Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H1224(02)

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali

    ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    24.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 378/8


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-27 ta’ Novembru 2013

    dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali

    2013/C 378/02

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati kollha li mhumiex kapaċi jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedimenti kriminali minħabba l-età, il-kundizzjoni mentali jew fiżika tagħhom jew diżabbiltajiet (“persuni vulnerabbli”).

    (2)

    Billi tistabbilixxi regoli minimi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati, din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra u tista’ b’hekk tgħin fit-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali.

    (3)

    Il-programm ta’ Stokkolma (1) jpoġġi enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi fi proċedimenti kriminali. Fil-punt 2.4 tiegħu, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jistipulaw approċċ pass pass (2) għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati.

    (4)

    Ġew adottati tliet miżuri s’issa, jiġifieri d-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (5)

    Ir-referenzi f'din ir-Rakkomandazzjoni għall-persuni suspettati jew akkużati li huma miċħuda mil-libertà, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal kull sitwazzjoni fejn, matul il-proċedimenti kriminali, il-persuni suspettati jew akkużati huma miċħuda mil-libertà tagħhom skont l-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB, kif interpretat mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (6)

    Huwa essenzjali li l-vulnerabbiltà ta’ persuna suspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali tiġi identifikata u rikonoxxuta minnufih. Għal dan l-iskop, għandha ssir valutazzjoni inizjali mill-uffiċjali tal-pulizija, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll ikunu kapaċi jitolbu espert indipendenti biex jeżamina l-livell ta’ vulnerabbiltà, il-ħtiġijiet tal-persuna vulnerabbli u l-adegwatezza ta’ kull miżura meħuda jew maħsuba kontra l-persuna vulnerabbli.

    (7)

    Il-persuni suspettati jew akkużati jew l-avukat tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jikkontestaw, f’konformità mal-liġi nazzjonali, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà potenzjali tagħhom fi proċedimenti kriminali, b’mod partikolari jekk din tista’ timpedixxi jew tirrestrinġi b'mod sinifikanti l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Dan id-dritt ma jinvolvix l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell speċifika, mekkaniżmu separat, jew proċedura ta’ ilment li permezz tagħhom dan in-nuqqas jew dan ir-rifjut jista’ jiġi kkontestat.

    (8)

    It-terminu “rappreżentant legali” tfisser persuna li tirrappreżenta l-interessi u tgħasses l-affarijiet legali ta’ persuna vulnerabbli. Eżempju ta’ dan, b'mod partikolari, huwa l-gwardjan ta’ persuna vulnerabbli maħtur mill-qorti.

    (9)

    It-terminu “adult xieraq” tfisser xi qarib jew persuna b’relazzjoni soċjali mal-persuna vulnerabbli li tista' tinteraġixxi mal-awtoritajiet u tippermetti lill-persuna vulnerabbli teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha.

    (10)

    Il-persuni vulnerabbli jeħtieġu assistenza u appoġġ xierqa matul il-proċedimenti kriminali. Għal dan, ir-rappreżentant legali ta’ persuna vulnerabbli suspettata jew akkużata jew adult xieraq għandu jkun infurmat mill-aktar fis possibbli bil-proċedimenti kriminali kontrih, bin-natura tal-akkuża, id-drittijiet proċedurali u r-rimedji disponibbli. Ir-rappreżentant legali jew adult xieraq għandhom jiġu infurmati mill-aktar fis possibbli biċ-ċaħda tal-libertà u għandhom jiġu infurmati bir-raġunijiet għaliha, sakemm dan ma jmurx kontra l-aħjar interessi tal-persuna.

    (11)

    Il-persuni li huma rikonoxxuti bħala partikolarment vulnerabbli ma jistgħux isegwu u jifhmu l-proċediementi kriminali. Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom għal proċess ġust ikunu żgurati, dawn ma għandhomx ikunu jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal avukat.

    (12)

    Sabiex tiġi żgurata l-integrità personali ta’ persuna vulnerabbli li tkun miċħuda mil-libertà, il-persuni vulnerabbli għandu jkollhom aċċess għal eżami mediku li jivvaluta l-kundizzjoni ġenerali u l-kompatibbiltà tal-miżuri possibbli meħuda kontriehom mal-kundizzjoni tagħhom.

    (13)

    Il-persuni vulnerabbli mhux dejjem huma kapaċi jifhmu l-kontenut tal-intervista tal-pulizija li jkunu soġġett għaliha. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe kontestazzjoni tal-kontenut ta’ intervista u b’hekk ripetizzjoni bla bżonn ta’ interrogazzjoni, għandha ssir reġistrazzjoni awdjoviżiva ta' dawn l-intervisti.

    (14)

    Skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ, l-istat tal-vulnerabbiltà ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għall-persuna suspettata jew akkużata li jkollha aċċess għall-evidenza materjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kawża kriminali inkwistjoni waqt l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tagħha u fid-dawl tad-dritt għal rimedji effettivi.

    (15)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għall-persuni vulnerabbli li huma soġġetti għal proċedura ta’ konsenja skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (6) (proċedimenti dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew). L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom japplikaw id-drittijiet proċedurali speċifiċi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għall-proċedimenti dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

    (16)

    Ir-referenzi f’din ir-Rakkomandazzjoni għal miżuri xierqa biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-persuni b’diżabbiltà għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-għanijiet definiti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha.

    (17)

    Sabiex jiġi żgurat li l-professjonisti f’kuntatt mal-persuni vulnerabbli jkunu konxji tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-persuni, dawn għandhom jirċievu taħriġ xieraq.

