This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0178
2014/178/EU: Commission Implementing Decision of 27 March 2014 concerning animal health control measures relating to African swine fever in certain Member States (notified under document C(2014) 1979) Text with EEA relevance
2014/178/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2014) 1979) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2014/178/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2014) 1979) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 95, 29.3.2014, p. 47–55
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 09/10/2014; Imħassar b' 32014D0709
29.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 95/47 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Marzu 2014
dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri
(notifikata bid-dokument C(2014) 1979)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2014/178/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (4) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni biex ikun ikkontrollat id-deni Afrikan tal-ħnieżer, fosthom il-miżuri li jridu jittieħdu meta jfaqqa’ d-deni Afrikan tal-ħnieżer u meta d-deni Afrikan tal-ħnieżer ikun suspettat jew konfermat fi ħnieżer slavaġ. Dawk il-miżuri jinkludu pjanijiet li approvat il-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiżviluppawhom u jimplimentawhom għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ. |
(2) |
Minħabba l-preżenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’Sardinja, l-Italja, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/363/KE (5). Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar is-saħħa tal-annimali rigward il-moviment, it-tqassim u l-immarkar ta’ ħnieżer u ċertu prodotti tal-ħnieżer minn Sardinja, ħalli jkun evitat li din il-marda tixtered f’żoni oħra tal-Unjoni. |
(3) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/362/KE (6) approvat pjan li l-Italja ressqet lill-Kummissjoni għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ f’Sardinja. |
(4) |
Fl-2014, fil-Litwanja u l-Polonja nstab id-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ, speċifikament aktar fiċ-ċingjali, għax daħal il-vajrus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn pajjiżi terzi ġirien fejn tinsab din il-marda. Sabiex tiffoka l-miżuri ta’ kontroll u tevita t-tixrid tal-mard u kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tevita xkiel mhux ġustifikat għall-kummerċ minħabba pajjiżi terzi, id f’id mal-Istati Membri kkonċernati nħolqot lista tal-Unjoni b’mod urġenti biż-żoni infettati f’dawk il-pajjiżi, permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/93/UE (7) u 2014/134/UE (8) li t-tnejn japplikaw sat-30 ta’ April 2014. |
(5) |
Id-deni Afrikan tal-ħnieżer jista’ jitqies bħala marda endemika fil-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u slavaġ ta’ ċertu pajjiżi terzi li jmissu mal-fruntieri tal-Unjoni u hu theddida dejjiema għall-Unjoni. |
(6) |
Is-sitwazzjoni tal-marda jaf twassal biex tipperikola l-merħliet tal-ħnieżer f’reġjuni oħra tal-Litwanja, l-Italja u l-Polonja u anki fi Stati Membri oħra, l-aktar fejn jidħol il-kummerċ ta’ prodotti minn annimali porċini. |
(7) |
Il-Litwanja u l-Polonja ħadu miżuri biex jegħlbu d-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-qafas tad-Direttiva 2002/60/KE, u lill-Kummissjoni se jressqulha l-pjan tagħhom għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħnieżer slavaġ għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva. |
(8) |
Jixraq li l-Istati Membri u ż-żoni kkonċernati jitniżżlu f’Anness differenti skont il-livell tar-riskju meta titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u skont jekk din tolqotx kemm lil azjendi kbar tal-ħnieżer kif ukoll lill-popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ (Parti III), jekk tolqotx lill-popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ biss (Parti II) jew jekk ir-riskju hux minħabba ċertu qrubija lejn l-infezzjoni fil-popolazzjoni tal-ħnieżer slavaġ (Parti I). |
(9) |
Mil-lat ta’ riskju tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, il-movimenti ta’ prodotti differenti tal-porċini joħolqu livelli differenti tar-riskju. Bħala regola ġenerali, skont l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal-2010 (9), il-moviment ta’ ħnieżer ħajjin, semen, ova u embrijuni tagħhom, u prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin minn porċini miż-żoni infettati, joħolqu aktar riskji mil-lat ta’ esponiment u konsegwenzi milli joħloq il-moviment ta’ laħam, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam. Għaldaqstant għandu jkun ipprojbit it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin, tas-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, u tal-prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin mill-porċini kif ukoll it-tqassim ta’ ċertu laħam, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam ta’ żoni deżinjati tal-Istati Membri mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Din il-projbizzjoni tinkludi s-suidae kollha kif jissemma fid-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (10). |
