Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2386

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2386 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jagħmel l-importazzjonijiet ta' vireg tal-azzar għar-rinfurzar tal-konkrit li jifilħu għal ħafna reħja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

ĠU L 332, 18.12.2015, p. 111–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2386/oj

18.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/111


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2386

tas-17 ta' Diċembru 2015

li jagħmel l-importazzjonijiet ta' vireg tal-azzar għar-rinfurzar tal-konkrit li jifilħu għal ħafna reħja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' April 2015, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“in-notifika ta' bidu”), il-bidu ta' proċediment antidumping (“il-proċediment antidumping”) fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' vireg tal-azzar għar-rinfurzar tal-konkrit li jifilħu għal ħafna reħja (“HFP rebars”) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) wara lment imressaq fis-17 ta' Marzu 2015 mill-Assoċjazzjoni tal-Azzar Ewropea (European Steel Association — “Eurofer” jew “l-ilmentatur”) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' HFP rebars.

1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(2)

Il-prodott suġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa vireg tal-ħadid jew tal-azzar tar-rinfurzar tal-konkrit bi prestazzjoni li tiflaħ għal ħafna reħja, magħmula mill-ħadid, l-azzar bla liga jew l-azzar bil-liga (iżda minbarra azzar inossidabbli, azzar b'veloċità kbira, azzar siliko-manganiż), mhux maħdum aktar ħlief irrumblat bis-sħana, iżda inkluż dak mibrum wara l-irrumblar; dawn il-vireg fihom indentazzjonijiet, inċiżjonijiet, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħra magħmula waqt il-proċess tal-irrumblar jew jiġu mibrumin wara l-irrumblar; il-karatteristika ewlenija tal-prestazzjoni li tiflaħ għal ħafna reħja hija l-kapaċità li tkun tiflaħ għal stress ripetut mingħajr ma tinkiser u, speċifikament, l-abilità li tirreżisti għal aktar minn 4,5 miljun ċiklu ta' reħja bl-użu ta' proporzjon ta' stress (minimu/massimu) ta' 0,2 u firxa tal-istress li taqbeż l-150 MPa, li toriġina mir-RPĊ, u li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7214 20 00, ex 7228 30 20, ex 7228 30 41, ex 7228 30 49, ex 7228 30 61, ex 7228 30 69, ex 7228 30 70 u ex 7228 30 89. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw għal skopijiet ta' informazzjoni biss u ma għandhom l-ebda effett vinkolanti fuq il-klassifikazzjoni tal-prodott.

2.   TALBA

(3)

It-talba għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku saret mill-ilmentatur fid-19 ta' Novembru 2015. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentament ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(4)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri fuq dawk l-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(5)

L-ilmentatur jiddikjara li r-reġistrazzjoni hija ġġustifikata billi l-prodott ikkonċernat għadu qed ikun suġġett għad-dumping u l-importaturi kienu jafu tajjeb, jew misshom kienu jafu, dwar il-prattiki ta' dumping li kienu ilhom għaddejjin għal perjodu estiż ta' żmien u li kienu qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni. L-ilmentatur jiddikjara wkoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni u li kien hemm żieda sostanzjali fil-livell ta' dawk l-importazzjonijiet, anki wara l-perjodu tal-investigazzjoni, li jimmina b'mod serju l-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping, jekk jiġi applikat tali dazju.

(6)

Il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu dwar il-prattiki ta' dumping tal-esportaturi. Evidenza prima facie suffiċjenti f'dan ir-rigward kienet tinsab fl-ilment u dan kien ippreżentat fin-notifika ta' bidu ta' dan il-proċediment (3). Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment stmat marġni ta' dumping ta' 20–30 % għall-importazzjonijiet Ċiniżi. Meta titqies il-firxa tad-dumping li jista' jkun qed iseħħ, ikun raġonevoli li wieħed jassumi li l-importaturi jkunu jafu, jew misshom kienu jafu, bis-sitwazzjoni.

(7)

Fl-ilment, l-ilmentatur ipprovda evidenza dwar il-valur normali bbażat fuq informazzjoni tal-ipprezzar ta' produtturi fil-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda. L-evidenza ta' dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valuri normali stabbiliti hekk, mal-prezz tal-esportazzjoni (fuq livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż ġie ddeterminat fuq il-bażi ta' kwotazzjonijiet ta' prezzijiet ta' bejgħ ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni.