    (18)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tippromwovi d-dritt għal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.

    (19)

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar is-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fi żmien (36 xahar) min-notifika tagħha. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tivvaluta l-miżuri meħuda mill-Istati Membri,

    TIRRAKKOMANDA:

    TAQSIMA 1

    SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    1.

    Din ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri biex isaħħu ċerti drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati vulnerabbli fi proċedimenti kriminali u tal-persuni vulnerabbli li huma soġġetti għal proċedimenti dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

    2.

    Id-drittijiet proċedurali speċifiċi tal-persuni vulnerabbli għandhom japplikaw miż-żmien minn meta jkunu suspettati li wettqu reat. Dawn id-drittijiet għandhom japplikaw sal-konklużjoni tal-proċedimenti.

    3.

    Il-persuni vulnerabbli għandhom jiġu assoċjati f’konformità mal-aħjar interessi tagħhom mal-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali filwaqt li titqies il-kapaċità tagħhom li jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedimenti.

    TAQSIMA 2

    IDENTIFIKAZZJONI TAL-PERSUNI VULNERABBLI

    4.

    Il-persuni vulnerabbli għandhom jiġu identifikati u rikonoxxuti bħala tali minnufih. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti kollha jistgħu jirrikorru għal eżami mediku minn espert indipendenti biex jidentifika l-persuni vulnerabbli, u biex jiġi determinat il-grad tal-vulnerabbiltà u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Dan l-espert jista’ jagħti opinjoni raġunata dwar l-adegwatezza tal-miżuri meħuda jew maħsuba kontra l-persuna vulnerabbli.

    TAQSIMA 3

    DRITTIJIET TAL-PERSUNI VULNERABBLI

    In-nondiskriminazzjoni

    5.

    Il-persuni vulnerabbli ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ebda diskriminazzjoni skont il-liġi nazzjonali fl-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali msemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    6.

    Id-drittijiet proċedurali mogħtija lill-persuni vulnerabbli għandhom jiġu rispettati matul il-proċedimenti kriminali filwaqt li jitqiesu n-natura u l-grad tal-vulnerabbiltà tagħhom.

    Il-preżunzjoni tal-vulnerabbiltà

    7.

    L-Istati Membri għandhom jipprevedu preżunzjoni tal-vulnerabbiltà b’mod partikolari għall-persuni b’diżabbiltajiet psikoloġiċi, intellettwali, fiżiċi jew sensorjali serji, jew mard mentali jew disturbi konjittivi, li jfixkluhom biex jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedimenti.

    Id-dritt għall-informazzjoni

    8.

    Il-persuni b’diżabbiltà għandhom jirċievu, fuq talba, informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom f’format aċċessibbli għalihom.

    9.

    Il-persuni vulnerabbli u, jekk meħtieġ, ir-rappreżentant legali tagħhom jew adult xieraq għandhom ikunu infurmati dwar id-drittijiet proċedurali speċifiċi msemmija f'din ir-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari dawk dwar id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt għal għajnuna medika, id-dritt għal avukat, ir-rispett tal-privatezza u, fejn xieraq, id-drittijiet relatati mal-arrest preventiv.

    10.

    Ir-rappreżentant legali jew adult xieraq li jiġi nnominat mill-persuna vulnerabbli jew mill-awtoritajiet kompetenti biex jgħinu lil din il-persuna għandhom ikunu preżenti fl-għassa tal-pulizija u matul is-smigħ fil-qorti.

    Id-dritt ta’ aċċess għal avukat

    11.

    Jekk persuna vulnerabbli ma tistax tifhem u ssegwi l-proċedimenti, id-dritt ta’ aċċess għal avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE ma għandux jiġi rrinunzjat.

    Id-dritt għal għajnuna medika

    12.

    Il-persuni vulnerabbli għandu jkollhom aċċess għal għajnuna medika sistematika u regolari matul il-proċedimenti kriminali jekk ikunu mċaħħdin mil-libertà.

    Ir-reġistrazzjoni tal-interrogazzjoni

    13.

    Għandha ssir reġistrazzjoni awdjoviżiva ta' kull interrogazzjoni ta’ persuni vulnerabbli matul il-fażi ta' investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

    Iċ-ċaħda tal-libertà

    14.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha biex jiżguraw li ċ-ċaħda tal-libertà tal-persuni vulnerabbli qabel il-kundanna tagħhom tkun miżura aħħarija, proporzjonata u li sseħħ taħt kundizzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet tal-persuna vulnerabbli. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi żgurat li l-persuni vulnerabbli jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni raġonevoli filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tagħhom meta jkunu mċaħħdin mil-libertà.

    Il-privatezza

    15.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu l-privatezza, l-integrità personali u d-dejta personali tal-persuni vulnerabbli, inkluża d-dejta medika, matul il-proċedimenti kriminali.

    Il-proċedimenti dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew

    16.

    L-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li persuna vulnerabbli li hija soġġetta għal proċedimenti dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew ikollha d-drittijiet proċedurali speċifiċi msemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni mal-arrest.

    It-Taħriġ

    17.

    L-uffiċjali tal-pulizija, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji kompetenti fi proċedimenti kriminali mwettqa kontra persuni vulnerabbli għandhom jirċievu taħriġ speċifiku.

    TAQSIMA 4

    MONITORAĠĠ

    18.

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex tkun implimentata din ir-Rakkomandazzjoni, sa (36 xahar wara n-notifika).

    TAQSIMA 5

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    19.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Viċi President


    (1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

    (2)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

    (3)  Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

    (6)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).


    Top