(10) |
Sabiex jitqiesu l-livelli differenti tar-riskju skont it-tip ta’ prodotti tal-porċini u s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri kkonċernati, jixraq li jiġu previsti ċertu derogi għal kull tip ta’ prodott tal-porċini mit-territorji mniżżla fil-Partijiet differenti tal-Anness ta’ dan ir-Regolament. Dawn id-derogi huma wkoll konformi mal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-importazzjoni fejn jidħol id-deni Afrikan tal-ħnieżer li jindika l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. Il-miżuri addizzjonali ta’ salvagwardja u r-rekwiżiti tas-saħħa jew it-trattamenti applikabbli għal dawk id-derogi għandhom jiġu previsti wkoll f’din id-Deċiżjoni. |
(11) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (11) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/444/KEE (12) jistipulaw li ċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jakkumpanjaw il-movimenti tal-annimali. Meta d-derogi mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin minn żoni mniżżlin fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiġu applikati għal ħnieżer ħajjin maħsuba għall-kummerċ intra-Unjoni jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa għandu jkun fihom referenza għal din id-Deċiżjoni ħalli jkun żgurat li fiċ-ċertifikati rilevanti tingħata informazzjoni preċiża u adegwata dwar is-saħħa. |
(12) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 (13) jistipula li ċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jakkumpanjaw il-movimenti ta’ ċertu prodotti li ġejjin mill-annimali. Sabiex ikun evitat it-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’żoni oħra tal-Unjoni, meta Stat Membru jkun soġġett għal projbizzjoni tat-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu mil-laħam tal-majjal minn ċertu żoni tat-territorju tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti ċertu rekwiżiti, b’mod partikolari fejn tidħol iċ-ċertifikazzjoni, għat-tqassim ta’ dan il-laħam, il-preparazzjonijiet u l-prodotti tal-laħam minn żoni oħra tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru li mhumiex soġġetti għal din il-projbizzjoni u dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa għandu jkun fihom referenza għal din id-Deċiżjoni. |
(13) |
Barra minn hekk, sabiex ikun evitat it-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’żoni oħra tal-Unjoni u f’pajjiżi terzi, jixraq li jkun previst li t-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu mil-laħam tal-majjal minn Stati Membri b’żoni mniżżla fl-Anness, ikun soġġett għal ċertu kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dan il-laħam frisk tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam tal-majjal għandhom jiġu mmarkati b’marka apposta li ma tkunx tixbah lill-marka ta’ identifikazzjoni prevista fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u lill-marki sanitarji għal-laħam tal-majjal previsti fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). |
(14) |
Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom iqisu l-epidemjoloġija tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-kundizzjonijiet biex terġa’ tinkiseb il-qagħda ħielsa mid-deni Afrikan tal-ħnieżer skont il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, u għalhekk dan il-perjodu għandu jtul mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 2017. |
(15) |
Għaldaqstant id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/93/UE u 2014/134/UE għandhom jitħassru u jinbidlu b’din id-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni 2005/363/KE ġiet emendata bosta drabi. Għaldaqstant jixraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u tinbidel b’din id-Deċiżjoni. |
(16) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċertu miżuri ta’ kontroll relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew f’żoni tagħhom kif jistipula l-Anness (l-Istati Membri kkonċernati).
Id-Deċiżjoni għandha tapplika bla preġudizzju għall-pjanijiet tal-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn popolazzjonijiet tal-ħnieżer slavaġ fl-Istati Membri kkonċernati, li approvat il-Kummissjoni skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE.