(8)

Barra minn hekk, l-ilmentatur ipprovda, kemm fl-ilment kif ukoll fit-talba għal reġistrazzjoni, biżżejjed evidenza fil-forma ta' investigazzjonijiet reċenti minn awtoritajiet oħra (pereż. il-Kanada, l-Eġittu u l-Malasja) li fiha huma deskritti l-prattiki ta' dumping tal-esportaturi Ċiniżi u li prima facie ma setgħux u ma kellhomx jiġu injorati mill-importaturi.

(9)

Minn meta beda l-proċediment f'April 2015, il-Kummissjoni identifikat żieda oħra ta' madwar 38 % meta wieħed iqabbel il-volumi tal-importazzjoni matul il-perjodu minn April 2014 sa Marzu 2015 (jiġifieri l-Perjodu tal-Investigazzjoni) mal-perjodu bejn April u Settembru 2015 (jiġifieri l-perjodu ta' wara l-bidu). Dan juri li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat wara l-bidu ta' din l-investigazzjoni.

(10)

L-ilmentatur inkluda wkoll evidenza prima facie fl-ilment u fit-talba għar-reġistrazzjoni dwar ix-xejra tat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-importazzjoni. Mill-istatistika tal-Eurostat, li hija pubblikament disponibbli, jidher li l-valuri ta' unità tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu minn EUR 431 għal kull tunnellata fil-PI għal EUR 401 għal kull tunnellata fil-perjodu ta' wara l-PI. Din hija wkoll indikazzjoni oħra li l-importaturi ta' materjali Ċiniżi kienu jew kellhom ikunu konxji mid-dumping.

(11)

Barra minn hekk, fl-ilment hemm biżżejjed evidenza prima facie li qed tiġi kkawżata ħsara. Fis-sottomissjonijiet li saru fil-qafas tal-investigazzjoni, inkluża fit-talba għar-reġistrazzjoni, hemm evidenza li ssir ħsara addizzjonali biż-żieda kontinwa ta' dawn l-importazzjonijiet. Minħabba t-tajming, iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u l-imġiba fl-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi x'aktarx li jimminaw serjament l-effett ta' rimedju ta' kwalunkwe dazju definittiv, sakemm dawn id-dazji ma jiġux applikati retroattivament. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnedija tal-proċedimenti attwali u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tal-importazzjonijiet Ċiniżi f'termini ta' prezzijet u volumi sa issa, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-livell tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jista' jiżdied ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, jekk ikun hemm minnhom, u li l-inventarji jistgħu jinbnew b'mod rapidu mill-importaturi.

4.   PROĊEDURA

(12)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza prima facie biex jiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(13)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(14)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazji antidumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jintlaħqu, jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(15)

Fl-ilment l-ilmentatur jikkalkula marġni ta' dumping medju ta' 20–30 % u marġni medju ta' bejgħ taħt il-prezz ta' 15 %–30 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont stmat ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell ta' bejgħ taħt il-prezz, stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri 15 %–30 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   PROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

(16)

Kull dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet Doganali huma b'dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, li jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-vireg tal-ħadid jew tal-azzar għar-rinfurzar tal-konkrit li jifilħu għal ħafna reħja, magħmula mill-ħadid, l-azzar bla liga jew l-azzar bil-liga (iżda minbarra azzar inossidabbli, azzar b'veloċità kbira, u azzar siliko-manganiż), mhux maħdum aktar ħlief irrumblat bis-sħana, iżda inkluż dak mibrum wara l-irrumblar; dawn il-vireg fihom indentazzjonijiet, inċiżjonijiet, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħra magħmula waqt il-proċess tal-irrumblar jew jiġu mibrumin wara l-irrumblar; il-karatteristika ewlenija tal-prestazzjoni li tiflaħ għal ħafna reħja hija l-kapaċità li tkun tiflaħ għal stress ripetut mingħajr ma tinkiser u, speċifikament, l-abilità li tirreżisti għal aktar minn 4,5 miljun ċiklu ta' reħja bl-użu ta' proporzjon ta' stress (minimu/massimu) ta' 0,2 u firxa tal-istress li taqbeż l-150 MPa, li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7214 20 00, ex 7228 30 20, ex 7228 30 41, ex 7228 30 49, ex 7228 30 61, ex 7228 30 69, ex 7228 30 70 u ex 7228 30 89 (kodiċijiet TARIC 7214200010, 7228302010, 7228304110, 7228304910, 7228306110, 7228306910, 7228307010, 7228308910) u li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 143, 30.4.2015, p. 12.

(3)  ĠU C 143, 30.4.2015, p. 12. (taqsima 3 tan-notifika ta' bidu)

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top