EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0524

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 524/2014 tat- 12 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti jagħtu lil xulxin Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 148, 20.5.2014, p. 6–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/524/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/6


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 524/2014

tat-12 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti jagħtu lil xulxin

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(6) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jkun bidirezzjonali, fi ħdan il-kompetenzi superviżorji rispettivi ta' dawk l-awtoritajiet. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi speċifikat liema informazzjoni rigward istituzzjonijiet, u fejn rilevanti, dwar il-funzjonament tal-fergħat tagħhom għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, kif ukoll liema informazzjoni dwar fergħat teħtieġ li tiġi provduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

(2)

Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti għandu jiġi kkunsidrat f'kuntest aktar wiesgħa tas-superviżjoni tal-gruppi bankarji transfruntiera u, fejn rilevanti, l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta fil-livell konsolidat. B'mod partikolari, jekk istituzzjoni għandha impriża prinċipali fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha, u l-awtorità kompetenti kkonċernata hija wkoll is-superviżur konsolidanti, għandhom ikunu disponibbli possibilitajiet sabiex tingħata informazzjoni fil-livell konsolidat aktar milli fil-livell ta' istituzzjoni li qed topera permezz ta' fergħa. Madankollu, f'dan il-każ l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti li l-informazzjoni tiġi pprovduta fil-livell konsolidat.

(3)

Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti mhuwiex limitat għat-tipi ta' informazzjoni speċifikati fl-Artikolu 50 tad-Direttiva 2013/36/UE, u għalhekk għat-tipi ta' informazzjoni speċifikati f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-Artikoli 35, 36, 39, 43 u 52 tad-Direttiva 2013/36/UE stabbilixxew dispożizzjonijiet separati għall-iskambju ta' informazzjoni rigward il-verifika fuq il-post ta' fergħat, in-notifiki tal-eżerċizzju tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u miżuri, inklużi dawk ta' prekawzjoni, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' fergħat u l-impriżi prinċipali tagħhom. Dan ir-Regolament m'għandux għalhekk jispeċifika rekwiżiti għall-iskambju ta' informazzjoni f'dawk l-oqsma.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti sabiex jiġu armonizzati prattiki regolatorji u superviżorji madwar l-Unjoni. Din l-informazzjoni għandha tkopri l-oqsma kollha speċifikati fl-Artikolu 50 tad-Direttiva 2013/36/UE, jiġifieri l-ġestjoni u s-sjieda, inklużi linji ta' negozju bħal dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 317 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), likwidità u sejbiet li jikkonċernaw is-superviżjoni tal-likwidità, is-solvenza, il-garanzija tad-depożiti, l-esponimenti kbar, riskju sistemiku, proċeduri amministrattivi u ta' kontabbiltà, u l-mekkaniżmi tal-kontroll intern. Sabiex jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti u l-Istati Membri ospitanti u tad-domiċilju għandhom ukoll iżommu lil xulxin infurmati dwar sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-liġi nazzjonali jew ma' dik tal-Unjoni kif ukoll dwar miżuri ta' superviżjoni u sanzjonijiet imposti fuq l-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, għandha tiġi nkluża informazzjoni addizzjonali rigward l-ingranaġġ u t-tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza fl-ambitu ta' informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jissorveljaw l-istituzzjonijiet b'mod effiċjenti.

(5)

Fejn l-istress ta' likwidità jaffettwa jew hu mistenni li jaffettwa istituzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandu jkollhom fehim ċar tas-sitwazzjoni sabiex ikunu jistgħu jieħdu miżuri ta' prekawzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/36/UE. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jipprovdi regoli ċari dwar liema tipi ta' informazzjoni jridu jiġu skambjati bejn l-awtoritajiet meta jseħħ stress ta' likwidità. Għandha tiġi speċfikata wkoll l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata sabiex l-awtoritajiet jitħejjew minn kmieni sew għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(6)

Minħabba d-differenzi fid-daqs, fil-kumplessità u fis-sinifikat ta' fergħat li joperaw fl-Istati Membri ospitanti, huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità fl-iskambju ta' informazzjoni. Għal dan l-għan, għandha tkun skambjata medda akbar ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-domiċilju u dawk ospitanti fejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ospitanti huma responsabbli għal fergħat identifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(7)

Biex ikun żgurat li l-informazzjoni rilevanti tkun skambjata f'limiti raġonevoli filwaqt li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru tad-domiċilju jkunu obbligati jibagħtu kull informazzjoni dwar istituzzjoni, irrispettivament min-natura u l-importanza tagħha lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri ospitanti, l-informazzjoni li hi rilevanti għal fergħa partikolari biss għandha tintbagħat esklussivament lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' din il-fergħa. Għal għanijiet oħrajn simili, f'għadd ta' oqsma speċifiċi, informazzjoni li tiżvela sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità biss għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, li jfisser li l-ebda informazzjoni ma għandha tiġi skambjata fejn l-istituzzjoni tkun f'konformità mal-liġi nazzjonali u mal-liġi tal-Unjoni.