Artikolu 2
Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin, semen, ova u embrijuni tal-porċini, laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih il-laħam tal-majjal kif ukoll konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini minn ċertu żoni mniżżla fl-Anness
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprojbixxu:
(a) |
it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni mniżżla fil-Parti II jew III tal-Anness; |
(b) |
it-tqassim ta’ konsenji ta’ semen, ova u embrijoni tal-porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness; |
(c) |
it-tqassim ta’ konsenji ta’ laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih il-laħam tal-majjal miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness; |
(d) |
it-tqassim ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness; |
Artikolu 3
Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni mniżżla fil-Parti II tal-Anness
B’deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 2, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin minn azjenda li tinsab f’waħda miż-żoni mniżżla fil-Parti II tal-Anness, lil żoni oħra fit-territorju tal-istess Stat Membru diment li l-ħnieżer ikunu ilhom residenti għal perjodu ta’ mill-anqas 30 jum jew minn twelidhom fl-azjenda u li f’dik l-azjenda ma jkun iddaħħal ebda ħanżir ħaj matul perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-moviment u
1. |
il-ħnieżer ikunu sarulhom testijiet fil-laboratorju għad-deni Afrikan tal-ħnieżer b’riżultati negattivi għal kampjuni li jittieħdu skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fil-pjan għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni matul perjodu ta’ 15-il jum qabel id-data tal-moviment, u jkun sarilhom eżami kliniku għad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn uffiċjal veterinarju skont il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/422/KE (16) fid-data tal-ġarr, jew |
2. |
il-ħnieżer ikunu ġejjin minn azjenda li:
|
Artikolu 4
Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih jew jikkonsisti mil-laħam tal-majjal minn żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness
B’deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (c) tal-Artikolu 2, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih jew jikkonsisti mil-laħam tal-majjal minn żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness diment li dawn ikunu:
(a) |
ġejjin minn ħnieżer li nżammu minn twelidhom fl-azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fl-Anness, u l-laħam tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam, ikunu ġew prodotti, maħżuna u pproċessati fi stabbilimenti approvati skont l-Artikolu 10; jew |
(b) |
ġew prodotti u pproċessati skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/99/KE. |
Artikolu 5
Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness
B’deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (d) tal-Artikolu 2, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ prodotti derivati kif jissemma fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li nkisbu minn prodotti sekondarji tal-annimali porċini miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness diment li dawn il-prodotti sekondarji jkun sarilhom trattament li jiżgura li l-prodott derivat ma joħloq ebda riskju tad-deni Afrikan tal-ħnieżer.
Artikolu 6
Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi
1. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda ħanżir ħaj ma għandu jintbagħat mit-territorji tagħhom lil Stati Membri oħra, ħlief meta dan il-ħanżir ikun ġej minn:
(a) |
żoni ’l barra minn dawk imniżżla fl-Anness; |
(b) |
azjenda li fiha ma jkun iddaħħal ebda ħanżir ħaj miż-żoni elenkati fl-Anness, matul perjodu ta’ mill-inqas 30 jum eżatt qabel id-data tat-tqassim. |
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ ħnieżer ħajjin minn azjenda li tinsab fiż-żoni mniżżla fil-Parti I tal-Anness diment li dawk il-ħnieżer ħajjin ikunu konformi mal-kundizzjonijiet li:
(a) |
ikunu ilhom residenti għal perjodu ta’ mill-anqas 40 jum jew minn twelidhom fl-azjenda u li f’dik l-azjenda ma jkun iddaħħal ebda ħanżir ħaj matul perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data tat-tqassim; |
(b) |
ikunu ġejjin minn azjenda li timplimenta r-rekwiżiti tal-bijosigurtà għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li tistabbilixxi l-awtorità kompetenti; |
(c) |
il-ħnieżer ikunu sarulhom testijiet fil-laboratorju għad-deni Afrikan tal-ħnieżer b’riżultati negattivi għal kampjuni li jittieħdu skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fil-pjan għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni matul perjodu ta’ 15-il jum qabel id-data tal-moviment, u jkun sarilhom eżami kliniku għad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn uffiċjal veterinarju skont il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE fid-data tal-ġarr; jew |
(d) |
ikunu ġejjin minn azjenda li mill-anqas darbtejn fis-sena, b’intervall ta’ mill-anqas 4 xhur, isirulha spezzjonijiet mill-awtorità veterinarja kompetenti, li:
