jiżgura li l-arranġament kuntrattwali huwa eżegwibbli wkoll f'każ ta' insolvenza tal-parti terza. Depożitarju għandu l-obbligu li jivvaluta li l-qafas regolatorju u ġuridiku ta' pajjiż terz jinkludi wkoll l-ilqugħ ta' opinjoni ġuridika indipendenti li tivvaluta l-insolvenza u l-każistika tal-liġi tal-insolvenza tal-pajjiż terz fejn dik il-parti terza tkun tinsab. Dawn l-opinjonijiet jistgħu jiġu kkombinati, skont il-każ, jew maħruġa għal kull ġurisdizzjoni skont il-federazzjonijiet tal-industrija jew kumpaniji legali rilevanti għall-benefiċċju ta' diversi depożitarji.

(20)

L-arranġament kuntrattwali mal-parti terza magħżula li lilha ġew delegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja għandu jkun fih klawżola ta' terminazzjoni bikrija, kif huwa meħtieġ biex id-depożitarju jkun jista' jkun f'pożizzjoni li jtemm din ir-relazzjoni kuntrattwali f'każijiet fejn il-liġi jew il-każistika ta' pajjiż terz tinbidel b'tali mod li l-protezzjoni ta' assi tal-UCITS m'għadhiex żgurata. F'dawn il-każijiet, id-depożitarju għandu javża lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment tagħha. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tiegħu. In-notifika tal-awtoritajiet kompetenti dwar iż-żieda fir-riskju ta' kustodja u fir-riskju ta' insolvenza tal-assi UCITS f'pajjiż terz ma għandhiex teħles lid-depożitarju jew lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment tagħhom, mid-dmirijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2009/65/KE.

(21)

Meta jiddelega funzjonijiet ta' salvagwardja, id-depożitarju għandu jiżgura li r-rekwiżiti tal-Artikolu 22a(3)(c) tad-Direttiva 2009/65/KE ikunu ssodisfati u li l-assi tal-klijenti tal-UCITS tad-depożitarju jkunu segregati sew. Dan l-obbligu għandu partikolarment jiżgura li l-assi tal-UCITS ma jintilfux minħabba l-insolvenza tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja u li l-assi tal-UCITS ma għandhomx jerġgħu jintużaw minn parti terza f'isimha. Barra minn hekk, id-depożitarju għandu jkun jista' jipprojbixxi defiċits temporanji fl-assi tal-klijenti, juża bafers jew joħloq arranġamenti li jipprojbixxu l-użu ta' bilanċ ta' debitu ta' klijent wieħed biex ipaċi l-bilanċ ta' kreditu ta' ieħor. Filwaqt li dawn il-miżuri jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-kustodja ffaċċjat minn depożitarju meta jiddelega funzjonijiet ta' kustodja, dawn ma jbiddlux l-obbligu tar-radd lura ta' strumenti finanzjarji jew il-pagament tal-ammont korrispondenti jekk jintilfu, li jiddependi fuq jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65/KE humiex issodisfati jew le.

(22)

Qabel id-delega ta' funzjonijiet ta' salvagwardja u matulha, id-depożitarju għandu jiżgura permezz tal-arranġamenti prekuntrattwali u kuntrattwali tiegħu li parti terza tieħu miżuri u timplimenta arranġamenti sabiex tiżgura li l-assi tal-UCITS jiġu protetti minn distribuzzjoni fost jew realizzazzjoni għall-benefiċċju tal-kredituri tal-parti terza stess. Id-Direttiva 2009/65/KE tirrikjedi lill-Istati Membri kollha biex iġibu l-liġijiet ta' insolvenza rilevanti tagħhom f'konformità ma' dan ir-rekwiżit. Huwa għalhekk meħtieġ li d-depożitarju jikseb informazzjoni indipendenti dwar il-liġijiet tal-insolvenza applikabbli u l-każistika ta' pajjiż terz fejn l-assi tal-UCITS huma meħtieġa li jinżammu.

(23)

Ir-responsabbiltà tad-depożitarju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tiskatta fl-eventwalità ta' telf ta' strument finanzjarju miżmum fil-kustodja mid-depożitarju stess jew minn parti terza li lilha ġiet delegata s-salvagwardja, sakemm id-depożitarju ma jurix li t-telf jirriżulta minn avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi raġjonevoli kollha bil-kuntrarju. Dak it-telf għandu jkun distint minn telf minn investiment għall-investituri li jirriżulta minn waqgħa fil-valur tal-assi bħala konsegwenza ta'deċiżjoni ta' investiment.

(24)

Biex telf jagħti lok għall-imputabilità tad-depożitarju, dan għandu jkun definittiv, mingħajr prospett li l-assi finanzjarju jiġi rkuprat. Għalhekk, sitwazzjonijiet fejn strument finanzjarju jkun biss temporanjament indisponibbli jew iffriżat ma għandux jgħodd bħala telf skont it-tifsira tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/65/KE. B'kuntrast, tliet tipi ta' sitwazzjonijiet jistgħu jiġu identifikat fejn it-telf għandu jitqies definittiv: fejn l-istrument finanzjarju ma għadux jeżisti jew qatt ma eżista; fejn l-istrument finanzjarju jeżisti iżda l-UCITS ikun definittivament tilef id-dritt tiegħu tas-sjieda fuqu; u fejn l-UCITS ikollu d-dritt tas-sjieda iżda ma jkunx għadu jista' jittrasferixxi titolu jew joħloq drittijiet limitati ta' sjieda fl-istrument finanzjarju fuq bażi permanenti.

(25)

Strument finanzjarju jitqies li ma għadux jeżisti pereżempju meta jgħib wara żball tal-kontabbiltà li ma jistax jitranġa, jew jekk qatt ma jkun eżista, meta s-sjieda tal-UCITS kienet irreġistrata abbażi ta' dokumenti ffalsifikati. Sitwazzjonijiet fejn telf ta' strumenti finanzjarji jkun ikkawżat minn aġir frawdolenti għandhom jitqiesu bħala telf.

(26)

L-ebda telf ma jisa' jiġi aċċertat meta l-istrument finanzjarju jkun ġie ssostitwit minn, jew ikkonvertit fi strument finanzjarju ieħor, f'sitwazzjonijiet fejn ishma jiġu kkanċellati u ssostitwiti bil-ħruġ ta' ishma ġodda f'riorganizzazzjoni ta' kumpanija. L-UCITS ma għandux jitqies li tilef b'mod permanenti d-dritt tiegħu ta' sjieda fuq l-istrument finanzjarju jekk huwa jkun leġittimament ittrasferixxa s-sjieda lil parti terza. Konsegwentament, fejn ikun hemm distinzjoni bejn is-sjieda legali u s-sjieda tal-benefiċċji tal-assi, id-definizzjoni ta' telf għandha tirreferi għat-telf tas-sjieda tal-benefiċċji.

(27)

Huwa biss fil-każ ta' avveniment estern lil hinn mill-kontroll tad-depożitarju, li l-konsegwenzi tiegħu huma inevitabbli minkejja l-isforzi raġjonevoli kollha bil-kuntrarju, li d-depożitarju jista' jevita milli jinżamm responsabbli skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/65/KE. L-issodisfar kumulattiv ta' dawn il-kondizzjonijiet għandhu jiġi ppruvat mid-depożitarju sabiex jiġi meħlus mir-responsabbiltà, u għandha tkun stipulata proċedura li għandha tkun segwita għal dak il-għan.