(8)

Dan ir-Regolament għandu wkoll jindirizza l-iskambju ta' informazzjoni relatata mat-twettiq ta' attivitajiet fi Stat Membru ospitanti permezz tal-provvista ta' servizzi transfruntiera. Minħabba n-natura tas-servizzi transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti huma kkonfrontati b'nuqqas ta' informazzjoni dwar operazzjonijiet imwettqa fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, u għalhekk huwa essenzjali li jiġi speċiifkat fid-dettall liema informazzjoni teħtieġ li tiġi skambjata għall-iskopijiet ta' salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u l-kundizzjonijiet ta' monitoraġġ ta' awtorizzazzjonijiet, b'mod partikolari l-monitoraġġ dwar jekk l-istituzzjoni tipprovdix servizzi skont in-notifiki provduti. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (l-ABE) lill-Kummissjoni.

(9)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jispeċifika l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti għandhom jagħtu lil xulxin skont l-Artikolu 50 tad-Direttiva 2013/36/UE.

2.   Ir-Regolament jistipula regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata b'rabta ma' istituzzjoni li topera, permezz ta' fergħa jew fl-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fi Stat Membru wieħed jew aktar apparti dak li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha.

Artikolu 2

Informazzjoni fuq bażi konsolidata

Meta l-impriża prinċipali aħħarija ta' istituzzjoni hija stabbilita fl-istess Stat Membru fejn l-istituzzjoni jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, u l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju hija wkoll is-superviżur konsolidanti, dik l-awtorità kompetenti għandha, fejn xieraq, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE, tipprovdi informazzjoni dwar din l-istituzzjoni fil-livell konsolidat u għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti li l-informazzjoni tiġi pprovduta f'dak il-livell.

IL-KAPITOLU II

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI DWAR L-ISTITUZZJONIJIET LI JOPERAW PERMEZZ TA' FERGĦA

Artikolu 3

Informazzjoni li tikkonċerna l-ġestjoni u s-sjieda

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti l-istruttura organizzattiva ta' istituzzjoni inklużi l-linji ta' negozju tagħha u r-relazzjonijiet tagħha ma' entitajiet fi ħdan il-grupp.

2.   Minbarra l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti li jissorveljaw fergħa sinifikanti, kif imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-informazzjoni li ġejja b'rabta ma' istituzzjoni:

(a)

l-istruttura attwali tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri, inklużi l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għas-superviżjoni ta' fergħa;

(b)

il-lista tal-azzjonisti u l-membri b'parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikattiva bbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni ta' kreditu skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2013/36/UE.

Artikolu 4

Informazzjoni li tikkonċerna l-likwidità u s-sejbiet superviżorji

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwalunkwe nuqqasijiet materjali fil-ġestjoni tar-riskji tal-likwidità ta' istituzzjoni li huma magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti u li jistgħu jaffettwaw fergħat, kwalunkwe miżuri ta' sorveljanza relatati li ttieħdu fir-rigward ta' dawk in-nuqqasijiet, u l-grad ta' konformità tal-istituzzjoni ma' dawk il-miżuri superviżorji;

(b)

il-valutazzjoni globali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-profil tar-riskju tal-likwidità ta' istituzzjoni u tal-ġestjoni tar-riskju, b'mod partikolari b'relazzjoni ma' fergħa;

(c)

il-proporzjonijiet ta' istituzzjoni li jindikaw il-pożizzjoni tal-likwidità tagħha u ta' finanzjament stabbli fuq livell nazzjonali jew tal-Unjoni fil-munita domestika tal-istituzzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-muniti l-oħra kollha li huma materjali għall-istituzzjoni;

(d)

il-komponenti tar- riżervi ta' likwidità tal-istituzzjoni;

(e)

il-grad ta' tfixkil tal-assi ta' istituzzjoni;

(f)

il-proporzjon ta' self ta' istituzzjoni mad-depożiti tagħha;

(g)

kwalunkwe proporzjonijiet ta' likwidità domestika li japplikaw għal istituzzjoni bħala parti minn miżuri ta' politika makroprudenzjali mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-awtorità maħtura kemm jekk bħala rekwiżiti vinkolanti, linji gwida, rakkomandazzjonijiet, twissijiet jew mod ieħor, inklużi d-definizzjonijiet ta' dawn il-proporzjonijiet;

(h)

kwalunkwe rekwiżiti tal-likwidità speċifiċi applikati skont l-Artikolu 105 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(i)

kwalunkwe ostakli għal trasferiment ta' flus u kollateral lejn jew minn fergħat ta' istituzzjoni.