|
3. Għal konsenji tal-ħnieżer ħajjin imsemmija f’dan l-Artikolu, għandu jiżdied dan il-kliem addizzjonali li ġej maċ-ċertifikati tas-saħħa korrispondenti msemmija:
(a) |
fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 64/432/KEE; jew |
(b) |
fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/444/KEE: “Ħnieżer konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/178/UE (*). |
Artikolu 7
Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ semen ova u embrijuni tal-porċini miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda konsenja ta’ dawn il-prodotti m’għandha tintbagħat mit-territorju tagħhom lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi:
(a) |
semen tal-porċini, sakemm is-semen ma jkunx ġej minn ħnieżer miżmuma f’ċentru tal-ġbir approvat kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE (18) u li jkun jinsab ’il barra miż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni; |
(b) |
ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi tal-porċini, sakemm l-ova u l-embrijuni ma jkunux ġejjin minn ħnieżer donaturi miżmuma f’azjendi konformi mal-Artikolu 6(2) u li jkunu jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness u li l-embrijuni jkunu konċeputi bis-semen skont il-punt (a). |
Artikolu 8
Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji minn annimali porċini miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi
1. L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li ebda konsenja ta’ prodotti sekondarji tal-annimali porċini ma tintbagħat mit-territorju tagħhom lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi, sakemm dawk il-prodotti sekondarji tal-annimali porċini ma jkunux ġejjin minn ħnieżer li joriġinaw u ġejjin minn azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ prodotti derivati li nkisbu minn prodotti sekondarji tal-annimali porċini li jkunu ġejjin minn ħnieżer miż-żoni mniżżla fil-Parti II u fil-Parti III tal-Anness lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi sakemm:
(a) |
dawk il-prodotti sekondarji jkun sarilhom trattament li jiżgura li l-prodott derivat miksub mill-annimali porċini ma joħloq ebda riskju tad-deni Afrikan tal-ħnieżer; |
(b) |
il-konsenji jkollhom magħhom dokument kummerċjali maħruġ kif jissemma fil-Kapitolu III tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (19). |
Artikolu 9
Il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal u ċertu preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal miż-żoni mniżżla fl-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi
1. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li ebda konsenja ta’ laħam frisk tal-majjal minn ħnieżer ta’ azjendi li jinsabu fiż-żoni mniżżla fl-Anness, u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu mil-laħam ta’ dawk il-ħnieżer m’għandha tintbagħat lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi, ħlief meta dan il-laħam tal-majjal ikun ġie prodott minn ħnieżer li joriġinaw u ġejjin minn azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti II jew III tal-Anness.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati b’żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam tal-majjal, lil Stati Membri oħra sakemm dawk il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal ikunu ġejjin minn ħnieżer li nżammu minn twelidhom f’azjendi li jinsabu ’l barra miż-żoni mniżżla fil-Parti III tal-Anness, u li l-laħam frisk tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal ikunu ġew prodotti, maħżuna u pproċessati fi stabbilimenti approvati skont l-Artikolu 10.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati b’żoni mniżżla fil-Parti II tal-Anness jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam tal-majjal, lil Stati Membri oħra sakemm dawk il-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal ikunu ġejjin minn ħnieżer konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2 tal-Artikolu 3.
Artikolu 10
L-approvazzjoni ta’ biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam għall-finijiet tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(2)
L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandha tapprova biss biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam għall-finijiet tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(2) fejn il-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar tal-laħam frisk tal-majjal u l-preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u l-prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn laħam tal-majjal eliġibbli għat-tqassim lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi skont id-derogi previsti fl-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(2), isiru b’mod separat mill-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ prodotti oħra li fihom jew jikkonsistu minn laħam frisk tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn laħam li ġej minn ħnieżer li joriġinaw jew ġejjin minn azjendi fiż-żoni mniżżla fl-Anness ħlief dawk approvati skont dan l-Artikolu.