(28)

L-ewwel għandu jiġi stabbilit jekk l-avveniment li wassal għat-telf kienx estern. Ir-responsabbiltà tad-depożitarju ma għandhiex tiġi affettwata mid-delega tal-funzjonijiet ta' salvagwardja u għalhekk avveniment għandu jitqies estern jekk ma jiġrix bħala riżultat ta' xi att jew ommissjoni tad-depożitarju jew tal-parti terza li lilha tkun ġiet delegata is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji miżmuma fil-kustodja. Imbagħad, għandu jiġi vvalutat jekk l-avveniment huwiex lil hinn mill-kontroll tad-depożitarju, billi jiġi verifikat li ma kien hemm xejn li depożitarju seta' b'mod raġonevoli għamel biex jevita li jseħħ l-avveniment. F'dawn il-passi, kemm avvenimenti naturali kif ukoll atti ta' awtorità pubblika jistgħu jitqiesu bħala avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli. B'kuntrast, telf ikkawżat min-nuqqas tal-applikazzjon tar-rekwiżiti tas-segregazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21(11)(d)(iii) tad-Direttiva 2009/65/KE jew telf ta' assi minħabba tfixkil fl-attività tal-parti terza fir-rigward tal-insolvenza tagħha, ma jistgħux jitqiesu bħala avvenimenti esterni lil hinn mill-kontroll raġonevoli.

(29)

Fl-aħħarnett, id-depożitarju għandu jipprova li t-telf ma setax jiġi evitat minkejja l-isforzi raġonevoli kollha bil-kuntrarju. F'dan il-kuntest, id-depożitarju għandu jinforma lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija tal-investiment u jieħu azzjoni xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Pereżempju, f'sitwazzjoni fejn id-depożitarju jemmen li l-unika azzjoni xierqa hija li jeħles mill-istrumenti finanzjarji, id-depożitarju għandu jgħarraf kif xieraq lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment, li mbagħad min-naħa tagħha għandha tagħti struzzjonijiet bil-miktub lid-depożitarju dwar jekk ikomplix iżomm l-istrumenti finanzjarji jew jeħlisx minnhom. Kwalunkwe struzzjoni lid-depożitarju biex ikompli jżomm l-assi għandha tiġi rappurtata lill-investituri tal-UCITS mingħajr dewmien żejjed. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom iqisu kif dovut ir-rakkomandazzjonijiet tad-depożitarju. Skont iċ-ċirkostanzi, jekk id-depożitarju jibqa' mħasseb li l-istandard ta' protezzjoni tal-istrument finanzjarju mhuwiex biżżejjed, minkejja twissijiet ripetuti, għandu jikkunsidra azzjoni ulterjuri possibbli, bħat-terminazzjoni tal-kuntratt, sakemm l-UCITS jingħata perjodu ta' żmien biex isib depożitarju ieħor skont il-liġi nazzjonali.

(30)

Salvagwardji għall-protezzjoni tal-investituri fir-reġim tad-depożitarju jeħtieġu li jqisu l-interkonnessjonijiet possibbli bejn id-depożitarju u l-kumpanija tal-maniġment jew dik ta' investiment bħal dawk li jirriżultaw minn ġestjoni komuni jew affiljata jew parteċipazzjonijiet azzjonarji inkroċjati. Dawn l-interkonnessjonijiet, fejn u sa fejn huwa permess skont il-liġi nazzjonali, jistgħu jagħtu lok għall-kunflitt ta' interess li huwa rrappreżentat minn riskju ta' frodi (irregolaritajiet mhux irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi evitata reputazzjoni ħażina), rsikju ta' rikors legali (nuqqas ta' rieda jew l-evitar li jittieħdu passi legali kontra d-depożitarju), għażla preġudikata (l-għażla tad-depożitarju li mhux ibbażata fuq il-kwalità u l-prezz), riskju ta' insolvenza (standards aktar baxxi fis-segregazzjoni tal-assi jew l-attenzjoni għas-solvenza tad-depożitarju) jew rsikju ta' skopertura ta' grupp waħdieni (investimenti intra grupp).

(31)

L-indipendenza operazzjonali tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u tad-depożitarju, inklużi sitwazzjonijiet fejn funzjonijiet ta' salvagwardja ġew delegati, tipprovdi salvagwardji addizzjonali li jiżguraw il-protezzjoni tal-investitur mingħajr kostijiet żejda billi tgħolli l-istandards ta' mġiba ta' entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp jew li huma b'xi mod ieħor relatati. Ir-rekwiżiti għal indipendenza operazzjonali għandhom jindirizzaw l-elementi materjali bħalma huma l-identità jew rabtiet personali ta' maniġers, impjegati jew persuni li jeżerċitaw funzjonijiet superviżorji lejn entitajiet oħra jew kumpaniji fil-grupp, inklużi sitwazzjonijiet fejn dawn il-persuni huma affiljati.

(32)

Biex ikun żgurat trattament proporzjonat, fejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju jappartjenu għall-istess grupp, mill-inqas terz tal-membri jew żewġ persuni fuq il-korpi inkarigati mill-funzjonijiet superviżorji jew mill-korpi maniġerjali li huma responsabbli wkoll mill-funzjonijiet superviżorji, liema minnhom tkun l-aktar baxxa, għandhom ikunu indipendenti.

(33)

F'dak li jirrigwarda l-governanza korporattiva, għandhom jiġu riflessi l-karatteristiċi speċifiċi kemm ta' sistema b'saff wieħed, fejn kumpanija hija regolata minn korp korporattiv wieħed li jieħu f'idejh kemm il-funzjonijiet maniġerjali u wkoll dawk superviżorji, u wkoll dawk ta' sistema b'żewġ saffi, fejn il-bord tad-diretturi u l-bord superviżorju jeżistu kontemporanjament..

(34)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti, l-UCITS u d-depożitarji jkunu jistgħu jadattaw għad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jinsabu f'dan ir-Regolament ħalli dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu applikati b'mod effiċjenti u effettiv, huwa xieraq li d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun differita b'sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ.

(35)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-grupp ta' esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DEFINIZZJONIJIET U DETTALJI TAL-KUNTRATT MIKTUB

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2009/65/KE

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“rabta” tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar huma marbuta permezz ta' parteċipazzjoni diretta jew indiretta f'impriża li tirrapreżenta 10 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot jew li tagħmilha possibbli li tkun eżerċitata influwenza sinifikanti fuq l-ġestjoni tal-intrapriża li fiha hemm il-parteċipazzjoni;

(b)

“rabta ta' grupp”, tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ impriżi jew entitajiet jew aktar jappartjenu għall-istess grupp fit-tifsira tal-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewroew u tal-Kunsill (3), jew l-istandards tal-kontabilità internazzjonali adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewroew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 2

Il-kuntratt ta' ħatra ta' depożitarju

1.   Il-kuntratt li jixhed il-ħatra tad-depożitarju f'konformità mal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jsir bejn, minn naħa, id-depożitarju u, min-naħa l-oħra, il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja l-kumpanija maniġerjali.