2.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu warrbu totalment jew parzjalment l-applikazzjoni tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal istituzzjoni skont l-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-livell subkonsolidat jew, skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, fuq il-livell konsolidat.

3.   Minbarra l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti li jissorveljaw fergħa sinifikanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-politika ta' likwidità u ta' finanzjament tal-istituzzjoni, inklużi deskrizzjonijiet tal-arranġamenti għalll-finanzjamenti tal-fergħat tagħha, kwalunkwe arranġamenti ta' appoġġ fi ħdan il-grupp, u proċeduri ta' ġbir ta' fondi ċentralizzati;

(b)

il-pjanijiet ta' kontinġenza ta' likwidità u ta' finanzjament tal-istituzzjoni, inkluża informazzjoni dwar xenarji preżunti ta' stress.

Artikolu 5

Informazzjoni rigward solvenza

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar jekk istituzzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, filwaqt li jikkunsidraw kwalunkwe miżura adottata jew rikonoxxuta skont l-Artikolu 458 ta' dak ir-Regolament u, fejn rilevanti, waqt li jqisu l-arranġamenti ta' tranżizzjoni stabbiliti fil-Parti Għaxra ta' dak ir-Regolament;

(b)

kwalunkwe rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali applikati skont l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

ir-rekwiżiti tar-riserva tal-kapital stabbiliti fil-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE.

2.   Minbarra l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti li jissorveljaw fergħa sinifikanti ta' istituzzjoni li hija soġġetta għal rekwiżiti ta' fondi proprji, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 92(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

il-proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 tal-istituzzjoni, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 92(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

il-proporzjon tal-kapital totali tal-istituzzjoni, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 92(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

l-ammont totali ta' esponiment tar-riskju tal-istituzzjoni, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

ir-rekwiżiti ta' fondi proprji applikabbli fl-Istat Membru tad-domiċilju stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, filwaqt li jikkunsidraw kwalunkwe miżura adottata jew rikonoxxuta skont l-Artikolu 458 ta' dak ir-Regolament u, fejn rilevanti, waqt li jqisu l-arranġamenti ta' tranżizzjoni stabbiliti fil-Parti Għaxra ta' dak ir-Regolament;

(f)

il-livell tal-bafer kapitali ta' konservazzjoni li istituzzjoni meħtieġa żżomm skont l-Artikolu 129 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(g)

il-livell ta' kwalunkwe bafer kapitali kontroċikliku speċifiku għal istituzzjoni, li l-istituzzjoni meħtieġa żżomm skont l-Artikolu 130 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(h)

il-livell ta' kwalunkwe bafer kapitali sistemiku li l-istituzzjoni meħtieġa żżomm skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(i)

il-livell ta' kwalunkwe bafer G-SII jew O-SII li l-istituzzjoni meħtieġa żżomm skont l-Artikolu 131(4) u (5) tad-Direttiva 2013/36/UE;

(j)

il-livell ta' kwalunkwe rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali imposti skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u ta' kwalunkwe rekwiżiti oħra imposti relatati mas-solvenza ta' istituzzjoni skont dak l-Artikolu.

3.   Fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġiet rinunzjata skont l-Artikoli 7, 10 jew 15 ta' dak ir-Regolament jew ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 10 u 12 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2013/36/UE ġew irrinunzjati skont l-Artikolu 21 ta' dik id-Direttiva 2013/36/UE, jew istituzzjoni tkun irċeviet permess sabiex tapplika t-trattament imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 fil-livell subkonsolidat jew skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, fuq il-livell konsolidat.

Artikolu 6

Informazzjoni li tikkonċerna skemi ta' garanzija tad-depożiti

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti bl-isem tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti li għaliha l-istituzzjoni tappartjeni skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (4)

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti bl-informazzjoni li ġejja b'rabta mal-iskema ta' garanzija tad-depożiti li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1:

(a)

il-kopertura massima tal-iskema ta' garanzija tad- depożiti għal kull depożitatur eliġibbli;

(b)

l-ambitu tal-kopertura u t-tipi ta' depożiti koperti;

(c)

kwalunkwe esklużjoni mill-kopertura, inklużi prodotti u tipi ta' depożitanti;

(d)

arranġamenti ta' finanzjament tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti, b'mod partikolari jekk l-iskema hijiex ffinanzjata ex-ante jew ex-post, u l-volum attwali tal-iskema;

(e)

id-dettalji ta' kuntatt tal-amministratur tal-iskema.