Artikolu 11
Deroga mill-projbizzjoni tat-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal u ċertu preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal miż-żoni mniżżla fl-Anness
B’deroga mill-paragrafu 9, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam miż-żoni mniżżla fil-Parti II jew III tal-Anness, lil Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi sakemm dawk il-prodotti inkwistjoni:
(a) |
ġew prodotti u pproċessati f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/99/KE; |
(b) |
ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni veterinarja skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/99/KE; |
(c) |
ikollhom magħhom iċ-ċertifikat tas-saħħa xieraq tal-kummerċ intra-Unjoni kif jistabbilixxi r-Regolament (KE) Nru 599/2004 li l-Parti II tiegħu għandha titkompla kif ġej: “Prodotti f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/178/UE tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (**). |
Artikolu 12
Informazzjoni dwar l-Artikoli 9 sa 11
Kull sitt xhur mid-data ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, il-lista aġġornata tal-istabbilimenti approvati msemmija fl-Artikolu 10 u kull informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9, 10 u 11.
Artikolu 13
Miżuri relatati mal-ħnieżer slavaġ ħajjin, laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn laħam li ġej mill-ħnieżer slavaġ
1. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li:
(a) |
ebda ħanżir selvaġġ ħaj miż-żoni mniżżla fl-Anness m’għandu jintbagħat lil Stati Membri oħra jew f’żoni oħra tat-territorju tal-istess Stat Membru; |
(b) |
ebda konsenja ta’ laħam frisk tal-ħnieżer slavaġ, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn laħam bħal dan miż-żoni mniżżla fl-Anness m’għandha tintbagħat lil Stati Membri oħra jew f’żoni oħra tat-territorju tal-istess Stat Membru. |
2. B’deroga mill-paragrafu 1(b), l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jawtorizzaw it-tqassim ta’ konsenji ta’ laħam frisk tal-ħnieżer slavaġ, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn dan il-laħam miż-żoni mniżżla fil-Parti I tal-Anness lil żoni oħra fit-territorju tal-istess Stat Membru mhux imniżżla fl-Anness, sakemm il-ħnieżer slavaġ ikunu sarulhom testijiet b’riżultati negattivi għad-deni Afrikan tal-ħnieżer skont il-proċeduri dijanjostiċi stabbiliti fit-Taqsima C u fit-Taqsima D tal-Kapitolu VI tal-Anness tad-Deċiżjoni 2003/422/KE.
Artikolu 14
Marki sanitarji speċjali u rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għal laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam soġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 9 u 13
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam soġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 9 u 13 ikunu mmarkati b’marka sanitarja speċjali li ma tkunx ovali u li ma tkunx tixbah:
(a) |
lill-marka ta’ identifikazzjoni għall-preparazzjonijiet tal-laħam u għall-prodotti tal-laħam li fihom jew jikkonsistu minn laħam tal-majjal, stabbilita fit-Taqsima I tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004; |
(b) |
lill-marka sanitarja għal-laħam frisk tal-majjal, stabbilita fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004. |
Artikolu 15
Rekwiżiti li jikkonċernaw azjendi u vetturi tat-trasport fiż-żoni mniżżla fl-Anness
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li:
(a) |
fl-azjendi tal-ħnieżer li jinsabu fiż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiġu applikati l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2002/60/KE; |
(b) |
il-vetturi li jintużaw għat-trasport tal-ħnieżer jew tal-prodotti sekondarji tal-annimali porċini li ġejjin minn azjendi fiż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, ikunu tnaddfu u ġew diżinfettati minnufih wara kull vjaġġ u t-trasportatur jipprovdi evidenza li t-tindif u d-diżinfezzjoni jkunu saru. |
Artikolu 16
Rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati
Lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfuhom bir-riżultati tas-sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li tkun saret fiż-żoni mniżżla fl-Anness, kif stipulat fil-pjanijiet għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn popolazzjonijiet tal-ħnieżer slavaġ li approvat il-Kummissjoni skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE u li jissemmew fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 17
Konformità
L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex jikkonformawhom ma’ din id-Deċiżjoni u għandhom jagħtu pubbliċità xierqa u immedjata lill-miżuri adottati. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bihom.