2.   Il-kuntratt għandu jinkludi mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tas-servizzi li għandhom ikunu pprovvduti mid-depożitarju u l-proċeduri li għandhom ikunu adottati mid-depożitarju għal kull tip ta' assi li fihom jista' jinvesti l-UCITS u li huma fdati f'idejn id-depożitarju;

(b)

Deskrizzjoni tal-mod li bih il-funzjonijiet ta' salvagwardja u sorveljanza għandhom jitwettqu skont it-tipi ta' assi u r-reġjuni ġeografiċi li fihom l-UCITS qed jippjana li jinvesti, inkluż fir-rigward tad-dmirijiet ta' salvagwardja, listi tal-pajjiżi kif ukoll il-proċeduri biex jiżdiedu jew jiġu rtirati pajjiżi mil-listi. Din għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni pprovduta fir-regoli tal-UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni u fid-dokumenti tal-offerta rigward l-assi li l-UCITS jista' jinvesti fihom;

(c)

il-perjodu ta' validità u l-kondizzjonijiet għall-emendar u t-terminazzjoni tal-kuntratt inklużi sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt u d-dettalji dwar il-proċedura tat-terminazzjoni u l-proċeduri li bihom id-depożitarju jibgħat l-informazzjoni rilevanti kollha li s-suċċessur tiegħu;

(d)

l-obbligi tal-kunfidenzjalità applikabbli għall-partijiet skont il-liġijiet u regolamenti relevanti. Dawn l-obbligi ma għandhomx ixekklu l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni relevanti;

(e)

il-mezzi u l-proċeduri li bihom id-depożitarju jittrażmetti lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha, inkluż l-eżerċitar ta' kwalunkwe drittijiet marbuta mal-assi, u biex il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment tkun f'pożizzjoni li jkollha rendikont ġenerali f'waqtu u akkurat tal-kontijiet tal-UCITS;

(f)

il-mezzi u l-proċeduri li permezz tagħhom il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment jittrażmettu l-informazzjoni rilevanti kollha jew jiżguraw li d-depożitarju jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq dmirijietu, inklużi l-proċeduri li jiżguraw li d-depożitarju jirċievi informazzjoni minn partijiet oħra maħtura mill-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment;

(g)

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta tkun qed tiġi kkunsidrata emenda fir-regoli tal-UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni jew fid-dokumenti tal-offerta, fejn jiġu spjegati s-sitwazzjonijiet li fihom id-depożitarju għandu jiġi mgħarraf, jew fejn ikun meħtieġ il-qbil minn qabel tad-depożitarju sabiex isseħħ l-emenda;

(h)

l-informazzjoni kollha meħtieġa li trid tiġi skambjata bejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment, jew parti terza li taġixxi f'isem l-UCITS, fuq naħa waħda, u d-depożitarju fuq in-naħa l-oħra, relatata mal-bejgħ, is-sottoskrizzjoni, it-tifdija, il-ħruġ, il-kanċellazzjoni u riakkwist ta' unitajiet tal-UCITS;

(i)

l-informazzjoni kollha meħtieġa li trid tiġi skambjata bejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment, jew parti terza li taġixxi f'isem l-UCITS u d-depożitarju relatata mat-twettiq tas-sorveljanza u mat-twettiq tad-doveri tad-depożitarju;

(j)

fejn il-partijiet fil-kuntratt jipprevedu li se jaħtru partijiet terzi biex iwettqu partijiet mid-dmirijiet rispettivi tagħhom, impenn li jipprovdu, fuq bażi regolari, dettalji ta' kwalunkwe parti terza maħtura u, fuq talba, informazzjoni dwar il-kriterji użati biex tintgħażel il-parti terza u l-passi previsti għall-monitoraġġ tal-attivitajiet imwettqa mill-parti terza magħżula;

(k)

informazzjoni dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-partijiet fil-kuntratt fir-rigward tal-obbligi marbuta mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(l)

informazzjoni dwar il-kontijiet kollha tal-flus miftuħa f'isem il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS u l-proċeduri li jiżguraw li d-depożitarju se jiġi infurmat kull meta jinfetaħ kont ġdid;

(m)

dettalji dwar il-proċeduri ta' esklazzjoni tad-depożitarju, inkluża l-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom jiġu kkuntattjati fil-kumpanija maniġerjali jew fil-kumpanija ta' investiment mid-depożitarju meta jvara tali proċedura;

(n)

impenn mid-depożitarju li jinnotifika li s-segregazzjoni tal-assi mhix, jew ma għadhiex suffiċjenti biex tiżgura l-protezzjoni minn insolvenza ta' parti terza, li lilha tkun ġiet delegata s-salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE f'ġurisdizzjoni speċifika;

(o)

il-proċeduri li jiżguraw li d-depożitarju, fir-rispett tad-dmirijiet tiegħu, għandu l-kapaċità jistħarreġ dwar il-kondotta tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u biex jivvaluta l-kwalità tal-informazzjoni riċevuta, inkluż billi jkollu aċċess għall-kotba tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u permezz ta' żjarat fuq il-post;

(p)

il-proċeduri li jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment tista' teżamina l-prestazzjoni tad-depożitarju fir-rigward tad-doveri tad-depożitarju.

Id-dettalji tal-mezzi u l-proċeduri stabbiliti fil-punti (a) sa (p) għandhom jiġu deskritti fil-kuntratt tal-ħatra tad-depożitarju u fi kwalunkwe emenda sussegwenti għall-kuntratt.

3.   Il-partijiet jistgħu jaqblu li jittrażmettu elettronikament l-informazzjoni kollha li tgħaddi bejniethom, jew parti minnha, sakemm tiġi żgurta reġistrazzjoni xierqa ta' tali informazzjoni.

4.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu li jsir kuntratt miktub speċifiku għal kull fond komuni.

Il-kumpanija maniġerjali u d-depożitarju jistgħu jidħlu fi ftehim ta' kuntratt wieħed li jelenka l-fondi komuni ġestiti minn dik il-kumpanija maniġerjali li għaliha japplika l-kuntratt.

5.   Il-kuntratt li jixhed il-ħatra tad-depożitarju u kwalunkwe ftehim sussegwenti għandu jindika l-liġi applikabbli għall-kuntratt.

KAPITOLU 2

FUNZJONIJIET TAD-DEPOŻITARJU, DMIRIJIET TA' DILIĠENZA DOVUTA, OBBLIGU TA' SEGREGAZZJONI U PROTEZZJONI MILL-INSOLVENZA

(l-Artikolu 22(3), (4) u (5) u l-Artikolu 22a(2)(c) u (d) tad-Direttiva 2009/65/KE)

Artikolu 3

Dmirijiet ta' sorveljanza — rekwiżiti ġenerali

1.   Mal-ħatra tiegħu, id-depożitarju għandu jivvaluta r-riskji assoċjati man-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-istrateġija u l-politika ta' investiment tal-UCITS u mal-organizzazzjoni tal-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment. Fuq il-bażi ta' dik il-valutazzjoni, id-depożitarju għandu jfassal proċeduri ta' sorveljanza li jkunu xierqa għall-UCITS u għall-assi li jinvesti fihom u li mbagħad jiġu implimentati u applikati. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu aġġornati regolarment.

2.   Fit-twettiq tad-dmirijiet ta' sorveljanza tiegħu skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, depożitarju għandu jwettaq kontrolli u verifiki ex-post tal-proċessi u l-proċeduri li jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment jew ta' parti terza maħtura. Id-depożitarju għandu fiċ-ċirkostanzi kollha jiżgura li teżisti proċedura xierqa ta' verifika u rikonċiljazzjoni u li tiġi implimentata u applikata u eżaminata frekwentement. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżguraw li l-istruzzjonijiet kollha relatati mal-assi u l-operazzjonijiet tal-UCITS jintbagħtu lid-depożitarju, ħalli d-depożitarju jkun jista' jwettaq il-verifika jew il-proċedura ta' rikonċiljazzjoni tiegħu stess.

3.   Depożitarju għandu jistabbilixxi proċedura ta' eskalazzjoni ċara u komprensiva biex jittratta ma' sitwazzjonijiet fejn jiġu skoperti diskrepanzi potenzjali matul id-dmirijiet tiegħu ta' sorveljanza, li d-dettalji tagħha għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment meta jkun hemm talba.

4.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tipprovdu lid-depożitarju, malli jibda dmirijietu u fuq bażi kontinwa u wara, bl-informazzjoni relevanti kollha li jeħtieġ biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE inkluża l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta lid-depożitarju minn partijiet terzi.

Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura partikolarment li d-depożitarju jkun jista' jkollu aċċess għall-kotba u biex iwettaq żjarat fuq il-post fil-bini tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u ta' kwalunkwe fornitur ta' servizzi maħtur mill-kumpanija maniġerjali jew mill-kumpanija ta' investiment, jew li jirrieżamina rapporti u dikjarazzjonijiet ta' ċertifikazzjonijiet esterni rikonoxxuti minn awdituri indipendenti u kwalifikati jew esperti oħra sabiex jiżgura l-adegwatezza u r-rilevanza tal-proċeduri fis-seħħ.

Artikolu 4

Dmirijiet marbuta mas-sottoskrizzjonijiet u t-tifdijiet

1.   Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn huwa jiżgura li l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment stabbilixxew proċedura xierqa u konsistenti u qed jimplimentawha u japplikawha:

(a)

jirrikonċilja l-ordnijiet ta' sottoskrizzjoni mar-rikavat mis-sottoskrizzjonijiet, kif ukoll l-għadd ta' unitajiet maħruġa mir-rikavat mis-sottoskrizzjonijiet li jirċievi l-UCITS;

(b)

jirrikonċilja l-ordnijiet ta' tifdija mat-tifdijiet imħallsa, kif ukoll l-għadd ta' unitajiet ikkanċellati mill-amortizzazzjonijiet imħallsa mill-UCITS;

(c)

jivverifika fuq bażi regolari li l-proċedura ta' rikonċiljazzjoni hija xierqa.

Għall-finijiet tal-punti (a), (b) u (c), id-depożitarju għandu partikolarment jiċċekkja regolarment il-konsistenza bejn l-għadd totali tal-unitajiet fil-kontijiet tal-UCITS u l-għadd totali ta' unitajiet pendenti li jidhru fir-reġistru tal-UCITS.

2.   Depożitarju għandu jiżgura u jiċċekkja b'mod regolari li l-proċeduri rigward il-bejgħ, il-ħruġ, ir-riakkwist, it-tifdija u l-kanċellazzjoni ta' unitajiet tal-UCITS jikkonformaw mal-liġi nazzjonali applikabbli u mar-regoli tal-UCITS jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni u jivverifika li dawn il-proċeduri huma effettivament implimentati.

3.   Il-frekwenza tal-kontrolli tad-depożitarju għandha tkun konsistenti mal-fluss tas-sottoskrizzjonijiet u t-tifdijiet.

Artikolu 5

Dmirijiet marbuta mal-valwazzjoni tal-unitajiet

1.   Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE meta jistabbilixxi proċeduri biex:

(a)

jivverifika fuq bażi regolari li proċeduri xierqa u konsistenti jkunu stabbiliti u applikati għall-valwazzjoni tal-assi tal-UCITS f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u mal-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/65/KE u mar-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-UCITS;

(b)

jiżgura li l-politiki u l-proċeduri tal-valwazzjoni jkunu effettivament implimentati u riveduti perjodikament.

2.   Id-depożitarju, għandu jwettaq il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 bi frekwenza konsistenti mal-frekwenza tal-politika ta' valwazzjoni tal-UCITS kif definit fil-liġi nazzjonali adottata f'konformità mal-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/65/KE, u skont ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-UCITS.

3.   Meta depożitarju jqis li l-kalkolu tal-valur tal-unitajiet tal-UCITS ma twettaqx skont il-liġi applikabbli jew ir-regoli tal-UCITS jew mal-istrumenti ta' inkorporazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanij ata' investiment u jiżgura li tittieħed azzjoni rimedjali f'waqtha fl-aħjar interessi tal-investituri fl-UCITS.

Artikolu 6

Dmirijiet marbuta mat-twettiq tal-istruzzjonijiet tal-UCITS.

Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE meta jistabbilixxi u jimplimenta mill-inqas:

(a)

proċeduri xierqa biex jivverifika li l-istruzzjonijiet tal-kumpanija maniġerjali jew il-kumpannija ta' investiment jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli u mar-regoli tal-UCITS u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(b)

proċedura ta' eskalazzjoni meta l-UCITS ikun kiser waħda mil-limiti jew ir-restrizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu.

Għall-finijiet tal-punt (a), id-depożitarju għandu jimmonitorja partikolarment il-konformità UCITS mar-restrizzjonijiet tal-investiment u l-limiti tal-ingranaġġ li l-UCITS hija suġġetta għalihom. Il-proċeduri msemmija fil-punt (a) għandhom ikunu proporzjonati għan-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-UCITS.

Artikolu 7

Dmirijiet marbuta mas-saldu f'waqtu tat-tranżazzjonijiet

1.   Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE meta jistabbilixxi proċedura biex jiskopri kwalunkwe sitwazzjoni fejn korrispettiv fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-UCITS ma jkunx rimess għall-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu, jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment kif xieraq u, fejn is-sitwazzjoni ma ġietx rimedjata, jitlob ir-restituzzjoni tal-assi mill-kontroparti fejn possibbli.

2.   Fejn it-tranżazzjonijiet ma jsirux f'suq regolat, id-depożitarju għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu skont il-paragrafu 1 filwaqt li jqis il-kondizzjonijiet marbuta ma' dawn it-tranżazzjonijiet.

Artikolu 8

Dmirijiet relatati mal-kalkolu u d-distribuzzjoni tal-introjtu tal-UCITS

1.   Sabiex jikkonforma mal-obbligi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn huwa:

(a)

jiżgura li l-kalkolu tal-introjtu nett huwa applikat f'konformità mar-regoli tal-UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni u fil-liġi nazzjonali applikabbli kull darba li l-introjtu għandu jkun distribwit;

(b)

jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa fejn l-awdituri tal-UCITS ikunu esprimew riżervi dwar ir-rapporti finanzjarji annwali. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jipprovdu lid-depożitarju bl-informazzjoni kollha dwar ir-riżervi espressi dwar ir-rapporti finanzjarji;

(c)

jivverifikaw il-kompletezza u l-akkuratezza tal-pagamenti tad-dividendi, kull darba li l-introjtu għandu jkun distribwit.

2.   Meta depożitarju jqis li l-kalkolu tal-introjtu ma kienx applikat skont il-liġi applikabbli jew ir-regoli tal-UCITS jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment u jiżgura li tkun ittieħdet azzjoni ta' rimedju fil-ħin u fl-aħjar interess tal-investituri tal-UCITS.

Artikolu 9

Monitoraġġ tal-flus — rekwiżiti ġenerali

1.   Fejn kont tal-flus jinżamm jew jinfetaħ f'entità msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE f'isem il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija tal-investiment għandha tiżgura li d-depożitarju jingħata, malli jibda d-dmirijiet tiegħu u fuq bażi kontinwa, l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex ilkollu rendikont ġenerali ċar tal-flussi tal-flus tal-UCITS kollha ħalli d-depożitarju jkun jista' jikkonforma mal-obbligi tiegħu.

2.   Mal-ħatra tad-depożitarju, il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali għandha tgħarraf lid-depożitarju dwar il-kontijiet tal-flus eżistenti kollha miftuħa f'isem l-UCITS, jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f'isem l-UCITS.

3.   Il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija ta' ġestjoni għandha tiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni kollha relatata mal-ftuħ ta' kwalunkwe kont tal-flus ġdid mill-kumpanija ta' investiment, jew mill-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS.

Artikolu 10

Monitoraġġ tal-flussi tal-flus tal-UCITS

1.   Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, fejn dan jiżgura monitoraġġ effettiv u xieraq tal-flussi tal-flus tal-UCITS, u, b'mod partikolari, li tal-anqas:

(a)

jiżgura li l-flus kollha tal-UCITS jiġu rreġistrati f'kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali jew istituzzjoni awtorizzata ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'pajjiż terz, fejn il-kontijiet tal-flus huma meħtieġa għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-UCITS, sakemm rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali applikati għall-istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak il-pajjiż terz ikunu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS bħala mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni.