3.   L-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 għandha tingħata darba biss lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti fir-rigward ta' kull skema ta' garanzija għal depożiti konċernata. Fejn hemm bidla fl-informazzjoni pprovduta, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti.

Artikolu 7

Informazzjoni li tikkonċerna l-limitazzjoni ta' esponimenti kbar

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti dwar kwalunkwe sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi mal-limiti ta' esponimenti kbar applikabbli u mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti Erbgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar riskju sistemiku li jirriżulta minn istituzzjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn istituzzjoni tkun inħatret bħala istituzzjoni sistemikament importanti globalment (G-SII) jew bħala istituzzjoni oħra sistemikament importanti (O-SII) skont l-Artikolu 131(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. Fejn l-istituzzjoni ġiet identifikata bħala G-SII, l-informazzjoni pprovduta trid tinkludi s-subkategorija li għaliha hi allokata.

Artikolu 9

Informazzjoni li tikkonċerna proċeduri amministrattivi u tal-kontabbiltà

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membru ospitanti dwar kwalunkwe sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi mal-istandards u l-proċeduri tal-kontabbiltà applikabbli li għalihom hi soġġetta l-istituzzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu.

2.   Fejn l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 hija rilevanti biss għal fergħa partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju iridu jipprovdu l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih dik il-fergħa tkun stabbilita biss.

Artikolu 10

Informazzjoni li tikkonċerna l-mekkaniżmi ta' kontroll intern

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti dwar kwalunkwe sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi ma' rekwiżiti li jikkonċernaw il-mekkaniżmi ta' kontroll intern, inkluż il-ġestjoni tar-riskji, il-kontroll tar-riskji u l-arranġamenti ta' verifika interna skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/EU. L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu.

2.   Fejn l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 hija rilevanti biss għal fergħa partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju huma meħtieġa biss li jipprovdu l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih dik il-fergħa tkun stabbilita.

Artikolu 11

Informazzjoni rigward ingranaġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti dwar kwalunkwe sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi ma' rekwiżiti li jikkonċernaw proporzjonijiet ta' ingranaġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fejn rilevanti, jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fl-Artikolu 499 ta' dak ir-Regolament. L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti l-informazzjoni kollha żvelata minn istituzzjoni skont l-Artikolu 451 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta' ingranaġġ tagħha u l-ġestjoni tagħha tar-riskju ta' ingranaġġ eċċessiv.

Artikolu 12

Informazzjoni dwar nuqqas ta' konformità ġenerali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti dwar kwalunkwe sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħha jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni jew mar-rekwiżiti, fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali jew fit-twettiq ta' superviżjoni tal-kondotta fis-swieq tal-istituzzjonijiet, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE, minbarra r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 3 sa 11 ta' dan ir-Regolament. L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu.

2.   Fejn l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 hija rilevanti biss għal fergħa partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju huma meħtieġa biss li jipprovdu l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih dik il-fergħa tkun stabbilita.

Artikolu 13

Komunikazzjoni ta' miżuri superviżorji u sanzjonijiet

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar kwalunkwe penali jew miżuri li ġejjin li ġew imposti fuq jew applikati għal istituzzjoni u li jaffettwaw l-operazzjonijiet ta' fergħa:

(a)

pieni amministrattivi imposti jew miżuri amministrattivi oħra applikati skont l-Artikoli 64 sa 67 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

miżuri superviżorji imposti skont l-Artikoli 104 jew 105 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

pieni kriminali imposti minħabba ksur tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36/UE.

2.   Fejn l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 hija rilevanti biss għal fergħa partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju huma meħtieġa biss li jipprovdu l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li fih dik il-fergħa tkun stabbilita.