Artikolu 18
Revoka
Jitħassru d-Deċiżjoni 2005/363/KE u d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/93/UE u 2014/134/UE.
Artikolu 19
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2017.
Artikolu 20
Id-destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/363/KE tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar miżuri ta’ protezzjoni ta’ saħħet l-annimali kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer f’Sardinja (ĠU L 118, 5.5.2005, p. 39).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/362/KE tat-2 ta’ Mejju 2005 li tapprova l-pjan għall-qerda tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer slavaġ f’Sardinja, l-Italja (ĠU L 118, 5.5.2005, p. 37).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/93/UE tal-14 ta’ Frar 2014 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Litwanja (ĠU L 46, 18.2.2014, p. 20).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/134/UE tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 63).
(9) The EFSA Journal 2010; 8(3):1556.
(10) Id-Direttiva 92/65/KEE tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux soġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).
(11) Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/444/KEE tat-2 ta’ Lulju 1993 dwar ir-regoli dettaljati li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terżi (ĠU L 208, 19.8.1993, p. 34).
(13) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ mudell armonizzat ta’ ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44).
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/422/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 approvazzjoni ta’ manwal għad-dijanjożi ta’ African swine fever (ĠU L 143, 11.6.2003, p. 35).
(17) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Ir-Regolament tal-prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62).
(19) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).
ANNESS
PARTI I
1. Il-Litwanja
Dawn iż-żoni tal-Litwanja:
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
2. Il-Polonja
Dawn iż-żoni tal-Polonja:
Fil-vojvodat ta’ Podlaskie:
— |
il-belt ta’ Suwałki; |
— |
il-belt ta’ Białystok; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Suwałki, Szypliszki u Raczki fid-distrett ta’ Suwalski; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Augustów bil-belt ta’ Augustów, Nowinka, Sztabin u Bargłów Kościelny fid-distrett ta’ Augustowski; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Krasnopol u Puńsk fid-distrett ta’ Sejneński; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Goniądz, Jasionówka, Jaświły, Knyszyn, Krypno u Mońki fid-distrett ta’ Moniecki; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Suchowola u Korycin fid-distrett ta’ Sokólski; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Choroszcz, Juchnowiec Kościelny, Suraż, Turośń Kościelna, Tykocin, Zabłudów u Dobrzyniewo Duże fid-distrett ta’ Białostocki; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Bielsk Podlaski bil-belt ta’ Bielsk Podlaski, Orla u Wyszki fid-distrett ta’ Bielski; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Narew, Narewka, Białowieża, Czyże, Dubicze Cerkiewne u Hajnówka bil-belt ta’ Hajnówka fid-distrett ta’ Hajnowski. |
PARTI II
1. Il-Litwanja
Dawn iż-żoni tal-Litwanja:
|
|
||||
|
|
2. Il-Polonja
Dawn iż-żoni tal-Polonja:
Fil-vojvodat ta’ Podlaskie:
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Giby u Sejny bil-belt ta’ Sejny fid-distrett ta’ Sejneński; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Lipsk u Płaska fid-distrett ta’ Augustowski; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Czarna Białostocka, Gródek, Supraśl, Wasilków u Michałowo fid-distrett ta’ Białostocki; |
— |
il-muniċipalitajiet ta’ Dąbrowa Białostocka, Janów, Krynki, Kuźnica, Nowy Dwór, Sidra, Sokółka u Szudziałowo fid-distrett ta’ Sokólski. |
PARTI III
L-Italja
Dawn iż-żoni tal-Italja:
Iż-żoni kollha ta’ Sardinja.