(b)

jimplimenta proċeduri xierqa u effettivi biex jirrikonċilja l-movimenti tal-flussi tal-flus kollha u jwettaq tali rikonċiljazzjonijiet kuljum jew, fil-każ ta' movimenti ta' flus mhux frekwenti, meta jseħħu tali movimenti fil-flussi tal-flus;

(c)

jimplimenta proċeduri xierqa biex jidentifika fl-għeluq ta' kull ġurnata tan-negozju flussi tal-flus sinifikanti u flussi tal-flus li jistgħu jkunu inkonsistenti mal-operat tal-UCITS;

(d)

jirrevedi perjodikament l-adegwatezza ta' dawk il-proċeduri inkluż permezz ta' rieżami sħiħ tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni mill-inqas darba fis-sena u jiżgura li l-kontijiet tal-flus miftuħa f'isem il-kumpanija ta' investiment jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS jew f'isem id-depożitarju li jaġixxi f'isem l-UCITS jiġu inklużi fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni;

(e)

jimmonitorja fuq bażi kontinwa r-riżultati tar-rikonċiljazzjonijiet u l-azzjonijiet meħuda bħala riżultat ta' kwalunkwe diskrepanza identifikata permezz tal-proċeduri ta' rikonċiljazzjoni u jinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment. jekk irregolarità ma tkunx ġiet ikkoreġuta kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti jekk is-sitwazzjoni ma tistax tkun ikkoreġuta;

(f)

jivverifika li hemm konsistenza bejn ir-rekords tiegħu stess tal-pożizzjonijiet tal-flus ma' dawk tal-UCITS.

Sabiex tiġi evalwata l-ekwivalenza ta' rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali li jkunu applikati għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' pajjiż terz imsemmi fil-punt (a), l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-atti ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

2.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni kollha relatati ma' kont tal-flus miftuħ ma' parti terza jintbagħtu lid-depożitarju, ħalli d-depożitarju jkun jista' jwettaq il-proċedura ta' rikonċiljazzjoni tiegħu stess.

Artikolu 11

Dmirijiet mal-pagamenti mas-sottoskrizzjonijiet

Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni dwar pagamenti magħmula minn jew għan-nom tal-investituri mas-sottoskrizzjoni ta' unitajiet ta' UCITS fl-għeluq ta' kull ġurnata ta' negozju meta l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment li jaġixxu f'isem l-UCITS, jew parti li taġixxi f'isem UCITS, bħal aġent tat-trasferiment, jirċievi tali pagamenti jew ordni mingħand l-investitur. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li d-depożitarju jirċievi l-informazzjoni l-oħra rilevanti kollha li jeħtieġ biex jiżgura li l-pagamenti jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-flus miftuħa f'isem il-kumpanij ata' investiment jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS jew f'isem id-depożitarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 12

Strumenti finanzjarji li għandhom jinżammu f'kustodja

1.   Strumenti finanzjarji li jappartjienu lill-UCITS li ma jistgħux jiġu fiżikament ikkonsenjati lid-depożitarju għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju fejn ir-rekwiżiti li ġejjin kollha jkunu ssodisfati:

(a)

Dawn huma strumenti finanzjarji msemmija fil-punti (a) sa (e) u (h) tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew titoli trasferibbli li jinkorporaw derivattivi kif imsemmi fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

ikunu jistgħu jiġu rreġistrati jew miżmuma f'kont tat-titoli direttament jew indirettament f'isem id-depożitarju.

2.   Strumenti finanzjarji li skont il-liġi nazzjonali applikabbli huma biss direttament irreġistrati f'isem l-UCITS mal-emittent innifsu jew mal-aġent tiegħu, bħal reġistratur jew aġent tat-trasferiment, ma għandhomx jinżammu f'kustodja.

3.   Strumenti finanzjarji li jappartjenu lill-UCITS li jistgħu jiġu fiżikament ikkonsenjati lid-depożitarju dejjem għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju.

Artikolu 13

Dmirijiet ta' salvagwardja marbuta mal-assi miżmuma f'kustodja

1.   Depożitarju għandu jkun ikkunsidrat li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward ta' strumenti finanzjarji li għandhom jinżammu f'kustodja, fejn huwa jiżgura li:

(a)

l-istrumenti finanzjarji huma rreġistrati sew skont l-Artikolu 22(5)(a)(ii) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

jinżammu rekords u kontijiet segregati b'mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u partikolarment jirreġistra l-korrispondenza ma' strumenti finanzjarji u flus miżmuma għall-UCITS;

(c)

jitwettqu rikonċiljazzjonijiet fuq bażi regolari bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-depożitarju ma' dawk ta' kwalunkwe parti terza għand min ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE;

(d)

tiġi eżerċitata attenzjoni dovuta b'rabta mal-istrumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja sabiex jiġi żgurat standard għoli ta' protezzjoni għall-investituri;

(e)

ir-riskji rilevanti kollha tal-kustodja tul il-katina sħiħa tal-kustodja huma vvalutati u mmonitorjati u l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment ikunu infurmati dwar kwalunkwe riskju materjali identifikat;

(f)

hemm arranġamenti organizzazzjonali adegwati sabiex ikun imminimizzat ir-riskju ta' telf jew tnaqqis fl-istrumenti finanzjarji, jew ta' drittijiet marbuta ma' dawk l-istrumenti finanzjarji b'riżultat ta' frodi, amministrazzjoni ħażina, reġistrar inadegwat jew negliġenza;

(g)

id-dritt tas-sjieda tal-UCITS jew id-dritt tas-sjieda tal-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS fuq l-assi jiġi vverifikat.

2.   Meta depożitarju ikun iddelega l-funzjonijiet ta' salvagwardja tiegħu fir-rigward ta' assi miżmuma fil-kustodja lil parti terza skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, għandu jibqa' soġġett għar-rekwiżiti tal-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Id-depożitarju għandu wkoll jiżgura li l-parti terza tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti (b) sa (g) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Dmirijiet ta' salvagwardja marbuta mal-verifika tas-sjieda u ż-żamma tar-rekords

1.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jipprovdu lid-depożitarju, malli jibda d-dmirijiet tiegħu u fuq bażi kontinwa minn dakinhar 'l hemm, bl-informazzjoni rilevanti kollha li huwa jeħtieġ biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-punt (b) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE, u jiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni rilevanti kollha mingħand il-partijiet terzi.

2.   Sabiex depożitarju jitqies li hua konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn mill-inqas:

(a)

ikollu aċċess mingħajr dewmien żejjed għall-informazzjoni rilevanti kollha li jeħtieġ biex iwettaq il-verifika tiegħu tas-sjieda u d-dmirijiet taż-żamma ta' reġistri, inkluża l-informazzjoni rilevanti li għandha tingħata lid-depożitarju minn partijiet terzi;

(b)

ikollu informazzjoni suffiċjenti u affidabbli biex ikun issodisfat mid-dritt ta' proprjetà tal-UCITS fuq l-assi;

(c)

iżomm rekord ta' dawk l-assi kollha li għalihom ikun issodisfat li l-UCITS għandu s-sjieda billi:

(i)

jirreġistra fir-rekords tiegħu, f'isem l-UCITS, assi, inklużi l-ammonti nozzjonali rispettivi tagħhom, li għalihom huwa ssodisfat li l-UCITS ikollu sjieda;

(ii)

ikun kapaċi jipprovdi fi kwalunkwe ħin inventarju komprensiv u aġġornat tal-assi tal-UCITS, inklużi l-ammonti nozzjonali rispettivi tagħhom.