Artikolu 14

Informazzjoni b'rabta mat-tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u ll-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti għandhom jiskambjaw informazzjoni b'rabta ma' tħejjijiet għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza. B'mod partikolari huma għandhom iżommu lil xulxin infurmati b'dan li ġej:

(a)

id-dettalji ta' kuntatt ta' emerġenza ta' persuni fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti li huma responsabbli għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

(b)

il-proċeduri ta' komunikazzjoni li għandhom japplikaw f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Artikolu 15

Informazzjoni minn awtoritajiet ta' Stat Membru ospitanti

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' skambju ta' informazzjoni wara spezzjonijiet ta' fergħat skont l-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni jew mar-rekwiżiti, fir-rigward is-superviżjoni prudenzjali jew fis-superviżjoni tal-kondottatal-istituzzjonijiet fis- suq, inklużi r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36/UE, flimkien ma' spjegazzjoni tal-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu biex jindirizzaw in-nuqqas ta' konformità;

(b)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet li bihom, fl-interess tal-ġid ġenerali, l-attivitajiet tal-fergħa għandhom jitwettqu fl-Istat Membru ospitanti;

(c)

kwalunkwe identifikazzjoni ta' riskju sistemiku ppreżentat minn fergħa jew l-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ospitanti, inkluż kwalunkwe valutazzjoni dwar l-impatt probabbli ta' sospensjoni jew għeluq tal-operazzjonijiet tal-fergħa dwar dan li ġej:

(i)

likwidità sistematika;

(ii)

sistemi ta' pagamenti;

(iii)

sistemi tal-ikklerjar u s-saldu;

(d)

is-sehem tas-suq ta' fergħa meta dan jaqbeż 2 % tas-suq totali fl-Istat Membru ospitanti f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

depożiti;

(ii)

self;

(e)

kwalunkwe ostakli għal trasferiment ta' flus u kollateral lejn jew mill-fergħa.

KAPITOLU III

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI DWAR FORNITURI TA' SERVIZZI TRANSFRUNTIERA

Artikolu 16

Informazzjoni dwar fornituri ta' servizzi transfruntiera

Mal-wasla ta' talba għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti b'rabta ma' istituzzjoni li tkun qiegħda twettaq l-attivitajiet tagħha permezz tal-provvista ta' servizzi f'dak l-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li l-istituzzjoni ma kinetx konformi mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni jew mar-rekwiżiti, fir-rigward is-superviżjoni prudenzjali jew fis-superviżjoni tal-kondotta tal-istituzzjonijiet fis-suq, inklużi r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36/UE, flimkien ma' spjegazzjoni tal-miżuri superviżorji meħuda jew li se jittieħdu biex jindirizzaw in-nuqqas ta' konformità;

(b)

il-volum tad-depożiti meħuda minn residenti tal-Istat Membru ospitanti;

(c)

il-volum tas-self meħud minn residenti tal-Istat Membru ospitanti;

(d)

b'rabta mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE li l-istituzzjoni nnotifikat ix-xewqa tagħha li twettaq fl-Istat Membru ospitanti permezz ta' provvista ta' servizzi:

(i)

il-forma li biha l-istituzzjoni twettaq l-attivitajiet;

(ii)

l-attivitajiet li huma l-aktar sinifikanti f'termini tal-attivitajiet tal-istituzzjoni fl-Istat Membru ospitanti;

(iii)

konferma jekk l-attivitajiet identifikati bħala attivitajiet ċentrali tan-negozju fin-notifika pprovduta mill-istituzzjoni skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/36/UE humiex qed jiġu eżegwiti minn istituzzjoni.

IL-KAPITOLU IV

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI RIGWARD L-ISTITUZZJONIJIET LI JOPERAW PERMEZZ TA' FERGĦA FIL-KAŻ TA' STRESS TA' LIKWIDITÀ LI TAFFETTWA L-ISTITUZZJONI JEW IL-FERGĦA NNIFISHA

Artikolu 17

L-ambitu tal-iskambju ta' informazzjoni fl-istress ta' likwidità

1.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jikkunsidraw li jkun seħħ stress ta' likwidità, jew ikun raġonevolment mistenni li jseħħ, fir-rigward ta' istituzzjoni għandhom immedjatament jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3.

2.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti jikkunsidraw li jkun seħħ stress ta' likwidità, jew ikun raġonevolment mistenni li jseħħ, fir-rigward ta' istituzzjoni għandhom immedjatament jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni li seħħet, inkluża l-kawża prinċipali tas-sitwazzjoni tal-istress, l-impatt mistenni fuq l-istress ta' likwidità fuq l-istituzzjoni, u żviluppi dwar transazzjonijiet intragruppi;

(b)

spjegazzjoni tal-miżuri li diġà ttieħdu jew li se jittieħdu, kemm jekk mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-istituzzjoni, inklużi kwalunkwe rekwiżiti imposti fuq l-istituzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex itaffu l-istress tal-likwidità;

(c)

ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-konsegwenzi sistemiċi ta' stress ta' likwidità;

(d)

l-aħħar informazzjoni kwantitattiva disponibbli dwar il-likwidità speċifikata fil-punti (c) sa (h) tal-Artikolu 4(1).

IL-KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà, ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.


Top