Għall-finijiet tal-punt (c)(ii) ta' dan il-paragrafu, id-depożitarju għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ proċeduri biex l-assi reġistrati ma jkunux jistgħu jiġu assenjati, ittrasferiti, skambjati jew ikkunsinnati mingħajr ma d-depożitarju jew il-parti terza li lilha tkun ġiet delegata s-salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE ma jkunu infurmata dwar tali tranżazzjonijiet. Id-depożitarju għandu jkollu aċċess mingħajr dewmien żejjed għal evidenza dokumentarja ta' kull tranżazzjoni u pożizzjoni mingħand il-parti terza rilevanti. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jiżguraw li l-parti terza rilevanti tipprovdi lid-depożitarju mingħajr dewmien żejjed b'ċertifikati jew evidenza oħra dokumentarja kull darba li jsir bejgħ jew akkwist ta' assi jew azzjoni korporattiva li tirriżulta fil-ħruġ ta' strumenti finanzjarji u mill-inqas darba fis-sena.

3.   Depożitarju għandu jiżgura li l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha u timplimenta proċeduri xierqa biex jivverifikaw li l-assi akkwistati mill-UCITS jiġu rreġistrati kif xieraq f'isem l-UCITS, u għandu jivverifika l-konsistenza bejn il-pożizzjonijiet fir-rekords tal-UCITS u l-assi li dwarhom id-depożitarju huwa ssodisfat li l-UCITS għandha s-sjieda. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni rilevanti kollha relatati mal-assi u l-operazzjonijiet tal-UCITS jintbagħtu lid-depożitarju, ħalli d-depożitarju jkun jista' jwettaq il-verifika jew il-proċedura ta' rikonċiljazzjoni tiegħu stess.

4.   Depożitarju għandu jwaqqaf u jimplimenta proċedura ta' eskalazzjoni għal sitwazzjonijiet fejn tiġi skoperta xi diskrepanza inkluża n-notifika lill-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u lill-awtoritajiet kompetenti jekk is-sitwazzjoni ma tistax tiġi kkoreġuta.

Artikolu 15

Diliġenza dovuta

1.   Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 22a(2) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn dan jimplimenta u japplika proċedura ta' diliġenza dovuta xierqa u ddokumentata għall-għażla u l-monitoraġġ kontinwu ta' parti terza, li lilha għandhom jiġu delegati jew ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja b'konformità mal-Artikolu 22a ta' dik id-Direttiva. Dik il-proċedura għandha tiġi rieżaminata regolarment u, mill-inqas, darba fis-sena.

2.   Meta jagħżel u jaħtar parti terza, li lilha għandhom ikunu delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, depożitarju għandu jeżerċita l-attenzjoni u d-diliġenza dovuta kollha biex jiżgura li meta l-parti terza tiġi fdata bl-istrumenti finanzjarji jkun hemm standard adegwat ta' protezzjoni. Id-depożitarju għandu mill-inqas:

(a)

jivvaluta l-qafas regolatorju u ġuridiku, inkluż ir-riskju tal-pajjiż, ir-riskju tal-kustodja u l-eżegwibilità tal-kuntratti ma' dik il-parti terza. Dik il-valutazzjoni għandha b'mod partikolari tippermetti li d-depożitarju jiddetermina l-implikazzjonijiet ta' insolvenza potenzjali tal-parti terza għall-assi u d-drittijiet tal-UCITS.

(b)

jiżgura li l-valutazzjoni tal-eżegwibilità tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-punt (a), meta l-parti terza tkun tinsab f'pajjiż terz, hija bbażata fuq il-parir legali ta' persuna fiżika jew ġuridika indipendenti mid-depożitarju jew minn dik il-parti terza;

(c)

jivvaluta jekk il-prassi, il-proċeduri u l-kontrolli interni tal-parti terza humiex adegwati sabiex jiżguraw li l-assi tal-UCITS igawdu standard għoli ta' attenzjoni u protezzjoni;

(d)

jivvaluta jekk is-saħħa finanzjarja u r-reputazzjoni tal-parti terza humiex konsistenti mal-kompiti delegati. Dik il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-parti terza potenzjali kif ukoll dejta u informazzjoni oħra;

(e)

jiżgura li l-parti terza għandha l-kapaċitajiet operazzjonali u teknoloġiċi biex twettaq il-kompiti delegati tas-salvagwardja b'livell għoli ta' protezzjoni u sigurtà.

3.   Depożitarju għandu jeżerċita ħila, kura u diliġenza dovuta fir-rieżami perjodiku u l-monitoraġġ kontinwu ħalli jiżgura li l-parti terza tibqa' konformi mal-kriterji previsti fil-paragrafu 2 u mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE u għall-inqas għandu:

(a)

jimmonitorja l-prestazzjoni tal-parti terza u l-konformità tagħha mal-istandards tad-depożitarju;

(b)

jiżgura li l-parti terza teżerċita standard għoli ta' attenzjoni, prudenza u diliġenza fit-twettiq tal-kompiti tagħha ta' salvagwardja u partikolarment li effettivament tissegrega l-istrumenti finanzjajri f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament;

(c)

janalizza r-riskji tal-kustodja assoċjati mad-deċiżjoni li jiġu fdati assi għand il-parti terza u mingħajr dewmien jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment bi kwalunkwe bidla f'dawn ir-riskji. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-parti terza kif ukoll fuq dejta u informazzjoni oħra. Matul taqlib fis-suq jew meta jiġi identifikat riskju, il-frekwenza u l-ambitu tal-analiżi għandhom jiżdiedu;

(d)

monitoraġġ tal-konformità tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(e)

monitoraġġ tal-konformità tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2009/65/KE u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 24 ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-parti terza, għand min ġew iddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

5.   Depożitarju għandu jfassal pjanijiet ta' kontinġenza għal kull suq li fih jaħtar parti terza lilha jkunu delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE. Pjan ta' kontinġenza għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta' fornitur alternattiv, jekk jeżisti.

6.   Depożitarju għandu jieħu miżuri, inkluża t-terminazzjoni tal-kuntratt, li huma fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tiegħu meta l-parti terza għand min tkun ġiet iddelegata l-kustodja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE ma tibqax tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

7.   Meta depożitarju ikun iddelega l-funzjonijiet ta' kustodja tiegħu skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE lil parti terza li tinsab f'pajjiż terz, huwa għandu jiżgura li l-Ftehim mal-parti terza jippermetti għal terminazzjoni bikrija, b'kont meħud tal-ħtieġa li jaġixxi fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tiegħu, f'każ li l-liġijiet tal-insolvenza applikabbli u l-każistika ma jibqgħux jirrikonoxxu s-segregazzjoni tal-assi tal-UCITS f'każ ta' insolvenza jew il-parti terza jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi u l-ġurisprudenza ma jibqgħux jiġu sodisfatti.

8.   Fejn il-liġi applikabbli ta' insolvenza u l-ġurisprudenza ma tibqax tirrikonoxxi s-segregazzjoni tal-assi tal-UCITS fil-każ ta' insolvenza tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE jew ma tibqax tiżgura li l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS ma jiffurmawx parti mill-propjetà tal-parti terza f'każ ta' insolvenza u ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju ta' kredituri tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, id-depożitarju għandu jinforma immedjatament lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment.

9.   Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija taħt il-paragrafu 8, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha immedjatament tinnotifika lill-awtorità kompetenti tagħha b'tali informazzjoni u tikkunsidra l-miżuri kollha xierqa f'dak li għandu x'jaqsam mill-assi tal-UCITS rilevanti, inkluż li tiddisponi minnhom filwaqt li titqies il-ħtieġa li taġixxi fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tagħha.

Artikolu 16

Obbligu ta' segregazzjoni

1.   Fejn funzjonijiet ta' salvagwardja ġew delegati kompletament jew parzjalment lil parti terza, depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza għand min ġew delegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, taġixxi skont l-obbligu tas-segregazzjoni stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE billi jivverifika li l-parti terza:

(a)

iżżomm tali rekords u kontijiet kollha neċessarji biex jippermettu li fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien id-depożitarju jiddistingwi l-assi tal-klijenti UCITS tad-depożitarju mill-assi tiegħu stess, l-assi tal-klijenti l-oħra tiegħu, l-assi miżmuma mid-depożitarju għalih innifsu u l-assi miżmuma għal klijenti tad-depożitarju li mhumiex UCITS;

(b)

iżżomm rekords u kontijiet b'mod li tiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u partikolarment il-korrispondenza tagħhom mal-assi salvagwardjati għall-klijenti tad-depożitarju;

(c)

twettaq, fuq bażi regolari, rikonċiljazzjonijiet bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-depożitarju u dawk tal-parti terza li lilha subdelega l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(d)

tintroduċi arranġamenti organizzazzjonali adegwati biex timminimizza r-riskju ta' telf jew tnaqqis fl-istrumenti finanzjarji, jew ta' drittijiet marbuta ma' dawk l-istrumenti finanzjarji b'riżultat ta' użu ħażin tal-istrumenti finanzjarji, frodi, amministrazzjoni ħażina, reġistrar inadegwat jew negliġenza;

(e)

ikollha flus tal-UCITS f'kont jew kontijiet ma' bank ċentrali ta' pajjiż terz jew istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'pajjiż terz, sakemm ir-rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali applikati għall-istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak il-pajjiż terz ikunu meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS bħala mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis meta l-parti terza, għand min ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 17

Protezzjoni mill-insolvenza ta' assi tal-UCITS meta jkunu delegati funzjonijiet ta' kustodja

1.   Depożitarju għandu jiżgura li parti terza li tinsab f'pajjiż terz, li lilha ingħataw jew għandhom jingħataw funzjonijiet ta' kustodja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li f'każ ta' insolvenza ta' parti terza, l-assi tal-UCITS miżmuma f'kustodja mill-parti terza ma jkunux disponibbli għal distribuzzjoni fost jew realizzazzjoni għall-benefiċċju ta' kredituri ta' dik il-parti terza.

2.   Depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

tirċievi parir legali minn persuna fiżika jew ġuridika indipendenti li tikkonferma li l-liġi applikabbli ta' insolvenza tirrikonoxxi s-segregazzjoni tal-assi tal-klijenti tal-UCITS tad-depożitarju mill-assi tagħha stess, l-assi tal-klijenti l-oħra tiagħha, l-assi miżmuma għal kont proprju tad-depożitarju u l-assi miżmuma għal klijenti tad-depożitarju li mhumiex tal-UCITS kif imsemmija fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u li l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS ma jiffurmawx parti mil-propjetà tal-parti terzaf'każ ta' insolvenza u ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju ta' kredituri tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

tiżgura li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet applikabbli u l-każistika ta' dak il-pajjiż terz jirrikonoxxix li l-assi tal-klijenti UCITS tad-depożitarju huma segregati u mhux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju tal-kredituri, kif imsemmi fil-punt (a), huma sodisfatti, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta' delega ta' depożitarju kif ukoll fuq bażi kontinwa għat-tul kollu tad-delega;

(c)

immedjatament tinforma lid-depożitarju fejn kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) m'għadhiex tiġi sodisfatti;

(d)

iżżomm rekords u kontijiet preċiżi u aġġornati tal-assi tal-UCITS abbażi ta' liema d-depożitarju jista' fi kwalunkwe ħin jistabbilixxi n-natura preċiża, il-pożizzjoni u l-istatus tas-sjieda ta' dawk l-assi;

(e)

tipprovdi dikjarazzjoni lid-Depożitarju, fuq bażi regolari, u fi kwalunkwe każ kull darba li sseħħ xi bidla, waqt li tagħti dettalji dwar l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS;

(f)

tinforma lid-depożitarju dwar bidliet fil-liġi tal-insolvenza applikabbli u tal-applikazzjoni effettiva tagħha.

3.   Meta depożitarju jkun iddelega l-funzjonijiet ta' kustodja tiegħu skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE lil parti terza li jinsabu fl-Unjoni, dik il-parti terza għandha tipprovdi dikjarazzjoni lid-Depożitarju, fuq bażi regolari, u fi kwalunkwe każ kull darba li sseħħ xi bidla, li tagħti dettalji dwar l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS.

4.   Id-depożitarju għandu jiżgura li d-doveri stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-parti terza, għand min ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

KAPITOLU 3

TELF TA' STRUMENTI FINANZJARJI U ĦELSIEN MIR-RESPONSABBILTÀ

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE

Artikolu 18

Telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja

1.   It-telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jitqies li jkun seħħ meta, f'relazzjoni ma' strument finanzjarju miżmum f'kustodja mid-depożitarju jew minn parti terza għand min tkun ġiet delegata l-kustodja ta' strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tkun issodisfata kwalunkwe kondizzjoni minn dawn:

(a)

dritt iddikjarat ta' sjieda tal-UCITS jiġi pprovat li mhuwiex validu minħabba li jew ma baqax jeżisti jew qatt ma eżista;

(b)

l-UCITS ġie definittivament imċaħħad mid-dritt tiegħu ta' sjieda tal-istrument finanzjarju;

(c)

l-UCITS ikun definittivament inkapaċi li jiddisponi direttament jew indirettament mill-istrument finanzjarju.

2.   L-aċċertazzjoni mill-kumpanija maniġerjali jew dik ta' investiment tat-telf ta' strument finanzjarju għandha ssegwi proċess dokumentat faċilment disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. Ladarba telf jiġi aċċertat, għandu jkun notifikat immedjatament lill-investituri f'mezz durabbli.

3.   Strument finanzjarju miżmum f'kustodja ma għandux jitqies mitluf skont it-tifsira tat-tieni subparagarafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn UCITS ikun definittivament imċaħħad mid-dritt tiegħu ta' sjieda fir-rigward ta' strument partikolari, sakemm dan l-istrument jiġi ssostitwit minn jew ikkonvertit fi strument jew strumenti finanzjarji oħra.

4.   Fil-każ ta' insolvenza tal-parti terza għand min tkun ġiet delegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, it-telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja għandu jiġi aċċertata mill-kumpanija maniġerjali jew mill-kumpanija ta' investiment hekk kif waħda mill-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 tintlaħaq b'ċertezza.

Għandu jkun hemm ċertezza dwar jekk kwalunkwe kondizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 hijiex issodisfata mhux aktar tard minn tmiem il-proċedimenti tal-insolvenza. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom jimmonitorjaw mill-qrib il-proċedimenti ta' insolvenza biex jiddeterminaw jekk l-istrumenti finanzjarji kollha, jew uħud minnhom, fdati għand parti terza għand min tkun ġiet delegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE jkunux effettivament intilfu.

5.   Telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja għandu jiġi aċċertat irrispettivament minn jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 humiex ir-riżultat ta' frodi, negliġenza jew imġiba intenzjonali jew mhux intenzjonali oħra.

Artikolu 19

Ħelsien mir-responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà ta' depożitarju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE ma għandhiex tiskatta sakemm id-depożitarju jista' jipprova li ntlaħqu l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-avveniment li wassal għat-telf mhux ir-riżultat ta' kwalunkwe att jew ommissjoni tad-depożitarju jew ta' parti terza għand min ġiet iddelegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

id-depożitarju ma setax raġonevolment jevitata l-okkorrenza tal-avveniment li wassal għat-telf minkejja li adotta l-prekawzjonijiet kollha mistennija minn depożitarju diliġenti kif riflessi fil-prassi komuni fl-industrija;

(c)

Id-depożitarju ma setax jipprevjeni t-telf minkejja diliġenza dovuta rigoruża u komprensiva kif dokumentat permezz ta':

(i)

stabbiliment, implimentazzjoni, applikazzjoni u żamma ta' strutturi u proċeduri u żgurar ta' għarfien espert li jkunu adegwati u proporzjonati għan-natura u l-kumplessità tal-assi tal-UCITS sabiex jidentifikaw fil-ħin u jimmonitorjaw fuq bażi kontinwa avvenimenti esterni li jistgħu jirriżultaw f'telf ta' strument finanzjarju miżmuma f'kustodja;

(ii)

valutazzjoni fuq bażi kontinwa jekk kwalunkwe avveniment identifikat skont il-punt (i) jippreżentax riskju sinifikanti ta' telf ta' strument finanzjarju miżmuma f'kustodja;

(iii)

jinforma lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment dwar ir-riskji sinifikanti identifikati u ħa azzjonijiet xierqa, jekk hemm, biex jipprevjeni jew jimmitiga t-telf ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja, fejn avvenimenti esterni attwali jew potenzjali ġew identifikati u huma maħsuba li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' telf ta' strument finanzjarju miżmuma f'kustodja.

2.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti(a) u (b) tal-paragrafu 1 jistgħu jitqiesu ssodisfati fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

avvenimenti naturali lil hinn mill-kontroll jew l-influwenza tal-bniedem;

(b)

l-adozzjoni ta' kwalunkwe liġi, digriet, regolament, deċiżjoni jew ordni minn kwalunkwe gvern jew korp governattiv, inkluż kwalunkwe qorti jew tribunal, li jkollha impatti fuq l-istrumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja;

(c)

gwerer, irvellijiet jew taqlib maġġuri ieħor.

3.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu meqjusa li huma ssodisfati f'każijiet bħal żbalji tal-kontabbiltà, nuqqas operazzjonali, frodi, nuqqas ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-segregazzjoni fil-livell tad-depożitarju jew parti terza għand min ġiet iddelegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE.

KAPITOLU 4

REKWIŻITI TA' INDIPENDENZA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(Artikolu 25 tad-Direttiva 2009/65/KE)

Artikolu 20

Korp ta' ġestjoni

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu “korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali” għandu jinkludi l-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali jew il-korp maniġerjali tal-kumpanija ta' investiment.

Artikolu 21

Ġestjoni komuni

Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom f'kull ħin jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-ebda persuna ma tista' fl-istess ħin tkun kemm membru tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u wkoll membru tal-korp maniġerjali tad-depożitarju;

(b)

l-ebda persuna ma tista' fl-istess ħin tkun kemm membru tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u wkoll impjegat tad-depożitarju;

(c)

l-ebda persuna ma tista' fl-istess ħin tkun kemm membru tal-korp maniġerjali tad-depożitarju u wkoll impjegat tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment;

(d)

Fejn il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali ma jkunx responsabbli tal-funzjonijiet superviżorji fi ħdan il-kumpanija, mhux iktar minn terz tal-membri ta' korp inkarigat minn funzjonijiet superviżorji għandu jkun magħmul minn membri li huma fl-istess ħin membri tal-korp maniġerjali, il-korp inkarigat mill-funzjonijiet superviżorji jew impjegati tad-depożitarju;

(e)

Fejn il-korp maniġerjali tad-depożitarju ma jkunx responsabbli tal-funzjonijiet superviżorji fi ħdan id-depożitarju, mhux iktar minn terz tal-membri tal-korp tiegħu inkarigat minn funzjonijiet superviżorji għandu jkun magħmul minn membri li huma fl-istess ħin membri tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali, jew tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet superviżorji tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment jew impjegati tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment.

Artikolu 22

Ħatra ta' depożitarju u d-delega tas-salvagwardja

1.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandu jkollha fis-seħħ proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-għażla u l-ħatra ta' depożitarju, li għandu jkun ibbażat fuq kriterji definiti minn qabel u oġġettivi u jissodisfa biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

2.   Fejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment taħtar depożitarju li għandu rabta jew rabta ta' grupp, hija għandha żżomm evidenza dokumentarja ta' dan li ġej:

(a)

valutazzjoni li tqabbel il-merti tal-ħatra ta' depożitarju b'rabta jew rabta ta' grupp mal-mertu tal-ħatra ta' depożitarju li m'għandu l-ebda rabta jew l-ebda rabta ta' grupp mal-kumpanija maniġerjali jew mal-kumpanija ta' investiment, filwaqt li tal-inqas jitqiesu l-kostijiet, il-kompetenza, il-kapaċità finanzjarja u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mid-depożitarji kollha valutati;

(b)

rapport, ibbażat fuq din il-valutazzjoni msemmija fil-punt (a), li jiddeskrivi l-mod li bih il-ħatra tissodisfa l-kriterji predefiniti oġġettivi msemmija fil-paragrafu 1 u jsir biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

3.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS li hija sodisfatta bil-ħatra tad-depożitarju u li l-ħatra hi biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tagħmel l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS.

4.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiġġustifika lill-investituri tal-UCITS, meta jkun hemm talba, l-għażla tad-depożitarju.

5.   Id-depożitarju għandu jkollu fis-seħħ proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-għażla ta' partijiet terzi li lilhom jista' jiddelega funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, li għandu jkun bbażat fuq kriterji predefiniti oġġettivi u jissodisfa biss l-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

Artikolu 23

Kunflitti ta' interess

Fejn teżisti rabta jew rabta ta' grupp bejniethom, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju, għandhom idaħħlu fis-seħħ politiki u proċeduri li jiżguraw li:

(a)

jidentifikaw il-kunflitti ta' interess kollha li jirriżultaw minn dik ir-rabta;

(b)

jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jevitaw dawn il-kunflitti ta' interess.

Fejn kunflitti ta' interess msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jistgħux jiġu evitati, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw dak il-kunflitt ta' interess sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-interessi tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

Artikolu 24

Indipendenza tal-bordijiet maniġerjali u l-funzjonijiet superviżorji

1.   Fejn teżisti rabta ta' grupp bejniethom, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom jiżguraw li:

(a)

fejn il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u l-korp maniġerjali tad-depożitarju huma responsabbli mill-funzjonijiet superviżorji tal-kumpaniji rispettivi, mill-inqas terz tal-membri jew żewġ persuni, liema minnhom ikun l-inqas, fuq il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u fuq il-korp maniġerjali tad-depożitarju għandhom ikunu indipendenti;

(b)

fejn il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u l-korp maniġerjali tad-depożitarju mhumiex responsabbli mill-funzjonijiet superviżorji tal-kumpaniji rispettivi, mill-inqas terz tal-membri jew żewġ persuni, liema minnhom ikun l-inqas, fuq il-korp responsabbli mill-funzjonijiet superviżorji fil-kumpanija maniġerjali u fid-depożitarju għandhom ikunu indipendenti.

2.   Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, il-membri tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali, il-membri tal-korp maniġerjali tad-depożitarju jew il-membri tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet superviżorji ta' dawn il-kumpaniji għandhom jiġu meqjusa bħala indipendenti sakemm ma jkunux membri tal-korp maniġerjali jew tal-korp inkarigat minn funzjonijiet superviżorji u lanqas l-impjegati ta' xi impriżi oħra li bejniethom teżisti rabta ta' grupp u m'għandhom l-ebda negozju, familja jew relazzjoni oħra mal-kumpanija maniġerjali jew mal-kumpanija ta' investiment, mad-depożitarju u ma' kwalunkwe impriża oħra fi ħdan il-grupp li tagħti lok għal kunflitt ta' interess tali li jfixkel il-ġudizzju tagħhom.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mit-13 ta' Ottubru 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  Id-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186).

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(4)  Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Top